Language of document :

Rikors ippreżentat fit-13 ta' April 2011 - ZZ vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża F-44/11)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrent: ZZ (Tricase, l-Italja) (rappreżentant: G. Cipressa, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Suġġett u deskrizzjoni tal-kawża

Talba sabiex il-konventua tiġi kkundannata tħallas lir-rikorrent somma flus bħala kumpens għad-danni li r-rikorrent allegatament subixxa minħabba t-talba, magħmula mit-tabib tal-Kummissjoni lit-tabib tar-rikorrent, sabiex jagħti xi informazzjoni.

Talbiet tar-rikorrent

jiddikjara l-ineżistenza ex lege, jew sussidjarjament l-annullament tad-deċiżjoni, adottata bi kwalunkwe mod, li tiċħad it-talba tar-rikorrent li saret fin-nota tas-6 ta' Marzu 2010;

sa fejn dan ikun neċessarju, jiddikjara l-ineżistenza ex lege, jew sussidjarjament l-annullament, tal-att, adottat bi kwalunkwe mod, li permezz tiegħu l-konvenuta ċaħdet l-ilment tat-3 ta' Settembru 2010;

sa fejn dan ikun neċessarju, jikkonstata li t-Tabiba M., li dak iż-żmien kienet uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea: (a) talbet lit-Tabib U. jinformaha jekk ir-rikorrent "bħalissa huwiex qed jingħata trattament psikofarmakoloġiku (neuroleptics, antidipressanti) u jekk iva, liema, jew x'tip ta' terapija oħra qed jingħata"; (b) għarrfet lit-Tabib U. li "skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, applikabbli għall-uffiċjali kollha tal-Kummissjoni Ewropea, mill-1 ta' April 2002 [ZZ] kien residenti uffiċjalment fi Brussell u mhux iktar f'Angola, kif ġie deċiż mill-kapijiet [tiegħu ...], u kif ġie nnotifikat uffiċjalment lill-pazjent tiegħek";

sa fejn dan ikun neċessarju, jikkonstata l-illegalità ta' kull wieħed mill-fatti li kkawżaw id-danni inkwistjoni u, a fortiori, tal-effett kumulattiv tagħhom;

sa fejn dan ikun neċessarju, jiddikjara l-illegalità ta' kull wieħed mill-fatti li kkawżaw id-danni inkwistjoni u, a fortiori, tal-effett kumulattiv tagħhom;

jikkundanna lill-konvenuta għall-ħlas mingħajr dewmien lir-rikorrent tas-somma ta' EUR 10 000, flimkien mal-interessi fuq l-imsemmija somma bir-rata ta' 10 % fis-sena fuq bażi komposta mill-5 ta' Lulju 2010 jew kwalunkwe somma, li tinkludi l-ispejjeż anċillari, li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jidhirlu li tkun ġusta u ekwa sabiex ir-rikorrent jiġi kkumpensat għad-danni inkwistjoni;

jikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

____________