Language of document : ECLI:EU:C:2010:65

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TRSTENJAK

ippreżentati fl-10 ta’ Frar 20101(1)

Kawża C-569/08

Internetportal und Marketing GmbH

vs

Richard Schlicht

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichsthof (l-Awstrija)]

“Internet – Dominju tal-Ogħla Livell .eu – Regolament (KE) Nru 874/2004 – Artikolu 21 – Reġistrazzjoni ta’ dominju mill-proprjetarju ta’ trade mark nazzjonali akkwistata bl-għan ewlieni li tippermetti dik ir-reġistrazzjoni matul l-ewwel fażi tar-reġistrazzjoni f’fażijiet – Kunċett ta’ ‘dritt’ – Kunċett ta’ ‘interess leġittimu’ – Kunċett ta’ ‘finijiet ħżiena’ – Artikolu 11 – Regoli tat-traskrizzjoni tal-karattri speċjali – Trade mark nazzjonali rreġistrata b’mala fide”





I –    Introduzzjoni

1.        Din il-kawża hija bbażata fuq id-digriet ta’ rinviju tal-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija) skont l-Artikolu 234 KE, li bih il-qorti tar-rinviju għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja ħames domandi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 874/2004 (2).

2.        Dawn id-domandi ġew magħmula fil-kuntest ta’ kawża bejn l-impriża Internetportal und Marketing GmbH, li tiġġestixxi xi siti internet u tbiegħ prodotti fuq l-internet (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”), minn banda, u R. Schlicht, li huwa l-proprjetarju tat-trade mark Benelux “Reifen” li huwa jixtieq juża għal prodotti ġodda tat-tindif, partikolarment għall-ħġieġ (3) (iktar ’il quddiem il-“konvenut”), mill-banda l-oħra, li għandhom bħala suġġett l-isem tad-dominju “reifen.eu”.

3.        Id-domandi jirrigwardaw essenzjalment il-kriterji biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ “dritt”, ta’ “interess leġittimu” u tal-“finijiet ħżiena” fis-sens tal-imsemmi Artikolu 21 tar-Regolament Nru 874/2004.

II – Il-kuntest ġuridiku

4.        Ir-Regolament (KE) Nru 733/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ April 2002, dwar l-implimentazzjoni tal-Qasam tal-Ogħla Livell EU (4), fih, skont l-ewwel artikolu tiegħu, il-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-qasam tal-ogħla livell .eu, inkluża n-nomina ta’ reġistru, u jistabbilixxi l-kwadru ġenerali tal-politika li fiha r-reġistru għandu jiffunzjona.

5.        Skont il-premessa sittax, din il-politika ġenerali għandha tiggarantixxi lit-titulari tad-drittijiet li kienu jeżistu qabel rikonoxxuti jew stabbiliti bil-liġi nazzjonali u/jew tal-Komunità u korpi pubbliċi fil-qasam tar-reġistrazzjoni spekulattiva u abbużiva tal-ismijiet ta’ dominju, li dawn jibbenefikaw minn terminu speċifiku (“sunrise period”) li matulu r-reġistrazzjoni tal-ismijiet ta’ dominju tagħhom “tkun esklussivament riżervata” għall-imsemmija detenturi ta’ drittijiet li kienu jeżistu u għal dawk il-korpi pubbliċi.

6.        L-Artikolu 5 (“Kwadru tal-politika”) tar-Regolament Nru 733/2002 huwa redatt kif ġej:

“1.      [...] il-Kummissjoni għandha tadotta regoli ta’ politika pubblika li jikkonċernaw l-implimentazzjoni u l-funzjonijiet ta’ .eu TLD u l-prinċipji tal-politika pubblika dwar ir-reġistrazzjoni. Il-politika pubblika għandha tinkludi:

a)      politika dwar is-soluzzjoni extra-ġudizzjarja ta’ konflitti;

b)      politika pubblika dwar reġistrazzjoni spekulattiva u abużżiva ta’ ismijiet ta’ qasam inkluża l-possibiltà ta’ reġistrazzjonijiet ta’ ismijiet ta’ qasam f’fażijiet biex jiġu assigurati opportunitajiet temporanji xierqa għad-detenturi ta’ drittijiet li kienu jeżistu qabel rikonoxxuti jew stabbiliti bil-liġi nazzjonali u/jew tal-Komunità u biex korpi pubbliċi jirreġistraw isimhom;

[...]”

7.        Ir-Regolament Nru 874/2004, li ġie adottat b’applikazzjoni tal-imsemmi artikolu, jipprovdi fil-premessa tnax tiegħu li:

“Sabiex jiġu salvagwardati d-drittijeit ta’ qabel rikonoxxuti mill-Komunità jew il-liġi nazzjonali, għandha titlesta proċedura għar-reġistrazzjoni f’fażijiet. Ir-reġistrazzjoni f’fażijiet għandha sseħħ f’żewġ fażijiet, bil-għan li tassigura li d-detenturi ta’ drittijiet ta’ qabel ikollhom l-opportunitajiet adattati biex jirreġistraw l-ismijiet li fuqhom kellhom drittijiet minn qabel. [...] L-allokazzjoni ta’ dak l-isem għandha mbagħad isseħħ fuq il-bażi ta’ min jiġi l-ewwel jinqed l-ewwel jekk ikun hemm żewġ applikanti jew aktar għal isem ta’ dominu li kull wieħed kellu dritt minn qabel”.

8.        L-Artikolu 3 (“Talbiet għar-reġistrazzjoni ta’ ismijiet ta’ dominju”) tar-Regolament Nru 874/2004 jipprovdi li:

“It-talba għar-reġistrazzjoni ta’ isem ta’ dominju għandha tinkludi dan kollu li ġej:

[...]

ċ)       affermazzjoni permezz ta’ mezzi elettroniċi mill-parti li tagħmel it-talba li sa fejn taf hi it-talba għar-reġistrazzjoni ta’ l-isem tad-dominju qed issir in bona fede u ma tiksirx xi drittijiet ta’ parti terza;

[…]”

9.        L-Artikolu 10 (“Partijiet eliġibbli u l-ismijiet li jistgħu jirreġistraw”) tar-Regolament Nru 874/2004 huwa redatt skont kif ġej:

“1.      Id-detenturi ta’ drittijiet minn qabel rikonoxxuti jew stabbiliti bil-liġi nazzjonali u/jew tal-Komunità [...] għandhom ikunu eliġibbli li japplikaw biex jirreġistraw l-ismijiet tad-dominju matul perjodu ta’ reġistrazzjoni f’fażijiet qabel ma tibda r-reġistrazzjoni ġenerali tad-dominju.eu.

‘Drittijiet ta’ qabel’ għandha tiftiehem li tinkludi, fost ħwejjeġ oħra, marki tal-kummerċ reġistrati nazzjonali jew tal-Komunità, indikazzjonijiet ġeografiċi jew ismijiet ta’ oriġini, u, sal-limitu li dawn ikunu protetti taħt il-liġi nazzjonali ta’ l-Istati Membru fejn ikunu miżmuma: marki tal-kummerċ mhux reġistrati, ismijiet tal-kummerċ, identifikaturi ta’ negozji, ismijiet ta’ kumpaniji, ismijiet ta’ familji, u titoli distinti ta’ xgħolijiet protetti letterarji u artistiċi.

[...]

2.      Ir-reġistrazzjoni fuq il-bażi ta’ dritt minn qabel għandha tikkonsisti fir-reġistrazzjoni ta’ l-isem sħiħ li għalih jeżistu d-drittijiet minn qabel, kif miktub fid-dokumentazzjoni li tagħti prova li dak id-dritt jeżisti.

[...]”

10.      L-Artikolu 11 (“Karetteristiċi speċjali”) tar-Regolament Nru 874/2004 jipprovdi dan li ġej:

“Sal-limitu li hija konċernata r-reġistrazzjoni ta’ ismijiet sħaħ, fejn dawk l-ismijiet ikun fihom spazju bejn elementi testwali jew kliem, għandha titqies li tkun teżisti l-identiċità bejn dawk l-ismijiet sħaħ u dawk l-ismijiet miktuba b’sink bejn l-elementi tal-kliem jew maqgħuda f’kelma waħda fl-isem tad-dominju li għalih issir applikazzjoni.

Fejn isem li fir-rigward tiegħu ikunu qed jiġu dikjarati drittijiet ta’ qabel ikun fih karattri speċjali, spazji, jew punteġġjaturi, dawn għandhom jiġu eliminati kollha kemm huma mill-isem tad-dominju li jikkorrispondi, sostitwiti b’sinkijiet, jew, fejn possibbli, miktuba mill-ġdid.

Karattri speċjali u punteġġatura kif imsemmija fit-tieni paragrafu għandhom jinkludu dan li ġej: ~ @ # $ % ^ & * ( ) + = <> { } [ ] \ /: ; ‘ , . ?

[...] Fl-aspetti l-oħrajn kollha, l-isem tad-dominju għandu jkun identiku għall-elementi testwali jew kliem tad-dritt ta’ qabel ta’ l-isem”.

11.      L-Artikolu 12 (“Prinċipji għar-reġistrazzjoni f’fażijiet”) tar-Regolament Nru 874/2004 huwa redatt skont kif ġej:

“1.      Ir-reġistrazzjoni f’fażijiet ma għandhiex tibda biss meta l-ħtieġa ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Arikolu 6 tkun sodisfatta.

Ir-Reġistru għandu jippubblika d-data li fiha għandha tibda r-reġistrazzjoni f’fażijiet ta’ l-anqas xahrejn bil-quddiem u għandu hekk jinforma lir-Reġistraturi akkreditati kollha.

[...]

2.      It-tul ta’ żmien tar-reġistrazzjoni f’fażijiet għandu jkun ta’ erba’ xhur. Ir-reġistrazzjoni ġenerali ta’ l-ismijiet tad-dominju [‘Landrush period’] ma għandhiex tibda qabel it-tlestija tal-perjodu tar-reġistrazzjoni f’fażijiet.

Ir-reġistrazzjoni f’fażijiet għandha tkun magħmula minn żewġ partijiet ta’ xahrejn kull waħda.

Matul l-ewwel parti tar-reġistrazzjoni f’fażijiet, biss marki tal-kummerċ nazzjonali u tal-Komunità, indikazzjonijiet ġeografiċi, u l-ismijiet u l-akronimi msemmija fl-Artikolu 10(3), tista’ ssir applikazzjoni għalihom bħala ismijiet ta’ dominju minn detenturi jew persuni liċenzjati ta’ drittijiet ta’ qabel u mill-korpi pubbliċi msemmija fl-Artikolu 10(1).

Matul it-tieni parti tar-reġistrazzjoni f’fażijiet, l-ismijiet li jistgħu jiġu reġistrati fl-ewwel parti kif ukoll l-ismijiet ibbażati fuq id-drittijiet l-oħrajn kollha ta’ qabel tista’ ssir applikazzjoni għalihom bħala ismijiet ta’ dominju mid-detenturi ta’ dawk id-drittijiet ta’ qabel fuq dawk l-ismijiet.

3.      It-talba biex jiġi reġistrat isem ta’ dominju bbażata fuq dritt ta’ qabel taħt l-Artikolu 10(1) u 10(2) għandha tinkludi referenza għall-bażi legali fil-liġi nazzjonali jew tal-Komunità tad-dritt għall-isem, kif ukoll informazzjoni oħra relevanti, bħan-numru tar-reġistrazzjoni tal-marka tal-kummerċ, informazzjoni dwar il-pubblikazzjoni fil-ġurnal uffiċjali jew gazzetta tal-gvern, informazzjoni tar-reġistrazzjoni f’assoċjazzjonijiet professjonali jew tan-negozju u kmamar tal-kummerċ.

[...]      

6.      Biex tiġi riżolta [disputa] dwar isem ta’ dominju għandhom jgħoddu r-regoli li hemm provdut dwarhom fil-Kapitolu VI.”

12.      L-Artikolu 21 (“Reġistrazzjonijiet spekulattivi u abużivi”) tar-Regolament Nru 874/2004 huwa redatt skont kif ġej:

“1.      Isem reġistrat ta’ dominju għandu ikun suġġett għar-revoka, bl-użu ta’ proċedura xierqa extra-ġudizzjarja jew ġudizzjarja, fejn dak l-isem ikun identiku jew simili b’tali mod li joħloq konfużjoni għal isem li fir-rigward tiegħu ikun rikonoxxut dritt jew stabbilit b’liġi nazzjonali u/jew tal-Komunità, bħad-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 10(1), u fejn dan:

a)      ikun ġie reġistrat mid-detentur tiegħu mingħajr drittijiet jew interess leġittimu fl-isem; jew

b)      ikun ġie reġistrat jew ikun qed jintuża b’finijiet ħżiena.

2.      Interess leġittimu skond it-tifsira tal-punt (a) tal-paragrafu 1 jista’ jintwera fejn:

a)      qabel xi avviż ta’ proċedura riżoluzzjoni alternattiva ta’ disputa (ADR), id-detentur ta’ isem ta’ dominju ikun uża l-isem tad-dominju jew isem li ikun jikkorrispondi ma’ l-isem tad-dominju b’konnessjoni ma’ l-offerta ta’ oġġetti jew servizzi u ikun għamel tħejjija li tkun tista’ tintwera ta’ dan;

b)      id-detentur ta’ isem ta’ dominju, li jkun impriża, organizzazzjoni jew persuna naturali, ikun komunement magħruf bl-isem tad-dominju, ukoll fin-nuqqas ta’ dritt rikonoxxut jew stabbilit bil-liġi nazzjonali u/jew tal-Komunità;

c)      id-detentur ta’ isem ta’ dominju ikun għamel użu leġittimi u mhux kummerċjali jew ġust ta’ l-isem tad-dominju, mingħajr il-ħsieb li jqarraq bil-konsumaturi jew li jagħmel ħsara lir-reputazzjoni ta’ l-isem li dwarhu ikun hemm dritt rikonoxxut jew stabbilit bil-liġi nazzjonali u/jew tal-Komunità.

3.      Finijiet ħżiena skond it-tifsira tal-punt (b) tal-paragrafu 1 jistgħu jintwerew fejn:

a)      iċ-ċirkostanzi ju[r]u li l-isem tad-dominju kien reġistrat jew miksub primarjament għall-fini tal-bejgħ, kiri jew trsferiment mod ieħor ta’ l-isem tad-dominju tad-detentur li fir-rigward tiegħu dritt kien rikonoxxut jew stabbilit bil-liġi nazzjonali u/jew tal-Komunità; jew

b)      l-isem tad-dominju ikun ġie reġistrat sabiex jipprevjeni lid-detentur ta’ dak l-isem li fir-rigward tiegħu dritt huwa rikonoxxut jew stabbilit bil-liġi nazzjonali u/jew tal-Komunità, jew korp pubbliku, milli jirrifletti dan l-isem f’isem tad-dominju li jikkorrispondi, kemm-il darba:

i)       ix-xejra ta’ dik il-kondotta mir-reġistrant tkun tista’ tintwera; jew

ii)       l-isem tad-dominju ma jkunx intuża b’mod relevanti għal ta’ l-anqas sentejn mid-data tar-reġistrazzjoni; jew

iii)       f’ċirkostanzi fejn, fiż-żmien li kienet inbdiet il-proċedura ADR, id-detentur ta’ isem ta’ dominju li fir-rigward tiegħu dritt kien rikonoxxut jew stabbilit bil-liġi nazzjonali u/jew tal-Komunità jew id-detentur ta’ isem ta’ dominju ta’ korp pubbliku kien iddikjara l-intenzjoni tiegħu li juża l-isem tad-dominju b’mod relevanti iżda jonqos li jagħmel dan fi żmien sitt xhur mill-jum li fih kienet inbdiet il-proċedura ta’ l-ADR;

ċ)      l-isem tad-dominju kien reġistrat primarjament għall-fini li jfixkel l-attivitajiet professjonali ta’ kompetitur; jew

d)      l-isem tad-dominju kien intenzjonalment użat biex jattira utenti ta’ l-Internet, għal qligħ kummerċjali, lid-detentur tal-websajt ta’ isem ta’ dominju jew xi lok ieħor on-line, billi joħloq il-possibbiltà ta’ konfużjoni ma’ isem li dwarhu dritt huwa rikonoxxut jew stabbilit bil-liġi nazzjonali u/jew tal-Komunità jew isem ta’ korp pubbliku, b’dik il-possibbiltà tirriżulta fir-rigward ta’ sors, sponsorship, affiljazzjoni jew konferma tal-websajt jew lok jew ta’ prodott jew servizz fuq il-websajt jew lok tad-detentur ta’ isem ta’ dominju; jew

e)      l-isem tad-dominju reġistrat ikun isem personali li dwaru ma tkun teżisti ebda rabta’ li tkun tista’ tintwera bejn id-detentur ta’ l-isem tad-dominju u l-isem tad-dominju reġistrat.

[...]”

13.      L-Artikolu 22 (Proċedura ta’ riżoluzzjoni alternattiva ta’ disputa”, iktar ’il quddiem il-“proċedura ta’ ADR”) (5) tar-Regolament Nru 874/2004 jipprovdi dan li ġej:

“1.      Proċedura ta’ ADR tista’ tinbeda minn xi parti fejn:

a)       ir-reġistrazzjoni tkun spekulattiva jew abużiva skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 21; jew

b)       deċiżjoni meħuda mir-Reġistru tkun f’konflitt ma’ dan ir-Regolament jew mar-Regolament (KE) Nru 733/2002.

[...]

11.      Fil-każ ta’ proċedura kontra detentur ta’ isem ta’ dominju, il-bord ADR għandu jiddeċiedi li l-isem tad-dominju għandu ikun revokat, jew isib li r-reġistrazzjoni tkun spekulattiva jew abużiva kif definit fl-Artikolu 21. L-isem tad-dominju għandu jiġi trasferit lill-attur jekk l-attur japplika għal dan l-isem tad-dominju u jissodisfa l-kriterji ġenerali ta’ eliġibilità stipulati fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 733/2002

[...]

13.      Ir-riżultati ta’ l-ADR għandhom ikunu jorbtu fuq il-partijiet u r-Reġistru sakemm ma jinbdewx proċedimenti bil-qorti fi żmien 30 jum kalendarju tan-notifika tar-riżultat tal-proċedura ADR lill-partijiet”.

III – Il-fatti, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14.      Ir-rikorrenti tiġġestixxi siti Internet u tbiegħ prodotti fuq dan in-netwerk. Biex tkun tista’ tirreġistra ismijiet ta’ dominji fil-kuntest tal-ewwel fażi tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni f’fażijiet, hija talbet u rnexxielha tikseb mingħand ir-reġistru tat-trade marks Żvediż ir-reġistrazzjoni ta’ total ta’ 33 isem ġeneriku Ġermaniż bħala trade marks, u f’kull każ minnhom billi użat il-karattru speċjali “&” qabel u wara jew bejn kull ittra. L-applikazzjoni tar-rikorrenti tal-11 ta’ Awissu 2005 kellha bħala suġġett ir-reġistrazzjoni tat-trade mark verbali “&R&E&I&F&E&N&” fil-klassi internazzjonali 9 (ċinturini tas-sigurtà), reġistrazzjoni li saret fil-25 ta’ Novembru ta’ wara.

15.      Ir-rikorrenti qatt ma kellha l-intenzjoni li tuża din it-trade mark għaċ-ċinturini tas-sigurtà iżda, skont dikjarazzjoni ta’ PricewaterhouseCoopers, kumpannija inkarigata mill-EUDR biex teżamina l-applikazzjonijiet għad-dominji, hija kkunsidrat li wara r-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark bħala dominju tal-ogħla livell .eu skont ir-“regola tat-traskrizzjoni”, il-karattri “&” għandhom jiġu skartati u li, konsegwentement, il-kelma “pneus” inżammet, u fil-fehma tagħha din il-kelma ma kellha f’ebda każ tkun protetta fid-dritt tat-trade marks inkwantu hija isem ġeneriku.

16.      Fil-fatt, waqt l-ewwel fażi tal-proċedura tar-reġistrazzjoni f’fażijiet, id-dominju “www.reifen.eu” ġie rreġistrat f’isem ir-rikorrenti, abbażi tat-trade mark Svediża tagħha “&R&E&I&F&E&N&”. Ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ 180 isem ta’ dominju magħmula minn ismijiet ġeneriċi. Bid-dominju “www.reifen.eu”, ir-rikorrenti għandha l-intenzjoni li tiġġestixxi sit tal-internet għall-bejgħ ta’ tajers, iżda, skont il-qorti tar-rinviju, hija għadha ma ħaditx miżuri sinjifikattivi ta’ preparazzjoni biex tlesti dan is-sit, fid-dawl tal-proċedura pendenti u tal-proċedura extra ġudizzjarja preċedenti. Fil-mument tar-reġistrazzjoni tad-dominju, ir-rikorrenti ma kinitx taf bil-konvenut.

17.      Il-konvenut huwa l-proprjetarju tat-trade mark verbali “Reifen” (tajers) li saret applikazzjoni għaliha fl-10 ta’ Novembru 2005 fl-Uffiċċju tat-trade marks tal-Benelux u rreġistrata fit-28 ta’ Novembru 2005 għall-klassijiet 3 (preparazzjonijiet ta’ bliċ u sustanzi oħra għall-ħasil, ... prodotti għat-tindif u b’mod partikolari prodotti għat-tindif ta’ twieqi li fihom nanopartiċelli) u 35 (servizzi ta’ għajnuna għall-bejgħ ta’ dawn il-prodotti ta’ tindif).

18.      Barra minn hekk, fl-10 ta’ Novembru 2005, il-konvenut għamel applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark verbali Komunitarja “Reifen” taħt il-klassi 3 (prodotti għat-tindif ta’ uċuħ tal-ħġieġ tat-twieqi u uċuħ fil-għoli ta’ impjanti solari, b’mod partikolari l-prodotti li jikkontjenu nanopartiċelli) u taħt il-klassi 35 (tindif ta’ uċuħ tal-ħġieġ kif ukoll ta’ impjanti solari għal terzi). B’din it-trade mark, huwa xtaq ibiegħ “prodotti għat-tindif ta’ uċuħ fil-għoli tal-ħġieġ” fl-Ewropa kollha u l-produzzjoni ta’ dawn il-prodotti fdaha f’idejn l-impriża BERGOLIN GmbH & Co KG. Fl-10 ta’ Ottubru 2006, kien diġà jeżisti kampjun tat-taħlita tat-tindif I (REIFEN A).

19.      Il-konvenut oppona għar-reġistrazzjoni tal-isem tad-dominju “www.reifen.eu” f’isem ir-rikorrenti quddiem it-tribunal ta’ arbitraġġ Ċek, li b’deċiżjoni tal-24 ta’ Lulju 2006 (6), laqa’ l-ilment tiegħu u neħħa l-isem tad-dominju “reifen” minn fuq isem ir-rikorrenti biex jiġi trasferit fuq isem il-konvenut.

20.      It-tribunal ta’ arbitraġġ qies li l-ġurisprudenza preċedenti tiegħu fir-rigward ta’ kawżi kontra r-reġistru (EUDR) kellha tapplika b’analoġija għal din il-proċedura mibdija kontra l-proprjetarju tad-dominju. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-karattru “&” ikkontenut fi trade mark ma kellux jiġi skartat, iżda kellu jiġi espress b’karattri normali. Ir-rikorrenti riedet kjarament tevita r-regola teknika li tinsab fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 874/2004 f’sensiela sħiħa ta’ każijiet. Konsegwentement, hija kellha mala fide meta talbet biex tirreġistra d-dominju kkontestat.

21.      Għaldaqstant ir-rikorrenti ppreżentat rikors fit-23 ta’ Awwissu 2006, fit-terminu previst fl-Artikolu 22(13) tar-Regolament Nru 874/2004, li fih hija talbet biex jiġi ddikjarat li l-isem tad-dominju “reifen” taħt id-dominju tal-ogħla livell .eu ma jiġix trasferit lill-konvenut u ma jiġix irtirat lilha; sussidjarjament, hija talbet li jiġi ddikjarat li d-deċiżjoni tal-24 ta’ Lulju 2006 tat-tribunal ta’ arbitraġġ hija illegali u, b’mod partikolari, li r-rikorrenti ma tistax tittrasferixxi lill-konvenut l-isem tad-dominju “reifen” bħala dominju tal-ogħla livell .eu u li l-isem tad-dominju “reifen” m’għandux jittieħdilha.

22.      Quddiem il-qrati nazzjonali ta’ kompetenza inferjuri, l-argumenti tal-partijiet irrigwardaw essenzjalment il-kwistonijiet li ġejjin.

23.      Ir-rikorrenti ssostni li, bir-reġistrazzjoni tat-trade mark Svediża “&R&E&I&F&E&N&” ibbażata fuq ir-regola tat-traskrizzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 874/2004, hija ma kinitx għamlet ħlief użat l-imsemmija regola biex tikseb l-aħjar pożizzjoni inizjali possibbli fl-ewwel fażi tal-proċedura tar-reġistrazzjoni f’fażijiet. Dan ma jfissirx li hija kellha “finijiet ħżiena” fis-sens tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 874/2004 u lanqas li din l-intenzjoni kienet abbużiva.

24.      Fil-fatt, hija għandha trade mark irreġistrata li abbażi tagħha hija kisbet id-dominju “www.reifen.eu” minħabba l-prinċipju li “min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel”. Iktar minn hekk, hija għandha interess leġittimu għall-isem ġeneriku “Reifen” peress li hija tixtieq toħloq sit tal-internet tematiku taħt dan l-isem. Barra minn hekk, ir-reġistrazzjoni tad-dominju “reifen.eu” ma saritx bil-għan li timpedixxi l-użu tal-internet mill-konvenut speċjalment minħabba li hija ma kellha ebda tagħrif dwar l-attivitajiet tal-istess konvenut u lanqas tal-prodotti tiegħu. Fl-aħħar nett, in-numru ta’ trade marks u l-ismijiet tad-dominju rreġistrati minnha kif ukoll l-użu tagħhom huma irrilevanti għal din il-kawża.

25.      Ir-rikorrenti ssostni wkoll li r-reġistrazzjoni f’fażijiet għandha l-għan biss li tipproteġi lill-proprjetarji tad-drittijiet ta’ qabel, iżda ma għandhiex l-għan li l-ismijiet ġeneriċi jintalbu biss fil-fażi tar-reġistrazzjoni ġenerali. Konsegwentement, xejn ma jipprekludi li l-ismijiet ġeneriċi jkunu s-suġġett ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala ismijiet ta’ dominji fl-ewwel fażi tar-reġistrazzjoni f’fażijiet. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 874/2004 ma ġiex applikat b’mod ħażin u dan fid-dawl tal-fatt li t-tliet possibbiltajiet li huwa kien jipprevedi (eliminazzjoni sħiħa, sostituzzjoni b’sinkijiet jew miktuba mill-ġdid) huma ekwivalenti u li l-espressjoni “fejn possibbli” tfisser biss li t-tielet parti tal-alternattiva mhux dejjem tapplika.

26.      Il-konvenut jitlob li l-applikazzjoni għandha tinċaħad inkwantu r-rikorrenti għawwġet b’mod abbużiv u għall-mala fide l-għan tar-Regolament Nru 874/2004; dan tal-aħħar jikkonsisti fil-preklużjoni tar-reġistrazzjoni sistematika u ta’ massa ta’ ismijiet ta’ dominju u li tkun permessa r-reġistrazzjoni ta’ ismijiet ġeneriċi li għandha ssir biss fil-fażi tar-reġistrazzjoni ġenerali. Għaldaqstant, bil-fatt li r-rikorrenti għamlet applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ massa ta’ “psewdu trade marks” li mhumiex intiżi li jintużaw fis-suq sabiex tkun tista’ tagħmel applikazzjoni għal ismijiet ġeneriċi ta’ dominju sa mill-ewwel fażi tar-reġistrazzjoni f’fażijiet, ħaġa li hija riżervata għall-proprjetarji tad-drittijiet ta’ qabel, biex imbagħad tkun tista’ tbiegħhom permezz ta’ siti tal-internet, ir-rikorrenti aġixxiet bħala dominju grabber.

27.      Hija kienet ukoll intenzjonalment tat interpretazzjoni żbaljata, u dan b’mod prevedibbli, tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 874/2004 peress li, normalment, il-karattru speċjali “&” ma kellux jiġi eliminat iżda kellu jiġi espress b’karattri normali. Din hija r-raġuni għaliex kien hemm reġistrazzjoni b’mala fide fis-sens tal-Artikolu 21(1)(b) tar-Regolament Nru 874/2004. Il-“psewdu trade mark” mitluba biss biex tinkiseb ir-reġistrazzjoni preferenzjali ta’ isem ta’ dominju ma tammontax għad-dritt ta’ qabel fis-sens tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 874/2004, b’mod li l-irtirar ta’ dominju jista’ jkun ibbażat ukoll fuq l-Artikolu 21(1)(a) tal-imsemmi regolament.

28.      Fl-ewwel istanza, il-qorti ċaħdet ir-rikors u l-qorti tal-appell ikkonfermat id-deċiżjoni fil-kawża prinċipali.

29.      Ir-rikorrenti ppreżentat rikors straordinarju għar-“Reviżjoni” quddiem l-Oberster Gerichtshof kontra d-deċiżjoni mogħtija fl-appell. Billi kkunsidrat li s-soluzzjoni tal-kawża tiddependi fuq l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 874/2004, il-qorti tar-rinviju ssospendiet il-proċeduri u għamlet id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikolu 21(1)(a) tar-Regolament [...] Nru 874/2004 [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżisti dritt skont din id-dispożizzjoni meta:

a)       trade mark ġiet sempliċement irreġistrata bl-għan li tkun tista’, matul l-ewwel fażi tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni f’fażijiet, issir applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ isem ta’ domain [dominju] li jikkorrispondi għal denominazzjoni ġenerika - bil-lingwa Ġermaniża -, mingħajr l-intenzjoni li din it-trade mark tintuża għal prodotti jew għal servizzi?

b)       it-trade mark li fuqha hija bbażata r-reġistrazzjoni tad-domain u li tikkorrispondi għal denominazzjoni ġenerika - bil-lingwa Ġermaniża -, ma tinkludix l-isem tad-domain sa fejn hija tinkludi karattri speċjali li ġew eliminati mill-isem tad-domain, għalkemm dawn setgħu jinkitbu b’karattri normali u li l-eliminazzjoni tagħhom għandha bħala effett li l-isem tad-domain jkun jista’ jintgħaraf mit-trade mark mingħajr ma tinħoloq probabbiltà ta’ konfużjoni?

2)      L-Artikolu 21(1)(a) tar-Regolament [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li interess leġittimu jeżisti biss fil-każijiet previsti fl-Artikolu 21(2)(a) sa (ċ)?

Fil-każ ta’ risposta negattiva għal din id-domanda:

3)      Jeżisti interess leġittimu wkoll fis-sens tal-Artikolu 21(1)(a) tar-Regolament [...] fil-każ fejn il-proprjetarju tal-isem tad-domain li jikkorrispondi għal denominazzjoni ġenerika - bil-lingwa Ġermaniża - jixtieq jużah għal sit tal-internet tematiku?

Fil-każ li tingħata risposta pożittiva għall-ewwel u t-tielet domanda:

4)      L-Artikolu 21(3) tar-Regolament [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li huma biss iċ-ċirkustanzi msemmija fis-subparagrafi (a) sa (e) ta’ din id-dispożizzjoni li jistgħu jistabbilixxu mala fide skont l-Artikolu 21(1)(b) tal-istess regolament [...]?

Fil-każ li tingħata risposta negattiva għal din id-domanda:

5)      Ikun hemm mala fide fis-sens tal-Artikolu 21(1)(b) tar-Regolament [...] Nru 874/2004 meta l-isem tad-dominju ġie rreġistrat matul l-ewwel fażi tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni f’fażijiet abbażi ta’ trade mark li tikkorrispondi għal denominazzjoni ġenerika - bil-lingwa Ġermaniża -, trade mark li l-proprjetarju tal-isem tad-domain kiseb bl-għan biss li jkun jista’ jitlob ir-reġistrazzjoni ta’ isem tad-domain fl-ewwel fażi tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni f’fażijiet, u b’dan il-mod jippreċedi partijiet interessati oħra u għalhekk, fi kwalunkwe każ, ukoll il-proprjetarji tad-drittijiet tat-trade mark?”

IV – Proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

30.      Id-digriet tar-rinviju ġie nnotifikat lill-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Diċembru 2008.

31.      Ir-rikorrenti, il-konvenut, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Taljana u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fit-terminu previst u skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

32.      Fis-seduta tal-10 ta’ Diċembru 2009, attendew ir-rappreżentanti tar-rikorrenti, tal-konvenut, tal-Gvern Ċek u tal-Kummissjoni sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet orali.

V –    L-argumenti prinċipali tal-partijiet

A –    Osservazzjonijiet preliminari

33.      Ir-rikorrenti ssostni, preliminarjament, li l-interess leġittimu tagħha fit-trade mark “&R&E&I&F&E&N&” kien ġie aċċettat mill-European Registry for Internet Domains (EURID) fil-mument tar-reġistrazzjoni tad-dominju “www.reifen.eu”. Konsegwentement, żbalji eventwali f’dan ir-rigward kellhom jitqajmu mill-konvenut fil-kuntest ta’ proċedura kontra r-reġistru skont l-Artikolu 22(1)(b) tar-Regolament Nru 874/2004, u mhux fil-kuntest ta’ proċedura kontra l-proprjetarju tad-dominju nnifsu. Id-deċiżjoni tal-EURID li jirreġistra d-dominju “www.reifen.eu” f’isem ir-rikorrenti ma tistax għalhekk terġa’ tiġi eżaminata fi proċedura inter partes.

B –    Fuq l-inċiż (a) tal-ewwel domanda

34.      Skont ir-rikorrenti, il-kunsiderazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju dwar l-inċiż (a) tal-ewwel domanda jaqgħu biss taħt il-proċedura kontra r-reġistru. Jekk l-opponent tal-proprjetarju ta’ isem ta’ dominju jsostni li r-reġistru żbalja meta rrikonoxxa l-leġittimità tal-proprjetarju tal-isem tad-dominju għall-perijodu “sunrise”, huwa kellu jiftaħ kawża kontra r-reġistru. Mill-bidu nett, ir-rikorrenti tipproponi li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel parti tal-ewwel domanda.

35.      Fil-fehma tal-konvenut, meta trade mark tiġi rreġistrata mingħajr ebda intenzjoni ta’ użu, bil-għan biss li wieħed igawdi minn ċerti vantaġġi legali, dik tkun “psewdu trade mark”. F’dan il-każ, li jiġi rrikonoxxut dan it-tip ta’ trade marks bħala drittijiet fis-sens tal-Artikolu 10(1) jew tal-Artikolu 21(1)(a) tar-Regolament Nru 874/2004 ikun ifisser li jkun permess, tabilħaqq li jiġi inkoraġġut li wieħed jevita jew jabbuża mid-dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ dan ir-regolament, liema dispożizzjonijiet ġew adottati preċiżament bil-għan li jipproteġu lid-detenturi ta’ drittijiet ta’ qabel “veri”. L-argument fejn jingħad li dan l-għan ma jkunx preġudikat meta jiġi rreġistrat “isem ġeneriku” bħala isem ta’ dominju ma jieħux inkunsiderazzjoni l-fatt li d-drittijiet ta’ qabel li għandhom jiġu rikonoxxuti fis-sens tal-Artikolu 10(1) jew tal-Artikolu 21(1)(a) tar-Regolament Nru 874/2004, jistgħu jirrigwardaw ukoll ismijiet ġeneriċi.

36.      Ir-Repubblika Ċeka, sostnuta fil-parti l-kbira tal-argumenti tagħha mir-Repubblika Taljana, issostni li qabel xejn għandu jiġi stabbilit jekk it-trade mark ikkontestata fil-kawża prinċipali ġietx irreġistrata b’mala fide. Il-fatt li t-trade mark kienet ġiet irreġistrata esklużivament bil-għan li tiggarantixxi parteċipazzjoni fl-ewwel fażi tar-reġistrazzjoni tal-ismijiet tad-dominju juri li r-rikorrenti, sa mill-bidu, kellha intenzjoni żleali u kellha għan differenti minn dak li għalih huma intiżi t-trade marks. Ir-rikorrenti ppruvat għalhekk tipprevali ruħha minn vantaġġ mhux ġustifikat, jew ippruvat titfa’ fi żvantaġġ lill-kompetituri tagħha.

37.      Barra minn hekk, ir-rikorrenti intenzjonalment użat il-karattri “&” fl-isem tat-trade mark b’mod inabitwali u li lingwistikament ma jagħmilx sens. In-natura spekulattiva u opportunista tal-użu tal-karattri “&” tidher ukoll mill-fatt li r-rikorrenti b’kollox irreġistrat 33 trade mark għal ismijiet ġeneriċi billi użat kull darba l-karattru “&” bejn l-ittri individwali. Peress li l-qorti nazzjonali laħqet il-konklużjoni li r-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni ma saritx in bona fide, ma jistax jiġi kkunsidrat, fil-fehma tar-Repubblika Ċeka u tar-Repubblika Taljana, li d-dritt li jirriżulta minn dik it-trade mark huwa dritt fis-sens tal-Artikolu 21(1)(a) tar-Regolament Nru 874/2004.

38.      Il-Kummissjoni ssostni li la d-Direttiva 89/104/KEE (7) u lanqas ir-Regolament (KE) Nru 40/94 (8) ma jissuġġettaw ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark għall-intenzjoni tal-proprjetarju preżunt tat-trade mark li juża s-sinjal bħala trade mark għal oġġetti jew servizzi inklużi taħtha. Konsegwentement, il-fatt li trade mark tkun ġiet akkwistata biss bil-għan li tkun tista’ tintalab, minħabba fiha, ir-reġistrazzjoni ta’ isem ta’ dominju matul l-ewwel fażi tar-reġistrazzjoni f’fażijiet huwa irrilevanti biex jiġi stabbilit jekk il-proprjetarju tal-isem tad-dominju li jipposjedi b’mod parallel trade mark ikunx jista’ jinvoka dritt minħabba dik it-trade mark fis-sens tal-ewwel possibbiltà prevista fl-Artikolu 21(1)(a) tar-Regolament Nru 874/2004.

39.      Fir-rigward tal-fatt li l-isem tad-dominju rreġistrat abbażi tat-trade mark jikkorrispondi għal isem ġeneriku f’waħda mil-lingwi uffiċċjali tal-Komunità, il-Kummissjoni tenfasizza li jekk dan il-fatt jista’ jkun sinjifikattiv fil-kuntest tal-Artikolu 3(1)(b) sa (d) tad-Direttiva 89/104 jew tal-Artikolu 7(1)(b) sa (d) tar-Regolament Nru 40/94, jiġifieri biex jiġi stabbilit jekk hemmx raġuni assoluta għal rifjut kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark stess, dan huwa irrilevanti fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 874/2004.

40.      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tfakkar li skont ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 3(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva 89/104 ma jipprekludix ir-reġistrazzjoni fi Stat Membru, bħala trade mark nazzjonali, ta’ kelma meħuda minn lingwa ta’ Stat Membru ieħor li fih din il-kelma m’għandhiex karattru distintiv jew hija deskrittiva tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni, ħlief meta dawk ikkonċernati fl-Istat Membru li fih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni jkunu kapaċi jagħrfu t-tifsira ta’ din il-kelma (9).

C –    Fuq l-inċiż (b) tal-ewwel domanda

41.      Ir-rikorrenti ssostni li t-tliet partijiet tal-alternattiva previsti fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 874/2004 huma ekwivalenti, ħaġa li tirriżulta mid-diċitura tal-artikolu msemmi. Mill-bqija, ir-rikorrenti tikkontesta wkoll il-bona fide tal-konvenut fil-mument tar-reġistrazzjoni tat-trade mark tiegħu li fil-fehma tal-istess rikorrenti, saret biss bil-għan li tikseb pożizzjoni inizjali aħjar biex jikseb id-dominju “www.reifen.eu”.

42.      Il-konvenut isostni li mhemmx identiċità bejn it-trade mark irreġistrata u l-isem tad-dominju kkontestat, għaliex, fil-fehma tiegħu, il-karattru speċjali “&” kellu jiġu espress bil-kelma “und” [“u”] u mhux titneħħa. Għaldaqstant, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali m’għandha ebda dritt għall-isem tad-dominju “www.reifen.eu”.

43.      Skont ir-Repubblika Ċeka, biex tiġi stabbilita l-eżistenza tad-dritt fis-sens tal-Artikolu 21(1)(a) tar-Regolament Nru 874/2004, ma tantx huma importanti li jiġi stabbilit liema regoli ta’ traskrizzjoni adottat ir-rikorrenti biex tittraskrivi t-trade mark f’isem ta’ dominju. L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 874/2004 ma jagħtix preferenza lill-ebda waħda mill-possibbiltajiet ta’ traskrizzjoni tal-karattri speċjali.

44.      Fil-fehma tar-Repubblika Taljana, ma jeżisti ebda dritt meta t-trade mark li fuqha tkun ibbażata r-reġistrazzjoni tad-dominju tkun differenti mill-isem tad-dominju inkwantu jkun fiha karattri speċjali li jkunu ġew eliminati.

45.      Il-Kummissjoni tagħti risposta komuni għal parti mill-inċiż (b) tal-ewwel domanda, kif ukoll għat-tieni sal-ħames domandi (ara iktar ’il fuq). Fi kwalunkwe każ, u b’mod preliminari, din l-istituzzjoni tinnota li l-preżenza ta’ interess leġittimu fis-sens tat-tieni possibbiltà prevista fid-dispożizzjonijiet magħqudin tal-Artikoli 21(1)(a) u 21(2) tar-Regolament Nru 874/2004, minn banda, u l-assenza ta’ mala fide fis-sens tad-dispożizzjonijiet magħqudin tal-Artikoli 21(1)(b) u 21(3), mill-banda l-oħra, jikkostitwixxu fatt wieħed. Din il-fehma hija kkorroborata mill-għażla tal-użu tal-isem tad-dominju mill-proprjetarju tal-isem tad-dominju bħala kriterju rilevanti kemm għall-Artikolu 21(2)(a) kif ukoll għall-Artikolu 21(3)(b)(ii) u (iii) tar-Regolament Nru 874/2004.

D –    Fuq it-tieni domanda

46.      Ir-rikorrenti, ir-Repubblika Ċeka u l-Kummissjoni jsostnu li l-elenki li jinsabu fl-Artikolu 21(2)(a) sa (ċ) tar-Regolament Nru 874/2004 mhumiex eżawrjenti. Mill-banda l-oħra, il-konvenut u r-Repubblika Taljana huma tal-fehma l-opposta.

E –    Fuq it-tielet domanda

47.      Ir-rikorrenti u r-Repubblika Ċeka jsostnu li, għalkemm ir-rikorrenti ma użatx l-isem tad-dominju qabel ma bdiet il-kawża u ma ppruvatx li kienet ippreparat ruħha biex tagħmel dan fis-sens tal-Artikolu 21(2)(a) tar-Regolament Nru 874/2004, u fid-dawl tan-natura illustrattiva u mhux eżawrjenti tal-imsemmi artikolu, l-intenzjoni li tiġġestixxi sit tal-internet tista’ tkun raġuni suffiċjenti biex turi interess leġittimu.

48.      Fil-fehma tal-konvenut, l-affermazzjoni li teżisti ċerta intenzjoni biex jintuża l-isem tad-dominju mhijiex biżżejjed biex tikkostitwixxi interess leġittimu. F’dan il-każ, is-sempliċi affermazzjoni fuq l-użu ma tikkorrispondi għall-ebda waħda mill-każijiet previsti taħt l-inċiżi (a) sa (ċ) tal-Artikolu 21(2).

F –    Fuq ir-raba’ domanda

49.      Ir-rikorrenti u l-konvenut, kif ukoll ir-Repubblika Ċeka u l-Kummissjoni jsostnu li l-elenki li jinsabu fl-Artikolu 21(3)(a) sa (e) tar-Regolament Nru 874/2004 mhumiex eżawrjenti.

G –    Fuq il-ħames domanda

50.      Ir-rikorrenti ssostni li interpretazzjoni tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 874/2004 fis-sens li tippermetti li jiġu kkontestati żbalji tar-reġistru anki wara l-iskadenza tat-terminu ta’ 40 jum previst biex jiġi ppreżentat tali rikors kontra r-reġistru (“sunrise appeal period”), tikser il-prinċipju taċ-ċertezza legali.

51.      Mill-bqija, hija tiċħad li mxiet b’mala fide, peress li l-każijiet tal-“finijiet ħżiena” tal-Artikolu 21(3) tar-Regolament Nru 874/2004 huma intiżi biex jiġġieldu kontra d-domain grabbing. F’dan il-każ, hemm reġistrazzjoni ta’ dominji li jikkonsistu fi kliem ġeneriċi, ħaġa li fl-ebda każ ma tista’ tippreġudika d-drittijiet ta’ terzi, inkwantu l-espressjonijiet ġeneriċi ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ drittijiet esklużivi. Għaldaqstant, id-domain grabbing huwa eskluż minnu nnifsu fil-każijiet ta’ reġistrazzjoni ta’ dominji li jikkonsistu fi kliem ġeneriċi. Konsegwentement, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma mxietx b’mala fide fis-sens tal-Artikolu 21(3) tal-imsemmi regolament.

52.      Il-konvenut u r-Repubblika Ċeka huma tal-fehma li jkun hemm il-mala fide fis-sens tal-Artikolu 21(1)(b) tar-Regolament Nru 874/2004 jekk l-isem tad-dominju jkun ġie rreġistrat matul l-ewwel fażi tar-reġistrazzjoni f’fażijiet abbażi ta’ trade mark li l-proprjetarju tal-isem tad-dominju jkun kiseb biss biex ikun jista’ jitlob ir-reġistrazzjoni ta’ isem tad-dominju matul l-ewwel fażi u jaqbeż b’hekk lill-persuni interessati l-oħra, inkluż lill-proprjetarji ta’ drittijiet fuq it-trade mark.

53.      Skont il-Kummissjoni, jekk il-persuna li titlob ir-revoka tal-isem tad-dominju, min-naħa tagħha, tkun issuġġettat l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-istess isem tad-dominju matul l-ewwel fażi tar-reġistrazzjoni f’fażijiet u jekk dik l-applikazzjoni tkun ġiet miċħuda minħabba l-preċedenza tal-applikazzjoni ppreżentata mill-proprjetarju tal-isem tad-dominju, skont il-prinċipju li “min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel” stabbilit fl-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 874/2004, il-proprjetarju tal-isem tad-dominju kkontestat ma jistax joġġezzjona għar-revoka msemmija billi jinvoka t-tieni possibbiltà prevista fl-Artikolu 21(1)(a) u d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21(1)(b) flimkien mal-paragrafu (2) u (3) tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 874/2004 ħlief jekk ir-reġistrazzjoni tkun saret skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV, u b’mod partikolari tal-Artikolu 11 tal-istess regolament. Fir-rigward ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, il-Kummissjoni hija tal-fehma li t-tliet għażliet previsti mill-istess dispożizzjoni dwar kif iridu jiġu ttrattati l-karattri speċjali jistgħu jitpoġġew f’ġerarkija skont kif ġej:

–      jekk karattru speċjali jkollu ċertu valur semantiku – ħaġa li tapplika għall-karattri speċjali li ġejjin: $ % & + = –, dawn jistgħu jiġu espressi biss b’kelma korrispondenti;

–      jekk karattru speċjali ma jkollux valur semantiku, imma jservi biex jissepara l-ittri – ħaġa li tapplika għall-karattri speċjali li ġejjin: # <> { } [ ] \ /: ; , . ? –, dan irid jiġi sostitwit b’sink;

–      Huwa biss jekk karattru speċjali la jkollu valur semantiku u lanqas funzjoni li jissepara l-ittri – ħaġa li tapplika għall-karattri speċjali li ġejjin: ~ ^ * ’ –, li għandu jiġi eliminat kollu kemm hu.

54.      F’dan il-każ, il-karattru speċjali “&” li jidher kemm-il darba fit-trade mark, għaldaqstant, ma kellux jiġi eliminat kompletament waqt ir-reġistrazzjoni tal-isem tad-dominju, imma kellu jiġi espress f’kelma korrispondenti [“und” (u)]. Konsegwentement, ir-reġistrazzjoni tal-isem tad-dominju kkontestat www.reifen.eu mhijiex konformi mal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 874/2004.

VI – Analiżi ġuridika

A –    Fuq ir-rimarki preliminari tar-rikorrenti

55.      Bir-rimarki preliminari tagħha, ir-rikorrenti ssostni essenzjalment li wieħed ma jistax jeċċepilha xi żbalji eventwali mwettqa mir-reġistru fir-rigward tar-reġistrazzjoni tal-isem tad-dominju; fi kwalunkwe każ, dawk l-iżbalji kellhom jissemmew fil-kuntest tal-proċedura kontra r-reġistru skont l-Artikolu 22(1)(b) tar-Regolament Nru 874/2004, u mhux fil-kuntest ta’ proċedura kontra l-proprjetarju tad-dominju nnifsu.

56.      Il-fehmiet tar-rikorrenti jqajmu l-kwistjoni tas-sovrappożizzjoni tal-proċedura ta’ ADR mal-proċeduri ġudizzjarji u, partikolarment, jekk il-fatt li ma saritx kawża kontra deċiżjoni meħuda mir-reġistru, skont l-Artikolu 22(1)(b) tar-Regolament 874/2004, jippreġudikax, minħabba d-dekadenza, motivi li jkunu setgħu tqajmu waqt il-proċedura ta’ ADR kontra d-deċiżjoni msemmija.

57.      Anki jekk din il-kwistjoni ma tqajmitx formalment mill-qorti tar-rinviju, ikun utli li tingħatalha risposta (10), inkwantu l-ewwel domanda, kemm taħt l-inċiż (a) (fuq il-kundizzjonijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade mark fl-Isvezja) kif ukoll taħt l-inċiż (b) (fir-rigward tal-eventwali applikazzjoni żbaljata tar-regoli tat-traskrizzjoni tal-karattri speċjali), tirreferi għal motivi li setgħu kienu s-suġġett ta’ proċedura kontra deċiżjoni tar-reġistru. Peress li l-konvenut ipproċeda biss kontra r-rikorrenti, jibqa’ sabiex tiġi analizzata l-eventwali dekadenza tal-motivi msemmija.

58.      F’dan il-kuntest, għandu jiġi nnotat, minn banda, li l-proċedura ta’ ADR introdotta bir-Regolament Nru 874/2004 ma ġietx iffurmata bħala proċedura ta’ arbitraġġ fis-sens strett, iżda pjuttost bħala proċedura kważi amministrattiva li ma tipprekludix li simultanjament jew a posteriori jinbdew proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali (11). Barra minn hekk, din il-proċedura ta’ ADR apposta għandha nieqsa ċerti karatteristiċi li huma tipiċi tal-proċeduri ġudizzjarji, bħalma huwa s-smigħ tal-partijiet u l-miżuri istruttorji biex jinġabru l-provi, ħaġa li f’isem l-effettività tnaqqas mill-portata tad-drittijiet tad-difiża (12).

59.      Din il-konfigurazzjoni partikolari tal-proċedura ta’ ADR issib spjegazzjoni, minn banda, mix-xewqa tal-leġiżlatur biex joħloq proċeduri qosra b’mod li jnaqqas l-ispejjeż għall-operaturi, u dan kif kienet issuġġeriet diġà l-Organizzazzjoni Dinjija dwar il-Proprjetà Intellettwali (WIPO) fir-rigward tar-regoli UDPR (Uniform Domain-name Dispute Resolution Policy) tal-Internet Corporation for Assigned Names and Numbers (ICANN) (13). Mill-banda l-oħra, l-għan huwa li jkunu protetti l-proprjetarji tad-“drittijiet ta’ qabel”, fis-sens tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 874/2004, u dan partikolarment fid-dawl tar-riskju tas-cybersquatting jew “domain grabbing”, li wassalha biex toħloq proċedura li l-istruttura stess tagħha ttendi li tiffavorixxi lill-proprjetarji ta’ dawn id-drittijiet ta’ qabel (14) fil-konfront tal-proprjetarji tal-ismijiet tad-dominju (15).

60.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, ikun kontra l-idea stess tal-Istat ta’ dritt li jiġi kkunsidrat li ċerti motivi ma jistgħux jiġu invokati ħlief fil-kuntest tal-proċedura ta’ ADR u li, fin-nuqqas li dawn ikunu tqajmu f’dawk il-proċeduri, huma ma jibqgħux ikunu ammissibbli quddiem il-qrati nazzjonali. Tali interpretazzjoni tneħħi l-effett utli tal-Artikolu 22(13), moqri flimkien mal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 874/2004, fejn jingħad li r-revoka ta’ isem ta’ dominju hija possibbli ukoll quddiem il-qrati u wara li jintemmu l-proċedura ta’ ADR.

61.      Mill-banda l-oħra, id-dekadenza tal-motivi li ma jkunux tressqu kontra r-reġistru EURID fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ADR taħt l-Artikolu 22(1)(b) tar-Regolament Nru 874/2004 tmur kontra l-ispirtu ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, dan l-artikolu jippermetti lil kull parti li tibda proċedura ta’ ADR kemm kontra r-reġistrazzjoni spekulattiva jew abbużiva, kif ukoll kontra r-reġistru. F’dan il-każ, jekk parti li tkun bdiet biss proċeduri kontra r-reġistrazzjoni abbużiva tirriskja li ma tkunx tista’ tibqa tinvoka l-motivi kontra r-reġistru, hija jkollha allura tipprova dejjem iż-żewġ proċeduri sabiex tkun tista’ tippreżenta wkoll l-argumenti tagħha quddiem il-qrati. Madankollu, mid-diċitura tal-imsemmi Artikolu 22(1) ma jirriżulta ebda obbligu li għandhom jinbdew iż-żewġ proċeduri għaliex inkella jiġu dekaduti l-motivi li ma jkunux ġew imressqa quddiem it-tribunal tal-arbitraġġ Ċek.

62.      Biex nikkonkludi, ir-rimarki preliminari tar-rikorrenti huma irrilevanti u m’għandhomx għaldaqstant jittieħdu inkunsiderazzjoni.

B –    Fuq l-ewwel domanda

1.      Risposta għall-inċiż (a) tal-ewwel domanda

63.      Bl-inċiż (a) tal-ewwel domanda, il-Qorti tar-rinviju qegħda titlob, essenzjalment, jekk id-dubji tagħha fir-rigward tar-reġistrazzjoni in bona fide tat-trade mark “&R&E&I&F&E&N&” fl-Isvezja jipprekludux l-eżistenza formali ta’ dan id-dritt ta’ trade mark, b’mod li jkun possibbli li l-kunċett ta’ “dritt” fl-Artikolu 21(1)(a) tar-Regolament Nru 874/2004 jiġi interpretat b’mod li jiċħad l-eżistenza tiegħu fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ.

64.      Fuq dan is-suġġett, għandu l-ewwel nett jiġi kkonstatat, kif ġustament tindika l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, li la d-Direttiva 89/104 u lanqas ir-regolament dwar it-trade mark Komunitarja ma jissuġġettaw ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal għall-fatt li l-proprjetarju jrid ikollu l-intenzjoni li jużah għall-oġġetti jew servizzi mitluba. Tant hu hekk, l-Artikolu 10 tad-direttiva msemmija kif ukoll l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 207/2009 jagħtu lil kull proprjetarju ta’ trade mark nazzjonali jew Komunitarja, rispettivament, terminu ta’ massimu ħames snin, b’effett mir-reġistrazzjoni tat-trade mark, li fih huma jistgħu ma jużawhx ġenwinament (16).

65.      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 3(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva 89/104 ma jipprojbixxix ir-reġistrazzjoni, fi Stat Membru, bħala trade mark nazzjonali, ta’ kelma meħuda minn lingwa ta’ Stat Membru ieħor li fiha l-imsemmija kelma m’għandhiex karattru distintiv jew deskrittiv tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni, ħlief meta dawk ikkonċernati fl-Istat Membru li fih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni jkunu kapaċi jagħrfu t-tifsira ta’ din il-kelma. Fil-fatt, jista’ jkun li minħabba differenzi lingwistiċi, kulturali, soċjali u ekonomiċi bejn l-Istati Membri, trade mark li, fi Stat Membru, m’għandhiex karattru distintiv jew ma tagħtix deskrizzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati, ikollha dawn il-karatteristiċi fi Stat Membru ieħor (17)

66.      Barra minn hekk, il-mala fide mhijiex imniżżla fost ir-raġunijiet assoluti għal rifjut tat-trade mark Komunitarja (Artikolu 7 tar-Regolament Nru 207/2009) u, fuq livell nazzjonali, dawn jistgħu jikkostitwixxu raġuni għal rifjut jew għall-annullament, skont l-Artikolu 3(2)(d) tad-Direttiva 89/104. Issa, jirriżulta mill-portata tal-imsemmi Artikolu 3(2) li l-Istati Membri mhumiex obbligati li jinkludu l-mala fide fil-liġi nazzjonali tagħhom dwar it-trade marks bħala raġuni assoluta għal rifjut u lanqas bħala raġuni ta’ invalidità.

67.      Minn dan isegwi li, anki kieku d-dritt Svediż jipprevedi l-possibbiltà li minħabba l-mala fide tkun tista’ tiġi annullata trade mark reġistrata, u fid-dawl tal-effett kostituttiv tar-reġistrazzjoni tat-trade marks, huwa biss l-obbligu tal-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali, f’dan il-każ l-awtoritajiet Svediżi, li għandhom jiddikjaraw invalida t-trade mark ikkontestata fil-kawża prinċipali, permezz tal-proċeduri previsti għal dan il-għan mid-dritt nazzjonali, jew mill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali permezz ta’ talba jew talba rikonvenzjonali f’kawża ppreżentata quddiemhom.

68.      Din il-fehma tidher li hija wkoll iktar konformi mal-ħtieġa ta’ ħeffa tal-proċedura ta’ ADR deskritta qabel, inkwantu l-Artikolu 21(1)(a) moqri flimkien mal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 874/2004 mhumiex intiżi li jagħtu lit-tribunal tal-arbitraġġ Ċek is-setgħa li jiddeċiedi fuq il-validità tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jew industrijali li fuqhom hija bbażata r-reġistrazzjoni ta’ isem ta’ dominju, iżda sempliċement li jikkonstata l-eżistenza tagħhom, anki jekk dan isir biss b’mod formali.

69.      Għaldaqstant, anke meta trade mark ikollha tkun is-suġġett ta’ proċeduri minħabba r-revoka jew in-nullità tagħha, sakemm din ma kinitx is-suġġett ta’ dikjarazzjoni f’dan is-sens, din tkun biżżejjed biex tiġi kkunsidrata bħala “dritt” fis-sens tal-Artikolu 21(1)(a) tar-Regolament Nru 874/2004. Mill-banda l-oħra, is-sempliċi fatt li tkun saret applikazzjoni għal trade mark ma jistax jiġġustifika l-eżistenza ta’ dritt iżda, l-iktar l-iktar, ta’ interess leġittimu (18).

70.      Bħala konklużjoni jingħad li d-dubji fir-rigward tal-eventwali reġistrazzjoni b’mala fide ta’ trade mark ma jistgħux jipprekludu l-eżistenza ta’ dan it-tip ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali u li, għaldaqstant, meta l-proprjetarju ta’ isem ta’ dominju jkun ibbaża dan l-isem fuq trade mark nazzjonali, huwa jkollu d-dritt fis-sens tal-Artikolu 21(1)(a) tar-Regolament Nru 874/2004. Dawn id-dubji, li huma ġġenerati partikolarment miċ-ċirkustanzi li fihom ġiet irreġistrata t-trade mark nazzjonali fil-kawża prinċipali, l-istess bħal meta jkun hemm isem ġeneriku fil-lingwa Ġermaniża, jistgħu jekk ikun il-każ jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-analiżi tal-mala fide fis-sens ta’ dan l-Artikolu 21(1)(b).

71.      Minn dan li ntqal iktar ’il fuq, jirriżulta li għandha tingħata risposta għall-inċiż (a) tal-ewwel domanda b’mod li l-Artikolu 21(1)(a) tar-Regolament Nru 874/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-proprjetarju ta’ trade mark nazzjonali għandu d-dritt imsemmi f’din id-dispożizzjoni, sakemm l-istess trade mark ma tkunx ġiet annullata mill-awtoritajiet jew mill-qrati kompetenti u skont il-proċeduri stabbiliti fid-dritt nazzjonali minħabba l-mala fide jew xi raġuni oħra.

2.      Risposta għall-inċiż (b) tal-ewwel domanda

72.      Bl-inċiż (b) tal-ewwel domanda, l-Oberster Gerichtshof tixtieq tkun taf jekk, meta n-nuqqas ta’ identiċità bejn it-trade mark li tagħha hija proprjetarja r-rikorrenti u l-isem tad-dominju li hija kienet kisbet huwa dovut għal applikazzjoni żbaljata tar-regoli tat-traskrizzjoni tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 874/2004, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tistax tkompli titqies li għandha “dritt” fis-sens tal-Artikolu 21(1)(a) tal-imsemmi regolament.

73.      Fuq dan is-suġġett, għandhom isiru dawn l-osservazzjonijiet li ġejjin.

74.      Fl-ewwel lok, il-fatt li l-kelma użata għat-trade mark tikkostitwixxi kelma ġenerika f’lingwa tal-Komunità, li f’dan il-każ hija l-lingwa Ġermaniża, huwa irrilevanti biex jiġi stabbilit l-effett tal-applikazzjoni ħażina tar-regoli tat-traskrizzjoni, inkwantu l-allokazzjoni tal-ismijiet ta’ dominju .eu komposti minn kliem ġeneriċi fil-lingwi tal-Komunità ma ġietx ipprojbita bir-Regolament Nru 874/2004, u lanqas bir-Regolament Nru 733/2002.

75.      Fit-tieni lok, jirriżulta ċarament mill-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 874/2004, b’mod partikolari mill-aħħar sentenza tiegħu (19), li l-prinċipju biex jiġu reġistrati ismijiet ta’ dominju li joriġinaw minn drittijiet ta’ qabel jikkonsisti fl-identiċità u fix-xebħ kbir bejn dawn it-tnejn.

76.      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-alternattivi għat-traskrizzjoni tal-karattri speċjali tat-tieni u t-tielet paragrafu tal-imsemmi Artikolu 11, għandu jiġi nnotat li, kuntrarjament għal dak sostnut mill-Kummissjoni, id-diċitura ta’ din id-dispożizzjoni ma tistabbilixxix ġerarkija bejn it-tliet soluzzjonijiet (eliminazzjoni, sostituzzjoni jew l-użu ta’ karattri normali), imma biss f’dak li jikkonċerna t-tielet waħda, is-sostituzzjoni tal-karattri speċjali b’dawk normali. Fil-fatt, il-ħtieġa li ssir is-sostituzzjoni tal-karattri speċjali f’din it-tielet ipotesi “fejn possibbli” għandha tiġi interpretata bħala s-soluzzjoni ppreferita tal-leġiżlatur meta mqabbla maż-żewġ partijiet l-oħra tal-alternattiva (20).

77.      Madankollu, it-tarf tas-sentenza “fejn possibbli” m’għandux jinftiehem fis-sens li s-sostituzzjoni tal-karattri speċjali għandha bilfors issir kull darba li l-karattru speċjali inkwistjoni, li f’dan il-każ huwa “&”, ikollu kontenut semantiku, f’dan il-każ “and” (fl-Ingliż). Għandu jittieħed kunsiderazzjoni tal-fatt li l-idea wara l-Artikolu 11 hija, skont l-ewwel paragrafu tiegħu, b’mod partikolari, li jagħti soluzzjoni sodisfaċenti għall-ismijiet sħaħ magħmulin minn diversi kliem jew elementi testwali jew kliem separat bi spazji, bħalma hija t-trade mark “X&Y”. Huwa ċar li dan it-tip ta’ isem huwa kkonfrontat bil-limitazzjonijiet tekniċi tar-reġistrazzjoni ta’ isem ta’ dominju. Għaldaqstant, huwa proprju bil-għan li jiġu megħluba dawn l-ostakli li nħolqu r-regoli tat-traskrizzjoni.

78.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk is-sostituzzjoni tal-karattri speċjali hija ppreferita mis-soluzzjonijiet l-oħra, din ma tapplikax b’mod awtomatiku malli r-reġistru jkollu applikazzjoni li fiha tali karattru. Għall-kuntrarju, hemm bżonn li din tiġi applikata b’mod li tittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-possibbiltà li s-sinjal teknikament inkompatibbli mal-ismijiet tad-dominju jiġi tradott f’karattri normali, imma wkoll il-fatt li t-traduzzjoni twassal għal riżultat li joffri ċerta koerenza mad-dritt ta’ qabel.

79.      Għaldaqstant, anki jekk huwa minnu li l-karattru “&”, użat normalment biex jgħaqqad żewġ kelmiet, jista’ jkollu kontenut semantiku faċilment traduċibbli fil-lingwi kollha tal-Komunità, l-użu kważi abbużiv magħmul mir-rikorrenti seta’ jitqies bħala li jiżnatura l-imsemmi kontenut semantiku. Fil-fatt, it-tpoġġija tiegħu qabel u wara kull waħda mill-ittri li jiffurmaw il-kelma Ġermaniża “Reifen” (“&R&E&I&F&E&N&”) hija nieqsa minn kull loġika, b’mod partikolari fil-konfront tal-mod li bih is-simbolu “&” jintuża b’mod komuni. Issa, dawn il-konstatazzjonijiet kollha jeħtieġu evalwazzjonijiet fattwali li l-Qorti tal-Ġustizzja jeħtieġilha tagħmel.

80.      Minn dan isegwi li, jekk skont il-fehma tal-qorti nazzjonali, li hija l-unika waħda li għandha l-kompetenza fil-proċedura preliminari biex teżamina l-fatti tal-kawża li jkollha quddiemha, fiċ-ċirkustanzi tal-każ il-karattru “&” ma kellux jew kien tilef il-kontenut semantiku tiegħu, ir-reġistru ma jistax jiġi akkużat li pproċeda bl-eliminazzjoni tal-istess karattru waqt ir-reġistrazzjoni tal-isem tad-dominju. F’dak il-każ, id-differenza bejn is-sinjal irreġistrat bħala trade mark u l-isem tad-dominju tkun ġustifikata; konsegwentement, ir-reġistrazzjoni kienet korretta u r-rikorrenti rreġistrat debitament id-dritt ta’ qabel tagħha, u saret b’hekk proprjetarja ta’ “dritt” fis-sens tal-Artikolu 21(1)(a) tar-Regolament Nru 874/2004.

81.      Għaldaqstant, jeħtieġ li tingħata risposta għall-inċiż (b) tal-ewwel domanda b’mod li d-dritt fis-sens tal-Artikolu 21(1)(a) tar-Regolament Nru 874/2004 ikun jeżisti ukoll meta t-trade mark li fuqha hija bbażata r-reġistrazzjoni tad-dominju tkun differenti mill-isem tad-dominju wara li sseħħ l-eliminazzjoni korretta tal-karattri speċjali li l-istess trade mark kien fiha. Huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tanalizza jekk l-imsemmija karattri speċjali setgħux jiġu espressi b’karattri normali.

C –    Fuq it-tieni u t-tielet domandi

82.      Bit-tieni u t-tielet domanda tagħha, li jeħtieġ li jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi fuq il-modi biex hija tkun tista’ tidentifika l-“interess leġittimu” fis-sens tal-Artikolu 21(1)(a) tar-Regolament Nru 874/2004 fiċ-ċirkustanzi tal-każ li hija għandha quddiemha; hija tistaqsi b’mod partikolari, minn banda, jekk il-lista tal-każijiet previsti fl-Artikolu 21(2)(a) sa (ċ) tal-istess regolament hijiex ta’ natura eżawrjenti u, mill-banda l-oħra, fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għal din id-domanda, jekk is-sempliċi xewqa li jintuża isem ta’ dominju għal sit tal-internet tematiku hijiex biżżejjed biex tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-imsemmi interess leġittimu.

83.      Qabel xejn, peress li, minn banda, mir-risposta għall-ewwel domanda tirriżulta l-eżistenza ta’ “dritt” fis-sens tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 874/2004, u mill-banda l-oħra, tirriżulta n-natura alternattiva ta’ dan id-“dritt” u tal-“interess leġittimu” biex tkun sodisfatta l-ewwel kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, ir-risposta għal dawn it-tieni u t-tielet domandi prattikament ma tibqax utli għall-qorti tar-rinviju. Għaldaqstant, l-argumenti li ser nesponi iktar ’l isfel qegħdin jiġu ppreżentati biss b’mod sussidjarju.

84.      Għal dak li jirrigwarda n-natura eżawrjenti tal-każijiet previsti fl-Artikolu 21(2)(a) sa (ċ), għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li l-paragun tad-diversi verżjonijiet lingwistiċi tat-test tad-dispożizzjoni msemmija jiżvela żball fil-verżjoni Ġermaniża. Fil-fatt, din tinqara kif ġej: “(2) Ein berechtigtes Interesse im Sinne von Absatz 1, Buchstabe a) liegt vor, wenn : [...]”. Din id-diċitura – li litteralment tista’ tiġi tradotta kif ġej: “Ikun jeżisti interess leġittimu fis-sens tal-paragrafu 1(a) meta [...]” – introduċiet tifsira kategorika b’mod li wieħed jista’ jikkonkludi favur l-eżistenza ta’ interess leġittimu biss fil-każijiet previsti espressament, li ser jiġu ttrattati iktar ’l isfel.

85.      Issa, il-portata ta’ diversi verżjonijiet lingwistiċi oħra turi biċ-ċar li l-leġiżlatur Komunitarju ma ppruvax jillimita l-prova dwar l-eventwali eżistenza ta’ dan l-interess leġittimu għall-każijiet deskritti taħt il-paragrafi (a), (b) u (ċ). Dan jirriżulta biċ-ċar mill-użu tal-verb “jista’”, li juri n-natura mhux eżawrjenti tal-eżempji msemmija (21).

86.      Din l-interpretazzjoni litterali tat-test hija kkorroborata b’argument teleoloġiku; fil-fatt, fost l-għanijiet li għandu r-Regolament Nru 874/2004, għandha tiġi enfasizzata l-ħeffa tal-proċeduri quddiem il-korpi ADR. F’dan il-kuntest, ir-regoli ta’ interpretazzjoni, b’mod partikolari t-termini b’kontenut ġuridiku qawwi bħalma huwa l-“interess leġittimu” jew il-“finijiet ħżiena” għandhom jitqiesu bħala għodda tal-leġiżlatur mogħtija lill-korpi ADR, inkwantu dawn jistgħu jkunu komposti minn membru wieħed (22) u fejn il-membri tagħhom m’għandhomx bilfors ikunu avukati (23).

87.      Barra minn hekk, mill-aspett sistematiku, l-elenkar tal-każijiet fejn jista’ jkun hemm interess leġittimu jirriżulta li huwa meħtieġ peress li r-regolament, fl-Artikolu 10 tiegħu, li għalih jirreferi l-Artikolu 21(1), fih diġà definizzjoni flessibbli ħafna tad-“dritt” b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna d-drittijiet ta’ qabel, jew jirreferi għad-dritt nazzjonali u Komunitarju. Issa, fir-regolament m’hemm ebda definizzjoni tal-“interess leġittimu”, kunċett li ma jissemmiex barra mill-Artikolu 21 tal-istess test leġiżlattiv. Bil-għan, għalhekk, li jiġi ffaċilitat ix-xogħol tal-korpi, kif ukoll fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni li tkun fiha definizzjonijiet rilevanti għall-applikazzjoni tar-regolament, l-unika artikolu li jista’ jipprovdi gwida fuq dan il-kunċett huwa l-Artikolu 21. Barra minn hekk, peress li l-lista tad-drittijiet, min-natura tagħha stess, hija miftuħa u mhux eżawrjenti, ma jistax jinftiehem għaliex is-sitwazzjoni għandha tkun differenti fir-rigward tal-lista li tirrigwarda l-“interess leġittimu”.

88.      Għaldaqstant, ġaladarba qiegħed jiġi konkluż li l-każijiet previsti fl-Artikolu 21(2)(a) sa (ċ) tar-Regolament Nru 874/2004 huma ta’ natura mhux eżawrjenti, għandha tiġi trattata l-kwistjoni dwar jekk is-sempliċi intenzjoni li jintuża isem ta’ dominju hijiex biżżejjed biex tissodisfa l-kundizzjoni tal-interess leġittimu.

89.      F’dan il-kuntest, għandu jiġi nnotat li t-tliet każijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni jeħtieġu espressament, jew jippreżumu, li l-isem jintuża. Hija biss l-ewwel ipotesi li tippermetti li ma jkunx meħtieġ dan l-użu meta l-proprjetarju ta’ dak l-isem ikun jista’ juri li ħejja ruħu biex jipprovdi oġġetti jew servizzi.

90.      F’dan il-każ, is-sempliċi dikjarazzjoni li wieħed għandu l-intenzjoni li juża l-isem tad-dominju ma tistax titqies bħala tħejjija biex issir tali offerta ta’ oġġetti jew servizzi; iċ-ċertezza legali teħtieġ prova tal-eżistenza ta’ pjan ta’ azzjoni li jipprevedi miżuri konkreti sabiex tinbeda fl-iqsar żmien l-attività kkontemplata. Jekk, pereżempju, “business plan” dettaljat kellu jiġi aċċettat bħala prova f’dan ir-rigward, dokumenti oħra li jiżvelaw stat ta’ progress inqas dettaljat, bħalma huma proġetti ta’ kuntratti għall-formazzjoni ta’ kumpannija, il-ħolqien ta’ sit tal-internet, eċċ għandhom ukoll ikunu prova tal-eżistenza tal-imsemmi interess leġittimu (24).

91.      F’dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti, fejn tgħid li dak iż-żmien hija ma bdietx tħejji l-attività tagħha biex tistenna l-eżitu ta’ din il-kawża, għandu jiġi nnotat li, għalkemm dan l-approċċ jista’ jitqies prudenti, dan jista’ juri wkoll li r-rikorrenti mhijiex tfittex ħlief li tirreġistra l-isem tad-dominju. Issa, fin-nuqqas assolut ta’ provi materjali, dan l-għan waħdu ma jistax jitqies bħala “leġittimu” fis-“sunrise period”, imma biss fil-“landrush period” fejn l-applikazzjonijiet ma jkunux suġġetti għall-ebda rekwiżit.

92.      Madankollu, peress li dawn l-evalwazzjonijiet fuq l-intenzjonijiet u l-bidu ta’ attività li tkun fl-isfond tal-isem ta’ dominju joħorġu mill-fatti, il-qorti nazzjonali għandha l-obbligu li teżamina, fid-dawl tal-informazzjoni kollha li jkollha quddiemha, jekk il-proprjetarju tal-isem tad-dominju effettivament ippruvax l-eżistenza ta’ dak il-pjan, jew ġabx id-dokumenti jew provi oħra, li fin-nuqqas tagħhom l-interess leġittimu ma jkunx jista’ jiġi dedott mis-sempliċi intenzjoni tal-użu tal-persuna kkonċernata.

D –    Fuq ir-raba’ u l-ħames domandi

93.      B’dawn iż-żewġ domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, l-Oberster Gerichtshof tistaqsi, essenzjalment, minn banda, jekk l-aġir tar-rikorrenti jirrilevax bħala mala fide, fis-sens tal-Artikolu 21(1)(b) tar-Regolament Nru 874/2004, u, mill-banda l-oħra, jekk il-lista tal-kriterji li jservu bħala prova tal-mala fide skont l-Artikolu 21(3) hijiex eżawrjenti.

94.      Fl-ewwel lok, fir-rigward tan-natura eżawrjenti tal-lista tal-kriterji tal-Artikolu 21(3) biex tiġi ppruvata l-mala fide, għandu jiġi nnotat sempliċement li, għal darba oħra, il-verżjoni Ġermaniża tar-Regolament Nru 874/2004 hija vvizzjata bi żball. Fil-fatt, l-istess bħat-tieni domanda (25), is-sempliċi paragun tal-verżjonijiet lingwistiċi turi li d-diċitura użata fil-lingwa Ġermaniża “Bösgläubigkeit im Sinne von Absatz 1 Buchstabe b) liegt vor, wenn” hija wisq kategorika u, mill-aspett grammatikali, tillimita l-każijiet ta’ mala fide għal dawk deskritti fil-lista tal-Artikolu 21(3). Mill-banda l-oħra, il-lingwi l-oħra (26) jintroduċu kollha kemm huma sinjifikat importanti billi jżidu l-verb “jista’”, b’mod li l-każijiet imsemmija fl-istess lista jidhru hemm bħala eżempji, mingħajr ma tingħatalhom natura eżawrjenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-verżjoni Ġermaniża għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra (27).

95.      Din l-interpretazzjoni litterali tat-test hija msaħħa, fl-ewwel lok, bl-istess argument teleoloġiku mressaq fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-paragrafu 2 tad-dispożizzjoni msemmija, fir-rigward tan-natura sommarja tal-proċedura ta’ ADR u n-nuqqas eventwali ta’ taħriġ ġuridiku tal-membri tal-korpi, ħaġa li wasslet lil-leġiżlatur biex jipprova jgħinhom permezz tal-previżjoni ta’ eżempji (28).

96.      Fir-rigward tal-mala fide, għandu jingħad ukoll li, peress li l-għan tar-regolament huwa li jipprevjeni jew jevita s-cybersquatting, il-leġiżlatur Ewropew ried jipprovdi lill-imsemmija korpi b’eżempji tipiċi ta’ dan it-tip ta’ aġir li huwa jikkunsidra fi kwalunkwe każ li huma kuntrarji għall-bona fide.

97.      Għaldaqstant, mill-aspett sistematiku, għandu jiġi kkonstatat li l-bona fide tintalab fl-inċiż (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 874/2004, fil-forma ta’ dikjarazzjoni annessa mal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem ta’ dominju, bħala element meħtieġ għall-validazzjoni tal-applikazzjoni msemmija. Peress li skont l-inċiż (ċ) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 20 tal-istess regolament, ir-reġistru jista’ jirrevoka minn jeddu isem ta’ dominju meta l-proprjetarju ma jkunx osserva l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni, ir-revoka minħabba n-nuqqas ta’ bona fide tippreżumi l-verifikazzjoni mir-reġistru tal-kawża ta’ mala fide; madankollu, ma hija prevista ebda restrizzjoni fir-rigward tal-kawżi possibbli ta’ mala fide. Fir-rigward ta’ klawsola ġenerali, ikun diffiċli li jkun jista’ jinftiehem sewwa li l-leġiżlatur ta lir-reġistru l-kompetenza li jinterpreta ex officio u mingħajr ebda restrizzjonijiet il-mala fide, filwaqt li, jekk wieħed jikkunsidra l-lista tal-Artikolu 21(3) bħala waħda eżawrjenti, dan jillimita l-kompetenza tal-korpi extraġudizzjarji jew ġudizzjarji biex jinterpretaw il-mala fide għall-każijiet previsti espressament fil-lista ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

98.      Id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju kienet madankollu importanti, inkwantu hija għandha dubji fuq jekk l-aġir tar-rikorrenti jikkorrispondix għal waħda mis-sitwazzjonijiet previsti espressament fil-lista li tinsab fl-Artikolu 21(3). Kieku dawn il-kriterji, li wara kollox jirrigwardaw kollha kemm huma l-aġir tipiku tas-cybersquatting, kienu eżawrjenti, il-qorti tar-rinviju kienet tikkonkludi b’dan il-mod favur in-nuqqas ta’ mala fide.

99.      Fit-tieni lok, l-aċċettazzjoni ta’ każijiet oħra li jiġġustifikaw il-mala fide fis-sens tal-Artikolu 21(1)(b) tar-Regolament Nru 874/2004 twassalni għalhekk biex nislet il-kriterji li huma rilevanti għall-analiżi tal-mala fide fil-konfront tar-rikorrenti.

100. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà spjegat li l-eżistenza tal-mala fide għandha tiġi evalwata globalment, bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-fatturi kollha rilevanti tal-każ ineżami (29). Anke jekk hija tat id-deċiżjoni tagħha fil-kuntest ta’ kawża fuq id-dritt tat-trade marks li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 51(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, ma hemm xejn li jeskludi l-applikazzjoni b’analoġija tal-istess raġunament. Fil-fatt, fiż-żewġ każijiet hemm involut il-ksib tad-drittijiet (kemm tat-trade mark, kif ukoll dak fuq l-użu esklużiv ta’ isem ta’ dominju) permezz tar-reġistrazzjoni ma’ reġistru uffiċjali.

101. F’dak li jikkonċerna l-fatturi msemmija fid-domandi preliminari li jistgħu jkunu ta’ interess għall-eżami tal-mala fide tar-rikorrenti, jiġifieri:

–        il-kundizzjonijiet li fihom ġiet akkwistata t-trade mark, bil-għan li tkun tista’ ssir applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-isem tad-dominju waqt l-ewwel fażi;

–        il-fatt li l-isem huwa wieħed ġeneriku meħud mil-lingwa Ġermaniża; u

–        l-użu eventwalment abbużiv tas-sinjal “&” sabiex tiġi influwenzata l-applikazzjoni tar-regoli tat-traskrizzjoni tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 874/2004,

għandhom isiru l-preċiżazzjonijiet segwenti.

102. Preliminarjament, għandu jiġi nnotat li l-fatt li l-proprjetarju ta’ trade mark ma kellux l-għan, permezz tar-reġistrazzjoni tat-trade mark fi Stat Membru fejn huwa ma kienx qiegħed jantiċipa ebda attività professjonali marbuta magħha, li jiżgura li jkollu pożizzjoni aħjar fil-konfront tal-kompetituri tiegħu waqt l-għoti tal-isem tad-dominju ma jikkostitwixxi, fih innifsu, prova tal-mala fide.

103. Fil-fatt, ir-Regolament Nru 874/2004 stess, bil-fatt li jipprevedi “sunrise period”, jippermetti lill-proprjetarji tad-drittijiet ta’ qabel, fosthom it-trade marks reġistrati, li japplikaw għal isem ta’ dominju li jikkorrispondi ma’ dak id-dritt ta’ qabel, u dan bi preferenza fuq l-applikanti li ma jkollhomx dan it-tip ta’ drittijiet. Il-fatt, għalhekk, li wieħed jakkwista pożizzjoni iktar favorevoli ma jistax jitqies bħala “finijiet ħżiena” ħlief jekk ikunu preżenti fatturi oħra li juru li huwa ma kienx ikollu dak il-vantaġġ f’ċirkustanzi normali u li din is-sitwazzjoni favorevoli hija l-effett ta’ aġir li intenzjonalment imur kontra l-prattiki leali tal-kummerċ. Dan jinvolvi, ġustament, li jiġu analizzati dawn l-elementi fattwali l-oħra li jistgħu jippruvaw il-mala fide fil-konfront tar-rikorrenti.

104. Għaldaqstant, f’dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet għall-ksib tat-trade mark “&R&E&I&F&E&N&”, għalkemm il-proprjetarju ta’ sinjal jista’ jirreġistrah fil-pajjiż tal-għażla tiegħu, xorta waħda jibqa’ l-fatt li trade mark irreġistrata f’pajjiż fejn il-proprjetarju tagħha ma jkunx intenzjonat jużaha f’ebda każ, kif jidher li jirriżulta mill-proċess mibgħut mill-qorti tar-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja, mhijiex xierqa biex tissodisfa l-funzjoni essenzjali tagħha, li tikkonsisti fil-fatt li tiggarantixxi lill-konsumatur jew lill-utent finali l-awtentiċità tal-oriġni tal-prodott jew tas-servizz (30). Fil-fatt, peress li r-rikorrenti mhijiex preżenti fuq is-suq Svediż, l-imsemmija trade mark ma tipproteġi ebda oġġett jew servizz fl-istess pajjiż.

105. Madankollu, dan l-element waħdu ma jservix biex jikkwalifika l-aġir tar-rikorrenti bħala mala fide, inkwantu, kif ġie nnotat, id-Direttiva 89/104 ma tobbligax lill-proprjetarju ta’ trade mark biex jużaha għal perijodu ta’ massimu ħames snin wara d-data tar-reġistrazzjoni. Fl-isfond ta’ dan, l-intenzjoni ċara, bħal f’dan il-każ, li ma jinbiegħux prodotti u lanqas servizzi fl-Isvezja, b’mod partikolari ċinturini tas-sigurtà, peress li riedet tbiegħ tajers, huwa indizzju ieħor li t-trade mark inkisbet b’għan estranju għall-funzjoni essenzjali tagħha jew anki għal dak b’funzjonijiet differenti oħra, bħal dik li tiggarantixxi l-kwalità tal-prodott jew servizz inkwistjoni, jew dawk tal-komunikazzjoni, tal-investiment jew tar-reklamar (31).

106. F’dan il-kuntest, ir-reġistrazzjoni fl-Isvezja, pajjiż fejn il-Ġermaniż mhuwiex mitkellem, ta’ trade mark verbali meħuda mill-Ġermaniż timmerita attenzjoni partikolari.

107. Għalhekk, m’hemmx dubju li dan il-fattur huwa tali li juri li t-trade mark ma tissodisfax ħlief funzjoni sussidjarja, iżda meħtieġa, bil-għan li jinkiseb l-isem tad-dominju. F’aġir leali, ir-rikorrenti ma setgħetx tirreġistra t-trade mark “Reifen” f’pajjiż fejn jitkellmu l-Ġermaniż, u dan peress li s-sinjali verbali ġeneriċi m’għandhomx karattru distintiv, b’mod partikolari meta huma jkunu deskrittivi (32). Issa, huwa ġustament f’dawn il-pajjiżi li l-protezzjoni tat-trade mark għandha tissodisfa l-bżonnijiet tal-proprjetarju, u dan peress li s-suq li fih huwa jopera, dak tat-tajers, huwa limitat, skont il-qorti tar-rinviju, għall-pajjiżi li jitkellmu l-Ġermaniż.

108. Ċertament, l-ismijiet ġeneriċi mhumiex esklużi mir-reġistri “.de” jew “.at”, l-istess bħalma mhumiex esklużi mir-reġistru “.eu” (33). Iżda, peress li r-rikorrenti ma setgħetx tikseb ir-reġistrazzjoni tat-trade mark ġenerika “Reifen” għas-swieq fejn jitkellmu l-Ġermaniż, fejn hija kellha f’moħħha li topera l-attività tagħha, hija kellha tistenna l-ftuħ tal-fażi msejħa “landrush” biex tipprova tikseb l-isem tad-dominju tagħha fuq livell ta’ ugwaljanza mal-persuni l-oħra li jkunu jixtiequ jirreġistraw dan l-istess isem, skont il-prinċipju li “min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel” (34), li huwa l-mod modern tal-massima Rumana prior tempore potior iure (35).

109. Issa, permezz tal-invenzjoni tar-reġistrazzjoni tat-trade marks li hija ma kellhix l-intenzjoni li tuża, ir-rikorrenti evitat biss li jkollha tistenna l-fażi tal-ftuħ ġenerali (“landrush period”) b’detriment tal-persuni l-oħra interessati fl-istess isem ta’ dominju, u għalhekk kontra l-ispirtu tar-Regolament Nru 874/2004, li ried li r-regola li “min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel” tapplika ukoll f’dan il-perijodu.

110. Fl-aħħar nett, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-użu eventwalment abbużiv tas-sinjal “&” magħmul mir-rikorrenti biex tinfluwenza l-applikazzjoni tar-regoli tat-traskrizzjoni tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 874/2004.

111. Fil-fatt, it-tieni fattur li kkontribwixxa biex ir-rikorrenti tikseb l-isem tad-dominju billi tevita l-kompetizzjoni tal-fażi “landrush” kien ir-reġistrazzjoni tat-trade mark bl-użu sproporzjonat u bla loġika tas-simbolu “&”. B’hekk, fis-sinjal “&R&E&I&F&E&N&”, is-simbolu “&” għandu t-tendenza li jitlef is-sinjifikat tradizzjonali tiegħu (“and”, “et”) u jsir biss speċi ta’ sfont, qisu qiegħ ornamentali ta’ kelma verament mixtieqa, ħaġa li tiġġustifika l-eliminazzjoni tagħha, iżda mhux it-traskrizzjoni tagħha, waqt ir-reġistrazzjoni.

112. Mill-bqija, ir-reġistrazzjoni ta’ massa ta’ ismijiet, 33 wieħed, ta’ trade marks fir-reġistru Svediż, kollha bl-istess mod, billi jintuża s-simbolu “&”, jista’ wkoll ikun ħjiel li juri iktar in-nuqqas ta’ bona fide tal-proprjetarju tal-isem tad-dominju, inkwantu dawn ir-reġistrazzjonijiet jistgħu, jekk ikun il-każ, jidħlu taħt waħda miċ-ċirkustanzi deskritti fl-Artikolu 21(3)(a), (b) jew (d), aġir tipiku tad-“domain grabbing”.

113. Dawn iċ-ċirkustanzi kollha jridu jiġu analizzati fid-dawl tal-prinċipju tal-“abbuż tad-dritt”, li fir-rigward tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fis-sens li l-prova ta’ prattika abbużiva teħtieġ ġabra ta’ ċirkustanzi oġġettivi li minnha jirriżulta li, minkejja osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti fil-leġiżlazzjoni komunitarja, l-għan li jrid jintlaħaq minn din il-leġiżlazzjoni ma ntlaħaqx, u element suġġettiv li jikkonsisti fir-rieda li jinkiseb vantaġġ li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni komunitarja filwaqt li joħloq artifiċjalment il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba tiegħu (36).

114. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata risposta lir-raba’ u l-ħames domanda fis-sens li, għall-analiżi tal-mala fide fis-sens tal-Artikolu 21(1)(b) tar-Regolament Nru 874/2004, moqri flimkien mal-paragrafu 3 tiegħu, li l-kriterji tiegħu mhumiex eżawrjenti, il-qorti nazzjonali hija obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ ineżami, fosthom b’mod partikolari:

–        il-kundizzjonijiet li fihom ġiet akkwistata t-trade mark, b’mod partikolari l-intenzjoni li ma tintużax fis-suq li għalih intalbet il-protezzjoni;

–        il-fatt li l-isem huwa wieħed ġeneriku meħud mil-lingwa Ġermaniża; u

–        l-użu eventwalment abbużiv tas-sinjal “&” sabiex tiġi influwenzata l-applikazzjoni tar-regoli tat-traskrizzjoni tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 874/2004,

–        inkwantu l-uniku għan tar-reġistrazzjoni huwa li wieħed ikun jista’ japplika għar-reġistrazzjoni tal-isem tad-dominju li jikkorrispondi għat-trade mark waqt l-ewwel fażi tar-reġistrazzjoni tal-ismijiet tad-dominju (“sunrise period”) prevista mill- imsemmi regolament.

VII – Sinteżi

115. L-analiżi magħmula f’dawn il-konklużjonijiet twassalni biex nissuġġerixxi soluzzjoni li biha, għalkemm l-eżistenza tad-dritt tar-rikorrenti fis-sens tal-Artikolu 21(1)(a) tar-Regolament Nru 874/2004 tidher li diffiċilment tista’ tiġi miċħuda, ġabra ta’ fatturi tista’ madankollu turi l-mala fide tagħha.

116. Għaldaqstant, il-kisba ta’ trade mark nazzjonali tikkostitwixxi dritt li tirrendiha benefiċjarja tal-pożizzjoni ġuridika mitluba mill-istess dispożizzjoni inkwantu huwa biss l-annullament ta’ dik it-trade mark skont il-proċeduri nazzjonali rilevanti li jista’ jneħħi tali benefiċċju. Issa, id-differenza bejn it-trade mark u l-isem tad-dominju hija dovuta għall-applikazzjoni x’aktarx korretta tar-regoli tat-traskrizzjoni, b’mod li din id-differenza ma tistax tiġi eċċepita lilha sabiex jiġi mxejjen id-dritt tagħha fis-sens tal-Artikolu 21(1)(a).

117. Madankollu, id-diversi fażijiet li għaddiet minnhom ir-rikorrenti jikkostitwixxu l-ħoloq ta’ katina li fi tmiemha tinsab ir-reġistrazzjoni tal-isem tad-dominju. Minkejja l-fatt li dawn kollha, meħudin waħidhom, huma formalment validi, il-proċess fl-intier tiegħu jagħti wieħed x’jifhem li hemm intenzjoni li jiġu evitati d-dispożizzjonijiet tar-regolament permezz ta’ trade mark li mhijiex meħtieġa għalih ħlief biex hija tkun tista’ tibbenefika mill-ewwel fażi tar-reġistrazzjoni tal-ismijiet ta’ dominju. Bl-aġir tagħha b’dan il-mod, ir-rikorrenti tikseb vantaġġ fil-konfront tal-persuni l-oħra interessati fl-istess isem ta’ dominju, iktar u iktar inkwantu kelma ġenerika bil-Ġermaniż, liema vantaġġ hija ma kienx ikollha kieku aġixxiet b’mod leali.

118. Fil-fatt, bl-aġir abbużiv tagħha, hija timpedixxi lill-persuni interessati l-oħra milli jipparteċipaw għall-għoti tal-isem tad-dominju b’applikazzjoni tar-regoli li “min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel”. Jekk dan l-aġir jiġi aċċettat bħala “mossa ġenjali” ikun ifisser li t-tellieqa għall-iktar wieħed ħafif tinbidel għal waħda għall-iktar wieħed makakk, jiġifieri dak li jsib it-triq qasira l-iktar vantaġġjuża, u dan b’kuntrast mal-ispirtu stess tar-regolament.

VIII – Konklużjoni

119. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi kif ġej għad-domandi magħmula mill-Oberster Gerichtshof :

“1)      L-Artikolu 21(1)(a) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2004, tat-28 ta’ April 2004, li jippreskrivi r-regoli tal-politika pubblika li jikkonċernaw l-implimentazzjoni u l-funzjonijiet tad-Dominju tal-Ogħla Livell the.eu u l-prinċipji li jirregolaw ir-reġistrazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-proprjetarju ta’ trade mark nazzjonali għandu dritt fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sakemm l-istess trade mark ma ġietx annullata mill-awtoritajiet jew il-qrati kompetenti u skont il-proċeduri stabbiliti fid-dritt nazzjonali minħabba mala fide jew raġunijiet oħra.

Dan id-dritt ikun jeżisti wkoll meta t-trade mark li fuqha hija bbażata r-reġistrazzjoni tad-dominju tkun differenti mill-isem tad-dominju wara li sseħħ l-eliminazzjoni meħtieġa f’dan tal-aħħar tal-karattri speċjali li l-istess trade mark kien fiha. Huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tanalizza jekk l-imsemmija karattri speċjali setgħux jiġu espressi b’karattri normali.

2)      Għall-analiżi tal-mala fide fis-sens tal-Artikolu 21(1)(b) tar-Regolament Nru 874/2004, moqri flimkien mal-paragrafu 3 tiegħu, li l-kriterji tiegħu mhumiex eżawrjenti, il-qorti nazzjonali hija obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ ineżami, fosthom b’mod partikolari:

–      il-kundizzjonijiet li fihom ġiet akkwistata t-trade mark, b’mod partikolari l-intenzjoni li ma tintużax fis-suq li għalih intalbet il-protezzjoni;

–      il-fatt li l-isem huwa wieħed ġeneriku meħud mil-lingwa Ġermaniża; u

–      l-użu eventwalment abbużiv tas-sinjal “&” sabiex tiġi influwenzata l-applikazzjoni tar-regoli tat-traskrizzjoni tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 874/2004,

inkwantu l-uniku għan tar-reġistrazzjoni tat-trade mark huwa li wieħed ikun jista’ japplika għar-reġistrazzjoni tal-isem tad-dominju li jikkorrispondi għat-trade mark waqt l-ewwel fażi tar-reġistrazzjoni tal-ismijiet ta’ dominju (“sunrise period”) prevista mill-imsemmi regolament”.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Regolament tal-Kummissjoni, tat-28 ta’ April 2004, li jistabbilixxi r-regoli tal-politika pubblika li jikkonċernaw l-implimentazzjoni u l-funzjonijiet tad-Dominju tal-Ogħla Livell the.eu u l-prinċipji li jirregolaw ir-reġistrazzjoni (ĠU L 162, p. 40).


3 – Skont il-qorti tar-rinviju, l-isem tat-trade mark huwa kompost l-ewwel minn tliet ittri tal-kliem Ġermaniż “Reinigungsmittel” (prodotti tat-tindif) u “Fenster” (ħġieġ); iżda l-kelma “Reifen” minnha nnifisha tfisser tajers.


4 – ĠU L 113, p. 1.


5 – Akronimu meħud mill-Ingliż Alternative Dispute Resolution, magħrufa u użata iktar fil-lingwaġġ tekniku f’dan il-qasam.


6 – Fil-Kawża 00910.


7 – L-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40, p.1).


8–      Regolament tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1). Dan ir-regolament tħassar u ġie sostitwit mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1), fis-seħħ b’effett mit-13 ta’ April 2009. Madankollu, dan huwa biss verżjoni kodifikata li ma biddilx id-dispożizzjonijiet prinċipali fis-sustanza tagħhom.


9 – Sentenza tad-9 ta’ Marzu 2006, Matratzen Concord (C-421/04, Ġabra p. I-2303).


10 – Huwa paċifiku fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-qrati tar-rinviju għandhom jingħataw risposti utli għas-soluzzjoni tal-kawżi li fihom ikunu saru d-domandi preliminari; ara, pereżempju, is-sentenzi tat-23 ta’ April 1991, Höfner u Elser (C-41/90, Ġabra p. I 1979, punt 16), tal-24 ta’ Marzu 2009, Danske Slagterier (C-445/06, Ġabra p. I-2119, punt 29), u tad-19 ta’ Novembru 2009, Christopher Sturgeon et (C-402/07 u C-432/07, Ġabra. p. I-10923, punt 28).


11 – F’dan is-sens, ir-regola A5 tar-Regoli dwar is-soluzzjoni tal-kawżi li jirrigwardaw id-domains .eu (“Regoli ADR”; ara http://www.adreu.eurid.eu/html/en/adr/adr_rules/eu%20adr%20rules.pdf) tipprovdi li “l-andament tal-Proċedura ADR m’għandux ikun affettwat b’ebda proċedura ġudizzjarja, ħlief fil-każ previst fil-paragrafu A4(c) [...]”, li jaqra skont kif ġej: “It-Tribunal ADR għandu jagħlaq il-proċedura jekk huwa jikkonstata li l-kawża li tkun is-suġġett tal-ilment ġiet solvuta b’deċiżjoni li saret res judicata, mogħtija minn tribunal jew minn korp extraġudizzjarju għas-soluzzjoni tal-kawżi”. Barra minn hekk, dawn id-dispożizzjonijiet juru li l-proċedura mhijiex obbligatorja, b’kuntrast ma’ dak li ġie sostnut; ara, Muñoz, R., “L’enregistrement d’un nom de domaine “.eu””, Journal des tribunaux – Droit Européen, 2005, Nru 120, p. 164.


12 – T. Bettinger, “Alternative Streitbeilegung für ‘.EU’, Wettbewerb in Recht und Praxis, Nru 5/2006, p. 551.


13 – M. Fromkin “ICANN’s Uniform Dispute Resolution Policy, Causes and (Partial) cures”, Brooklyn Law Review, Vol 67, rebbiegħa 2002, Nru 3, p. 636.


14 – Dan ġie dikjarat bħala li huwa inġust, inkwantu, biex inżommu biss mat-termini, id-dritt li l-proprjetarju tat-trade mark jipproċedi quddiem il-qrati mhuwiex limitat fiż-żmien, filwaqt li l-konvenut ta’ isem ta’ domain ikkontestat m’għandux ħlief 30 jum biex jappella mid-deċiżjoni tat-Tribunal tal-Arbitraġġ quddiem il-qrati nazzjonali. A. Defossez, “Conflits entre titulaires de nom de domaine .eu et de droit de marque : une première analyse”, Revue du Droit de l’Union Européenne, Nru 2/2007, p. 375.


15 – Din is-sitwazzjoni tipika ta’ dan it-tip ta’ proċeduri, magħrufa bħala “trademark bias”, ma baqgħetx mingħajr kritika. Ara M. Fromkin, iċċitat iktar ’il fuq, p. 674. Ara wkoll E. Tardieu‑Guigues. “‘Eurostar.eu’, la première contestation judiciaire de l’enregistrement d’un nom de domaine en <.eu>”, Revue LAMY droit de l’immatériel, Nru 15, April 2006, p. 35, li skontu “il-prinċipji ġenerali li jiggwidaw is-soluzzjoni tal-kawżi permezz tal-proċeduri għas-soluzzjoni extraġudizzjarja mhumiex fl-interess tal-applikanti [għall-ismijiet tad-domain]”.


16 – Fuq il-kunċett tal-“użu ġenwin”, ara b’mod partikolari s-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2007, Häupl (C‑246/05, Ġabra p. I-4673) tad-9 ta’ Diċembru 2008, Verein Radetzky-Orden (C‑442/07, Ġabra p. I‑9187), u tal-15 ta’ Jannar 2009, Silberquelle (C-495/07, Ġabra p. I-137).


17 – Sentenzi Matratzen Concord, iċċitata iktar ’il fuq, punti 25 u 32, u tal-25 ta’ Ottubru 2007, Develey vs UASI (C‑238/06 P, Ġabra p. I‑9375, punt 58).


18 – Dan jidher li huwa wkoll il-kriterju segwit mill-qorti Ċeka tal-arbitraġġ; K. Scheunemann, Die .eu. Domain – Registrierung und Streitbeilegung, Nomos, Baden-Baden, 2008, p. 240.


19 – Li taqra kif ġej: “[...] Fl-aspetti l-oħrajn kollha, l-isem tad-dominju għandu jkun identiku għall-elementi testwali jew kliem tad-dritt ta’ qabel ta’ l-isem”.


20 – Din l-interpretazzjoni tidher ukoll li kienet ġiet ippreferita mill-korpi ADR, ħaġa li madankollu ma setgħetx tillimita l-frodi; J. G. Mietzel, , “Die ersten 200 ADR-Entscheidungen zu .eu‑Domains – Im Spagat zwischen Recht und Gerechtigkeit”, Mutimedia und Recht, Nru 5/2007, p. 284.


21 – B’hekk, din l-istess dispożizzjoni tinqara kif ġej: bl-Ingliż, “A legitimate interest within the meaning of point (a) of paragraph 1 may be demonstrated where”; bil-Franċiż: “L’'existence d'un intérêt légitime au sens du paragraphe 1, point a), peut être démontrée quand:”; bit-Taljan: “Il legittimo interesse ai sensi del paragrafo 1, lettera a), può essere dimostrato ove:”; bl-Ispanjol: “Podrá quedar demostrada la existencia de intereses legítimos a efectos de la letra a) del apartado 1 en los casos en que:”; bl-Olandiż: “Een gewettigd belang in de zin van lid 1, onder a), kan worden aangetoond wanneer:” u bis-Sloven: “Legitimen interes v smislu točke (a) odstavka 1 se lahko izkaže, če:” (enfasi tiegħi).


22 – Skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 874/2004.


23 – Dan jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 874/2004, li jeżiġi minnhom biss “il-ħila addattata”.


24 – Din hija, tal-inqas, it-teżi difiża minn parti mid-dottrina; T. Bettinger, A. Willoughby & S. M. Abel, Domain Law and Practice – An International Handbook, Oxford, 2005, p. 278; u K. Scheunemann, ktieb iċċitat iktar ’il fuq, p. 245.


25 – Ara l-punti 85 u 86 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


26 – Bl-Ingliż, “”Bad faith, within the meaning of punt (b) of paragraph 1 may be demonstrated, where:”; bil-Franċiż, “La mauvaise foi au sens du paragraphe 1, punt b), peut être démontrée quand:”; bit-Taljan, “La malafede ai sensi del paragrafo 1, lettera b), può essere dimostrata ove:”; bl-Ispanjol, “Podrá quedar demostrada la mala fe a efectos de la letra b) del apartado 1 en los casos en que [...]”; bl-Olandiż “Kwade trouw in de zin van lid 1, onder b), kan worden aangetoond wanneer:” u bis-Sloven, “Nepoštenost v smislu točke (b) odstavka 1 se lahko izkaže, če:” (enfasi tiegħi).


27 – Il-fehma opposta, fis-sens tan-natura eżawrjenti tal-lista, ġiet sostnuta bl-argument li l-fatt li tiżdied il-klawżola ġenerali tal-bona fide mal-każijiet espressament previsti tirriskja li tingħata interpretazzjoni differenti skont id-diversi qrati nazzjonali, u dan, flimkien ma’ kriterji bbażati fuq id-dritt tat-trade marks, li mhumiex wisq konformi ma’ dawk tal-ismijiet tad-domain; D. Kipping, Das Recht der .eu‑Domains, Carl Heymanns, Köln/München, 2008, p. 40. Issa, l-metodu ta’ paragun tal-verżjonijiet lingwistiċi ġie tradizzjonalment użat mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiskopri s-sens tat-testi leġiżlattivi Komunitarji. Meta, bħal f’dan il-każ, l-iżball jidher biss f’lingwa waħda, filwaqt li l-lingwi kollha l-oħra jkollhom l-istess kontenut semantiku, ma jistax ħlief jiġi konkluż li dik il-verżjoni tkun ivvizzjata bi żball. Barra minn hekk, l-Artikolu 3(1)(ċ) tar-Regolament Nru 874/2004 jirreferi wkoll għall-bona fide bħala klawżola ġenerali u mhux li hija marbuta biss mal-kriterji tal-Artikolu 21, mingħajr ma jkun meħtieġ, minn daqshekk, li tiġi enfasizzata xi limitazzjoni fl-interpretazzjoni ta’ dik il-klawżola.


28 – Ara l-punt 87 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


29 – Sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (C‑529/07, Ġabra p. I‑4893, punt 37).


30 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Henkel vs UASI, C‑456/01 P u C‑457/01 P, Ġabra p. I‑5089, punt 48.


31 – Fuq il-funzjonijiet l-oħra tat-trade mark, riċentement rikonoxxuti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ara s-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2009, L’Oréal (C‑487/07, Ġabra p. I-184, punt 58).


32 – Fid-dritt Ġermaniż ara P. Ströbele, “Absolute Schutzhindernisse – Unterscheidungskraft”, Ströbele/Hacker, Markengesetz Kommentar, Id-disa’ edizzjoni, Carl Heymanns, Köln, 2009, p. 242.


33 – Madankollu, għandhom jiġu nnutati xi diverġenzi bejn id-drittijiet nazzjonali; b’hekk, fl-Awstrija stess, il-ġurisprudenza tidher li taffiet ix-xettiċiżmu oriġinali fil-konfront tal-konformità mal-bona fide meħtieġa fir-rigward tar-reġistrazzjoni tat-termini ġeneriċi bħala ismijiet ta’ domain; A. Haller, “Internet‑Domains – ein Überblick”, fi Brenn (direttur), ECG/E‑Commerce‑Gesetz, Manz, Vjenna, 2002, p. 109; mill-banda l-oħra, id-dritt Spanjol jipprojbixxi espressament bil-liġi r-reġistrazzjoni ta’ termini ġeneriċi li jindikaw prodotti, servizzi, stabbilimenti, xi setturi ta’ xogħol, professjonijiet, reliġjonijiet, eċċ; J. Plaza Penadés, “Propiedad intelectual y sociedad de la información”, f’P. García Mexía, (direttur), Principios de Derecho de Internet, Tirant lo Blanch, València, 2005, p. 380; fl-Italja, mill-banda l-oħra, ir-reġistrazzjoni ta’ termini ġeneriċi mhijiex ipprojbita mil-liġi, imma l-ġurisprudenza tidher ukoll favur projbizzjoni tal-inqas parzjali; G. Casaburi, “Nomi a dominio Internet e tutela della proprietà industriale”, Rivista Giuridica di merito De Jure, Nru 5, Mejju 2008, p. 12; fi Franza u fir-Renju Unit, ma tidher li teżisti ebda projbizzjoni fuq ir-reġistrazzjoni ta’ ismijiet ta’ domain ġeneriċi; fir-rigward tad-dritt Franċiż J. Azéma u J. C. Galloux, Droit de la propriété industrielle, Dalloz, is-sitt edizzjoni, Pariġi, 2006, p. 917; fir-rigward tad-dritt tar-Renju Unit, ara Morcom, Roughton, Graham u Malynicz, The modern law of trade marks, it-tieni edizzjoni, Lexis Nexis Butterworths, Londra, 2005, p. 377 u 378.


34 – Ara l-premessa 11 tar-Regolament Nru 874/2004, fejn jingħad li “[...] Wara t-terminazzjoni tar-reġistrazzjoni f'fażijiet il-prinċipju ta' min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel għandu jgħodd fl-allokazzjoni ta' l-ismijiet ta' dominju”.


35Codex Iustinianus. Corpus Iuris Civilis, Vol. II, Krüger, Berlin, 1954, 8.17 (18)3(4).


36 – Sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2000, Emsland‑Stärke (C‑110/99, Ġabra p. I‑11569, punti 52 u 53) u tal-21 ta’ Lulju 2005, Eichsfelder Schlachtbetrieb (C‑515/03, Ġabra p. I‑7355, punt 39).