Language of document :

Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Mejju 2013 – ZZ et vs FEI

(Kawża F-51/13)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: ZZ et (rappreżentant: L. Levi, avukat)

Konvenut: Fond Ewropew tal-Investiment

Suġġett

Annullament tad-deċiżjonijiet li jidhru fir-rendikonti tas-salarju tax-xahar ta’ Frar 2013, li jistabbilixxu l-aġġustament annwali tas-salarji limitat għal 1.8 % għas-sena 2013 u l-annullament tar-rendikonti sussegwenti. Min-naħa l-oħra, it-talba sussegwenti għall-kundanna tal-istituzzjoni għall-ħlas tad-danni materjali u morali allegatament subiti.

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni kontenuta fir-rendikonti tas-salarju tar-rikorrenti tax-xahar ta’ Frar 2013, deċiżjoni li tistabbilixxi l-aġġustament annwali tas-salarji limitat għal 1.8 % għas-sena 2013 u, b’hekk, l-annullament tad-deċiżjonijiet simili kontenuti fir-rendikonti sussegwenti;

tikkundanna lill-konvenut għall-ħlas tad-danni materjali (i) tal-ammont tas-salarju korrispondenti mal-applikazzjoni tal-aġġustament annwali għas-sena 2013, jiġifieri żieda ta’ 1.8 %, għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2013; (ii) tal-ammont tas-salarju korrispondenti mal-konsegwenzi tal-applikazzjoni tal-aġġustament annwali ta’ 1.8 % għall-2013 fuq l-ammont tas-salarji li jkunu mħallsa minn Jannar 2014; (iii) ta’ interessi moratorji fuq l-ammonti ta’ salarji dovuti sal-ħlas komplet tas-somom dovuti, ir-rata ta’ interessi moratorji li għandha tiġi applikata għandha tkun ikkalkolata fuq il-bażi tar-rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid, applikabbli fil-perijodu kkonċernat, biż-żieda ta’ tliet punti u (iv) tad-danni minħabba t-telf tal-poter ta’ akkwist;

tikkundanna lill-konvenut għall-ħlas lil kull rikorrenti ta’ EUR 1 000 bħala kumpens għad-dannu morali;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.