Language of document : ECLI:EU:F:2010:153

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

30 ta’ Novembru 2010

Kawża F-97/09

Christine Taillard

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Leave tal-mard suċċessiv — Arbitraġġ — Konklużjonijiet favur il-kapaċità għax-xogħol — Ċaħda ta’ ċertifikat mediku ġdid maħruġ b’mod regolari — Assenza ta’ eżami mediku — Tnaqqis tal-leave tal-mard mil-leave annwali — Inammissibbiltà — Rikors għal annullament u għad-danni”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu C. Taillard titlob, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament, tal-15 ta’ Jannar 2009, li tiċħad ċertifikat mediku li jiddikjara inkapaċità għax-xogħol għal erbat ijiem u li tnaqqas erbat ijiem ta’ assenza mil-leave annwali tagħha, kif ukoll il-kumpens għad-dannu allegatament subit.

Deċiżjoni: Id-deċiżjoni tal-Parlament, tal-15 ta’ Jannar 2009, li permezz tagħha l-Parlament irrifjuta li jaċċetta ċ-ċertifikat mediku tal-5 ta’ Jannar 2009 u naqqas l-assenza tar-rikorrenti mis-6 sad-9 ta’ Jannar 2009 mil-leave annwali tagħha hija annullata. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Parlament għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti mir-rikorrenti.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Deċiżjoni li tikkawża preġudizzju — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 25)

2.      Uffiċjali — Leave tal-mard — Ġustifikazzjoni tal-marda — Produzzjoni ta’ ċertifikat mediku — Preżunzjoni ta’ regolarità tal-assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 59)

3.      Uffiċjali — Leave tal-mard — Ġustifikazzjoni tal-marda — Produzzjoni ta’ ċertifikat mediku — Ċaħda fl-assenza ta’ eżami mediku ta’ verifika — Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 59(1) u (3))

4.      Uffiċjali — Obbligu ta’ assistenza tal-amministrazzjoni — Implementazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 24)

1.      L-obbligu li tiġi mmotivata deċiżjoni li tikkawża preġudizzju, previst fl-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa intiż sabiex jippermetti lill-qorti tal-Unjoni tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni u sabiex jagħti lill-persuna kkonċernata informazzjoni biżżejjed sabiex din tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew jekk hijiex ivvizzjata b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-legalità tagħha. Dan l-obbligu huwa sodisfatt meta l-att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors ġie adottat f’ċirkustanzi magħrufa mill-uffiċjal ikkonċernat u li jippermettulu jifhem il-portata tal-miżura meħuda fil-konfront tiegħu. Sabiex jiġi deċiż jekk ġiex sodisfatt l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fir-Regolamenti tal-Persunal, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss id-dokumenti li permezz tagħhom id-deċiżjoni hija kkomunikata, iżda wkoll iċ-ċirkustanzi li fihom din ittieħdet u ġiet magħrufa lill-persuna kkonċernata. F’dan ir-rigward, hemm b’mod partikolari lok li jiġi eżaminat jekk il-persuna kkonċernata kellhiex diġà l-informazzjoni li fuqha l-istituzzjoni bbażat id-deċiżjoni tagħha.

(ara l-punt 33)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 16 ta’ Diċembru 1993, Turner vs Il‑Kummissjoni, T‑80/92, Ġabra p. I‑A‑1465 punt 62; 27 ta’ Novembru 1997, Pascall vs Il‑Kummissjoni, T‑20/96, ĠabraSP p. I‑A‑361 u II‑977, punt 44; 8 ta’ Lulju 1998, Aquilino vs Il‑Kunsill, T‑130/96, ĠabraSP p. I‑A‑351 u II-1017, punt 45; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 30 ta’ Novembru 2009, Wenig vs Il‑Kummissjoni, F‑80/08, ĠabraSP p. I‑A‑1‑479 u II‑A‑1‑2609, punt 41

2.      Skont l-Artikolu 59 tar-Regolamenti tal-Persunal, meta l-uffiċjal għandu marda jew kellu inċident li jimpedixxuh iwettaq il-funzjonijiet tiegħu, huwa għandu javża fl-iqsar żmien possibbli lill-istituzzjoni tiegħu dwar l-indisponibbiltà tiegħu filwaqt li jippreċiża l-indirizz attwali tiegħu u għandu jipproduċi, mir-raba’ jum ta’ assenza tiegħu, ċertifikat mediku li jiġġustifika l-assenza tiegħu. L-amministrazzjoni tista’ tiċħad il-validità ta’ tali ċertifikat mediku u tikkonkludi li l-assenza tal-uffiċjal kkonċernat hija irregolari biss jekk hija tkun issuġġettatu minn qabel għal eżami mediku li l-konklużjonijiet tiegħu jipproduċu l-effetti tagħhom biss mid-data ta’ dan l-eżami.

Fil-fatt, l-Artikolu 59 tar-Regolamenti tal-Persunal, mingħajr ma jipprevedi s-setgħa tal-amministrazzjoni li tirrifjuta li tqis ċertifikat mediku, anki jekk dan ma jindikax ir-raġunijiet mediċi tal-inkapaċità għax-xogħol tal-uffiċjali kkonċernat, jagħti lill-amministrazzjoni l-possibbiltà li teżamina lill-uffiċjal inkwistjoni permezz ta’ tabib tal-għażla tagħha.

(ara l-punti 50 u 51)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 19 ta’ Ġunju 1992, V vs Il‑Kunsill, Ġabra p. I‑3997, punti 33 u 34; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 26 ta’ Jannar 1995, O vs Il‑Kummissjoni, T‑527/93, ĠabraSP p. I‑A‑9 u II‑29, punt 36; 20 ta’ Novembru 1996, Z vs Il‑Kummissjoni, T‑135/95, ĠabraSP p. I‑A‑519 u II‑1413, punt 32; 11 ta’ Lulju 1997, Schoch vs Il‑Parlament, T‑29/96, ĠabraSP p. I‑A‑219 u II‑635, punt 38

3.      Mill-Artikolu 59(3) tar-Regolamenti tal-Persunali jirriżulta li l-assenza ta’ uffiċjal minħabba mard tista’ tiġi mnaqqsa mil-leave annwali tiegħu biss jekk l-istituzzjoni debitament ikkonstatat, fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 59(1), in-natura inġustifikata tal-assenza inkwistjoni.

Deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ ċertifikat mediku li jiġġustifika l-assenza ta’ uffiċjal hija għaldaqstant illegali meta dan tal-aħħar ma ġiex suġġett għal eżami mediku fir-rigward tal-perijodu indikat f’dan iċ-ċertifikat u dan irrispettivament mill-fatt li huwa kien is-suġġett ta’ arbitraġġ mediku relatat ma’ perijodu immedjatament preċedenti.

Fil-fatt, anki jekk iċ-ċertifikat mediku la jirreferi għal marda ġdida u lanqas għal aggravazzjoni ta’ dik li fir-rigward tagħha l-persuna kkonċernata kienet suġġetta għal arbitraġġ u ddikjarata li hija kapaċi għax-xogħol, ma jistax jiġi eskluż li l-istat ta’ saħħa tal-persuna kkonċernata huwa differenti minn dak ikkonstatat matul l-arbitraġġ imwettaq u li l-persuna kkonċernata hija inkapaċi li taħdem matul perijodu qasir speċifiku, u dan minkejja l-fatt li din l-inkapaċità hija kkawżata mill-istess marda bħal dik eżaminata fl-arbitraġġ jew minn aggravazzjoni fl-istat ta’ saħħa tagħha li tabib biss jista’ jiddetermina.

(ara l-punti 48, 53 u 57)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 9 ta’ Diċembru 2008, T vs Il‑Kummissjoni, F‑106/05, ĠabraSP p. I‑A-1-419 u II‑A-1-2315, punt 116

4.      Bħala regola ġenerali huwa l-uffiċjal ikkonċernat li għandu jressaq talba għal assistenza, skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, lill-istituzzjoni li huwa jifforma parti minnha. Fl-assenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, l-istituzzjoni ma hijiex obbligata tagħtih spontanjament l-assistenza tagħha. Fil-fatt, tali ċirkustanzi eċċezzjonali biss jistgħu jobbligaw lill-istituzzjoni tipproċedi mingħajr talba minn qabel tal-persuna kkonċernata, iżda fuq inizjattiva tagħha stess, għal għoti ta’ assistenza speċifika.

(ara l-punt 65)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 12 ta’ Ġunju 1986, Sommerlatte vs Il‑Kummissjoni, 229/84, Ġabra p. 1805, punt 20; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 31 ta’ Mejju 2006, Frankin et vs Il‑Kummissjoni, F‑91/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑25 u II‑A‑1‑83, punti 23 u 24; 13 ta’ Jannar 2010, A u G vs Il‑Kummissjoni, F‑124/05 u F‑96/06, punt 217