Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Bulgarija) fit-3 ta’ Settembru 2019 – Proċeduri kriminali kontra IR

(Kawża C-649/19)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Spetsializiran nakazatelen sad

Parti fil-proċeduri kriminali nazzjonali

IR

Domandi preliminari

Id-drittijiet tal-persuna akkużata taħt l-Artikolu 4 (u b’mod partikolari taħt l-Artikolu 4(3)), taħt l-Artikolu 6(2) u taħt l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali 1 japplikaw għal persuna akkużata li tkun ġiet arrestata fuq il-bażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew?

Fil-każ ta’ risposta affermattiva: l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri 2 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti bidla fil-kontenut tal-mandat ta’ arrest Ewropew konformement mal-formula li tinsab annessa u b’mod partikolari fis-sens li jippermetti l-introduzzjoni ta’ test ġdid f’din il-formola dwar id-drittijiet tal-persuna rikjesta fil-konfront tal-qrati tal-Istat emittenti għall-finijiet tal-kontestazzjoni tal-mandat ta’ arrest nazzjonal u tal-mandat ta’ arrest Ewropew?

Fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda: ikun konformi mal-premessa 12 u mal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, mal-Artikolu 4, mal-Artikolu 6(2) u mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2012/13, u mal-Artikoli 6 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jekk mandat ta’ arrest Ewropew jinħareġ b’mod kompletament konformi mal-formola li tinsab annessa (jiġifieri, mingħajr ma l-persuna rikjesta ma tiġi informata dwar id-drittijiet tagħha quddiem il-qorti emittenti) u, hekk kif issir taf bl-arrest ta’ din il-persuna, il-qorti emittenti tinformaha dwar id-drittijiet tagħha u tibgħatilha id-dokumenti rilevanti?

Fil-każ li ma jkunx hemm mezz legali ieħor sabiex jiġu żgurati d-drittijiet taħt l-Artikolu 4, b’mod partikolari taħt l-Artikolu 4(3), taħt l-Artikolu 6(2) u taħt l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2012/13 tal-persuna arrestata fuq il-bażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tkun valida?

____________

1     ĠU 2012, L 142, p. 1.

2     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45.