Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja) fil-5 ta’ Frar 2019 – Rieco SpA vs Comune di San Vito Chietino, Ecolan SpA

(Kawża C-91/19)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Consiglio di Stato

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Rieco SpA

Konvenuti: Comune di San Vito Chietino, Ecolan SpA

Domandi preliminari

Id-dritt tal-Unjoni Ewropea (u b’mod iktar partikolari l-prinċipju ta’ amministrazzjoni ħielsa tal-awtoritajiet pubblici u l-prinċipju ta’ ekwivalenza sostanzjali tad-diversi metodi ta’ għoti u ta’ ġestjoni ta’ kuntratti ta’ servizzi rilevanti għall-amministrazzjoni pubblika) jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali (bħal dik tal-Artikolu 192(2) tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi, Digriet Leġiżlattiv Nru 50 tal-2016) li tqiegħed l-għoti in house ta’ kuntratti fuq livell subordinat u bħala eċċezzjoni meta mqabbel mal-għoti permezz ta’ kuntratti pubbliċi: i) billi tippermetti dan l-għoti ta’ kuntratti biss fil-każ li jintwera li hemm nuqqas tas-suq rilevanti, u ii) billi fi kwalunkwe każ timponi lill-amministrazzjoni, li jkollha l-intenzjoni tagħti kuntratt permezz tad-delega bejn l-organi, li tipprovdi motivazzjoni speċifika fir-rigward tal-vantaġġi marbuta ma’ dan il-metodu ta’ għoti għas-soċjetà inġenerali?

Id-dritt tal-Unjoni Ewropea (u b’mod partikolari l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/24/UE 1 dwar l-għoti in house ta’ kuntratti fejn kontroll simili huwa eżerċitat b’mod kondiviż bejn diversi amministrazzjonijiet) jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali (bħal dik tal-Artikolu 4(1) tal-Leġiżlazzjoni Kkonsolidata dwar il-Kumpanniji b’Azzjonijiet [Pubbliċi] – Digriet Leġiżlattiv Nru 175 tal-2016 –) li tipprekludi lil amministrazzjoni pubblika milli takkwista azzjonijiet (fi kwalunkwe każ li jistgħu jiggarantixxu l-kontroll jew is-setgħa ta’ veto) f’organu li l-azzjonisti tiegħu huma amministrazzjonijiet oħra meta l-imsemmija amministrazzjoni madankollu jkollha l-intenzjoni takkwista sussegwentement pożizzjoni ta’ kontroll kondiviż u għaldaqstant il-possibbiltà li tagħti direttament kuntratti lil dak l-organu li l-kapital tiegħu huwa proprjetà ta’ diversi amministrazzjonijiet?

____________

1     Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (GU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68).