Language of document : ECLI:EU:F:2013:142

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

7 ta’ Ottubru 2013

Kawża F‑97/12

Florence Thomé

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Kompetizzjoni ġenerali — Avviż ta’ kompetizzjoni EPSO/AD/177/10 — Deċiżjoni li ma jiġix irreklutat kandidat li għadda minn kompetizzjoni — Kriterji ta’ eliġibbiltà — Diploma universitarja”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu F. Thomé tikkontesta essenzjalment ir-rifjut tal-Kummissjoni Ewropea li tirreklutaha fil-post msemmi fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti COM/2011/218 u titlob li tiġi kkundannata tħallasha d-danni.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjonijiet tal-11 ta’ Novembru 2011 u tal-5 ta’ Ġunju 2012 tal-Kummissjoni Ewropea huma annullati. Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tħallas lil F. Thomé s-somma ta’ EUR 14 000. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tbati l-ispejjeż ta’ F. Thomé.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali — Interess ġuridiku — Rikors ippreżentat kontra att imħassar — Effetti rispettivi tar-revoka u l-irtirar

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Kompetizzjoni — Kompetizzjoni bbażata fuq kwalifiki u fuq eżamijiet — Rekwiżit ta’ diplomi universitarji — Kunċett ta’ diploma universitarja — Evalwazzjoni fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tal-Istat fejn ikunu qegħdin isiru l-istudji — Setgħa diskrezzjonali tal-Bord tal-Għażla u tal-Awtorità tal-Ħatra — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

1.      L-irtirar ta’ deċiżjoni jneħħiha b’mod retroattiv, filwaqt li t-tħassir tagħha jneħħiha biss għall-ġejjini. Minn dan jirriżulta li, jekk rikors ippreżentat kontra deċiżjoni li tkun ġiet irtirata qabel il-preżentata tal-imsemmi rikors, fil-prinċipju, ikun tilef l-iskop tiegħu u għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, uffiċjal jibqagħlu interess li jikkontesta deċiżjoni li tkun ġiet biss imħassra, u mhux irtirata, meta l-annullament ta’ dan l-att mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jkollu, per se, konsegwenzi ġuridiċi.

(ara l-punt 28)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 14 ta’ Settembru 1995, Antillean Rice Mills et vs Il-Kummissjoni, T‑480/93 u T‑483/93, punt 60

2.      Il-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni fuq il-bażi ta’ diplomi u ta’ eżamijiet huwa responsabbli sabiex jevalwa, każ b’każ, jekk id-diplomi prodotti jew l-esperjenza professjonali ta’ kull kandidat jikkorrispondux għal-livell meħtieġ mir-Regolamenti tal-Persunal u mill-avviż tal-kompetizzjoni inkwistjoni. Fl-assenza ta’ xi dispożizzjoni li tmur kontra dak li hemm jew f’regolament jew f’direttiva applikabbli għall-kompetizzjoni għal reklutaġġ, jew fl-avviż tal-kompetizzjoni, ir-rekwiżit ta’ diploma universitarja li għalih huwa suġġett l-aċċess għall-kompetizzjoni ġenerali għandu neċessarjament jinftiehem fis-sens mogħti lil din l-espressjoni mil-leġiżlazzjoni speċifika tal-Istat Membru fejn il-kandidat ikun iddikjara li studja.

Fejn, b’mod partikolari, ir-relazzjoni bejn id-diploma u l-qasam tal-kompetizzjoni jew in-natura u t-tul tal-esperjenza professjonali mitluba huwa inkwistjoni, il-qorti tal-Unjoni tikkunsidra li l-Bord tal-Għażla għandu setgħa diskrezzjonali wiesa’ u li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jillimita ruħu li jivverifika li l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa ma kienx ivvizzjat minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.

Min-naħa l-oħra, meta l-kwistjoni hija ta’ jekk id-diploma hijiex irrikonoxxuta mil-leġiżlazzjoni tal-Istat fejn tkun inħarġet jew inkella tissodisfax, fid-dawl ta’ dik il-leġiżlazzjoni, il-livell li jeżiġi l-avviż tal-kompetizzjoni, il-qorti tal-Unjoni tqis li l-interpretazzjoni li jagħti l-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ma taqax fil-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tiegħu u li kuntrarjament għandha tkun suġġetta għal stħarriġ ġenerali, tal-iżball ta’ evalwazzjoni, mill-qorti tal-Unjoni.

L-istess prinċipji għandhom japplikaw ukoll għal sitwazzjonijiet li fihom l-Awtorità tal-Ħatra tqis, kuntrarjament għall-evalwazzjoni preċedenti magħmula mill-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni, li d-diploma ta’ kandidat ma hijiex irrikonoxxuta mil-leġiżlazzjoni tal-Istat fejn tkun inħarġet jew inkella, fid-dawl ta’ din il-leġiżlazzjoni, fil-livell li jeżiġi l-avviż tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, xejn ma jiġġustifika li, f’dan il-każ, il-qorti tal-Unjoni tillimita ruħha biss għal stħarriġ limitat dwar l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Awtorità tal-Ħatra, filwaqt li d-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Għażla, min-naħa l-oħra, jkunu suġġetti għal stħarriġ ġenerali ta’ żball ta’ evalwazzjoni.

(ara l-punti 45 u 48 sa 52)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 28 ta’ Novembru 1991, Van Hecken vs CES, T‑158/89, punt 22; 11 ta’ Frar 1992, Panagiotopoulou vs Il-Parlament, T‑16/90, punti 50 sa 53; 3 ta’ Marzu 1994, Cortes Jimenez et vs Il-Kummissjoni, T‑82/92, punt 33; 9 ta’ Diċembru 1999, Alonso Morales vs Il-Kummissjoni, T‑299/97, punt 60

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 30 ta’ Novembru 2009, Zangerl-Posselt vs Il-Kummissjoni, F‑83/07, punt 51; 20 ta’ Ġunju 2012, Cristina vs Il-Kummissjoni, F‑83/11, punt 67