Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Monomeles Protodikeio Lasithiou (il-Greċja) fl-4 ta’ Diċembru 2018 – M.V. et vs Organismos Topikis Aftodioikisis (O.T.A.) “Dimos Agiou Nikolaou”

(Kawża C-760/18)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Qorti tar-rinviju

Monomeles Protodikeio Lasithiou (il-Greċja)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: M.V. et

Konvenut: Organismos Topikis Aftodioikisis (O.T.A.) “Dimos Agiou Nikolaou”

Domandi preliminari

Interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jittrasponu l-Ftehim Qafas dwar Xogħol għal Terminu Fiss, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 u li jinsab anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-Ftehim Qafas dwar Xogħol għal Żmien Fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368) fl-ordinament ġuridiku nazzjonali li teskludi l-proroga awtomatika tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat ta’ ħaddiema fis-settur tal-ġbir tal-iskart mid-definizzjoni ta’ kuntratti għal żmien determinat “suċċessivi”, skont il-klawżola 1 u l-punt 2 tal-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas, bis-saħħa ta’ dispożizzjoni espressa tad-dritt nazzjonali, b’mod speċifiku l-Artikolu 167 tal-Liġi Nru 4099/2012, bil-motivazzjoni li din ma tirrappreżentax dispożizzjoni bil-miktub ta’ kuntratt ġdid għal żmien determinat, iżda tirrappreżenta proroga tat-tul ta’ żmien tal-kuntratt ta’ xogħol diġà eżistenti, tmur kontra l-għan u l-effettività tal-imsemmi Ftehim Qafas?

Fil-każ ta’ regolamentazzjoni u implimentazzjoni ta’ prassi, fl-impjieg ta’ ħaddiema fis-settur tal-ġbir tal-iskart, b’kuntrast mal-miżuri ta’ prevenzjoni tal-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, li huma previsti mill-miżura ta’ traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali li tinsab fil-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas, l-obbligu ta’ interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni min-naħa ta’ qorti nazzjonali għandu jinkludi wkoll l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħall-Artikolu 8(3) tal-Liġi Nru 2112/1920, inkwantu regola ekwivalenti, skont il-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas, li teżisti minn qabel iżda li tkun għadha fis-seħħ, li tkun tippermetti l-klassifikazzjoni ġuridika korretta bħala kuntratti għal żmien indeterminat tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi li jintużaw sabiex jiġu ssodisfatti eżiġenzi permanenti u fit-tul ta’ entitajiet lokali fis-settur tal-ġbir tal-iskart?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda preċedenti, teżisti restrizzjoni eċċessiva tal-obbligu tal-qorti nazzjonali fl-interpretazzjoni tagħha tad-dritt nazzjonali b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni meta regola ta’ natura kostituzzjonali, bħall-Artikolu 103(7) u (8) tal-Kostituzzjoni Griega, rivedut fl-2001, tipprekludi kompletament, fis-settur pubbliku, il-konverżjoni tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratti għal żmien indeterminat konklużi meta din id-dispożizzjoni kienet għadha fis-seħħ, fejn l-applikazzjoni ta’ regola ekwivalenti tad-dritt nazzjonali li teżisti minn qabel iżda li tkun għadha fis-seħħ, bħall-Artikolu 8(3) tal-Liġi Nru 2112/1920 issir impossibbli, skont il-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas, b’tali mod li ċċaħħad il-possibbiltà li jiġu kklassifikati ġuridikament mill-ġdid, matul proċedura ġudizzjarja, bħala kuntratti għal żmien indeterminat il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi li jintużaw sabiex jiġu ssodisfatti eżiġenzi permanenti u fit-tul tal-entitajiet lokali fis-settur tal-ġbir tal-iskart anki fil-każ fejn l-istess entitajiet jaffaċċjaw eżiġenzi permanenti u fit-tul?

____________