Language of document : ECLI:EU:C:2014:2303

OPINJONI 1/13 TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

14 ta’ Ottubru 2014

“Opinjoni mogħtija skont l-Artikolu 218(11) TFUE — Konvenzjoni dwar l-aspetti ċivili tal-ħtif internazzjonali ta’ minuri — Adeżjoni ta’ Stati terzi — Regolament (KE) Nru 2201/2003 — Kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni Ewropea — Riskju li jiġu ppreġudikati l-applikazzjoni uniformi u koerenti tar-regoli tal-Unjoni u l-funzjonament tajjeb tas-sistema stabbilita minnhom”

Fil-proċedura għal opinjoni 1/13,

li għandha bħala suġġett talba għal opinjoni mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 218(11) TFUE, ippreżentata fil-21 ta’ Ġunju 2013 mill-Kummissjoni Ewropea,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi President, A. Tizzano, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič u J.‑C. Bonichot, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, J. Malenovský (Relatur), A. Arabadjiev, M. Safjan, D. Šváby, M. Berger u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: M.‑A. Gaudissart, Kap ta’ Unità,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ April 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Castillo de la Torre u A.‑M. Rouchaud-Joët, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet, J.‑C. Halleux u T. Materne, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u E. Ruffer, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Daniż, minn C. Thorning, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Estonjan, minn K. Kraavi-Käerdi, bħala aġent,

–        għall-Gvern Irlandiż, minn T. Joyce u E. McPhillips, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Elleniku, minn T. Papadopoulou, bħala aġent,

–        għall-Gvern Spanjol, minn M. Sampol Pucurull u N. Díaz Abad, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn E. Belliard, N. Rouam, G. de Bergues u D. Colas, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Fiorilli u P. Garofoli, avvocati dello Stato,

–        għall-Gvern Ċiprijott, minn I. Neophytou u D. Kalli, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Latvjan, minn I. Kalniņš u D. Pelše, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Litwan, minn K. Dieninis u A. Svinkūnaitè, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Arciszewski, B. Majczyna u A. Miłkowska, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Fernandes u S. Nunes de Almeida, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Rumen, minn R.‑H. Radu, A.‑G. Vacaru u A. Voicu, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová, bħala aġent,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski, bħala aġent,

–        għall-Gvern Svediż, minn A. Falk u U. Persson, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn M. Holt, bħala aġent, assistit minn J. Holmes u R. Palmer, barristers,

–        għall-Parlament Ewropew, minn A. Caiola u A. Pospíšilová Padowska, bħala aġenti,

–        għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn J. Monteiro u A. De Elera, bħala aġenti,

wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Opinjoni

1.      Id-domanda ppreżentata għall-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja mill-Kummissjoni Ewropea hija fformulata hekk:

“L-aċċettazzjoni tal-adeżjoni ta’ pajjiż terz mal-[Konvenzjoni dwar l-aspetti ċivili tal-ħtif internazzjonali ta’ minuri, konkluża f’Den Haag fil-25 ta’ Ottubru 1980 (iktar ’il quddiem il-‘Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980’)], taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Unjoni [Ewropea]?”

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

2.      L-Istati Membri kollha huma Partijiet Kontraenti tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980. L-Unjoni ma hijiex Parti Kontraenti f’din il-konvenzjoni.

3.      Skont l-Artikolu 1 ta’ din il-konvenzjoni:

“L-għan ta’ din il-Konvenzjoni huwa:

a)      li jiġi żgurat ir-ritorn immedjat ta’ minuri mneħħija jew miżmuma b’mod illeċitu f’kull Stat Kontraenti;

b)      li d-drittijiet ta’ kustodja u ta’ aċċess eżistenti fi Stat kontraenti jkunu effettivament irrispettati fl-Istati Kontraenti l-oħra.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4.      L-Artikolu 3 tal-imsemmija konvenzjoni jipprovdi:

“It-tneħħija jew iż-żamma ta’ minuri għandhom jitqiesu li huma illeċiti meta:

a)      iseħħu bi ksur ta’ dritt ta’ kustodja, vestit f’persuna, istituzzjoni jew organu ieħor, esklużivament jew b’mod konġunt, mid-dritt tal-Istat fejn il-minuri kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma tiegħu;

b)      dan id-dritt kien eżerċitat effettivament b’mod esklużiv jew konġunt, fil-mument tat-tneħħija jew taż-żamma, jew kien ikun hekk eżerċitat li kieku ma seħħewx dawn l-avvenimenti.

[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5.      Il-Kapitolu II tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 jikkonċerna l-awtoritajiet ċentrali. Skont l-Artikolu 6 tagħha, li jinsab f’dan il-Kapitolu II, kull Stat Kontraenti ta’ din il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem l-“Istat Kontraenti”) għandu jinnomina awtorità ċentrali li l-inkarigu tagħha jkun li tissodisfa l-obbligi tal-Istat taħt din il-konvenzjoni. Skont l-Artikolu 7 tagħha, l-awtoritajiet ċentrali huma meħtieġa jikkooperaw ma’ xulxin u għandhom jippromwovu kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati rispettivi tagħhom. B’mod partikolari, l-awtoritajiet ċentrali għandhom jieħdu l-miżuri kollha adegwati sabiex jinstab il-minuri mneħħi jew miżmum b’mod illeċitu fi Stat li ma jkunx l-Istat tar-residenza abitwali tiegħu (iktar ’il quddiem il-“minuri mneħħi b’mod illeċitu”) u sabiex jiżguraw ir-ritorn volontarju ta’ dan il-minuri jew jiffaċilitaw soluzzjoni bonarja. L-imsemmija awtoritajiet ċentrali għandhom ukoll jieħdu jew jitolbu li jittieħdu miżuri provviżorji sabiex jiġu evitati perikoli ġodda għal tali minuri. Huma għandhom jiftħu jew jiffavorixxu l-ftuħ ta’ proċedura ġudizzjarja jew amministrattiva sabiex jinkiseb ir-ritorn tal-imsemmi minuri u, jekk ikun il-każ, sabiex ikun jista’ jiġi organizzat jew eżerċitat effettivament id-dritt ta’ aċċess, jiġifieri d-dritt li l-minuri jittieħed, għal perijodu limitat, f’post li ma jkunx dak tar-residenza abitwali tiegħu (iktar ’il quddiem id-“dritt ta’ aċċess”). Meta jkun meħtieġ, l-awtoritajiet ċentrali għandhom jiżguraw, mill-aspett amministrattiv, ir-ritorn mingħajr perikolu tal-minuri.

6.      Il-Kapitolu III tal-imsemmija konvenzjoni, intitolat “Ritorn tal-minuri”, jinkludi l-Artikoli 8 sa 20.

7.      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-istess konvenzjoni jipprovdi:

“Il-persuna, l-istituzzjoni jew l-organu li jallegaw li minuri tneħħa jew inżamm bi ksur ta’ dritt ta’ kustodja jistgħu jitolbu jew lill-awtorità ċentrali tar-residenza abitwali tal-minuri jew lil dik ta’ kull Stat Kontraenti ieħor sabiex dawn l-awtoritajiet jagħtuhom l-assistenza tagħhom bil-għan li jiġi żgurat ir-ritorn tal-minuri.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8.      L-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 huwa fformulat hekk:

“Meta minuri jkun tneħħa jew inżamm b’mod illeċitu fis-sens tal-Artikolu 3 u meta jkun għadda perijodu ta’ inqas minn sena mit-tneħħija jew miż-żamma sal-mument li titressaq talba quddiem l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tal-Istat Kontraenti fejn ikun jinsab il-minuri, l-awtorità li quddiemha titressaq din it-talba għandha tordna r-ritorn immedjat tiegħu.

L-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, anki jekk it-talba quddiemha titressaq wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ sena previst fil-paragrafu preċedenti, għandha wkoll tordna r-ritorn tal-minuri, sakemm ma jiġix stabbilit li l-minuri integra ruħu fl-ambjent il-ġdid tiegħu.

Meta l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tal-Istat rikjest ikollha raġunijiet għal xiex temmen li l-minuri ttieħed fi Stat ieħor, hija tista’ tissospendi l-proċedura jew tiċħad it-talba għar-ritorn tal-minuri.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9.      L-Artikolu 13 tal-imsemmija konvenzjoni jipprovdi:

“Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-artikolu preċedenti, l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tal-Istat rikjest ma tkunx obbligata tordna r-ritorn tal-minuri meta l-persuna, l-istituzzjoni jew l-organu li jkunu qegħdin jopponu għar-ritorn tiegħu jistabbilixxu:

a)      li l-persuna, l-istituzzjoni jew l-organu li kellhom il-kura tal-persuna tal-minuri ma eżerċitawx effettivament id-dritt ta’ kustodja fiż-żmien meta l-minuri tneħħa jew inżamm, jew kienu taw il-kunsens tagħhom għal jew kienu sussegwentement baqgħu siekta fir-rigward ta’ din it-tneħħija jew ta’ din iż-żamma; jew

b)      li hemm riskju gravi li r-ritorn tal-minuri ser jesponih għal perikolu fiżiku jew psikoloġiku, jew inkella ser iqiegħed lill-minuri f’sitwazzjoni intollerabbli.

L-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tista’ wkoll tirrifjuta li tordna r-ritorn tal-minuri jekk tikkonstata li dan joġġezzjona għar-ritorn tiegħu u jekk dan ikun laħaq età u livell ta’ maturità tali li jkun xieraq li din l-opinjoni tittieħed inkunsiderazzjoni.

Fl-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi msemmija f’dan l-artikolu, l-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni mogħtija mill-awtorità ċentrali jew minn kull awtorità kompetenti oħra tal-Istat ta’ residenza abitwali tal-minuri dwar is-sitwazzjoni soċjali tiegħu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10.    Skont l-Artikolu 16 tal-istess konvenzjoni:

“Wara li jkunu ġew informati dwar it-tneħħija illeċita ta’ minuri jew dwar iż-żamma tiegħu fis-sens tal-Artikolu 3, l-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi tal-Istat Kontraenti fejn ikun ittieħed jew inżamm il-minuri ma għandhomx jiddeċiedu fil-mertu dwar id-dritt ta’ kustodja qabel ma jiġi stabbilit li l-kundizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni għar-ritorn tal-minuri ma humiex issodisfatti, jew qabel ma jkun għadda perijodu raġonevoli mingħajr ma tkun tressqet talba skont din il-Konvenzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11.    Il-Kapitolu IV tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, intitolat “Dritt ta’ aċċess”, jinkludi l-Artikolu 21. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 jipprovdi:

“Talba intiża għall-organizzazzjoni jew għall-protezzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ dritt ta’ aċċess tista’ titressaq quddiem l-awtorità ċentrali ta’ Stat Kontraenti skont l-istess modalitajiet bħal talba intiża għar-ritorn tal-minuri.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12.    Il-Kapitolu V tal-imsemmija konvenzjoni, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, jinkludi l-Artikoli 22 sa 36 li jispeċifikaw, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet proċedurali komuni dwar ir-ritorn ta’ minuri mneħħija b’mod illeċitu u dwar il-garanziji għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess.

13.    L-Artikolu 38, li jinsab fil-Kapitolu VI tal-istess konvenzjoni, intitolat “Klawżoli finali”, jipprovdi:

“Kull Stat ieħor jista’ jaderixxi għall-Konvenzjoni.

L-istrument ta’ adeżjoni għandu jiġi ppreżentat fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

Il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ, għall-Istat aderenti, fl-ewwel jum tat-tielet xahar tal-kalendarju wara l-preżentata tal-istrument ta’ adeżjoni tiegħu.

L-adeżjoni jkollha effett biss fir-relazzjonijiet bejn l-Istat aderenti u l-Istati Kontraenti li jiddikjaraw li aċċettaw din l-adeżjoni. Tali dikjarazzjoni għandha ssir ukoll minn kull Stat Membru li jirratifika, jaċċetta jew japprova l-Konvenzjoni sussegwentement għall-adeżjoni. Din id-dikjarazzjoni għandha tiġi ppreżentata fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi; dan il-Ministeru għandu jibgħat, permezz ta’ mezzi diplomatiċi, kopja awtentikata lil kull Stat Kontraenti.

Il-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ bejn l-Istat aderenti u l-Istat li jiddikjara li jaċċetta din l-adeżjoni fl-ewwel jum tat-tielet xahar tal-kalendarju wara l-preżentata tad-dikjarazzjoni ta’ aċċettazzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Id-dritt tal-Unjoni

14.    Skont il-premessa 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243):

“F’każijiet ta’ tneħħija jew żamma nġusta [illeċita] ta’ minuri, ir-ritorn ta’ l-minuri għandu jinkiseb mingħajr dewmien, u għal dan il-għan għandha tkompli tapplika [il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980] kif kumplementata mid-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, u partikolarrment l-Artikolu 11. [...]”

15.    L-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.      Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar minuri li huma abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet il-pussess [adita].

2.      Il-Paragrafu 1 għandu jkun bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 9, 10 u 12.”

16.    L-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament jirregola l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istati Membri fil-każ ta’ ħtif ta’ minuri. Dan l-artikolu jipprovdi li, fil-każ ta’ tneħħija jew ta’ żamma illeċita ta’ minuri, il-qrati tal-Istat Membru fejn il-minuri kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma illeċiti tiegħu għandhom iżommu l-ġurisdizzjoni tagħhom sal-mument li fih il-minuri jikseb residenza abitwali fi Stat Membru ieħor, filwaqt li jkunu osservati l-kundizzjonijiet supplimentari elenkati fil-punti (a) u (b) tiegħu.

17.    L-Artikolu 11 tal-istess regolament huwa fformulat hekk:

“1.      Fejn persuna, istituzzjoni jew xi korp ieħor li għandhom id-drittijiet ta’ kustodja japplika ma’ l-awtoritajiet kompetenti fi Stat Membru biex joħroġu sentenza dwar [fuq] il-bażi [tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980], ħalli tikseb ir-ritorn ta’ l-minuri li ġew inġustament [b’mod illeċitu] imneħħija jew miżmuma fi Stat Membru barra dak li huwa l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta [illeċita], għandhom japplikaw paragrafi 2 sa 8.

2.      Meta jiġu applikati l-Artikoli 12 u 13 [tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980], għandu jiġi assigurat li l-minuri għandhom jiġu mogħtija l-opportunità li tinstema’ x-xhieda tagħhom waqt il-proċedimenti sakemm dan ma jidhirx li dan ma jkunx xieraq minħabba l-età ta’ l-minuri jew il-livell ta’ maturità tagħhom.

3.      Qorti li fiha hemm applikazzjoni għar-ritorn ta’ l-minuri kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandha taġixxi bil-ħeffa fil-proċedimenti dwar l-applikazzjoni, billi tuża l-aktar proċedimenti ħfief fix-xogħol li huma disponibbli fil-liġi nazzjonali.

Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu, il-qorti għandha, ħlief fejn ċirkustanzi eċċezzjonali jagħmlu dan impossibli, taqta’ is-sentenza tagħha sa mhux aktar tard minn sitt gimgħat wara li l-applikazzjoni tkun ġiet irreġistrata.

4.      Qorti ma tistax tirrifjuta milli tirritorna minuri a bażi ta’ l-Artikolu 13b [tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980] jekk jiġi stabbilit li saru l-arranġamenti xierqa sabiex jiżguraw il-protezzjoni ta’ l-minuri wara r-ritorn tiegħu jew tagħha.

5.      Qorti ma tistax tirrifjuta milli tirritorna minuri sakemm il-persuna li talbet ir-ritorn ta’ l-minuri tkun ingħatat l-opportunità li tinstema’.

6.      Jekk qorti ħarġet ordni kontra r-ritorn skond l-Artikolu 13 [tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980], il qorti għandha immedjatament titrasmetti jew direttament jew mill-awtorità ċentrali tagħha,, kopja ta’ l-ordni ta’ l-qorti [...] sabiex ma jsirx ir-ritorn u d-dokumenti rilevanti, u partikolarment traskrizzjoni tas-seduti quddiem il-qorti, lill-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni jew lill-awtorità ċentrali fl-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta [illeċita], kif determinati mil-liġi nazzjonali. Il-Qorti għandha tirċievi d-dokumenti kollha msemmija fi żmien xahar mid-data ta’ l-ordni sabiex ma jsirx ir-ritorn.

7.      Kemm-il darba il-qrati fl-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta [illeċita] ġew diġa fil-pussess ta’ wieħed mill-partijiet, il-qorti jew l-awtorità ċentrali li tirċievi l-informazzjoni imsemmija fil-paragrafu 6 għandha tinnotifika lill-partijiet u tistedinhom jagħmlu s-sottomissjonijiet lill-qorti, skond il-liġi nazzjonali, fi żmien tlett xhur tad-data ta’ notifika ħalli l-qorti tkun tista’ teżamina l-kwistjoni ta’ l-kustodja ta’ l-minuri.

Mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni li jinstabu f’dan ir-Regolament, il-qorti għandha tagħlaq il-każ jekk ebda sottomissjoni ma tiġi reġistrata mill-qorti fiż-żmien limitu.

8.      Minkejja sentenza biex ma jsirx ir-ritorn skond l-Artikolu 13 [tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980], kwalunkwe sentenza li tiġi wara li tirrekjedi r-ritorn ta’ l-minuri maħruġa minn qorti li għandha l-ġurisdizzjoni taħt dan ir-Regolament għandha tkun infurzabbli skond it-Taqsima 4 ta’ l-Kapitolu III li tinstab aktar l-isfel ħalli jiġi tassigurat ir-ritorn ta’ l-minuri.”

18.    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 2201/2003:

“Id-drittijiet ta’ aċċess [...] mogħtija f’sentenza nfurzabbli li tkun ingħatat fi Stat Membru għandhom jiġu rikonoxxuti u jkunu nfurzabbli fi Stat Membru ieħor mingħajr il-bżonn ta’ dikjarazzjoni ta’ l-infurzabilità u mingħajr ebda possibilità li ssir opposizzjoni għar-rikonoxximent tagħhom jekk is-sentenza tkun ġiet iċcertifikata fl-Istat Membru ta’ l-oriġini [...]”

19.    L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 42(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Ir-ritorn ta’ l-minuri [skont l-Artikolu 11(8) tar-Regolament Nru 2201/2003] bħala konsegwenza ta’ sentenza ta’ l-infurzar mogħtija fi Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta u nfurzabbli fi Stat Membru ieħor mingħajr il-bżonn ta’ dikjarazzjoni ta’ l-infurzabilità u mingħajr ebda possibilità li topponi r-rikonoxximent tagħha jekk is-sentenza ġiet iċċertifikata fl-Istat Membru ta’ l-oriġini [...]”

20.    Il-Kapitolu IV tal-imsemmi regolament, intitolat “Il-koperazzjoni bejn awtoritajiet ċentrali f’kwistjonijiet tar-responsabiltà ta’ l-ġenituri”, jinkludi l-Artikoli 53 sa 58 ta’ dan ir-regolament.

21.    Skont l-Artikolu 55 tal-istess regolament, l-awtoritajiet ċentrali għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha sabiex, b’mod partikolari, jipprovdu informazzjoni u assistenza lill-persuni li fihom tkun vestita r-responsabbiltà tal-ġenituri u li jkunu qegħdin jitolbu r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjoni fit-territorju tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess u tar-ritorn tal-minuri.

22.    L-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprovdi:

“1.      Kull min għandu r-responsabbilità tal-ġenituri jista’ jissottometti, lill-awtorità ċentrali ta’ l-Istat Membru tar-residenza abitwali tiegħu jew tagħha [jew lill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru fejn il-minuri jkollu r-residenza abitwali tiegħu], talba għall-għajnuna kif imsemmija fl-Artikolu 55. Ġeneralment, it-talba għandha tinkludi kull informazzjoni disponibbli li tkun rilevanti għall-infurzar tagħha. Fejn it-talba għall-għajnuna tkun dwar ir-rikonoxximent jew l-infurzar ta’ sentenza dwar ir-responsabbilità tal-ġenituri li jaqaw taħt il-kompetenza ta’ dan ir-Regolament, min għandu r-responsabbilità tal-ġenituri għandu jehmeż iċ-ċertifikati relevanti msemmija fl-Artikoli 39, 41(1) or 42(1).

2.      L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw mal-Kummissjoni fl-ilsien uffiċjali jew fl-ilsna ta’ l-istituzzjonijiet tal-[Unjoni] barra dak li huwa tagħhom u li fihom jistgħu jiġu aċċettati il-komunikazzjonijiet ma’ l-awtoritajiet ċentrali.

3.      L-għajnuna provduta mill-awtoritajiet ċentrali skond l-Artikolu 55 għandha tkun mingħajr ħlas.

4.      Kull awtorità ċentrali għandha tbati l-ispejjeż tagħha.”

23.    Skont l-Artikolu 60 tal-imsemmi regolament:

“Fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, dan ir-Regolament għandu jieħu preċedenza fuq il-konvenzjonijiet li ġejjin dement li jkunu jikkonċernaw kwistjonijiet li huma rregolati minn dan ir-Regolament:

[...]

e)      [il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980].”

24.    L-Artikolu 62 tal-istess regolament jipprovdi:

“1.      Il-ftehim u l-konvenzjonijiet imsemmija fl-Artikoli [...] 60 u 61 għandhom ikomplu jkunu effettivi fir-rigward ta’ kwistjonijiet li m'humiex irregolati minn dan ir-Regolament.

2.      Il-Konvenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 60, u partikolarment il-[Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980], ikomplu jipproduċu l-effetti bejn l-Istati Membri li huma parti fihom, skond l-Artikolu 60.”

 Il-kuntest tat-talba għal opinjoni

25.    Fi ġranet differenti, ir-Repubblika tal-Armenja, ir-Repubblika tal-Albanija, ir-Repubblika tas-Seychelles, ir-Renju tal-Marokk, ir-Repubblika ta’ Singapor, ir-Repubblika Gaboniża, il-Prinċipat ta’ Andorra u l-Federazzjoni Russa ppreżentaw, suċċessivament, istrumenti ta’ adeżjoni għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980.

26.    Peress li kkunsidrat li l-qasam tal-ħtif internazzjonali ta’ minuri jaqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, il-Kummissjoni adottat, fil-21 ta’ Diċembru 2011, tmien proposti ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar id-dikjarazzjonijiet ta’ aċċettazzjoni mill-Istati Membri, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, tal-adeżjoni ta’ dawn it-tmien Stati terzi għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980.

27.    Fi ħdan il-Kunsill, il-parti l-kbira tar-rappreżentanti tal-Istati Membri qiesu li ma kienx hemm obbligu legali għall-Kunsill li jadotta dawn il-proposti peress li l-Unjoni ma għandhiex kompetenza esklużiva fil-qasam ikkonċernat. Għaldaqstant, il-Kunsill ma adottax l-imsemmija proposti.

28.    Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kummissjoni qieset li jkun xieraq li tressaq din it-talba għal opinjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 218(11) TFUE.

 Fuq l-ammissibbiltà

 Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

29.    Il-Gvern Ċek, il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Estonjan, il-Gvern Elleniku, il-Gvern Franċiż, il-Gvern Ċiprijott, il-Gvern Latvjan, il-Gvern Litwan, il-Gvern Awstrijak, il-Gvern Pollakk, il-Gvern Rumen u l-Kunsill jikkunsidraw li t-talba għal opinjoni hija inammissibbli peress li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet li fihom istituzzjoni tal-Unjoni tista’ tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 218(11) TFUE.

30.    Fl-ewwel lok, din it-talba ma tikkonċernax il-konklużjoni ta’ “ftehim” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni peress li s-suġġett tagħha huwa l-preżentata ta’ dikjarazzjonijiet ta’ aċċettazzjoni ta’ adeżjoni taħt ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjonijiet ta’ aċċettazzjoni ta’ adeżjoni”).

31.    F’dan ir-rigward, peress li tali dikjarazzjonijiet jikkostitwixxu atti ta’ eżekuzzjoni ta’ din il-konvenzjoni, it-talba għal opinjoni ma tikkonċernax il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali iżda tikkonċerna t-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri fil-qasam ta’ eżekuzzjoni tal-imsemmija konvenzjoni.

32.    Barra minn hekk, “ftehim”, fis-sens letterali, jirreferi dejjem għal att fil-forma ta’ konvenzjoni jew ftehim, kunċett dan li jeħtieġ l-espressjoni ta’ żewġ volontajiet korrispondenti. Issa, l-adeżjoni ta’ Stat terz għall-istess konvenzjoni u l-aċċettazzjoni ta’ din l-adeżjoni minn Stat Kontraenti ma jikkostitwixxux żewġ espressjonijiet konkordanti ta’ rieda peress li ma jagħmlux parti minn relazzjoni kuntrattwali ta’ reċiproċità. F’dan il-każ la huma involuti dikjarazzjonijiet konkordanti fil-kuntest ta’ trattat ta’ adeżjoni u lanqas ma hija involuta emenda ta’ trattat. Din id-dikjarazzjoni hija sempliċement strument intern għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 maħsuba sabiex jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tagħha.

33.    Fit-tieni lok, it-talba għal opinjoni ma tikkonċernax ftehim tal-Unjoni ma’ Stati terzi fis-sens tal-Artikolu 218(1) u (11) TFUE. Minn naħa, l-Unjoni ma tistax taderixxi għall-imsemmija konvenzjoni peress li l-Artikolu 38 tagħha jirriżerva din il-possibbiltà għall-Istati biss. Min-naħa l-oħra, l-Unjoni ma għandhiex kompetenza sabiex tippreżenta d-dikjarazzjonijiet ta’ aċċettazzjoni ta’ adeżjoni.

34.    Fit-tielet lok, meta rrifjuta li jadotta l-proposti ta’ deċiżjonijiet imsemmija fil-punt 26 ta’ din l-opinjoni, il-Kunsill iddeċieda li ma japprovax, fir-rigward tal-Istati inkwistjoni, id-dikjarazzjonijiet ta’ aċċettazzjoni ta’ adeżjoni li kienu s-suġġett ta’ dawn il-proposti, b’tali mod li ebda ftehim ma’ dawn l-Istati ma huwa “maħsub” fis-sens tal-Artikolu 218(11) TFUE.

35.    Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni, billi tistaħba wara t-talba tagħha għal opinjoni, qiegħda fil-verità tipprova twaqqaf il-prassi attwali ta’ ċerti Stati Membri li jaċċettaw b’mod individwali l-adeżjoni ta’ ċerti Stati aderenti. Issa, f’tali sitwazzjoni, il-Kummissjoni kien imissha ppreżentat, kontra dawn l-Istati Membri, rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 258 TFUE.

36.    Il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni jqisu li t-talba għal opinjoni hija ammissibbli.

 Teħid ta’ pożizzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja

 Fuq il-klassifikazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ aċċettazzjoni ta’ adeżjoni bħala element kostitwenti ta’ “ftehim”

37.    Skont l-Artikolu 2(1)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar id-dritt tat-Trattati, tat-23 ta’ Mejju 1969, ftehim internazzjonali jista’ jkun espress fi strument wieħed jew f’żewġ strumenti jew iktar konnessi. Għaldaqstant, dawn l-istrumenti jistgħu jikkostitwixxu l-espressjoni tal-qbil ta’ volontajiet ta’ żewġ suġġetti jew iktar tad-dritt internazzjonali, liema volontajiet ikunu fformalizzati f’dawn l-istrumenti.

38.    Fil-każ ineżami, il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 tipprevedi, fl-Artikolu 38 tagħha, żewġ strumenti konnessi, jiġifieri dak ta’ adeżjoni u d-dikjarazzjoni ta’ aċċettazzjoni ta’ adeżjoni.

39.    Il-volontajiet espressi f’dawn iż-żewġ strumenti huma konkordanti fir-rigward tal-għan li huwa mixtieq kemm mill-Istat aderenti għall-imsemmija konvenzjoni u kemm mill-Istat li jaċċetta din l-adeżjoni, jiġifieri li jimpenjaw ruħhom b’mod reċiproku taħt id-dritt internazzjonali li, fir-relazzjonijiet bilaterali tagħhom, japplikaw l-istess konvenzjoni.

40.    Barra minn hekk, l-imsemmija strumenti, ikkunsidrati fl-intier tagħhom, jipproduċu l-effett previst mill-Istati kkonċernati. Skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 38 tagħha, il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 tidħol fis-seħħ fl-Istat aderenti u fl-Istat li jaċċetta l-adeżjoni tiegħu fl-ewwel jum tat-tielet xahar tal-kalendarju wara l-preżentata tad-dikjarazzjoni ta’ aċċettazzjoni ta’ adeżjoni.

41.    B’hekk, l-att ta’ adeżjoni u d-dikjarazzjoni ta’ aċċettazzjoni ta’ tali adeżjoni, għalkemm jitwettqu t-tnejn li huma permezz ta’ strument separat, jesprimu, meta kkunsidrati flimkien, qbil ta’ volontajiet tal-Istati kkonċernati u għalhekk jikkostitwixxu ftehim internazzjonali.

42.    Peress li d-dikjarazzjoni ta’ aċċettazzjoni ta’ adeżjoni ppreżentata minn Stat Membru hija element kostitwenti ta’ ftehim internazzjonali konkluż ma’ Stat terz, din id-dikjarazzjoni taqa’ fil-kunċett ta’ “ftehim” fis-sens tal-Artikolu 218(1) u (11) TFUE, bil-kundizzjoni iżda li jkun involut ftehim maħsub mill-Unjoni fis-sens ta’ dawn l-istess dispożizzjonijiet.

 Fuq l-impossibbiltà għall-Unjoni li taderixxi għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 u li tippreżenta dikjarazzjonijiet ta’ aċċettazzjoni ta’ adeżjoni għal din il-konvenzjoni

43.    Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq l-impossibbiltà għall-Unjoni li taderixxi għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, għandu jitfakkar li, skont interpretazzjoni kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-opinjoni ta’ din tal-aħħar tista’ b’mod partikolari tintalab fir-rigward tal-kwistjonijiet li jikkonċernaw it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri sabiex jikkonkludu ftehim partikolari ma’ Stati terzi. L-Artikolu 196(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jikkorrobora din l-interpretazzjoni (ara, b’mod partikolari, l-Opinjoni 1/03, EU:C:2006:81, punt 112, u l-Opinjoni 1/08, EU:C:2009:739, punt 109). Fil-każ ineżami, it-talba għal opinjoni tikkonċerna l-kwistjoni tal-kompetenza tal-Unjoni, fid-dawl tar-regoli tad-dritt ta’ din tal-aħħar, għall-finijiet tal-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali permezz tad-dikjarazzjonijiet ta’ aċċettazzjoni ta’ adeżjoni. Din it-talba ma tikkonċernax l-ostakoli li l-Unjoni tista’ tiltaqa’ magħhom fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha minħabba regoli internazzjonali dwar il-konklużjoni ta’ tali ftehimiet.

44.    Fi kwalunkwe każ, il-kwistjoni li għall-Unjoni jista’ jkun impossibbli li ssir formalment parti għal ftehim internazzjonali hija irrilevanti. Fil-fatt, fil-każ li l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni f’tali ftehim jeskludu l-konklużjoni tiegħu mill-Unjoni stess, anki jekk dan il-ftehim jaqa’ fil-kompetenza esterna tal-Unjoni, din il-kompetenza tista’ tiġi eżerċitata permezz tal-Istati Membri li jaġixxu fl-interess tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/91, EU:C:1993:106, punt 5).

 Fuq il-klassifikazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ aċċettazzjoni ta’ adeżjoni bħala element kostitwenti ta’ ftehim “maħsub” fil-mument meta tressqet it-talba għal opinjoni

45.    L-ewwel nett, skont l-Artikolu 218(1) u (11) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tkun adita b’talba għal opinjoni meta ftehim ikun maħsub mill-Unjoni, u dan jimplika li dan il-ftehim ikun maħsub minn istituzzjoni waħda jew iktar tal-Unjoni li jkollhom setgħat fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 218 TFUE. Fost dawn l-istituzzjonijiet hija inkluża, b’mod partikolari, il-Kummissjoni.

46.    It-tieni nett, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li talba għal opinjoni tkun ammissibbli, b’mod partikolari, meta proposta tal-Kummissjoni dwar ftehim tkun ġiet ippreżentata lill-Kunsill u ma tkunx ġiet irtirata fil-mument meta t-talba titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Għall-kuntrarju, ma huwiex neċessarju li l-Kunsill ikun diġà indika, f’dan l-istadju, intenzjoni li jikkonkludi tali ftehim. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal opinjoni tkun tidher li hija fil-fatt iggwidata mill-preokkupazzjoni leġittima tal-istituzzjonijiet ikkonċernati li jkunu jafu l-portata tal-kompetenzi rispettivi tal-Unjoni u tal-Istati Membri qabel ma tittieħed deċiżjoni fir-rigward tal-ftehim ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/94, EU:C:1996:140, punti 11 sa 18).

47.    Barra minn hekk, il-proċedura għal opinjoni skont l-Artikolu 218(11) TFUE hija maħsuba, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 44 tal-opinjoni tiegħu, sabiex jiġu evitati l-kumplikazzjonijiet legali kkawżati mis-sitwazzjonijiet fejn l-Istati Membri jidħlu għal impenji internazzjonali mingħajr ma jkollhom is-setgħa meħtieġa minħabba li, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, ma jkunx għad għandhom il-kompetenza leġiżlattiva neċessarja sabiex jimplementaw dawn l-impenji.

48.    Fil-fatt, eventwali deċiżjoni ġudizzjarja li tikkonstata, wara l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali li jorbot lill-Istati Membri, li dan il-ftehim huwa inkompatibbli mat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u dawn l-Istati, tkun ta’ natura li toħloq, mhux biss fuq il-livell intern tal-Unjoni iżda wkoll fuq il-livell tar-relazzjonijiet internazzjonali, diffikultajiet serji u tista’ toħloq preġudizzju għall-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi għall-Istati terzi (ara, b’analoġija, l-Opinjoni 3/94, EU:C:1995:436, punt 17, u l-Opinjoni 1/09, EU:C:2011:123, punt 48).

49.    Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li l-possibbiltà li titressaq talba għal opinjoni ma teħtieġx, bħala kundizzjonijiet preliminari, ftehim definittiv bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fir-rigward tal-possibbiltà jew tal-opportunità tal-eżerċizzju tal-kompetenza esterna tal-Unjoni. Fil-fatt, id-dritt mogħti lill-Parlament, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti l-opinjoni tagħha jista’ jiġi eżerċitat b’mod individwali u mingħajr ebda koordinazzjoni bejniethom (ara l-Opinjoni 1/09, EU:C:2011:123, punt 55).

50.    Fil-każ ineżami, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Kunsill proposti ta’ deċiżjonijiet li jawtorizzaw lill-Istati Membri jippreżentaw dikjarazzjonijiet ta’ aċċettazzjoni ta’ adeżjoni fir-rigward ta’ tmien Stati terzi. B’hekk, billi ppreżentat dawn il-proposti, il-Kummissjoni kienet qiegħda tirreferi għall-konklużjoni tal-ftehimiet ikkonċernati mill-Unjoni bl-Istati Membri bħala intermedjarji li jaġixxu fl-interess tagħha. Barra minn hekk, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma ġiex allegat li dawn il-proposti ġew irtirati. Barra minn hekk, għalkemm il-Kunsill oġġezzjona għal dawn il-proposti, din l-oġġezzjoni ma hijiex ibbażata fuq in-natura opportuna tal-konklużjoni effettiva tal-ftehimiet inkwistjoni iżda hija bbażata biss fuq il-konvinzjoni tiegħu li l-Unjoni ma għandhiex kompetenza esterna esklużiva fil-qasam ikkunsidrat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ftehimiet internazzjonali, li tagħhom dawn id-dikjarazzjonijiet huma elementi kostitwenti, jistgħu jiġu kklassifikati bħala ftehimiet “maħsuba” fil-mument tat-tressiq tat-talba għal opinjoni.

51.    Din il-konklużjoni ma hijiex imdgħajfa minħabba l-fatt li ċerti Stati Membri diġà ppreżentaw dikjarazzjonijiet ta’ aċċettazzjoni ta’ adeżjoni quddiem id-depożitarju tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 fil-mument li fih il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar din it-talba għal opinjoni. Fil-fatt, għalkemm mill-għan imsemmi fil-punt 47 ta’ din l-Opinjoni jirriżulta li, sabiex jiġi kklassifikat bħala “maħsub”, il-ftehim ikkonċernat ma għandux ikun ġie konkluż qabel ma l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar it-talba għal opinjoni, dan is-sempliċi fatt ma huwiex ta’ natura li jċaħħad din it-talba minn kull skop.

 Fuq l-iżnaturament tal-proċedura għal opinjoni

52.    Fir-rigward tal-argumenti tal-Kunsill u ta’ ċerti Stati Membri bbażati fuq l-allegat żnaturament tal-proċedura għal opinjoni, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni tqis, f’dan il-każ, li l-Unjoni kisbet kompetenza esterna esklużiva sabiex tippreżenta d-dikjarazzjonijiet ta’ aċċettazzjoni ta’ adeżjoni quddiem id-depożitarju tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 fid-data tad-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Awwissu 2004, tar-Regolament Nru 2201/2003 u li, b’effett minn dik id-data, l-Istati Membri ma setgħux ikomplu jagħmlu dan mingħajr awtorizzazzjoni mill-Unjoni. Issa, bejn id-data msemmija u l-21 ta’ Diċembru 2011, id-data meta l-Kummissjoni adottat il-proposti msemmija fil-punt 26 ta’ din l-opinjoni, id-diversi Stati Membru ppreżentaw, bħala totali, iktar minn 300 dikjarazzjoni ta’ aċċettazzjoni ta’ adeżjoni.

53.    Għalkemm huwa minnu li l-Kummissjoni, matul dan il-perijodu, ma ppreżentat ebda rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra dawn l-Istati Membri fuq il-bażi ta’ dawn id-diversi istanzi ta’ aġir li qegħdin impliċitament jiġu kkontestati permezz tat-talba għal-opinjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ma għandha ebda indizju konkret u oġġettiv li jista’ jwassalha għall-konklużjoni li, meta ressqet din it-talba, il-Kummissjoni aġixxiet esklużivament, jew minn tal-inqas b’mod determinanti, bil-għan li tevita l-proċedura prevista fl-Artikolu 258 TFUE.

54.    Fi kwalunkwe każ, il-fatt li ċerti kwistjonijiet imqajma fil-kuntest ta’ din il-proċedura għal opinjoni jistgħu jiġu indirizzati fil-kuntest ta’ eventwali rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tkun tista’ tiġi adita bis-saħħa tal-Artikolu 218(11) TFUE. Fil-fatt, il-proċedura għal opinjoni għandha tippermetti li tinstab soluzzjoni għal kull kwistjoni li tista’ tkun suġġetta għal evalwazzjoni ġudizzjarja sa fejn dawn il-kwistjonijiet jikkorrispondu għall-finalità ta’ din il-proċedura (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/92, EU:C:1995:83, punt 14).

55.    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, it-talba għal opinjoni mressqa mill-Kummissjoni għandha tiġi ddikjarata ammissibbli.

 Fuq il-mertu

 Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

56.    Il-Parlament u l-Kummissjoni jsostnu li l-Unjoni għandha kompetenza esterna esklużiva sabiex tadotta d-dikjarazzjonijiet ta’ aċċettazzjoni ta’ adeżjoni. Fil-fatt, l-ewwel nett, il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 u r-Regolament Nru 2201/2003 jkopru l-istess qasam peress li t-tnejn li huma jittrattaw kwistjonijiet marbuta mal-proċedura ta’ ritorn ta’ minuri mneħħija b’mod illeċitu, mad-dritt ta’ aċċess u mal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ċentrali fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri.

57.    It-tieni nett, dawn ir-regoli jikkostitwixxu sett ta’ regoli li huma marbuta ma’ xulxin b’mod li ma jistgħux jiġu sseparati. Huwa minnu li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma qiesx neċessarju li jirriproduċi d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija konvenzjoni fl-imsemmi regolament. Madankollu, billi kkompleta u saħħaħ dawn id-dispożizzjonijiet, il-leġiżlatur kien inkorporahom de facto. B’hekk, kemm l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2201/2003 u kemm l-artikoli l-oħra ta’ dan ir-regolament dwar ir-ritorn ta’ minuri mneħħija b’mod illeċitu għandhom l-istess kamp ta’ applikazzjoni bħal din l-istess konvenzjoni. Dawn l-artikoli ma jistgħux jiġu applikati ħlief billi jiġu applikati simultanjament mad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-imsemmija konvenzjoni.

58.    Fl-aħħar nett, il-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni tikkonċerna l-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 kollha. Anki jekk jitqies li ċerti regoli jistgħu jiġu sseparati minn din il-konvenzjoni, xorta waħda jkollu jiġi applikat il-prinċipju stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-Opinjoni 2/91 tagħha (EU:C:1993:106), fis-sens li meta qasam ikun fil-parti l-kbira tiegħu diġà koperti minn regoli tal-Unjoni, il-kompetenza esterna għandha tkun ta’ natura esklużiva. Issa, dan huwa l-każ hawnhekk.

59.    Bħalma jagħmlu l-Parlament u l-Kummissjoni, il-Gvern Taljan iqis li huma ssodisfatti l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa sabiex tiġi stabbilita l-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet ta’ aċċettazzjoni ta’ adeżjoni.

60.    Għall-kuntrarju, il-Gvern Belġjan, il-Gvern Ċek, il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Estonjan, il-Gvern Irlandiż, il-Gvern Elleniku, il-Gvern Spanjol, il-Gvern Franċiż, il-Gvern Ċiprijott, il-Gvern Latvjan, il-Gvern Litwan, il-Gvern Awstrijak, il-Gvern Pollakk, il-Gvern Portugiż, il-Gvern Rumen, il-Gvern Slovakk, il-Gvern Finlandiż, il-Gvern Svediż, il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kunsill, kollha jsostnu li l-Unjoni ma għandhiex kompetenza esterna esklużiva f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, il-Gvern Elleniku, il-Gvern Franċiż u l-Gvern Pollakk isostnu li l-Unjoni ma għandha ebda kompetenza f’dan il-qasam.

61.    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni, fit-talba għal opinjoni, tenfasizza, b’mod żbaljat, l-allegat xebh bejn ir-Regolament Nru 2201/2003 u l-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 minflok ma teżamina l-impenn li huwa s-suġġett ta’ din it-talba, jiġifieri d-dikjarazzjoni ta’ aċċettazzjoni ta’ adeżjoni. Issa, dan l-impenn ma jistax ikun ta’ natura li jippreġudika l-applikazzjoni uniformi u koerenti ta’ dan ir-regolament peress li l-għan ta’ din id-dikjarazzjoni huwa distint sa fejn din tal-aħħar tikkonċerna l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet ċentrali ta’ Stati terzi filwaqt li l-imsemmi regolament jirregola biss il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri.

62.    Fil-fatt, l-awtoritajiet ċentrali stabbiliti bis-saħħa tal-imsemmija konvenzjoni għandhom jikkooperaw reċiprokament b’mod awtonomu, b’tali mod li l-fatt li awtorità ċentrali ta’ Stat Membru tikkoopera ma’ awtoritajiet ċentrali oħra ta’ Stati terzi b’ebda mod ma jista’ jaffettwa l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ċentrali ta’ żewġ Stati Membri. Minn dan isegwi li l-aċċettazzjoni unilaterali tal-adeżjoni ta’ ċerti Stati terzi għal din l-istess konvenzjoni minn Stat Membru ma jkollha ebda impatt fuq l-applikazzjoni uniformi u koerenti tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri.

63.    Fit-tieni lok, anki jekk jitqies li t-talba għal opinjoni għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, l-eżistenza ta’ kompetenza esterna esklużiva ma tistax tirriżulta mill-fatt li l-qasam ta’ applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni huwa allegatament kopert, fil-parti l-kbira tiegħu, minn regoli ekwivalenti tad-dritt tal-Unjoni. L-ewwel nett, dan il-kriterju ma huwiex rilevanti peress li ma ġiex rikonoxxut fl-Artikolu 3(2) TFUE, li kkodifika l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kriterji ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni fir-rigward tal-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali. It-tieni nett, il-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi ta’ din il-konvenzjoni u tar-Regolament Nru 2201/2003 jikkoinċidu biss parzjalment, kemm fir-rigward tan-natura tar-relazzjonijiet irregolati u kemm fir-rigward tal-persuni li għalihom huma applikabbli dawn l-istrumenti. Fl-aħħar nett, l-elementi ta’ dan ir-regolament u tal-imsemmija konvenzjoni li jikkoinċidu ma jistgħux jistabbilixxu kompetenza esklużiva tal-Unjoni peress li dawn huma elementi astratti u ma jippermettux li jintwera impatt minn din l-istess konvenzjoni fuq l-imsemmi regolament.

64.    Fit-tielet lok, minkejja li l-fatt li ċerti Stati Membri jaċċettaw l-adeżjoni ta’ Stat aderenti, filwaqt li oħrajn ma jaċċettawhiex, jista’ jipproduċi sitwazzjonijiet ftit mixtieqa u jista’ jwassal għall-fatt li n-natura infurzabbli tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 fir-rigward tal-Istati li jkunu aderixxew għaliha tkun tvarja minn Stat Membru għal ieħor, dan huwa inerenti għan-natura stess ta’ din il-konvenzjoni u ma jipprekludix l-applikazzjoni tajba tal-istess regolament.

 Teħid ta’ pożizzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja

 Fuq is-suġġett tal-eżami tal-Qorti tal-Ġustizzja

65.    Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, fil-każ ineżami, id-dikjarazzjoni ta’ aċċettazzjoni ta’ adeżjoni u, għaldaqstant, il-ftehim internazzjonali li tiegħu hija element kostitwenti, huma aċċessorji għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 li tirregola l-eżistenza u l-effetti tagħhom u li minnha, għalhekk, din id-dikjarazzjoni u dan il-ftehim ma jistgħux jiġu sseparati. Fil-fatt, kif ġie osservat fil-punt 39 ta’ din l-Opinjoni, l-imsemmi ftehim huwa intiż li jippermetti l-applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni kollha fir-relazzjonijiet bilaterali mħaddna miż-żewġ Stati kkonċernati.

66.    Minn dan isegwi li, fl-eżami ta’ din it-talba għal opinjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-drittijiet u l-obbligi kollha prevista mill-imsemmija konvenzjoni.

 Fuq l-eżistenza tal-kompetenza tal-Unjoni

67.    Il-kompetenza tal-Unjoni sabiex tikkonkludi ftehimiet internazzjonali tista’ tirriżulta mhux biss minn attribuzzjoni espliċita fit-Trattati iżda tista’ tirriżulta wkoll b’mod impliċitu minn dispożizzjonijiet oħra tat-Trattati jew ta’ atti meħuda, fil-kuntest ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. B’mod partikolari, kull meta d-dritt tal-Unjoni jistabbilixxi, għall-imsemmija istituzzjonijiet, kompetenzi fuq il-livell intern sabiex jintlaħaq għan partikolari, l-Unjoni tingħata l-kompetenza sabiex tieħu l-impenji internazzjonali neċessarji sabiex jintlaħaq dan l-għan, anki fl-assenza ta’ dispożizzjoni espressa f’dan ir-rigward (Opinjoni 1/03, EU:C:2006:81, punt 114 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din l-aħħar ipoteżi hija prevista wkoll fl-Artikolu 216(1) TFUE.

68.    F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 tikkonċerna l-kooperazzjoni ċivili fil-qasam tat-tneħħija transkonfinali ta’ minuri. B’hekk, din il-konvenzjoni taqa’ fil-qasam tad-dritt tal-familja b’aspett transkonfinali, qasam li fih l-Unjoni għandha kompetenza interna bis-saħħa tal-Artikolu 81(3) TFUE. Barra minn hekk, l-Unjoni eżerċitat din il-kompetenza bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Unjoni għandha kompetenza esterna fil-qasam li huwa s-suġġett ta’ din il-konvenzjoni.

 Fuq in-natura tal-kompetenza

69.    It-Trattat FUE jispeċifika b’mod partikolari fl-Artikolu 3(2) tiegħu l-kundizzjonijiet li fihom l-Unjoni jkollha kompetenza esterna esklużiva.

70.    F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li l-aċċettazzjoni tal-adeżjoni ta’ Stat terz għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 ma hija prevista minn ebda att leġiżlattiv tal-Unjoni u ma hijiex neċessarja sabiex l-Unjoni tkun tista’ teżerċita l-kompetenza interna tagħha. Għaldaqstant, it-talba għal opinjoni għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-kundizzjoni li tinsab fl-Artikolu 3(2) TFUE li tipprovdi li l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali taqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni sa fejn din il-konklużjoni “tista’ tolqot xi regoli komuni jew tbiddel il-kamp ta’ l-applikazzjoni tagħhom”.

71.    L-osservanza ta’ din il-kundizzjoni għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li minnha jirriżulta li jkun hemm riskju li regoli komuni tal-Unjoni jintlaqtu minn impenji internazzjonali meħuda mill-Istati Membri, jew li tinbidel il-portata ta’ dawn il-regoli, b’tali mod li tkun ġustifikata kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni, meta dawn l-impenji jkunu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija regola (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, magħrufa bħala “AETR”, 22/70, EU:C:1971:32, punt 30; Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C‑467/98, EU:C:2002:625, punt 82, u Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑114/12, EU:C:2014:2151, punti 66 sa 68).

72.    Sabiex jiġi kkonstatat tali riskju ma hijiex meħtieġa konkordanza kompleta bejn il-qasam kopert mill-impenji internazzjonali u dak kopert mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (ara l-Opinjoni 1/03, EU:C:2006:81, punt 126, u s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, EU:C:2014:2151, punt 69).

73.    B’mod partikolari, il-portata tar-regoli tal-Unjoni tista’ tintlaqat jew tinbidel minn impenji internazzjonali meta dawn tal-aħħar jaqgħu f’qasam li fil-parti l-kbira tiegħu jkun diġà kopert minn tali regoli (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/91, EU:C:1993:106, punti 25 u 26). Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet u għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-Kunsill u ċerti Gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet, tali fatt jibqa’ rilevanti, fil-kuntest tal-Artikolu 3(2) TFUE, sabiex jiġi evalwat jekk hijiex issodisfatta l-kundizzjoni marbuta mar-riskju li jintlaqtu r-regoli komuni tal-Unjoni jew li tinbidel il-portata tagħhom (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, EU:C:2014:2151, punti 70, 72 u 73).

74.    B’dan premess, peress li l-Unjoni tgawdi biss minn kompetenzi attribwiti, l-eżistenza ta’ kompetenza, iktar u iktar meta tkun ta’ natura esklużiva, għandha tkun ibbażata fuq konklużjonijiet misluta minn analiżi globali u konkreta tar-relazzjoni li teżisti bejn il-ftehim internazzjonali maħsub u d-dritt tal-Unjoni fis-seħħ. Din l-analiżi għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-oqsma koperti, rispettivament mir-regoli tal-Unjoni u mid-dispożizzjonijiet tal-ftehim maħsub, il-prospetti ta’ żvilupp prevedibbli, kif ukoll in-natura u l-kontenut ta’ dawn ir-regoli u dispożizzjonijiet, sabiex jiġi vverifikat jekk il-ftehim inkwistjoni jistax jippreġudika l-applikazzjoni uniformi u koerenti tar-regoli tal-Unjoni u l-funzjonament tajjeb tas-sistema stabbilita minnhom (ara l-Opinjoni 1/03, EU:C:2006:81, punti 126, 128 u 133, kif ukoll is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, EU:C:2014:2151, punt 74).

–       Fuq il-konkordanza bejn l-oqsma kkonċernati

75.    Il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 tipprevedi, b’mod iktar partikolari, żewġ proċeduri, jiġifieri, minn naħa, il-proċedura ta’ ritorn ta’ minuri mneħħija b’mod illeċitu u, min-naħa l-oħra, il-proċedura intiża sabiex jiġi ggarantit l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess.

76.    Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-proċedura ta’ ritorn ta’ minuri mneħħija b’mod illeċitu, l-Artikoli 8 sa 11 tal-imsemmija konvenzjoni jirregolaw it-tressiq ta’ talba għal ritorn quddiem l-awtorità ċentrali ta’ Stat Kontraenti, it-trażmissjoni ta’ din it-talba lill-awtorità ċentrali tal-Istat Kontraenti fejn ikun jinsab il-minuri, kif ukoll it-trattament ta’ din it-talba mill-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi ta’ dan l-aħħar Stat. L-Artikolu 12 tal-istess konvenzjoni jipprevedi l-kundizzjonijiet li fihom dawn l-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi għandhom jordnaw ir-ritorn ta’ dan il-minuri lejn l-Istat Kontraenti fejn kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma tiegħu. L-Artikoli 13 u 20 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 jispeċifikaw il-każijiet li fihom dawn l-aħħar awtoritajiet jistgħu jirrifjutaw ir-ritorn tal-minuri u jistgħu jadottaw deċiżjoni li ma jsirx ir-ritorn.

77.    Ir-Regolament Nru 2201/2003 jikkompleta u jispeċifika, b’mod partikolari fl-Artikolu 11 tiegħu, l-imsemmija regoli ta’ din il-konvenzjoni. B’hekk, l-Artikolu 11(2) ta’ dan ir-regolament jimponi l-prinċipju li l-minuri kkonċernat għandu jinstema’ matul il-proċedura prevista fl-Artikoli 12 u 13 tal-imsemmija konvenzjoni. Bl-istess mod, l-Artikolu 11(3) tal-imsemmi regolament jipprevedi terminu preċiż li fih għandha tittieħed id-deċiżjoni li tordna r-ritorn tal-minuri mneħħi b’mod illeċitu. Barra minn hekk, l-Artikolu 11(4) sa (6) tal-istess regolament jistabbilixxi l-possibbiltà għal qorti ta’ Stat Membru li tirrifjuta r-ritorn ta’ minuri fuq il-bażi tal-istess konvenzjoni, filwaqt li jissuġġetta l-eżerċizzju ta’ din il-possibbiltà għal kundizzjonijiet supplimentari. L-Artikolu 11(8) tar-Regolament Nru 2201/2003, moqri flimkien mal-Artikolu 42 ta’ dan ir-regolament, jistabbilixxi proċedura li tiffaċilita r-ritorn ta’ minuri mneħħija b’mod illeċitu u li tikkomplementa l-proċedura prevista fil-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, il-qorti kompetenti bis-saħħa tal-imsemmi regolament tista’ tieħu, minkejja deċiżjoni li ma jsirx ir-ritorn mogħtija skont l-Artikolu 13 ta’ din il-konvenzjoni, deċiżjoni ulterjuri li tordna r-ritorn tal-minuri, liema deċiżjoni hija rrikonoxxuta bħala infurzabbli fl-Istat Membru fejn ikun qiegħed joqgħod il-minuri mingħajr ma l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat ikunu jistgħu joġġezzjonaw għal dan ir-rikonoxximent.

78.    Mill-kontenut ta’ dawn id-dispożizzjonijiet kollha tar-Regolament Nru 2201/2003 msemmija fil-punt preċedenti jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet huma bbażati fuq ir-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, jew jipprevedu konsegwenzi li għandhom jinstiltu mill-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli. Dawn iż-żewġ kategoriji ta’ dispożizzjonijiet jikkostitwixxu, għalhekk, grupp ta’ normi indiviżibbli li japplika għall-proċeduri ta’ ritorn ta’ minuri mneħħija b’mod illeċitu fi ħdan l-Unjoni.

79.    It-tieni nett, fir-rigward tal-proċedura intiża li jiġi ggarantit l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess, din il-konvenzjoni fiha biss artikolu wieħed li jindirizzaha speċifikament, jiġifieri l-Artikolu 21, li jipprevedi sempliċement il-possibbiltà li t-talbiet dwar tali eżerċizzju jitressqu quddiem l-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Kontraenti u li jimponi fuq dawn tal-aħħar obbligi maħsuba sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju mingħajr inkwiet ta’ dan id-dritt.

80.    Ir-Regolament Nru 2201/2003 jistabbilixxi regoli bażiċi analogi fir-rigward tal-eżerċizzju ta’ dan id-dritt. B’mod partikolari, skont l-Artikoli 55 u 57 tagħha, kull persuna li fiha tkun vestita r-responsabbiltà tal-ġenituri tista’ tressaq talba għal assistenza fir-rigward tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess quddiem l-awtorità ċentrali tal-Istat Membru li fih tkun tirrisjedi abitwalment jew quddiem l-awtorità ċentrali tal-Istat Membru li fih il-minuri kkonċernat ikollu r-residenza abitwali jew li fih ikun jinsab.

81.    Fl-aħħar nett, il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 tipprevedi dispożizzjonijiet ġenerali li huma komuni għall-proċeduri relatati mar-ritorn ta’ minuri mneħħi b’mod illeċitu u mal-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess. F’dan is-sens mill-Artikoli 22 u 26 ta’ din il-konvenzjoni jirriżulta li l-awtoritajiet kompetenti ma jistgħux jimponu, ħlief għal ċerti derogi, il-ħlas ta’ spejjeż jew ta’ garanzija fir-rigward ta’ dawn il-proċeduri. Skont l-Artikolu 23 tal-imsemmija konvenzjoni, ebda legalizzazzjoni jew formalità simili ma tista’ tkun meħtieġa fil-kuntest tal-imsemmija proċeduri. L-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 jispeċifika l-lingwi li bihom it-talbiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni għandhom jitressqu quddiem l-awtorità ċentrali tal-Istat rikjest. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 25 tal-imsemmija konvenzjoni, il-persuna li tirrisjedi fi Stat Kontraenti u li tressaq tali talba għandha d-dritt għal assistenza u għajnuna legali f’kull Stat Kontraenti ieħor fl-istess kundizzjonijiet bħallikieku kienet ċittadina ta’ dan l-Istat l-ieħor u kienet tirrisjedi abitwalment fih.

82.    Ir-Regolament Nru 2201/2003 jipprevedi modalitajiet simili applikabbli għall-proċedura ta’ ritorn ta’ minuri mneħħi b’mod illeċitu u għall-proċedura li tiggarantixxi l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess. B’mod partikolari, mill-Artikolu 57(3) ta’ dan ir-regolament jirriżutla li l-assistenza mogħtija mill-awtoritajiet ċentrali għandha tkun bla ħlas. Skont l-Artikolu 41 tal-imsemmi regolament, id-dritt ta’ aċċess mogħti permezz ta’ deċiżjoni infurzabbli mogħtija fi Stat Membru għandu jkun rikonoxxut u għandu jkun infurzabbli fi Stat Membru ieħor mingħajr ma tkun meħtieġa dikjarazzjoni li tirrikonoxxi n-natura infurzabbli tiegħu u mingħajr ma jkun possibbli li titressaq oġġezzjoni għar-rikonoxximent tiegħu. L-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprevedi rikonoxximent analogu tad-deċiżjonijiet li jordnaw ir-ritorn ta’ minuri u li jissemmew fl-Artikolu 11(8) tal-istess regolament. Skont l-Artikolu 57(2) ta’ dan ir-regolament, hija prevista l-possibbiltà li l-komunikazzjonijiet lill-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri jiġu indirizzati b’lingwa differenti minn dik ta’ dawn tal-aħħar. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 50 tal-imsemmi regolament jipprovdi li meta l-persuna li tressaq it-talba bbenefikat, fl-Istat Membru ta’ oriġini, minn assistenza legali jew minn eżenzjoni mill-ispejjeż għandha tibbenefika, fil-proċeduri relatati mar-ritorn ta’ minuri mneħħi b’mod illeċitu u mal-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess previsti fl-Artikoli 41, 42 u 48 tal-istess regolament, mill-iktar assistenza favorevoli jew mill-iktar eżenzjoni wiesgħa previsti mid-dritt tal-Istat Membru ta’ infurzar.

83.    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003 jkopru fil-parti l-kbira tagħhom iż-żewġ proċeduri rregolati mill-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, jiġifieri dik dwar ir-ritorn ta’ minuri mneħħija b’mod illeċitu u dik intiża li jiġi żgurat l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess. B’hekk, din il-konvenzjoni għandha titqies li hija koperta fl-intier tagħha mir-regoli tal-Unjoni.

–       Fuq ir-riskju li jintlaqtu r-regoli komuni

84.    Fir-rigward tar-riskju li r-regoli tal-Unjoni jintlaqtu mid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 u mid-dikjarazzjonijiet ta’ aċċettazzjoni ta’ adeżjoni, fid-dawl tan-natura u tal-kontenut rispettivi tagħhom, għandu jiġi osservat, minn naħa, li r-Regolament Nru 2201/2003 jistabbilixxi regoli uniformi li huma vinkolanti għall-awtoritajiet tal-Istati Membri.

85.    Min-naħa l-oħra, minħabba li d-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament u dawk ta’ din il-konvenzjoni jikkoinċidu u minħabba r-rabta mill-qrib li teżisti bejniethom, b’mod partikolari bejn id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 11 tal-istess regolament u dawk li jinsabu fil-Kapitolu III tal-imsemmija konvenzjoni, id-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar jista’ jkollhom impatt fuq is-sens, il-portata u l-effikaċja tar-regoli tar-Regolament Nru 2201/2003.

86.    Din il-konklużjoni ma hijiex imdgħajfa mill-fatt li diversi dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament u dawk ta’ din l-istess konvenzjoni jistgħu jidhru li huma koerenti bejniethom. Fil-fatt, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regoli tal-Unjoni jistgħu jintlaqtu mill-impenji internazzjonali anki fl-assenza ta’ kontradizzjoni bejniethom (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/91, EU:C:1993:106, punti 25 u 26, kif ukoll is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, EU:C:2014:2151, punt 71).

87.    B’mod iktar partikolari, ir-relazzjoni bejn il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 u r-Regolament Nru 2201/2003 hija ppreċiżata, b’mod partikolari, permezz tal-Artikolu 60 ta’ dan ir-regolament, li jipprovdi li l-imsemmi regolament għandu jipprevali fuq din il-konvenzjoni sa fejn is-suġġetti rregolati minn dawn iż-żewġ strumenti jikkoinċidu.

88.    Issa, minkejja din is-supremazija mogħtija lir-Regolament Nru 2201/2003, il-portata u l-effikaċja tar-regoli komuni stabbiliti permezz ta’ dan ir-regolament jistgħu jintlaqtu minn aċċettazzjonijiet eteroġeni, min-naħa tal-Istati Membri, ta’ adeżjonijiet ta’ Stati terzi għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980.

89.    F’dan ir-rigward, kif enfasizzaw il-Parlament u l-Kummissjoni, li kieku l-Istati Membri, u mhux l-Unjoni, kienu kompetenti sabiex jaċċettaw, jew le, l-adeżjoni ta’ Stat terz ġdid għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, ikun hemm ir-riskju li tiġi ppreġudikata l-applikazzjoni uniformi u koerenti tar-Regolament Nru 2201/2003 u, b’mod partikolari, ir-riskju li jintlaqtu r-regoli ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri, kull meta sitwazzjoni ta’ ħtif internazzjonali ta’ minuri tkun tikkonċerna Stat terz u żewġ Stati Membri li wieħed minnhom ikun aċċetta l-adeżjoni ta’ dan l-Istat terz għal din il-konvenzjoni iżda l-ieħor le.

90.    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-aċċettazzjoni tal-adeżjoni ta’ Stat terz għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 taqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tagħti l-opinjoni segwenti:

L-aċċettazzjoni tal-adeżjoni ta’ Stat terz għall-Konvenzjoni dwar l-aspetti ċivili tal-ħtif internazzjonali ta’ minuri, konkluża f’Den Haag fil-25 ta’ Ottubru 1980, taqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea.

Firem