Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski rayonen sad (il-Bulgarija) fit-8 ta’ Mejju 2019 – “BOSOLAR” EOOD vs “CHEZ ELEKTRO BULGARIA” AD

(Kawża C-366/19)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Sofiyski rayonen sad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: “BOSOLAR” EOOD

Konvenuta: “CHEZ ELEKTRO BULGARIA” AD

Domandi preliminari

L-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jirregola d-dritt għal-libertà ta’ intrapriża fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-eżistenza ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħalma huwa l-Artikolu 18 tal-Prehodni i zaklyuchitelni razporedbi na Zakona za izmenenie i dopalnenie na zakona za energetikata (id-Dispożizzjonijiet Tranżitorji u Finali tal-Liġi li Temenda u li Tissupplimenta l-Liġi dwar l-Enerġija, iktar ’il quddiem il-“PZR ZIDZE”), li tipprevedi li, minkejja l-fatt li jkun ġie konkluż kuntratt u minkejja r-relazzjoni kuntrattwali eżistenti, li huma rregolati mid-dispożizzjonijiet speċjali tal-liġi applikabbli, wieħed mill-elementi essenzjali tal-kuntratt (il-prezz) jista’ jiġi emendat permezz ta’ att leġiżlattiv favur waħda mill-partijiet kontraenti?

Il-prinċipju ta’ ċertezza legali għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-organizzazzjoni mill-ġdid ta’ relazzjonijiet legali li jkunu diġà stabbiliti fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet speċjali bejn individwi privati jew bejn l-Istat u individwu privat f’sitwazzjoni fejn din l-organizzazzjoni mill-ġdid tippreġudika l-aspettattivi leġittimi tal-individwi privati u taffettwa d-drittijiet diġà miksuba minnhom?

Fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Settembru 2009, Plantanol (C-201/08, EU:C:2009:539), il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, bħala prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix lil Stat Membru jibdel, mingħajr garanziji suffiċjenti f’termini ta’ prevedibbiltà, il-qafas legali applikabbli għall-produzzjoni tal-enerġija elettrika minn sorsi rinnovabbli billi jħassar qabel iż-żmien previst il-miżuri leġiżlattivi eżistenti intiżi li jinċentivaw il-produzzjoni tal-enerġija elettrika minn sorsi rinnovabbli u li huma marbuta ma’ kuntratti konklużi għal perijodu twil ta’ żmien dwar ix-xiri tal-enerġija elettrika, bi ksur tal-kundizzjonijiet li fihom individwi privati għamlu investimenti fil-produzzjoni tal-enerġija elettrika minn sorsi rinnovabbli u kkonkludew kuntratti għal perijodu twil ta’ żmien dwar ix-xiri tal-enerġija elettrika minn fornituri tal-enerġija elettrika rregolati mill-Istat?

L-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli 1 , ikkunsidrati fid-dawl tal-premessi 8 u 14 tal-preambolu tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jobbligaw lill-Istati Membri jiżguraw, permezz ta’ miżuri nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva, ċertezza legali għall-investituri fis-settur tal-produzzjoni tal-enerġija elettrika minn sorsi rinnovabbli, b’mod partikolari mill-enerġija solari?

Fil-każ li din id-domanda tingħata risposta fl-affermattiv: L-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2009/28, ikkunsidrati flimkien mal-premessi 8 u 14 tagħha, jippermettu dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħalma huwa l-Artikolu 18 tal-PZR ZIDZE, li tibdel b’mod sinjifikattiv il-kundizzjonijiet preferenzjali għax-xiri tal-enerġija elettrika minn sorsi rinnovabbli anki għal kuntratti diġà konklużi għal perijodu twil ta’ żmien dwar ix-xiri tal-enerġija elettrika minn tali sorsi konformement mal-miżuri nazzjonali inizjalment adottati għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva?

Kif għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ “Stat Membru” għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-livell nazzjonali? B’mod partikolari, fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 1990, Foster et vs British Gas plc (C-188/89, EU:C:1990:313) u fid-dawl tal-ġurisprudenza sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li ssegwi din is-sentenza, dan il-kunċett jinkludi l-fornitur ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali (il-provvista tal-elettriku), bħalma hija l-kumpannija konvenuta fil-kawża prinċipali, li jkun inkarigat jipprovdi dan is-servizz taħt kundizzjonijiet irregolati b’dispożizzjonijiet legali permezz ta’ att ta’ awtorità tal-Istat u taħt is-sorveljanza ta’ din l-awtorità?

____________

1     Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU 2009, L 140, p. 16).