Language of document :

Appell ippreżentat fit-28 ta’ Diċembru 2018 minn Mamas and Papas Ltd mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fit-23 ta’ Ottubru 2018 fil-Kawża T-672/17, Mamas and Papas vs EUIPO

(Kawża C-825/18)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Mamas and Papas Ltd (rappreżentanti: S. Malynicz QC, B. Whitehead, J. Dainty, Solicitors)

Parti oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-672/17, Mamas and Papas Ltd v EUIPO;

tagħti deċiżjoni dwar il-kwistjoni tal-iżvelar preċedenti;

tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea għall-motivi l-oħra invokati quddiem il-Qorti Ġenerali li iżda ma ġewx deċiżi mill-istess qorti;

tikkundanna lill-Uffiċċju u lill-intervenjenti jbatu l-ispejjeż tagħhom u kif ukoll dawk tal-appellanti.

Aggravji u argumenti prinċipali

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tas-setgħa tal-EUIPO li jeżamina l-fatti skont l-Artikolu 63(1) tar-RDK 1 fir-rigward tal-iżvelar tad-disinn preċedenti. Meta l-proprjetarju tad-disinn jafferma b’mod espliċitu li jkun seħħ żvelar preċedenti, l-EUIPO ma jistax jasal għall-konklużjoni differenti f’dan ir-rigward.

Fit-tieni lok, fi kwalunkwe każ, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-provi tal-iżvelar preċedenti, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi u evalwat ħażin il-fatti, u d-deċiżjoni tagħha hija vvizzjata b’ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet ta’ fatt fuq il-bażi tad-dokumenti mressqa quddiemha, kif jirriżulta b’mod ċar mill-proċess tal-kawża.

____________

1 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142).