Language of document : ECLI:EU:F:2007:102

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

14 ta’ Ġunju 2007

Kawża F-121/05

Michel De Meerleer

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Kompetizzjoni ġenerali – Nuqqas ta’ ammissjoni għall-eżami bil-miktub – Esperjenza professjonali – Obbligu ta’ motivazzjoni – Notifika tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla – Talba għal eżami mill-ġdid”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skond l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li bih M. De Meerleer essenzjalment jitlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/A/19/04, tat-12 ta’ April 2005, li ma tilqax il-kandidatura tiegħu għall-imsemmija kompetizzjoni, kif ukoll l-annullament tad-deċiżjoni ta’ l-istess Bord tal-Għażla, tat-30 ta’ Mejju 2005, li tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid, u min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallsu danni, bħala kumpens għad-dannu allegatament subit.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rikors – Interess ġuridiku

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali – Kompetizzjonijiet – Organizzazzjoni – Kundizzjonijiet għall-ammissjoni u modalitajiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 25, 90 u 91; Anness III, Artikolu 7)

1.      Il-kandidat f’kompetizzjoni li tagħti aċċess għas-servizz pubbliku Komunitarju għandu interess distint u reali li jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla li tirrifjuta li twettaq eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni oriġinali li ma tilqax il-kandidatura tiegħu minħabba nuqqas ta’ esperjenza professjonali, meta, fi kwalunkwe każ, huwa jkun seta’ jressaq ilment u rikors ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni oriġinali ta’ nuqqas ta’ ammissjoni. Fil-fatt, is-setgħa diskrezzjonali li għandu l-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni, fil-kuntest ta’ eżami mill-ġdid tad-deċiżjonijiet tiegħu, fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni kemm tan-natura u tal-perijodu ta’ esperjenza professjonali preċedenti tal-kandidati kif ukoll tar-rabta ftit jew wisq stretta li dawn jista’ jkollhom mar-rekwiżiti tal-post li għandu jimtela’, ma tistax titqabbel ma’ l-istħarriġ imwettaq, fil-kuntest ta’ lment, mill-Awtorità tal-Ħatra li m’għandhiex is-setgħa tannulla jew temenda d-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Għażla, u lanqas ma’ l-istħarriġ ġudizzjarju li jsir mill-Qorti Komunitarja meta jitressaq rikors ġudizzjarju, peress li din ta’ l-aħħar għandha tillimita ruħha li tivverifika li s-setgħa diskrezzjonali tal-Bord tal-Għażla, fir-rigward ta’ l-esperjenza professjonali ta’ kull kandidat, mhijiex ivvizzjata bi żball manifest.

Konsegwentement, ir-rikorrent għandu jkollu l-possibbiltà li tiġi mistħarrġa mill-Qorti Komunitarja l-legalità tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla li tirrifjuta eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni tiegħu tan-nuqqas ta’ ammissjoni għall-kompetizzjoni peress li t-talba tkun ġiet ippreżentata tard, minkejja li, fl-istess waqt, din il-qorti tintalab tagħti deċiżjoni fuq il-mertu tad-deċiżjoni oriġinali.

(ara l-punti 29, 30, 32 u 33)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 5 ta’ April 1979, Orlandi vs Il-Kummissjoni, 117/78, Ġabra p. 1613, punt 9; 7 ta’ Mejju 1986, Rihoux et vs Il-Kummissjoni, 52/85, Ġabra p. 1555, punt 9; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 13 ta’ Diċembru 1990, González Holguera vs Il-Parlament, T-115/89, Ġabra p. II‑831, punt 54; 21 ta’ Novembru 2000, Carrasco Benítez vs Il-Kummissjoni, T-214/99, ĠabraSP p. I‑A‑257 u II‑1169, punti 70 u 71; 23 ta’ Jannar 2002, Gonçalves vs Il‑Parlament, T-386/00, ĠabraSP p. I‑A‑13 u II‑55, punt 34; 25 ta’ Marzu 2004, Petrich vs Il-Kummissjoni, T-145/02, ĠabraSP p. I‑A‑101 u II‑447, punt 37

2.      Jekk huwa minnu li l-proċedura ta’ eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni adottata minn Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni mhijiex suġġetta għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-effikaċja tat-talba ta’ eżami mill-ġdid u l-garanzija li l-kandidati jistgħu jużaw dan ir-rimedju legali filwaqt li josservaw il-prinċipju ta’ trattament ugwali jimplikaw mhux biss li d-deċiżjoni li hija s-suġġett ta’ talba għal eżami mill-ġdid tkun ġiet ikkomunikata lid-destinatarju tagħha, imma, minbarra hekk, li dan ta’ l-aħħar ikun f’pożizzjoni li jinforma ruħu fi żmien xieraq bil-kontenut tagħha. F’dan ir-rigward, l-amministrazzjoni għandha l-obbligu li tiżgura li l-kandidati jkunu jistgħu jinfurmaw ruħhom b’mod effettiv u faċli bid-deċiżjonijiet li jikkonċernawhom individwalment.

3.      Ma tmurx kontra l-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Artikolu 7 ta’ l-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, l-avviż ta’ kompetizzjoni kif ukoll il-prinċipju ta’ trattament ugwali, deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni organizzata mill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) li tiċħad it-talba għal eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ammissjoni ta’ kandidat minħabba li din tkun ġiet ippreżentata tard, minkejja n-nuqqas ta’ prova, min-naħa tiegħu, tal-messaġġ elettroniku li jkun irċieva li din id-deċiżjoni ddaħħlet fil-fajl personali tiegħu fis-sit Internet ta’ l-EPSO, meta, anki jekk l-avviż tal-kompetizzjoni ma jagħtix dettalji dwar il-modalitajiet ta’ komunikazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Għażla, l-informazzjoni li hemm fih, moqrija flimkien ma’ l-anness tiegħu u l-istruzzjonijiet ċari li jidhru fis-sit Internet ta’ l-EPSO, jipprovdu, minn naħa, li t-terminu sabiex tiġi ppreżentata talba għal eżami mill-ġdid jibda jiddekorri mhux minn meta jiġi rċevut l-avviż ta’ notifika fl-indirizz elettroniku tal-kandidat, imma minn meta jintbagħat dokument ġdid fil-fajl personali fis-sit Internet ta’ l-EPSO, u min-naħa l-oħra, li l-kandidat għandu attivament isegwi l-iżviluppi ta’ dan il-fajl li, kontra d-dmir ta’ diliġenza tiegħu, dan ma wettaqx.

(ara l-punti 61, 72, 80, 81, 87 u 88)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 17 ta’ Mejju 2006, Lavagnoli vs Il‑Kummissjoni, T-95/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑121 u II-A-2-569, punti 45 u 48