Language of document : ECLI:EU:C:2019:705

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

11 ta’ Settembru 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 549/2013 – Sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea – Punt 20.15 tal-Anness A – Kontroll imwettaq minn kumitat Olimpiku nazzjonali fuq federazzjonijiet sportivi nazzjonali kkostitwiti fil-forma ta’ istituzzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru (NPI) – It-tieni sentenza tal-punt 20.15 tal-Anness A – Kunċett ta’ “intervent pubbliku f’forma ta’ regolamenti ġenerali applikabbli għall-unitajiet kollha li jaħdmu fl-istess attività” – Portata – L-ewwel sentenza tal-punt 20.15 tal-Anness A – Kunċett ta’ “kapaċità għad-determinazzjoni tal-politika ġenerali jew tal-programm” ta’ NPI – Portata – Punt 2.39(d), punt 20.15(d) u l-aħħar sentenza tal-punt 20.309(i) tal-Anness A – Teħid inkunsiderazzjoni tal-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-membri tan-NPI”

Fil-Kawżi magħquda C‑612/17 u C‑613/17,

li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte dei conti (il-Qorti tal-Awdituri, l-Italja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-13 ta’ Settembru 2017, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Ottubru 2017, fil-proċeduri

Federazione Italiana Golf (FIG)

vs

Istituto Nazionale di Statistica (ISTAT),

Ministero dell’Economia e delle Finanze (C612/17)

u

Federazione Italiana Sport Equestri (FISE)

vs

Istituto Nazionale di Statistica - ISTAT (C‑613/17),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

komposta minn A. Arabadjiev, President tat-Tieni Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tieni Awla, u C. Vajda (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Frar 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Federazione Italiana Golf (FIG), minn P. Montone u M. Montone, avvocati,

–        għall-Federazione Italiana Sport Equestri (FISE), minn G. Tobia, avvocato,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. De Bellis u D. Del Gaizo, avvocati dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Moro u F. Simonetti, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Frar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013, dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2013, L 174, p. 1).

2        Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, minn naħa, fil-Kawża C‑612/17, il-Federazione Italiana Golf (il-Federazzjoni Taljana tal-Golf, iktar ’il quddiem il-“FIG”) u l-Istituto Nazionale di Statistica (l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-Italja, iktar ’il quddiem l-“ISTAT”) u l-Ministero dell’Economia e delle Finanze (il-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Finanzi, l-Italja) kif ukoll, min-naħa l-oħra, fil-Kawża C‑613/17, il-Federazione Italiana Sport Equestri (il-Federazzjoni Taljana tal-Isport Ekwestri, iktar ’il quddiem il-“FISE”) u l-ISTAT, fir-rigward tal-inklużjoni, għas-sena 2017, tal-FIG u tal-FISE fil-lista tal-awtoritajiet pubbliċi inklużi fil-kontijiet pubbliċi kkonsolidati ta’ qligħ u ta’ telf (iktar ’il quddiem il-“lista ISTAT 2016”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessa 1 tar-Regolament Nru 549/2013 hija redatta kif ġej:

“It-tfassil ta’ politika fl-Unjoni u s-sorveljanza tal-ekonomiji tal-Istati Membri u tal-unjoni ekonomika u monetarja (UEM) jeħtieġu informazzjoni li tista’ titqabbel, u li hi aġġornata u affidabbli dwar l-istruttura tal-ekonomija u l-iżvilupp tal-qagħda ekonomika ta’ kull Stat Membru jew reġjun.”

4        Il-premessa 3 ta’ dan ir-regolament tistipula:

“Iċ-ċittadini tal-Unjoni jeħtieġu l-kontijiet ekonomiċi bħala strument bażiku għall-analiżi tal-qagħda ekonomika ta’ Stat Membru jew reġjun. Għall-fini tal-komparabbiltà, dawn il-kontijiet għandhom jitfasslu fuq il-bażi ta’ sett wieħed ta’ prinċipji li ma jkunux miftuħa għal interpretazzjonijiet differenti. L-informazzjoni pprovduta għandha tkun kemm jista’ jkun preċiża, kompluta u fil-ħin sabiex tiżgura trasparenza massima għas-setturi kollha”.

5        Il-Kapitolu 1 tal-Anness A tal-imsemmi regolament, li jippreżenta l-istruttura ġenerali u l-prinċipji fundamentali tas-Sistema Ewropea tal-Kontijiet (iktar ’il quddiem is-“SEK 2010”), jinkludi l-punti 1.01, 1.19, 1.34, 1.35, 1.36, 1.37 u 1.57, ifformulati kif ġej:

“1.01      Is-[SEK 2010] huwa qafas ta’ kontabbiltà internazzjonalment kompatibbli għal deskrizzjoni sistematika u dettaljata ta’ ekonomija totali (jiġifieri reġjun, pajjiż jew grupp ta’ pajjiżi), il-komponenti tiegħu u r-relazzjonijiet tiegħu ma’ ekonomiji totali oħrajn.

[…]

1.19      Għall-[Unjoni] u l-Istati Membri tagħha, iċ-ċifri mill-qafas tas-SEK għandhom rwol prinċipali fil-formolazzjoni u l-monitoraġġ tal-politiki soċjali u ekonomiċi tagħhom.

L-eżempji li ġejjin juru użi tal-qafas tas-SEK:

[…]

(b)      id-definizzjoni tal-kriterji għall-proċedura ta’ defiċit eċċessiv: kejl ta’ defiċit u dejn tal-gvern;

[…]

1.34      Il-kontijiet tas-setturi huma kkreati permezz tal-allokazzjoni ta’ unitajiet għas-setturi u dan jippermetti li t-transazzjonijiet u l-entrati saldatorji ta’ kontijiet jiġu ppreżentati skont is-settur. Il-preżentazzjoni skont is-settur tikxef ħafna miżuri prinċipali għal skopijiet ta’ politika ekonomika u fiskali. Is-setturi prinċipali huma l-unitajiet domesitiċi, il-gvern, il-korporazzjonijiet (finanzjarji u mhux finanzjarji), istituzzjonijiet mhux għall-profitt li jservu lill-unitajiet domestiċi (NPISHs) u l-bqija tad-dinja.

Id-distinzjoni bejn l-attività tas-suq u dik li mhix tas-suq hija waħda importanti. Entità kkontrollata mill-gvern, li jintwera li hija korporazzjoni tas-suq, tiġi kklassifikata fis-settur tal-korporazzjoni, barra mis-settur tal-gvern ġenerali. Għaldaqstant id-defiċit u l-livelli ta’ dejn tal-korporazzjoni mhumiex sejrin ikunu parti mid-defiċit u d-dejn tal-gvern ġenerali.

1.35      Huwa importanti li jiġu stabbiliti kriterji ċari u b’saħħithom għall-allokazzjonijiet ta’ entitajiet għas-setturi.

Is-settur pubbliku jikkonsisti mill-unitajiet istituzzjonali kollha residenti fl-ekonomija kkontrollati mill-gvern. Is-settur privat jikkonsisti mill-unitajiet residenti l-oħrajn kollha.

It-Tabella 1.1 tistabbilixxi l-kriterji użati sabiex issir distinzjoni bejn is-settur pubbliku u privat, u fis-settur pubbliku bejn is-settur tal-gvern u s-settur tal-korporazzjonijiet pubbliċi, u fis-settur privat bejn is-settur tal-NPISHs u s-settur tal-korporazzjonijiet privati.

Tabella 1.1

Kriterji

Ikkontrollati mill-gvern

(Settur pubbliku)

Ikkontrollati privatament

(Settur privat)

Output mhux tas-suq

Gvern ġenerali

NPISH

Output tas-suq

Korporazzjonijiet pubbliċi

Korporazzjonijiet privati


1.36      Il-kontroll huwa ddefinit bħala l-kapaċità li tiġi ddeterminata l-politika jew il-programm ġenerali ta’ unità istituzzjonali. Aktar dettalji marbuta mad-definizzjoni ta’ kontroll huma mogħtija fil-paragrafi 2.35 sa 2.39.

1.37      Id-diffrenzjar bejn tas-suq u mhux tas-suq, u għalhekk, għall-entitajiet tas-settur pubbliku, li jikklassifikawhom fis-settur tal-gvern ġenerali jew fis-settur tal-korporazzjonijiet, tiġi deċiża permezz tar-regola li ġejja:

Attività għandha titqies bħala attività tas-suq meta l-oġġetti u s-servizzi korrispondenti jiġu kkumerċjalizzati taħt il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(1)      il-bejjiegħa jaġixxu sabiex jimmassimizzaw il-profitti tagħhom fuq medda twila ta’ żmien, u jagħmlu dan billi jbigħu l-oġġetti u s-servizzi liberament fis-suq, u lil min ikun lest li jħallas il-prezz mitlub;

(2)      ix-xerrejja jaġixxu sabiex jimmassimizzaw l-utilità tagħhom minħabba r-riżorsi limitati tagħhom, billi jixtru skont liema prodotti jaqdu bl-aqwa mod il-ħtiġijiet tagħhom bil-prezz offrut;

(3)      jeżistu swieq effettivi fejn il-bejjiegħa u x-xerrejja għandhom aċċess għal informazzjoni dwar is-suq. Suq effettiv jista’ jopera anke jekk dawn il-kondizzjonijiet ma jintlaħqux totalment.

[…]

1.57      L-unitajiet istituzzjonali huma entitajiet ekonomiċi li kapaċi jkunu proprjetarji ta’ oġġetti u assi, jidħlu għal passivi u jinvolvu rwieħhom f’attivitajiet ekonomiċi u transazzjonijiet ma’ unitajiet oħrajn fihom infushom. Għall-iskopijiet tas-sistema SEK 2010, l-unitajiet istituzzjonali huma raggruppati flimkien f’ħames setturi istituzzjonali domestiċi reċiprokament esklużivi:

(a)      korporazzjonijiet mhux finanzjarji;

(b)      korporazzjonijiet finanzjarji;

(c)      ġvern ġenerali;

(d)      unitajiet domestiċi;

(e)      [NPISH].

Il-ħames setturi flimkien jagħmlu l-ekonomija domestika totali. Kull settur huwa maqsum ukoll f’sottosetturi. Is-sistema SEK 2010 tippermetti sett komplut ta’ kontijiet ta’ fluss u karti tal-bilanċ li għandhom jiġu kkompilati għal kull settur, u għal kull sottosettur, u għall-ekonomija totali. Unitajiet mhux residenti jistgħu jinteraġixxu ma’ dawn il-ħames setturi domestiċi, u l-interazzjonijiet jintwerew bejn il-ħames setturi domestiċi u s-sitt settur istituzzjonali: is-settur tal-bqija tad-dinja.

[…]”

6        Fil-Kapitolu 2, intitolat “Unitajiet u ragruppamenti ta’ unitajiet”, ta’ dan l-anness, il-punt 2.12, id-dijagramma 2.1 kif ukoll il-punti 2.34, 2.39 u 2.130 huma fformulati kif ġej:

“2.12      Definizzjoni: unità istituzzjonali hija entità ekonomika kkaratterizzata minn awtonomija fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-eżekuzzjoni tal-funzjoni prinċipali tagħha. Unità residenti titqies bħala unità istituzzjonali fit-territorju ekonomiku fejn għandha ċ-ċentru ta’ interess ekonomiku predominanti tagħha jekk ikollha awtonomija fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u, jew iżżomm ġabra sħiħa ta’ kontijiet jew tkun tista’ tikkompila ġabra sħiħa ta’ kontijiet.

Biex ikollha awtonomija fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward tat-twettiq tal-funzjoni prinċipali tagħha, entità għandha tkun:

(a)      intitolata għal assi u oġġetti proprji tagħha bis-saħħa ta’ drittijietha; u tkun tista’ tiskambja sjieda ta’ oġġetti u assi permezz ta’ transazzjonijiet ma’ unitajiet istituzzjonali oħra;

(b)      permessa tagħmel deċiżjonijiet ekonomiċi u tinvolvi ruħha f’attivitajiet ekonomiċi li għalihom hija nnifisha titqies responsabbli direttament quddiem il-liġi;

(c)      kapaċi ġġarrab passivi f’isimha, u tidħol għal obbligi oħrajn jew impenji ulterjuri u tidħol f’kuntratti; u

(d)      kapaċi tiġbor ġabra sħiħa ta’ kontijiet li tkun tikkonsisti f’dokumentazzjoni ta’ kontabbiltà li tkopri t-transazzjonijiet kollha li jkunu twettqu matul il-perijodu bażi tal-kontijiet, u karta tal-bilanċ tal-assi u l-passivi.

[…]

Dijagramma 2.1 – Allokazzjoni tal-unitajiet għas-setturi

Image not found

[…]

2.34      Dijagramma2.1 turi kif l-unitajiet huma allokati fis-setturi ewlenin. Sabiex jiġi ddeterminat is-settur ta’ unità li hija residenti u mhux unità domestika, skont id-dijagramma, jeħtieġ li jiġi stabbilit jekk l-unità hijiex ikkontrollata mill-gvern ġenerali jew le, u jekk hijiex produttur għas-suq jew mhux għas-suq.

[…]

2.39      Fil-każ tal-istituzzjonijiet li mhumiex intiżi għall-profitt li huma rikonoxxuti bħala entitajiet legali indipendenti, il-ħames indikaturi tal-kontroll huma meqjusa kif ġej:

(a)      il-ħatra tal-uffiċjali;

(b)      id-dispożizzjonijiet tal-istrumenti abilitanti [l-attribuzzjoni tal-kompetenzi ġuridiċi];

(c)      il-ftehimiet kuntrattwali;

(d)      il-grad tal-finanzjament;

(e)      il-grad tal-esponiment tar-riskju tal-gvern.

Bħal fil-każ tal-korporazzjonijiet, biżżejjed indikatur wieħed biex jiġi stabbilit il-kontroll f’xi każijiet, iżda f’każijiet oħra, għadd ta’ indikaturi separati jistgħu flimkien jindikaw il-kontroll.

[…]

2.130      […] NPISHs mhux għas-suq ikkontrollati minn gvern ġenerali huma kklassifikati fis-settur tal-gvern ġenerali (S.13).

[…]”

7        Il-punt 3.31 tal-Kapitolu 3 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, jipprovdi:

“[…]

[Istituzzjoni mingħajr skop ta’ lukru (NPI)] privata tiġi kklassifikata fis-settur NPISH jekk tkun produttur mhux tas-suq, ħlief meta tkun ikkontrollata mill-gvern. Meta NPI privata tkun ikkontrollata mill-gvern, din tiġi kklassifikata fis-settur tal-gvern ġenerali.

[…]”

8        Il-Kapitolu 4, intitolat “Transazzjonijiet distributtivi”, ta’ dan l-anness jinkludi l-punti 4.125 u 4.126, li jipprovdu:

Trasferimenti kurrenti lill-npishs (D.751)

4.125      Definizzjoni: It-trasferimenti kurrenti lill-NPISHs jinkludu l-kontribuzzjonijiet volontarji kollha (għajr il-wirt), abbonamenti ta’’ sħubija u għajnuna finanzjarja li l-NPISHs jirċievu minn unitajiet domestiċi (inklużi unitajiet domestiċi mhux residenti) u, f’’livell anqas, minn unitajiet oħrajn.

4.126      It-trasferimenti kurrenti lill-NPISHs jinkludu dawn li ġejjin:

(a)      abbonamenti regolari mħallsin mill-unitajiet domestiċi lit-trade unions u lil organizzazzjonijiet politiċi, sportivi, kulturali, reliġjużi u simili kklassifikati fis-settur tal-NPISHs;

[…]”

9        Fil-Kapitolu 20, iddedikat għall-kontijiet tal-gvern, tal-istess anness jinsabu l-punti 20.05, 20.13, 20.15, 20.17, 20.18, 20.29, 20.306, 20.309 u 20.310. Skont dawn il-punti:

“20.05      Is-settur tal-gvern ġenerali (S.13) jikkonsisti mill-unitajiet tal-gvern kollha u l-istituzzjonijiet kollha mingħajr skop ta’ qligħ (NPIs) mhux tas-suq li huma kkontrollati mill-unitajiet tal-gvern. […]

[…]

20.13      L-istituzzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ (NPIs) li huma produtturi mhux tas-suq u kkontrollati mill-unitajiet tal-gvern huma unitajiet tas-settur tal-gvern ġenerali.

[…]

20.15      Il-kontroll ta’ NPI huwa definit bħala l-kapaċità għad-determinazzjoni tal-politika ġenerali jew tal-programm tal-NPI. L-intervent pubbliku f’forma ta’ regolamenti ġenerali applikabbli għall-unitajiet kollha li jaħdmu fl-istess attività, mhuwiex rilevanti waqt id-deċiżjoni dwar jekk il-gvern għandux kontroll fuq unità individwali. Għad-determinazzjoni ta’ jekk NPI hijiex ikkontrollata mill-gvern, għandhom jiġu kkunsidrati l-ħames indikaturi ta’ kontroll li ġejjin:

(a)      il-ħatra tal-uffiċjali;

(b)      dispożizzjonijiet oħra tal-istrument ta’ aġevolazzjoni bħall-obbligi fl-istatut tal-NPI;

(c)      il-ftehimiet kuntrattwali;

(d)      il-livell ta’ finanzjament;

(e)      l-esponiment għar-riskju.

Indikatur wieħed jista’ jkun biżżejjed biex jiġi stabbilit kontroll. Madankollu, jekk NPI li tkun iffinanzjata prinċipalment mill-gvern tibqa’ kapaċi tiddetermina l-politika jew il-programm tagħha sa punt sinifikanti skont kif imsemmi fl-indikaturi l-oħra, għalhekk ma tkunx meqjusa li hija kkontrollata mill-gvern. Fil-parti l-kbira tal-każijiet, għadd ta’ indikaturi jistgħu jindikaw kontroll b’mod kollettiv. Deċiżjoni bbażata fuq dawn l-indikaturi kollha tkun waħda ġudizzjarja min-natura tagħha.

[…]

Unitajiet oħra tal-gvern ġenerali

20.17      Jista’ jkun diffiċli li wieħed jiddeċiedi dwar il-klassifikazzjoni ta’ produtturi ta’ oġġetti u servizzi li joperaw taħt l-influwenza tal-unitajiet tal-gvern. L-alternattivi huma li jiġu klassifikati bħala gvern ġenerali jew, jekk dawn jikkwalifikaw bħala unitajiet istituzzjonali, bħala korporazzjonijiet pubbliċi. Għal dawn il-każijiet tintuża d-dijagramma deċiżjonali li ġejja.

Image not found

Kontroll pubbliku

20.18      Il-kontroll fuq entità huwa l-abbiltà għad-determinazzjoni tal-politika jew tal-programm ġenerali ta’ dik l-entità. […]

[…]

It-test tas-suq/mhux tas-suq

20.29      […]

L-abbiltà li twettaq attività tas-suq tiġi vverifikata b’mod partikolari permezz tal-kriterju kwantitattiv tas-soltu (il-kriterju ta’ 50 %), bl-użu tal-proporzjon tal-bejgħ meta mqabbel mal-ispejjeż tal-produzzjoni (kif definit fil-paragrafi 20.30 u 20.31). Biex tkun produttur tas-suq, l-unità pubblika għandha tkopri tal-inqas 50 % tal-ispejjeż tagħha permezz tal-bejgħ tagħha tul perijodu sostnut fuq diversi snin.

[…]

20.306      L-unitajiet istituzzjonali kollha inklużi fis-settur pubbliku huma unitajiet residenti kkontrollati mill-gvern, direttament jew indirettament mill-unitajiet tas-settur pubbliku aggregati. Il-kontroll fuq entità hu definit bħala l-kapaċità għad-determinazzjoni tal-politika ġenerali tal-entità. Dan huwa deskritt f’aktar dettall hawn taħt.

[…]

Kontroll tas-settur pubbliku

20.309      Il-kontroll ta’ unità tas-settur pubbliku residenti huwa definit bħala l-kapaċità għad-determinazzjoni tal-politika ġenerali tal-unità. Dan jista’ jseħħ permezz tad-drittijiet diretti ta’ unità unika tas-settur pubbliku jew id-drittijiet kollettivi ta’ ħafna unitajiet. L-indikaturi ta’ kontroll li ġejjin għandhom jiġu kkunsidrati:

(a)      drittijiet ta’ ħatra, veto jew tneħħija ta’ maġġoranza tal-uffiċjali, il-bord tad-diretturi, eċċ. Id-drittijiet ta’ ħatra, tneħħija, approvazzjoni jew veto ta’ maġġoranza tal-bord ta’ tmexxija tal-entità huma biżżejjed għad-determinazzjoni tal-kontroll. Tali drittijiet jistgħu jinżammu direttament minn unità waħda tas-settur pubbliku, jew indirettament mill-unitajiet aggregati tas-settur pubbliku. Jekk l-ewwel sett ta’ ħatriet huwa kkontrollat mis-settur pubbliku iżda sostituzzjonijiet sussegwenti mhumiex soġġetti għal dawn il-kontrolli, allura l-entità tibqa’ fis-settur pubbliku sakemm il-maġġoranza tad-diretturi ma jkunux ħatriet ikkontrollati;

(b)      drittijiet ta’ ħatra, veto jew tneħħija ta’ personal prinċipali. Jekk il-kontroll tal-politika ġenerali huwa ddeterminat effettivament minn membri influwenti tal-bord, bħall-kap eżekuttiv, il-president u d-direttur tal-finanzi, allura s-setgħat ta’ ħatra, veto jew tneħħija ta’ dan il-personal jingħataw aktar prominenza;

(c)      drittijiet ta’ ħatra, veto jew tneħħija ta’ maġġoranza tal-ħatriet għal kumitati prinċipali tal-entità. Jekk il-fatturi prinċipali tal-politika ġenerali, bħar-remunerazzjoni tas-salarji ta’ personal għoli u l-istrateġija tan-negozju, huma delegati lis-sottokumitati, allura d-drittijiet ta’ ħatra, tneħħija jew veto tad-diretturi fuq dawn is-sottokumitati huwa determinant tal-kontroll;

(d)      sjieda tal-maġġornaza tal-interess tal-vot. Dan normalment jiddetermina l-kontroll meta d-deċiżjonijiet isiru fuq bażi ta’ vot wieħed għal sehem wieħed. L-ishma jistgħu jinżammu direttament jew indirettament, mal-ishma fil-pussess tal-unitajiet aggregati kollha tas-settur pubbliku. Jekk id-deċiżjonijiet ma jsirux fuq bażi ta’ vot wieħed għal sehem wieħed, is-sitwazzjoni għandha tiġi analizzata sabiex wieħed jara jekk is-settur pubbliku għandux vot ta’ maġġoranza;

(e)      drittijiet taħt ishma u għażliet speċjali. Dawn l-ishma tad-deheb jew speċjali xi darba kienu komuni fil-korporazzjonijiet privatizzati u jinsabu wkoll f’ċerti entitajiet bi skop speċjali. F’xi każijiet huma jagħtu lill-entitajiet tas-settur pubbliku xi drittijiet residwi għall-protezzjoni tal-interessi;; tali drittijiet jistgħu jkunu permanenti jew limitati biż-żmien. L-eżistenza ta’ ishma bħal dawn fiha nfisha mhijiex indikatur ta’ kontroll, iżda teħtieġ tiġi analizzata b’attenzjoni, b’mod partikolari ċ-ċirkostanzi fejn is-setgħat jistgħu jiġu invokati. Jekk is-setgħat jinfluwenzaw il-politika ġenerali attwali tal-entità huma jkunu importanti għad-deċiżjonijiet ta’ klassifikazzjoni. F’każijiet oħra dawn ikunu setgħat ta’ riżerva li jistgħu jikkonferixxu drittijiet għall-kontroll tal-politika ġenerali fi żminijiet ta’ emerġenza eċċ., dawn huma ġġudikati bħala irrilevanti jekk ma jinfluwenzawx il-politika eżistenti, għalkemm fil-każ li jintużaw, huma normalment jazzjonaw riklassifikazzjoni immedjata. L-eżistenza ta’ għażla ta’ xiri tal-ishma lill-entitajiet tas-settur pubbliku f’ċerti ċirkostanzi hija sitwazzjoni simili, u huwa meħtieġ ġudizzju dwar jekk is-setgħat implimentattivi tal-għażla jinfluwenzawx il-politika ġenerali tal-entità;

(f)      drittijiet ta’ kontroll permezz ta’ ftehimiet kuntrattwali. Jekk il-bejgħ kollu ta’ entità huwa lil entità unika tas-settur pubbliku, jew ġabra ta’ entitajiet tas-settur pubbliku, hemm ambitu għal influwenza dominanti li tista’ tiġi ġġudikata bħala kontroll. Il-preżenza ta’ klijenti oħra, jew il-potenzjal li jkollha klijenti oħra, hija indikatur li l-entità mhix ikkontrollata mill-unitajiet tas-settur pubbliku. Jekk l-entità hija ristretta milli tittratta mal-klijenti tas-settur mhux pubbliku minħabba influwenza tas-settur pubbliku, allura dan huwa indikatur ta’ kontroll tas-settur pubbliku;

(g)      drittijiet ta’ kontroll minn ftehimiet/permess ta’ teħid ta’ self. Dawk li jsellfu ħafna drabi jimponu kontrolli bħala kondizzjonijiet biex isir is-self. Jekk is-settur pubbliku jimponi kontrolli permezz tal-għoti ta’ self, jew għall-protezzjoni tal-esponiment tiegħu għar-riskju minn garanzija, li huma aktar iebsa minn dawk li entità tas-settur privat normalment tiffaċċja minn bank, huwa indikatur ta’ kontroll. Jekk entità teħtieġ permess mis-settur pubbliku biex tissellef, allura dan huwa indikatur ta’ kontroll;

(h)      kontroll permezz ta’ regolazzjoni eċċessiva. Meta r-regolazzjoni hija tant stretta li tiddetta effettivament il-politika ġenerali tan-negozju, din hija forma ta’ kontroll. L-awtoritajiet pubbliċi jistgħu f’xi każijiet ikollhom involviment regolatorju b’saħħtu, b’mod partikolari fl-oqsma bħal tal-monopolji u l-utilitajiet privatizzati li jkollhom element ta’ servizz pubbliku. Huwa possibbli li jkun jeżisti involviment regolatorju fl-oqsma importanti, bħall-iffissar tal-prezzijiet, mingħajr ma l-entità ċċedi l-kontroll tal-politika ġenerali. L-għażla li tidħol jew topera f’ambjent irregolat ħafna hija wkoll indikatur li l-entità mhijiex soġġetta għal kontroll;

(i)      oħrajn. Il-kontroll jista’ jinkiseb ukoll minn setgħat jew drittijiet statutorji li jinsabu fil-kostituzzjoni tal-entità, pereżempju rigward il-limitazzjoni tal-attivitajiet, l-għanijiet u l-aspetti operattivi, l-approvazzjoni tal-baġits jew il-prevenzjoni tal-entità milli tbiddel il-kostituzzjoni tagħha, ixxolji lilha nfisha, tapprova dividendi, jew ittemm ir-relazzjoni tagħha mas-settur pubbliku. Entità li hija ffinanzjata kompletament jew kważi kompletament mis-settur pubbliku hija kkunsidrata li hija kkontrollata jekk il-kontrolli fuq dak il-fluss ta’ finanzjament ikunu restrittivi biżżejjed biex jiddettaw il-politika ġenerali f’dak il-qasam.

20.310      Kull każ ta’ klassifikazzjoni jeħtieġ jiġi ġġudikat fuq il-merti tiegħu u xi wħud minn dawn l-indikaturi kollha jistgħu ma jkunux rilevanti għall-każ individwali. Xi indikaturi, bħal (a), (c) u (d) fil-paragrafu 20.309, huma biżżejjed waħedhom biex jistabbilixxu kontroll. Għal oħrajn għadd ta’ indikaturi separati jistgħu kollettivament jindikaw kontroll.

[…]”

 Id-dritt Taljan

10      L-Artikolu 1 tad-decreto legge n. 220 (id-Digriet Liġi Nru 220), tad-19 ta’ Awwissu 2003 (GURI Nru 192, tal-20 ta’ Awwissu 2003), li ġie kkonvertit f’liġi, wara emendi, permezz tal-Artikolu 1 tal-legge n. 208 (il-Liġi Nru 208), tas-17 ta’ Ottubru 2003 (GURI Nru 243, tat-18 ta’ Ottubru 2003), jipprovdi:

“Ir-Repubblika tirrikonoxxi u tiffavorixxi l-awtonomija tad-dritt sportiv nazzjonali bħala espressjoni tad-dritt internazzjonali tal-isport li jaqa’ taħt il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali. Ir-relazzjonijiet bejn id-dritt sportiv u d-dritt tar-Repubblika huma rregolati fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ awtonomija, ħlief fil-każijiet rilevanti għall-ordinament ġuridiku tar-Repubblika ta’ sitwazzjonijiet suġġettivi marbuta mad-dritt sportiv.”

11      Id-decreto legislativo n. 242 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 242), tat-23 ta’ Lulju 1999 (GURI Nru 176, tad-29 ta’ Lulju 1999, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 242/1999”), jirrigwarda organizzazzjoni mill-ġdid tal-Kumitat Olimpiku Nazzjonali Taljan (iktar ’il quddiem il-“CONI”). L-Artikolu 4(2) ta’ dan id-digriet leġiżlattiv huwa fformulat kif ġej:

“Ir-rappreżentanti tal-federazzjonijiet [sportivi nazzjonali], iddefiniti fil-kuntest tal-isport Olimpiku, għandhom jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-votanti fi ħdan il-CONI.”

12      L-Artikolu 15(1) sa (6) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 242/1999, dwar il-federazzjonijiet sportivi nazzjonali u l-federazzjonijiet sportivi assoċjati, jipprovdi:

“1.      Il-federazzjonijiet sportivi nazzjonali u l-federazzjonijiet sportivi assoċjati għandhom jeżerċitaw l-attività sportiva tagħhom b’mod konformi mad-deċiżjonijiet u d-direttivi tal-[Kumitat Olimpiku Internazzjonali], tal-federazzjonijiet internazzjonali u tal-CONI, anki fid-dawl tan-natura pubblika ta’ ċerti kategoriji ta’ attivitajiet imsemmija fl-Istatut tal-CONI. F’dawn għandhom jipparteċipaw kumpanniji u assoċjazzjonijiet sportivi u, fil-każijiet previsti mill-istatuti tal-federazzjonijiet sportivi nazzjonali u tal-federazzjonijiet sportivi assoċjati fir-rigward ta’ din l-attività partikolari, anki affiljati individwali.

2.      Il-federazzjonijiet sportivi nazzjonali u l-federazzjonijiet sportivi assoċjati għandu jkollhom in-natura ta’ assoċjazzjoni li għandha personalità ġuridika rregolata mid-dritt privat. Huma ma għandux ikollhom skop ta’ lukru u għandhom ikunu suġġetti, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet espressi ta’ dan id-digriet, għad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili u għal dawk adottati għall-applikazzjoni tiegħu.

3.      Il-bilanċi tal-federazzjonijiet sportivi nazzjonali u tal-federazzjonijiet sportivi assoċjati għandhom jiġu approvati kull sena mill-korp ta’ amministrazzjoni federali u huma suġġetti għall-approvazzjoni tal-kummissjoni nazzjonali tal-CONI. F’każ ta’ opinjoni negattiva tal-awdituri tal-federazzjoni jew tal-federazzjoni assoċjata jew fil-każ ta’ assenza ta’ approvazzjoni mill-kumitat nazzjonali tal-CONI, l-assemblea tal-kumpanniji u tal-assoċjazzjonijiet għandha tissejjaħ sabiex tittieħed deċiżjoni dwar l-approvazzjoni tal-bilanċ.

4.      L-assemblea li għandha teleġġi l-korpi ta’ tmexxija għandha tipproċedi bl-approvazzjoni tal-programmi baġitarji ta’ gwida tal-korp ta’ amministrazzjoni li għandhom ikunu suġġetti għall-kontroll tal-assemblea fl-aħħar ta’ kull perijodu ta’ erba’ snin u tal-mandat li għalihom ġew approvati.

5.      Il-federazzjonijiet sportivi nazzjonali u l-federazzjonijiet sportivi assoċjati għandhom ikunu rrikonoxxuti, għall-finijiet sportivi, mill-kunsill nazzjonali.

6.      Ir-rikonoxximent tal-personalità ġuridika rregolata mid-dritt privat lill-federazzjonijiet sportivi nazzjonali u l-federazzjonijiet sportivi assoċjati l-ġodda għandu jingħata b’mod konformi mad-[decreto del Presidente della Repubblica n. 361 (digriet tal-President tar-Repubblika Nru 361), tal-10 ta’ Frar 2000)], wara r-rikonoxximent minn qabel, għall-finijiet sportivi, mill-kunsill nazzjonali.”

13      L-Artikolu 16 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 242/1999 jipprovdi:

“Il-federazzjonijiet sportivi nazzjonali u l-federazzjonijiet sportivi assoċjati huma rregolati minn dispożizzjonijiet statutorji u regolamentari abbażi tal-prinċipju ta’ demokrazija interna, tal-prinċipju ta’ parteċipazzjoni ta’ kulħadd fl-attività sportiva f’kundizzjonijiet ta’ ugwaljanza u skont id-dritt sportiv nazzjonali u internazzjonali.”

14      L-Artikolu 6 tal-Istatut tal-CONI, dwar il-kunsill nazzjonali tal-CONI, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi:

“Il-kunsill nazzjonali, li huwa l-korp suprem ta’ rappreżentanza tal-isport Taljan, għandu jopera permezz tat-tixrid tal-idea Olimpika, jiżgura l-attività neċessarja għall-preparazzjoni Olimpika, jirregola u jikkoordina l-attività sportiva nazzjonali u jarmonizza l-azzjoni tal-federazzjonijiet sportivi nazzjonali u tal-federazzjonijiet sportivi assoċjati.”

15      L-Artikolu 6(3) tal-Istatut tal-CONI jipprovdi li:

“B’mod konformi mar-Regola 29(3) tal-Karta Olimpika, il-maġġoranza tal-voti mitfugħa għandha tkun ikkostitwita mill-voti mitfugħa mir-rappreżentanti tal-federazzjonijiet sportivi nazzjonali affiljati mad-diversi federazzjonijiet internazzjonali li jamministraw l-isports li jidhru fil-programm tal-Logħob Olimpiku.”

16      L-Artikolu 6(4) tal-Istatut tal-CONI huwa redatt kif ġej:

“Il-kunsill nazzjonali:

[…]

b)      jistabbilixxi l-prinċipji fundamentali li magħhom għandhom jikkonformaw ruħhom, sabiex jiksbu r-rikonoxximent għall-finijiet sportivi, l-istatuti tal-federazzjonijiet sportivi nazzjonali, tal-federazzjonijiet sportivi assoċjati, tal-entitajiet ta’ promozzjoni tal-isport, tal-assoċjazzjonijiet irrikonoxxuti bħala ta’ utilità pubblika, tal-assoċjazzjonijiet u tal-kumpanniji sportivi, u jadotta l-kodiċi ta’ ġustizzja sportiva li għandu jiġi osservat mill-federazzjonijiet sportivi nazzjonali u l-federazzjonijiet sportivi assoċjati kollha;

c)      jiddeċiedi dwar id-deċiżjonijiet ta’ rikonoxximent, għall-finijiet sportivi, tal-federazzjonijiet sportivi nazzjonali, tal-federazzjonijiet sportivi assoċjati, tal-entitajiet ta’ promozzjoni tal-isport, tal-assoċjazzjonijiet irrikonoxxuti bħala ta’ utilità pubblika, abbażi tal-kriterji stabbiliti fl-istatuti, b’teħid inkunsiderazzjoni wkoll, għal dan il-għan, tar-rappreżentanza u tan-natura Olimpika tal-isport, tal-eventwali rikonoxximent mill-[Kumitat Olimpiku Internazzjonali] u tat-tradizzjoni sportiva tad-dixxiplina;

[…]

e)      jiddefinixxi l-kriterji u l-modalitajiet ta’ eżerċizzju tal-kontrolli tal-CONI fuq il-federazzjonijiet sportivi nazzjonali, il-federazzjonijiet sportivi assoċjati u, fir-rigward tal-oqsma sportivi, fuq l-entitajiet irrikonoxxuti bħala ta’ promozzjoni sportiva;

e1)      jistabbilixxi, sabiex jiggarantixxi l-organizzazzjoni regolari tal-kampjonati sportivi, il-kriterji u l-modalitajiet tal-kontrolli mill-federazzjonijiet fuq il-kumpanniji sportivi [assoċjati] u tal-kontroll ta’ sostituzzjoni tal-CONI fil-każ ta’ nuqqas li jseħħ tal-kontrolli mill-federazzjonijiet sportivi nazzjonali;

[…]

f1)      jiddeċiedi, fuq proposta tal-kummissjoni nazzjonali, it-tqegħid taħt tutela tal-federazzjonijiet sportivi nazzjonali u tal-federazzjonijiet sportivi assoċjati, f’każ ta’ irregolaritajiet serji fil-ġestjoni jew ksur serju tad-dritt tal-isport mill-korpi ta’ tmexxija jew fil-każ ta’ impossibbiltà ta’ funzjonament ikkonstatata ta’ dawn tal-aħħar, jew inkella meta ma jiġux iggarantiti t-tnedija u l-iżvolġiment tal-kompetizzjonijiet sportivi nazzjonali f’kundizzjonijiet tajbin;

[…]”

17      L-Artikolu 7(1) tal-Istatut tal-CONI, li jikkonċerna l-kummissjoni nazzjonali tal-CONI, jipprovdi:

“Il-kummissjoni nazzjonali hija l-korp ta’ tmexxija, ta’ eżekuzzjoni u ta’ kontroll tal-attività amministrattiva tal-CONI; hija tikkontrolla l-federazzjonijiet sportivi nazzjonali u l-federazzjonijiet sportivi assoċjati – u, permezz ta’ dawn tal-aħħar, il-funzjonament intern tagħhom – u l-entitajiet ta’ promozzjoni sportiva.”

18      L-Artikolu 7(5) tal-Istatut tal-CONI jaqra kif ġej:

“Il-kummissjoni nazzjonali:

[…]

e)      fuq il-bażi tal-kriterji u modalitajiet stabbiliti mill-kunsill nazzjonali, tikkontrolla l-federazzjonijiet sportivi nazzjonali dwar l-aspetti pubbliċi u, b’mod partikolari, dwar l-organizzazzjoni regolari tal-kompetizzjonijiet, il-preparazzjoni Olimpika, l-attività sportiva ta’ livell għoli u l-użu tal-għajnuna finanzjarja mogħtija, u tistabbilixxi l-kriterji għall-għoti tal-għajnuna finanzjarja lill-federazzjonijiet;

[…]

f)      tipproponi lill-kunsill nazzjonali t-tqegħid taħt tutela tal-federazzjonijiet sportivi nazzjonali jew tal-federazzjonijiet sportivi assoċjati f’każ ta’ irregolaritajiet serji kkonstatati fil-ġestjoni jew ksur gravi tad-dritt tal-isport mill-korpi ta’ tmexxija jew fil-każ ta’ impossibbiltà ta’ funzjonament ikkonstatata ta’ dawn tal-aħħar, jew inkella meta l-federazzjonijiet sportivi nazzjonali ma jkunux adottaw il-proċeduri regolatorji jew it-tqegħid taħt tutela tal-korpi nazzjonali kompetenti sabiex jiżguraw it-tnedija u l-iżvolġiment tal-kompetizzjonijiet sportivi nazzjonali f’kundizzjonijiet tajbin;

[…]

g2)      tapprova l-baġit u l-programmi marbuta ma’ attività kif ukoll il-bilanċ annwali tal-federazzjonijiet sportivi nazzjonali u tal-federazzjonijiet sportivi assoċjati;

[…]

h1)      taħtar l-awdituri li jirrappreżentaw il-CONI fil-federazzjonijiet sportivi nazzjonali u l-federazzjonijiet sportivi assoċjati u fil-kumitati reġjonali tal-CONI;

[…]

l)      tapprova, għal għanijiet sportivi, l-istatuti, ir-regolamenti għall-implimentazzjoni tal-istatuti, ir-regolamenti ta’ ġustizzja sportiva u r-regolamenti ta’ kontra d-doping tal-federazzjonijiet sportivi nazzjonali u tal-federazzjonijiet sportivi assoċjati, billi tevalwa l-konformità tagħhom mal-liġi, mal-Istatut tal-CONI, mal-prinċipji fundamentali, mad-direttivi u mal-kriterji stabbiliti mill-kunsill nazzjonali, billi eventwalment tibgħathom lura, fit-terminu ta’ 90 jum, lill-federazzjonijiet sportivi nazzjonali u lill-federazzjonijiet sportivi assoċjati sabiex isiru l-bidliet meħtieġa;

[…]”

19      Skont l-Artikolu 20(4) tal-Istatut tal-CONI:

“Il-federazzjonijiet sportivi nazzjonali għandhom jeżerċitaw l-attività sportiva u l-attivitajiet korrispondenti ta’ promozzjoni b’mod konformi mad-deċiżjonijiet u mal-istruzzjonijiet tal-[Kumitat Olimpiku Internazzjonali] u tal-CONI, fir-rigward ukoll tad-dimensjoni pubblika ta’ ċerti aspetti ta’ din l-attività. Fil-kuntest tad-dritt sportiv, awtonomija teknika, organizzattiva u ta’ ġestjoni hija rrikonoxxuta lill-federazzjonijiet sportivi taħt il-kontroll tal-CONI.”

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

20      Fl-Italja, il-FIG u l-FISE huma federazzjonijiet sportivi nazzjonali organizzati fil-forma ta’ assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru b’personalità ġuridika. Dawn huma persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt privat, suġġetti, bħala prinċipju, għad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili Taljan.

21      Permezz ta’ deċiżjoni ppubblikata fil-Gazzetta ufficiale della Repubblica italiana tat-30 ta’ Settembru 2016, l-ISTAT inkluda lill-FIG u lill-FISE fil-lista ISTAT 2016.

22      B’applikazzjoni, għal dan il-għan, tad-dispożizzjonijiet tas-SEK 2010, l-ISTAT, l-ewwel nett, ikkunsidra li dawn iż-żewġ federazzjonijiet kienu, skont it-test “tas-suq/mhux tas-suq”, previst b’mod partikolari fil-punt 20.29 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, unitajiet istituzzjonali mhux tas-suq. Sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn l-unitajiet kellhomx jiġu kklassifikati, skont il-punti 2.130 u 3.31 tal-Anness A ta’ dan ir-regolament, fis-settur tan-NPISH jew inkella f’dak tal-gvern ġenerali, l-ISTAT ivverifika jekk il-FIG u l-FISE kinux ikkontrollati mill-gvern ġenerali.

23      L-ISTAT ikkonkluda li dan kien il-każ għal dawn iż-żewġ federazzjonijiet, inkwantu, minkejja li kellhom ċerta awtonomija deċiżjonali, huma ma kellhomx kapaċità sħiħa ta’ awtodeterminazzjoni fir-rigward tan-natura sostanzjali tal-kontroll eżerċitat mill-CONI fuq il-ġestjoni tagħhom. Din l-influwenza sinjifikattiva tiġi żvelata minn ċertu numru ta’ indizji, fosthom is-setgħa tal-CONI li jirrikonoxxi l-federazzjonijiet għall-finijiet sportivi, li japprova l-istatuti, il-baġit u l-bilanċ tagħhom, li jikkontrolla l-federazzjonijiet f’dak li jikkonċerna l-aspetti li għandhom dimensjoni pubblika (kompetizzjonijiet, preparazzjoni Olimpika, eċċ.) u li jqiegħed il-federazzjonijiet sportivi nazzjonali taħt tutela amministrattiva f’ċerti każijiet ta’ irregolaritajiet serji. Bl-istess mod, l-ISTAT ikkunsidra li l-kontribuzzjonijiet tal-membri tal-FIG u tal-FISE kellhom jitqiesu bħala għajnuna pubblika parafiskali u li, barra minn hekk, dawn il-federazzjonijiet kienu jibbenefikaw minn finanzjament pubbliku mill-CONI, stabbli fiż-żmien u kkontrollat b’mod strett minnu.

24      Il-FIG u l-FISE ressqu, fid-29 ta’ Novembru u fis-7 ta’ Diċembru 2016 rispettivament, rikors quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Corte dei conti (il-Qorti tal-Awdituri, l-Italja), intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni tal-ISTAT li jinkludihom fil-lista ISTAT 2016. Huma jikkunsidraw b’mod partikolari li l-ISTAT wettaq applikazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet tas-SEK 2010 u li huwa żbalja meta kkunsidra li dawn kienu suġġetti għal kontroll pubbliku eżerċitat mill-CONI.

25      Wara li kkonstatat li l-attivitajiet kemm tal-FIG kif ukoll tal-FISE huma nieqsa minn natura tas-suq u li dawn il-federazzjonijiet huma istituzzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru, fis-sens tas-SEK 2010, il-qorti tar-rinviju tindika li l-partijiet fil-kawżi prinċipali ma jaqblux dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kontroll pubbliku” u, b’mod partikolari, ta’ tlieta mill-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, skont il-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, sabiex jiġi ddeterminat jekk federazzjoni sportiva, inkwantu NPI, għandhiex tiġi kkunsidrata bħala suġġetta għal kontroll pubbliku u bħala li b’hekk taqa’ taħt is-settur tal-gvern ġenerali.

26      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-kriterju negattiv, li jinsab fit-tieni sentenza ta’ dan il-punt, li jipprovdi li “[l]-intervent pubbliku f’forma ta’ regolamenti ġenerali applikabbli għall-unitajiet kollha li jaħdmu fl-istess attività” ma huwiex rilevanti sabiex jiġi kkunsidrat li l-gvern ġenerali jeżerċita l-kontroll tiegħu fuq unità istituzzjonali, il-qorti tar-rinviju tirrileva li din l-espressjoni tista’ tinftiehem b’mod wiesa’ u tinkludi, fil-kawżi prinċipali, kemm is-setgħa tal-CONI li jistabbilixxi direttivi dwar l-eżerċizzju tal-attività sportiva kif ukoll dik li jirrikonoxxi lill-federazzjonijiet għall-finijiet sportivi. Jekk dawn kellhom jiġu kklassifikati bħala “intervent pubbliku f’forma ta’ regolamenti ġenerali”, dawn is-setgħat ma jkunux rilevanti sabiex jiġi deċiż li l-CONI jeżerċita kontroll fuq il-FIG u l-FISE.

27      Fir-rigward, imbagħad, tal-kriterju li skontu l-kontroll ta’ NPI minn gvern ġenerali huwa ddefinit bħala l-“kapaċità [mill-amministrazzjoni] għad-determinazzjoni tal-politika ġenerali jew tal-programm [tagħha]”, il-qorti tar-rinviju tirrileva li din l-espressjoni tista’ tinftiehem b’żewġ modi differenti. Il-kontroll jista’, skont l-ewwel interpretazzjoni, jinftiehem, kif jirriżulta mill-punti 1.36 u 20.15 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, bħala l-kapaċità tal-gvern ġenerali li jiddetermina l-politika ġenerali jew l-istrateġija tal-unità istituzzjonali, jiġifieri l-kapaċità ta’ tmexxija, ta’ restrizzjoni u ta’ kkundizzjunar tat-tmexxija konkreta globali ta’ din l-unità, bl-eċċezzjoni tas-setgħat ta’ sempliċi sorveljanza formali u esterna. Skont it-tieni interpretazzjoni, il-kontroll jinftiehem b’mod wiesa’ billi jiġu inklużi s-setgħat ta’ sorveljanza formali u esterna, bħas-setgħat ta’ approvazzjoni tal-bilanċi, ta’ ħatra tal-awdituri jew ta’ approvazzjoni tal-istatuti.

28      Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-kriterju dwar il-“livell ta’ finanzjament”, imsemmi fil-punt 20.15(d) tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, il-qorti tar-rinviju tirrileva li kemm il-FIG kif ukoll il-FISE huma ffinanzjati fl-ammont ta’ madwar 30 % mill-CONI, filwaqt li l-kontribuzzjonijiet tal-membri ta’ dawn il-federazzjonijiet jirrappreżentaw iktar minn 50 % tad-dħul ta’ kull waħda minn dawn. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dawn il-kontribuzzjonijiet jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni jew le fil-kuntest tal-kriterju relatat mal-finanzjament u jekk għandhomx jitqiesu bħala sorsi ta’ finanzjament pubbliku jew privat.

29      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-kontribuzzjonijiet tal-membri tal-federazzjonijiet ikkonċernati għandhom ikunu jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-livell ta’ finanzjament, iżda li għandhom jiġu kklassifikati, f’dan ir-rigward, bħala “ħlasijiet privati mhux reċiproċi” li ma jistgħux jiġu assimilati għal dħul mill-finanzjament pubbliku. Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, jekk tali kontribuzzjonijiet kellhom jiġu kkunsidrati bħala “għajnuna pubblika parafiskali”, għar-raġuni li dawn ikunu, bħalma jsostni l-ISTAT, trasferimenti pubbliċi li jikkostitwixxu fluss ta’ finanzjament mogħti mill-CONI lil kull federazzjoni, dan iwassal għall-introduzzjoni ta’ indikatur ta’ kontroll mhux previst mis-SEK 2010. Skont din il-qorti, li kieku l-interpretazzjoni tagħha kellha tiġi segwita, ikun possibbli li jiġi kkunsidrat li, permezz tal-kontribuzzjonijiet ta’ natura privata tal-membri tagħhom, il-FIG u l-FISE żviluppaw kapaċità ta’ awtofinanzjament sostanzjali li tippermettilhom jiddeterminaw il-politika ġenerali tagħhom jew il-programm tagħhom b’mod sinjifikattiv u li b’hekk jeskludi kull kontroll pubbliku tal-CONI, minkejja l-finanzjament tagħhom minn dan tal-aħħar ta’ 30 %.

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Corte dei conti (il-Qorti tal-Awdituri) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-kunċett ta’ ‘intervent pubbliku f’forma ta’ regolamenti ġenerali applikabbli għall-unitajiet kollha li jaħdmu fl-istess attività’ previst fil-punt 20.15 [tal-Anness A] tar-Regolament 549/2013 […] għandu jinftiehem fis-sens wiesa’ bħala li jinkludi wkoll setgħat ta’ gwida ta’ natura sportiva (magħrufa bħala soft law) u setgħat ta’ rikonoxximent, previsti mil-liġi, għall-finijiet tal-akkwist tal-personalità ġuridika u tal-kapaċità li wieħed jaġixxi fis-settur tal-isports, setgħat li t-tnejn li huma ġeneralment jappartjenu lill-federazzjonijiet sportivi nazzjonali Taljani kollha?

2)      L-indikatur ġenerali tal-kontroll previst fil-punt 20.15 [tal-Anness A] tar-Regolament 549/2013 […] (‘[i]l-kapaċità għad-determinazzjoni tal-politika ġenerali jew tal-programm tal-[istituzzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru”] għandu jinftiehem f’sens sostantiv bħala l-kapaċità ta’ tmexxija, ta’ restrizzjoni u ta’ kkundizzjonar tal-attività ta’ tmexxija tal-entità mingħajr skop ta’ lukru, jew dan jista’ jinftiehem f’sens mhux tekniku bħala li jinkludi wkoll setgħat ta’ superviżjoni esterna differenti minn dawk iddefiniti mill-indikaturi speċifiċi tal-kontroll previsti fil-punt 20.15 (a) [sa] (e) [tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013] (bħal […] setgħat ta’ approvazzjoni tal-baġits, ta’ ħatra tal-awdituri, ta’ approvazzjoni ta’ statuti u ta’ xi tipi ta’ regolamenti, ta’ gwida ta’ natura sportiva jew ta’ rikonoxximent għal finijiet sportivi)?

3)      Abbażi tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-punt 20.15, 4.125 u 4.126 [tal-Anness A] tar-Regolament 549/2013 […], jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kontribuzzjonijiet tal-membri sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza jew le tal-kontroll pubbliku, filwaqt li jiġi speċifikat jekk ammont għoli ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet, flimkien mar-riżorsi l-oħra tagħha, jistax juri, fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet tal-każ inkwistjoni, il-preżenza ta’ kapaċità sinjifikattiva ta’ awtodeterminazzjoni tal-entità mingħajr skop ta’ lukru?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

31      Il-kawżi prinċipali jirrigwardaw il-kwistjoni dwar jekk żewġ unitajiet istituzzjonali Taljani mhux tas-suq, organizzati fil-forma ta’ NPI, jiġifieri l-FIG u l-FISE, għandhomx jitqiesu jew le bħala li huma kkontrollati minn amministrazzjoni pubblika, jiġifieri l-CONI, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tagħhom kemm fis-settur tal-gvern ġenerali kif ukoll fis-settur tan-NPISH, skont ir-regoli tal-SEK 2010.

32      Kif jirriżulta mill-premessi 1 u 3 kif ukoll mill-punti 1.01 u 1.19 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, is-SEK 2010 tistabbilixxi qafas ta’ referenza intiż, għall-bżonnijiet kemm taċ-ċittadini tal-Unjoni kif ukoll tal-Unjoni nnifisha, għat-tfassil tal-kontijiet tal-Istati Membri. Dan it-tfassil għandu jsir abbażi ta’ prinċipji uniċi u mhux ta’ interpretazzjoni differenti, b’tali mod li jkunu jistgħu jinkisbu riżultati komparabbli.

33      Għall-finijiet ta’ kontabbiltà tas-SEK 2010, kull unità istituzzjonali, iddefinita, essenzjalment, fil-punti 1.57 u 2.12 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013 bħala entità ekonomika kkaratterizzata minn awtonomija deċiżjonali fl-eżerċizzju tal-funzjoni prinċipali tagħha, għandha tintrabat ma’ wieħed mis-sitt setturi prinċipali identifikati fil-punt 1.34 tal-Anness A ta’ dan ir-regolament, jiġifieri mal-unitajiet domesitiċi, mal-gvern ġenerali, mal-korporazzjonijiet finanzjarji, mal-korporazzjonijiet mhux finanzjarji, man-NPISH jew mal-bqija tad-dinja.

34      Sabiex jiġi ddeterminat is-settur li miegħu hija marbuta unità istituzzjonali residenti li ma hijiex unità domestika, bħalma hija NPI, għandu jiġi vverifikat jekk din hijiex produttur tas-suq jew le, u dan sabiex issir distinzjoni bejn l-entitajiet li għandhom jiġu kklassifikati fost il-korporazzjonijiet u dawk li ma għandhomx ikunu kklassifikati b’dan il-mod. Fir-rigward tal-unitajiet mhux tas-suq, għandu jiġi ddeterminat jekk dawn humiex ikkontrollati mill-gvern ġenerali jew le. Fil-każ ta’ risposta affermattiva, l-unità mhux tas-suq tiġi kklassifikata fis-settur tal-gvern ġenerali, filwaqt li, fil-każ ta’ risposta fin-negattiv, hija tiġi kklassifikata fost in-NPISH. Din il-metodoloġija ta’ klassifikazzjoni tirriżulta b’mod partikolari mill-qari flimkien tal-punti 1.35, 2.34, 2.130, 3.31, 20.05, 20.13 u 20.17 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013.

35      Il-kunċett ġenerali ta’ “kontroll” huwa ddefinit b’mod simili fil-punti 1.36, 20.15, 20.18, 20.306 u 20.309 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013 bħala l-kapaċità jew l-abbiltà għad-determinazzjoni tal-politika ġenerali, l-istrateġija jew il-programm ta’ unità jew ta’ entità. Il-punt 20.309 ta’ dan l-anness, li jaqa’ taħt il-parti tal-Kapitolu 20 ta’ din tal-aħħar iddedikata għas-settur pubbliku, li fih jagħmlu parti l-gvern ġenerali u l-unitajiet jew entitajiet li huwa jikkontrolla, isemmi disa’ indikaturi ta’ kontroll ġenerali li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk unità residenti tistax titqies li hija kkontrollata mill-gvern ġenerali għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tagħha fis-settur pubbliku, fid-dawl tal-fatt li, skont il-punt 20.310 tal-imsemmi anness, uħud minn dawn l-indikaturi jistgħu ma jkunux rilevanti skont il-każ.

36      Għandu jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “kontroll ta’ unità tas-settur pubbliku residenti” stabbilita fil-punt 20.309 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, hija intiża sabiex tapplika għal kull unità istituzzjonali, irrispettivament mill-forma ġuridika tagħha.

37      Il-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013 jikkonċerna b’mod iktar partikolari l-kwistjoni tal-kontroll tan-NPI mill-gvern ġenerali. Skont l-ewwel sentenza tal-punt 20.15 tal-Anness A tal-imsemmi regolament, “[i]l-kontroll ta’ NPI huwa definit bħala l-kapaċità għad-determinazzjoni tal-politika ġenerali jew tal-programm tal-NPI.” Filwaqt li tippreċiża li s-sempliċi intervent pubbliku fil-forma ta’ regolamenti ġenerali applikabbli għall-unitajiet kollha tal-istess qasam ta’ attività ma jippermettix li jiġi konkluż li jeżisti kontroll, l-imsemmija dispożizzjoni tistabbilixxi ħames indikaturi ta’ kontroll li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk NPI hijiex taħt kontroll pubbliku. Dawn il-ħames indikaturi huma rriprodotti wkoll fil-punt 2.39 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013 b’xi varjazzjonijiet editorjali skont il-verżjonijiet lingwistiċi. Għandu jiġi kkunsidrat li, fid-dawl tal-fatt li huma jittrattaw l-istess kwistjoni u jsegwu l-istess għan, jiġifieri li jiġu speċifikati l-indikaturi ta’ kontroll applikabbli għan-NPI, il-punti 2.39 u 20.15 ta’ dan l-anness għandhom, minkejja dawn il-varjazzjonijiet editorjali, jiġu interpretati b’mod reċiproku u jiġu kkunsidrati bħala li jifformaw l-istess dispożizzjoni.

38      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn il-punt 20.309 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013 jiddefinixxi l-kunċett ta’ kontroll għad-determinazzjoni tal-limiti tas-settur pubbliku b’mod ġenerali u sa fejn id-dispożizzjoni unika tal-punti 2.39 u 20.15 tiddefinixxi dan l-istess kunċett sabiex in-NPI li jaqgħu taħt is-settur pubbliku jiġu distinti minn dawk li ma jaqgħux taħtu, dawn iż-żewġ definizzjonijiet għandhom ukoll l-istess għan u għalhekk jistgħu japplikaw, fir-rigward tan-NPI, għall-istess entitajiet. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet huma komplementari u, għalhekk, għandhom jiġu applikati flimkien u b’mod armonizzat sabiex jiġi ddeterminat jekk unità taqax taħt is-settur pubbliku jew taħt is-settur privat u, għaldaqstant, fir-rigward ta’ NPI, jekk din taqax taħt is-settur tal-gvern ġenerali, skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-punti 3.31 u 20.13 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, jew inkella jekk din tikkostitwixxix NPISH.

39      Għall-finijiet tal-eżami tad-domandi preliminari, hemm għaldaqstant lok li ssir analiżi tad-dispożizzjoni li tinsab fil-punti 2.39 u 20.15 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, li tapplika b’mod iktar partikolari għan-NPI, filwaqt li tissupplimenta din l-analiżi b’riferiment għad-dispożizzjoni ġeneralment applikabbli, li tinsab fil-punt 20.309 tal-istess anness.

 Fuq l-ewwel domanda

40      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, liema interpretazzjoni għandha tingħata lill-kunċett ta’ “intervent pubbliku f’forma ta’ regolamenti ġenerali applikabbli għall-unitajiet kollha li jaħdmu fl-istess attività”, imsemmi fil-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013.

41      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett b’mod partikolari fir-rigward tas-setgħa tal-CONI li jirrikonoxxi federazzjonijiet nazzjonali għall-finijiet sportivi kif ukoll li jadotta, fir-rigward tagħhom, direttivi dwar l-eżerċizzju tal-attività sportiva tagħhom.

42      Skont it-tieni sentenza tal-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, “[l]-intervent pubbliku f’forma ta’ regolamenti ġenerali applikabbli għall-unitajiet kollha li jaħdmu fl-istess attività, mhuwiex rilevanti waqt id-deċiżjoni dwar jekk il-gvern għandux kontroll fuq unità individwali”.

43      Mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li din tal-aħħar hija intiża sabiex teskludi mill-kunċett ta’ “kontroll” kull intervent ta’ unità tas-settur pubbliku li għandu l-għan li jistabbilixxi jew li japplika leġiżlazzjoni intiża sabiex tissuġġetta mingħajr distinzjoni u b’mod uniformi l-unitajiet kollha tal-qasam ta’ attività kkonċernat għal regoli globali, wiesgħa u astratti jew għal linji gwida ġenerali.

44      Għandu jiġi rrilevat qabel kollox li, fil-kawżi prinċipali, l-Artikolu 16 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 242/1999, li jipprovdi li l-federazzjonijiet sportivi nazzjonali huma rregolati minn dispożizzjonijiet statutorji u regolamentari abbażi tal-prinċipju ta’ demokrazija interna, tal-prinċipju tal-parteċipazzjoni ta’ kulħadd fl-attività sportiva f’kundizzjonijiet ta’ ugwaljanza u skont id-dritt sportiv nazzjonali u internazzjonali, jikkostitwixxi tali intervent pubbliku fil-forma ta’ regolamenti ġenerali, fis-sens tat-tieni sentenza tal-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, li ma huwiex rilevanti sabiex jiġi deċiż jekk il-gvern jeżerċitax il-kontroll tiegħu fuq unità individwali.

45      Fir-rigward tal-portata tal-esklużjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni, hemm lok li tiġi interpretata fid-dawl tal-indikaturi ta’ kontroll speċifiċi previsti minn din id-dispożizzjoni kif ukoll fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti l-oħra tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, b’mod iktar partikolari dik tal-punt 20.309 ta’ dan l-anness, imsemmija fil-punt 38 ta’ din is-sentenza.

46      Issa, minn naħa, l-indikatur ta’ kontroll dwar “id-dispożizzjonijiet tal-istrumenti abilitanti” u d-“dispożizzjonijiet oħra tal-istrument ta’ aġevolazzjoni bħall-obbligi fl-istatut tal-NPI”, imsemmi rispettivament fil-punt 2.39(b) u fil-punt 20.15(b) tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, moqri flimkien mal-parti korrispondenti tal-punt 20.309(i) ta’ dan l-anness, applikabbli wkoll għan-NPI, jippermetti li tiġi stabbilita l-possibbiltà tal-eżistenza ta’ kontroll meta dispożizzjoni leġiżlattiva jew regolamentari li tirregola direttament jew indirettament in-NPI kkonċernata jew l-att kostituttiv tagħha tipprevedi setgħat jew drittijiet leġiżlattivi favur gvern, tagħtih kompetenzi ġuridiċi jew timponi obbligi fuq in-NPI fil-konfront ta’ dan il-gvern, u dan b’mod tali li l-politika ġenerali jew il-programm ta’ din in-NPI jiġu ddeterminati fiha.

47      B’mod partikolari, għandu jiġi kkonstatat li dan l-indikatur jippermetti li tiġi stabbilita l-possibbiltà tal-eżistenza ta’ kontroll meta dispożizzjoni leġiżlattiva jew regolamentari li tirregola direttament jew indirettament in-NPI tal-istess qasam ta’ attività jew uħud minn dawn in-NPI tagħti lil gvern il-kompetenza li jistabbilixxi jew li japplika leġiżlazzjoni li, indipendentement min-natura ġenerali jew iddettaljata tagħha, hija ta’ natura li teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika ġenerali jew il-programm tan-NPI kkonċernati jew tobbliga lil dawn tal-aħħar josservaw tali leġiżlazzjoni.

48      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li l-punt 20.309(h) tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013 jirregola l-kwistjoni tal-“kontroll permezz ta’ regolazzjoni eċċessiva”. Skont din id-dispożizzjoni, “[m]eta r-regolazzjoni hija tant stretta li tiddetta effettivament il-politika ġenerali tan-negozju, din hija forma ta’ kontroll”, u “[l]-awtoritajiet pubbliċi jistgħu f’xi każijiet ikollhom involviment regolatorju b’saħħtu”. Mill-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta wkoll li intervent regolatorju li, indipendentement min-natura ġenerali jew iddettaljata tiegħu, ikun pjuttost intrużiv sabiex jiddetermina, de facto, il-politika ġenerali jew il-programm ta’ unità, jew tal-unitajiet kollha, tal-istess qasam ta’ attività jista’ jikkostitwixxi ħjiel ta’ kontroll.

49      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fil-kuntest tas-setgħa tiegħu li jirrikonoxxi federazzjonijiet nazzjonali għall-finijiet sportivi, bħalma huma l-FIG u l-FISE, u fil-kuntest tas-setgħa tiegħu li jadotta fir-rigward tagħhom direttivi relatati mal-eżerċizzju tal-attività sportiva li huma jinkwadraw, il-CONI, minn naħa, jistabbilixxix jew japplikax leġiżlazzjoni intiża sabiex tissuġġetta mingħajr distinzjoni u b’mod uniformi l-federazzjonijiet sportivi nazzjonali kollha għal regoli globali, wiesgħa u astratti, jew għal linji gwida ġenerali u, min-naħa l-oħra, jintervjenix b’mod eċċessiv, permezz ta’ leġiżlazzjoni, billi jiddetta, fil-fatt, il-politika ġenerali jew il-programm ta’ dawn il-federazzjonijiet jew ta’ wħud minn dawn il-federazzjonijiet. Jekk dan kellu jkun il-każ, dawn is-setgħat ma jkunux rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ kontroll fuq il-FIG u fuq il-FISE.

50      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha kif ukoll waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni Ewropea sostniet li s-setgħa tal-CONI li jirrikonoxxi l-federazzjonijiet nazzjonali għall-finijiet sportivi għandha l-effett li toħloq sitwazzjoni ta’ monopolju de facto fis-settur relattiv għad-dixxiplina sportiva inkwistjoni, peress li, ladarba jiġu rrikonoxxuti għall-finijiet sportivi, dawn il-federazzjonijiet jintervjenu f’pożizzjoni ta’ monopolju fis-settur sportiv ikkunsidrat. Minn dan, il-Kummissjoni tiddeduċi li s-setgħa ta’ rikonoxximent tal-CONI ma tistax taqa’ taħt il-kunċett ta’ “intervent pubbliku f’forma ta’ regolamenti ġenerali”, fis-sens tat-tieni sentenza tal-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li, billi timmanifesta ruħha f’settur ikkaratterizzat minn sitwazzjoni ta’ monopolju, is-setgħa tal-CONI li jadotta, fir-rigward tal-federazzjonijiet sportivi nazzjonali, direttivi relatati mal-eżerċizzju tal-attività sportiva tieħu l-forma ta’ “kontroll pubbliku”, fis-sens tal-punt 20.309(h) tal-Anness A ta’ dan ir-regolament, jiġifieri dik ta’ “involviment regolatorju b’saħħtu” f’settur ikkaratterizzat minn sitwazzjoni ta’ monopolju.

51      F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li, skont il-punt 20.309(h) tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, “[l]-awtoritajiet pubbliċi jistgħu f’xi każijiet ikollhom involviment regolatorju b’saħħtu, b’mod partikolari fl-oqsma bħal tal-monopolji u l-utilitajiet privatizzati li jkollhom element ta’ servizz pubbliku”. Din id-dispożizzjoni tipprevedi għalhekk, fost oħrajn, il-każ li fih l-awtoritajiet pubbliċi jintervjenu taħt forma regolamentari, fil-kuntest ta’ attività ta’ monopolju eżerċitata mill-entità li fir-rigward tagħha tqum il-kwistjoni tal-kontroll pubbliku.

52      F’dan il-każ għandu jiġi osservat li, fil-prinċipju u bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, is-setgħa ta’ rikonoxximent tal-CONI tista’ tikkostitwixxi intervent pubbliku taħt forma ta’ regolamenti ġenerali, fis-sens tad-definizzjoni mfakkra fil-punt 43 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, minn naħa, il-CONI japplika regolamenti ġenerali applikabbli għal kull entità li tixtieq tikseb ir-“rikonoxximent għall-finijiet sportivi”, jiġifieri l-Artikolu 15(5) u (6) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 242/1999, u, min-naħa l-oħra, ir-rikonoxximent mill-CONI huwa biss stadju preliminari, peress li l-federazzjonijiet sportivi kollha huma rrikonoxxuti b’mod uniformi skont il-modalitajiet u l-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni Taljana fis-seħħ, f’dan il-każ id-digriet tal-President tar-Repubblika Nru 361, tal-10 ta’ Frar 2000. Il-fatt li l-federazzjonijiet sportivi nazzjonali jkollhom, wara r-rikonoxximent tagħhom, pożizzjoni ta’ monopolju fid-dixxiplina sportiva li hija dipendenti fuqhom, fis-sens li l-prattika tal-isport fid-dimensjoni pubblika tagħha, jiġifieri l-prattika tagħha f’kuntest ifformalizzat, uffiċjali jew rappreżentattiv, hija suġġetta għall-awtorità esklużiva tagħhom, huwa element irrilevanti fir-rigward tad-definizzjoni mogħtija fil-punt 43 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, il-ħolqien ta’ tali pożizzjoni ta’ monopolju f’dak li jikkonċerna d-dimensjoni pubblika tal-prattika ta’ sport ma jaqax taħt is-setgħa ta’ rikonoxximent bħala tali u lanqas, għaldaqstant, taħt l-intervent pubbliku, iżda huwa biss konsegwenza li tirriżulta awtomatikament mill-eżerċizzju ta’ din is-setgħa u ta’ dan l-intervent, peress li l-fatt li l-oneru ta’ din id-dimensjoni ta’ sport jiġi fdat lil ċerta entità jimplika neċessarjament li din tal-aħħar għandha tali monopolju, ta’ portata speċifika.

53      Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura li, fid-dawl tal-monopolju de facto li jidher li għandhom il-federazzjonijiet sportivi nazzjonali fid-dixxiplini sportivi li tagħhom huma għandhom responsabbiltà rispettivament, il-CONI ma jkollux sussegwentement, b’mod partikolari permezz tal-effett tas-setgħa li jkollu ta’ adozzjoni, fir-rigward tal-federazzjonijiet sportivi nazzjonali, ta’ direttivi relatati mal-eżerċizzju tal-attività sportiva, “involviment regolatorju b’saħħtu”, fis-sens tal-indikaturi ta’ kontroll imsemmija fil-punti 2.39(b), 20.15(b) u 20.309(h) tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, li jippermettilu li jiddetta, fil-fatt, il-politika ġenerali jew il-programm ta’ dawn il-federazzjonijiet.

54      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-kunċett ta’ “intervent pubbliku f’forma ta’ regolamenti ġenerali applikabbli għall-unitajiet kollha li jaħdmu fl-istess attività”, imsemmi fit-tieni sentenza tal-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri kull intervent ta’ unità tas-settur pubbliku li jistabbilixxi jew japplika leġiżlazzjoni intiża sabiex tissuġġetta mingħajr distinzjoni u b’mod uniformi l-unitajiet kollha tal-qasam ta’ attività kkonċernat għal regoli globali, wiesgħa u astratti jew għal linji gwida ġenerali, mingħajr ma tali leġiżlazzjoni tista’, min-natura tagħha jew mill-karattru tagħha partikolarment “eċċessivi”, fis-sens tal-punt 20.309(h) tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, tiddetta, fil-fatt, il-politika ġenerali jew il-programm tal-unitajiet tal-qasam ta’ attività kkonċernat.

 Fuq it-tieni domanda

55      Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-kunċett ta’ “kapaċità għad-determinazzjoni tal-politika ġenerali jew tal-programm” ta’ NPI, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013.

56      B’mod iktar preċiż, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf liema interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett għandha tiġi adottata fid-dawl ta’ diversi kapaċitajiet li għandha unità tas-settur pubbliku, bħall-CONI, fir-rigward tal-federazzjonijiet sportivi nazzjonali. F’dan ir-rigward hija tindika li tendenzjalment hija tqis li l-kunċett ta’ “kapaċità għad-determinazzjoni tal-politika ġenerali jew tal-programm” ta’ unità istituzzjonali bħalma hija NPI għandu jinftiehem bħala l-kapaċità tal-amministrazzjoni pubblika li “tmexxi, [li] tirrestrinġi u [li] tikkundizzjona t-tmexxija konkreta globali tal-unità istituzzjonali. Il-kontroll ikun jeżisti għalhekk esklużivament fil-preżenza ta’ kapaċità intrużiva effettiva u konkreta tal-entità pubblika […] fil-ġestjoni tal-entità kkontrollata”.

57      Hekk kif tfakkar fil-punt 37 tas-sentenza preżenti, l-ewwel sentenza tal-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013 jipprovdi li “[i]l-kontroll ta’ NPI huwa definit bħala l-kapaċità għad-determinazzjoni tal-politika ġenerali jew tal-programm tal-NPI.” Il-punt 2.39 u t-tielet sentenza tal-punt 20.15 tal-Anness A ta’ dan ir-regolament isemmu ħames indikaturi ta’ kontroll li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk NPI hijiex taħt kontroll pubbliku.

58      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-kliem tal-ħames sentenza tal-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, li tagħmel riferiment għall-kapaċità għad-determinazzjoni b’mod sinjifikattiv tal-politika ġenerali jew tal-programm ta’ NPI, jirriżulta li l-kunċett ta’ “kapaċità” ma għandux jinftiehem f’sens restrittiv u formali, iżda, bħalma tindika l-qorti tar-rinviju, għandu jinftiehem fis-sens ġenerali ta’ “abbiltà”, ta’ “possibbiltà” jew ta’ “fakultà”. Din l-interpretazzjoni hija barra minn hekk appoġġjata minn diversi verżjonijiet lingwistiċi tal-punti tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013 dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “kontroll” li jużaw b’mod alternattiv u indifferenti l-kliem “kapaċità” (bħall-verżjonijiet bil-lingwa Spanjola (“capacidad”), Ġermaniża (“Fähigkeit”), Ingliża (“ability”), Franċiża jew Taljana (“capacità”) tal-punt 1.36), “fakultà” (bħall-verżjoni bil-lingwa Olandiża (“vermogen”) tal-punti 20.306 u 20.310), “awtorizzat” (bħall-verżjoni bil-lingwa Rumena (“abilitatea”) tal-punti 20.306 u 20.310) jew “possibbiltà” (bħall-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża (“Möglichkeit”) tal-punt 20.310).

59      L-interpretazzjoni mogħtija fil-punt preċedenti tas-sentenza preżenti tirriżulta wkoll mill-għan li fuqu hija bbażata l-ewwel sentenza tal-punt 20.15 tal-Anness A ta’ dan ir-regolament, jiġifieri li l-kontroll ta’ NPI minn gvern huwa stabbilit meta dan tal-aħħar ikun f’pożizzjoni, jiġifieri għandu l-kapaċità, il-possibbiltà jew il-fakultà, li jinfluwenza b’mod predominanti l-politika ġenerali jew il-programm tan-NPI. Hemm lok li jiġi rrilevat ukoll li, minn perspettiva kuntestwali, il-punt 20.309(f) tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013 jispjega l-kunċett ta’ “kapaċità għad-determinazzjoni” billi jitqies li l-eżerċizzju ta’ kontroll jista’ jikkonsisti f’“influwenza dominanti”.

60      Min-naħa l-oħra, il-kunċetti ta’ “politika ġenerali” u ta’ “programm” ma jistgħux jiġu ridotti, kuntrarjament għal dak li tikkunsidra l-qorti tar-rinviju, għas-sempliċi “tmexxija konkreta globali tal-unità istituzzjonali”.

61      Din il-konstatazzjoni tirriżulta b’mod partikolari minn analiżi tal-indikaturi ta’ kontroll imsemmija fil-punti 2.39, 20.15 u 20.309 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013. Dawn l-indikaturi huma intiżi li jiċċaraw u jispjegaw il-kunċett ta’ “kapaċità għad-determinazzjoni tal-politika ġenerali jew tal-programm” tan-NPI, billi jiffokaw fuq aspetti li jistgħu jinfluwenzaw b’mod sinjifikattiv id-definizzjoni u l-orjentazzjoni tal-istrateġija globali tan-NPI, bħall-fatt li gvern ikollu l-fakultà li jaħtar lill-persuni responsabbli min-NPI jew li jissuġġetta lil din tal-aħħar għal ċerti obbligi, ikun marbut bi ftehimiet kuntrattwali man-NPI jew inkella jiffinanzja lil din tal-aħħar jew ikun espost għar-riskji marbuta mal-attività tagħha.

62      Fil-fatt, fl-ewwel lok, l-indikatur ta’ kontroll dwar il-“ħatra tal-uffiċjali”, imsemmi fil-punt 2.39(a) u l-punt 20.15(a) tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, jikkorrispondi għall-parti tal-punt 20.309(a) ta’ dan l-anness dwar il-ħatra tal-uffiċjali responsabbli, li hija wkoll rilevanti għan-NPI.

63      Dan l-indikatur jippermetti li tiġi stabbilita l-possibbiltà tal-eżistenza ta’ kontroll fir-rigward ta’ NPI meta, hekk kif jirriżulta mill-punt 20.309(a) tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, “maġġoranza” tal-persuni li għandhom ir-responsabbiltà li jmexxu u jidderieġu l-entità kkonċernata u, għaldaqstant, li jiddefinixxu u li jinfluwenzaw il-politika ġenerali u l-programm tagħha, bħall-membri tal-bord tad-diretturi jew il-membri tal-korpi ta’ tmexxija, għandha tinħatar minn gvern.

64      Fit-tieni lok, l-indikatur ta’ kontroll dwar id-“dispożizzjonijiet tal-istrumenti abilitanti” jew id-“dispożizzjonijiet oħra tal-istrument ta’ aġevolazzjoni bħall-obbligi fl-istatut tal-NPI”, imsemmi rispettivament fil-punt 2.39(b) u fil-punt 20.15(b) tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, jikkorrispondi għad-diversi eżempji msemmija fil-punt 20.309(a) sa (c), u (g) sa (i) ta’ dan l-Anness, peress li dawn l-eżempji huma rilevanti għan-NPI u jikkonċernaw kwistjonijiet differenti minn dik tal-ħatra tal-uffiċjali, li hija s-suġġett tal-indikatur ta’ kontroll imsemmi fiż-żewġ punti preċedenti.

65      Kif jirriżulta mill-punt 46 ta’ din is-sentenza, jirriżulta b’mod partikolari mill-qari flimkien tal-punt 2.39(b), tal-punt 20.15(b) u tal-punt 20.309(i) tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013 li dan l-indikatur jippermetti li tiġi stabbilita l-possibbiltà tal-eżistenza ta’ kontroll meta l-att kostituttiv ta’ NPI jew dispożizzjoni leġiżlattiva jew regolamentari li tirregola direttament jew indirettament in-NPI kkonċernata tipprevedi setgħat jew drittijiet leġiżlattivi favur gvern, tattribbwixxi lil dan tal-aħħar kompetenzi ġuridiċi jew timponi obbligi fuq in-NPI lejn dan il-gvern b’mod li l-għanijiet, l-attivitajiet u l-aspetti operattivi tan-NPI u, għaldaqstant, il-“politika ġenerali jew il-programm tagħha” huma limitati.

66      Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, skont il-punt 20.309(a) sa (c) u (g) sa (i) tar-Regolament Nru 549/2013, tar-regoli li jawtorizzaw gvern ineħħi mill-funzjonijiet tagħhom maġġoranza ta’ uffiċjali, jew li jopponi maġġoranza ta’ uffiċjali, li jaħtar, li jneħħi l-maġġoranza tal-persuni li jokkupaw il-pożizzjonijiet marbuta mal-korpi prinċipali tan-NPI jew li jopponi maġġoranza ta’ persuni li jokkupaw pożizzjonijiet marbuta mal-korpi prinċipali tan-NPI, kif ukoll li jaħtar, li jneħħi lill-membri l-iktar importanti tal-persunal mill-funzjoni tagħhom jew li jopponihom, li jippermettu lil tali gvern japprova l-baġits, li jipprekludu lin-NPI milli temenda l-istatut tagħha, li xxolji ruħha jew li ttemm ir-relazzjoni tagħha mas-settur pubbliku, li jobbligaw lin-NPI sabiex titlob lil gvern l-awtorizzazzjoni sabiex tissellef fondi jew, kif jirriżulta mill-punt 47 ta’ din is-sentenza, li jattribwixxu lil tali gvern intervent regolatorju b’saħħtu.

67      Fit-tielet lok, l-indikatur ta’ kontroll dwar il-“ftehimiet kuntrattwali”, imsemmi fil-punt 2.39(c) u fil-punt 20.15(c) tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, jikkorrispondi mal-indikatur ta’ kontroll imsemmi fil-punt 20.309(g) tal-Anness A ta’ dan ir-regolament, li huwa wkoll rilevanti għan-NPI. Jekk, essenzjalment, l-indikatur ta’ kontroll imsemmi fil-punt 20.309(f) tal-Anness A tal-imsemmi regolament jista’ wkoll jintrabat ma’ dak imsemmi fil-punt 2.39(c) u fil-punt 20.15(c) tal-Anness A ta’ dan l-istess regolament, għandu jiġi kkonstatat li, billi jirreferu għal sitwazzjoni kkaratterizzata essenzjalment minn bejgħ u l-eżistenza ta’ klijenti, l-eżempji li huma mogħtija fih ma humiex rilevanti għal NPI bħall-FIG u l-FISE.

68      L-indikatur dwar il-ftehimiet kuntrattwali, kif iddefinit fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, jippermetti li tiġi stabbilita l-possibbiltà tal-eżistenza ta’ kontroll meta dispożizzjonijiet li jirriżultaw minn ftehim kuntrattwali konkluż bejn gvern u NPI, bħal ftehim ta’ self, jipprevedu, favur il-gvern, drittijiet li jippermettu lil dan tal-aħħar jiddetermina l-politika ġenerali jew il-programm tan-NPI, bħal b’mod partikolari, kif jirriżulta mill-punt 20.309(g) tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, kontroll fil-kundizzjonijiet ta’ għoti ta’ krediti iktar rigoruż minn dak li normalment tkun suġġetta għalih entità tas-settur privat minn bank.

69      Fir-raba’ lok, l-indikatur ta’ kontroll dwar il-“grad ta’ finanzjament” u l-“livell ta’ finanzjament”, imsemmi rispettivament fil-punti 2.39(d) u 20.15(d) tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013 rispettivament, jikkorrispondi mal-aħħar sentenza tal-punt 20.309(i) ta’ dan l-anness, li huwa wkoll rilevanti għan-NPI.

70      Dan l-indikatur jippermetti li tiġi stabbilita l-possibbiltà tal-eżistenza ta’ kontroll meta NPI hija, kif jirriżulta mill-qari flimkien tal-ħames sentenza tal-punt 20.15, u tal-aħħar sentenza tal-punt 20.309(i) tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, totalment, kważi totalment jew prinċipalment iffinanzjata minn gvern, sakemm il-kontrolli eżerċitati fuq dan il-fluss ta’ finanzjament ma jkunux suffiċjentement restrittivi sabiex jinfluwenzaw il-politika ġenerali jew il-programm tan-NPI u din tal-aħħar tibqa’ għalhekk f’kapaċità li tiddetermina din il-politika jew dan il-programm.

71      Fil-ħames lok, l-indikatur tal-kontroll dwar il-“grad tal-esponiment tar-riskju tal-gvern” jew l-“esponiment għar-riskju”, imsemmi rispettivament fil-punt 2.39(e) u fil-punt 20.15(e) tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, jikkorrispondi, parzjalment, għall-punt 20.309(g) ta’ dan l-anness, li huwa wkoll rilevanti għan-NPI.

72      Dan l-indikatur jippermetti li tiġi stabbilita l-possibbiltà tal-eżistenza ta’ kontroll meta gvern jista’ jiġi espost għar-riskji marbuta mal-attività tan-NPI jew ikun awtorizzat li jieħu miżuri kontra NPI sabiex jipproteġi l-espożizzjoni tiegħu għal tali riskji.

73      Minn din l-analiżi jirriżulta li l-elementi rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ kontroll pubbliku fuq NPI ma humiex relatati mal-funzjoni li tiġi ġestita u li tiġi amministrata entità kif ukoll li jiġi żgurat il-monitoraġġ tan-negozju ta’ kuljum, iżda li jiġu ddefiniti jew stabbiliti l-għanijiet tal-entità, l-attivitajiet tagħha u l-aspetti operattivi tagħhom kif ukoll l-orjentamenti strateġiċi u l-linji gwida li l-entità trid tilħaq fl-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet.

74      Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-kliem tal-punt 20.309(c) u (i) tal-Anness A ta’ dan ir-regolament li jsemmi diversi aspetti marbuta mal-kunċett ta’ “politika ġenerali”, li fosthom hemm, fil-punt (c), “ir-remunerazzjoni tas-salarji ta’ personal għoli u l-istrateġija tan-negozju” kif ukoll, fil-punt (i), “l-attivitajiet, l-għanijiet u l-aspetti operattivi” tal-entità kkonċernata.

75      Barra minn hekk, kif sostniet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li l-kunċetti ta’ “politika ġenerali” u ta’ “programm” jiġu ridotti għas-sempliċi kunċett ta’ “ġestjoni” iċaħħad mis-sens tal-awtonomija ta’ ġestjoni u ta’ deċiżjoni li, mid-definizzjoni tagħha stess, hija rrikonoxxuta fil-punt 2.12 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013 għall-unitajiet istituzzjonali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-SEK 2010. Minn dan isegwi li tali unità, minkejja li għandha awtonomija deċiżjonali fl-eżerċizzju tal-funzjoni prinċipali tagħha, tista’ xorta waħda tkun suġġetta għall-kontroll pubbliku, fis-sens tas-SEK 2010.

76      F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li, fl-Italja, il-federazzjonijiet sportivi nazzjonali, bħall-FIG u l-FISE, skont l-Artikolu 20(4) tal-Istatut tal-CONI, fil-kuntest tal-prinċipju ta’ awtonomija tad-dritt sportiv irrikonoxxut mill-Artikolu 1 tad-Digriet Liġi Nru 220, tad-19 ta’ Awwissu 2003, għandhom “awtonomija teknika, organizzattiva u ta’ ġestjoni […] taħt il-kontroll tal-CONI”, u din l-awtonomija hija riflessa b’mod ċar mid-dispożizzjonijiet tal-istatuti ta’ dawn iż-żewġ federazzjonijiet, kif jirriżulta mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari.

77      Konsegwentement, il-kwistjoni tal-kontroll ta’ unitajiet istituzzjonali bħall-FIG u l-FISE minn amministrazzjoni pubblika bħall-CONI ma tistax tirreferi għall-punt dwar jekk l-amministrazzjoni pubblika teżerċitax influwenza determinanti fuq il-ġestjoni jew il-kapaċità deċiżjonali tal-unità istituzzjonali, liema unità għandha, mid-definizzjoni tagħha stess, awtonomija sħiħa f’dan il-qasam, iżda hija intiża sabiex tiddetermina jekk din l-amministrazzjoni hijiex f’pożizzjoni, minkejja l-eżistenza ta’ tali awtonomija, li tmexxi u li teżerċita forom ta’ restrizzjoni fuq l-unità fil-kuntest tad-definizzjoni u tat-twettiq stess tal-għanijiet tagħha, tal-attivitajiet tagħha u tal-orjentamenti strateġiċi tagħha.

78      Mill-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq jirriżulta li l-kunċett ta’ “kapaċità għad-determinazzjoni tal-politika ġenerali jew tal-programm” ta’ NPI, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, għandu jiġi interpretat bħala l-kapaċità ta’ gvern li jeżerċita, permezz tal-indikaturi ta’ kontroll li jinsabu fil-punt 2.39(a) sa (e), u fil-punt 20.15(a) sa (e) tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, kif ukoll permezz tal-indikaturi ta’ kontroll korrispondenti applikabbli għan-NPI, imsemmija fil-punt 20.309 tal-Anness A ta’ dan ir-regolament, influwenza reali u sostanzjali fuq id-definizzjoni u t-twettiq stess tal-għanijiet tan-NPI, tal-attivitajiet tagħha u tal-aspetti operazzjonali tagħhom kif ukoll tal-orjentazzjonijiet strateġiċi u tal-linji gwida li n-NPI għandha l-intenzjoni li ssegwi fl-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet.

79      Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk is-setgħat li għandu l-CONI fir-rigward tal-FIG u tal-FISE jistgħux jikkostitwixxu “kapaċità għad-determinazzjoni tal-politika ġenerali jew tal-programm” ta’ dawn il-federazzjonijiet, fis-sens ta’ din id-definizzjoni.

80      B’hekk, f’dak li jikkonċerna, l-ewwel nett, is-setgħa li jinħatru l-awdituri responsabbli li jirrappreżentaw lill-CONI fil-federazzjonijiet sportivi nazzjonali, għandu jiġi kkonstatat, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 62 u 63 ta’ din is-sentenza, li tali setgħa ma tistax tintrabat mal-indikatur tal-kontroll dwar il-“il-ħatra tal-uffiċjali”, sa fejn, min-natura tagħhom, l-awdituri ma jitqisux li huma “uffiċjali” u ma humiex għaldaqstant f’pożizzjoni li jiddeterminaw il-“politika ġenerali u l-programm” ta’ entità, fis-sens tad-definizzjoni fil-punt 78 ta’ din is-sentenza.

81      It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda s-setgħat li jirriżultaw mill-Artikoli 6 u 7 tal-Istatut tal-CONI, għandu jiġi rrilevat li l-parti l-kbira ta’ dawn huma marbuta mal-indikatur ta’ kontroll dwar “id-dispożizzjonijiet tal-istrumenti abilitanti” u d-“dispożizzjonijiet oħra tal-istrument ta’ aġevolazzjoni bħall-obbligi fl-istatut tal-NPI”, kif interpretat fil-punti 64 sa 66 ta’ din is-sentenza. Dan japplika b’mod partikolari għas-setgħa tal-CONI li japprova l-baġit, il-programmi marbuta ma’ attivitajiet u l-bilanċ annwali tal-federazzjonijiet sportivi nazzjonali, li jikkontrolla l-federazzjonijiet sportivi nazzjonali fir-rigward tal-aspetti pubbliċi, li japprova “għall-finijiet sportivi” l-istatuti, ir-regolamenti ta’ implimentazzjoni tal-istatuti, ir-regolamenti ta’ ġustizzja sportiva u r-regolamenti ta’ kontra d-doping tal-federazzjonijiet sportivi nazzjonali u, jekk ikun il-każ, li jipproponi l-modifiki neċessarji għal dawn it-testi, li jaħtar l-awdituri li huma responsabbli sabiex jirrappreżentawh fil-federazzjonijiet sportivi nazzjonali, li jqiegħed taħt tutela l-federazzjonijiet sportivi nazzjonali fil-każ ta’ irregolaritajiet serji fil-ġestjoni jew fil-każ ta’ ksur serju tad-dritt tal-isport mill-korpi ta’ tmexxija, li jiddefinixxi l-kriterji u l-modalitajiet ta’ eżerċizzju tal-kontroll eżerċitat mill-CONI fuq il-federazzjonijiet sportivi nazzjonali, li jistabbilixxi, sabiex tiġi ggarantita l-organizzazzjoni legali tal-kampjonati sportivi, il-kriterji u l-modalitajiet tal-kontroll eżerċitat mill-federazzjonijiet sportivi nazzjonali fuq il-kumpanniji sportivi assoċjati u tal-kontroll ta’ sostituzzjoni tal-CONI fil-każ ta’ nuqqas, li jistabbilixxi l-prinċipji fundamentali li magħhom għandhom jikkonformaw ruħhom l-istatuti tal-federazzjonijiet sportivi nazzjonali sabiex jiksbu r-rikonoxximent għall-finijiet sportivi jew sabiex jadottaw il-kodiċi ta’ ġustizzja sportiva li għandu jiġi osservat mill-federazzjonijiet sportivi nazzjonali kollha. Dan jgħodd ukoll, kif jirriżulta mill-punt 53 ta’ din is-sentenza, fir-rigward tas-setgħa tal-CONI li jadotta, fir-rigward tal-federazzjonijiet sportivi nazzjonali, direttivi relatati mal-eżerċizzju tal-attività sportiva li huma jispeċifikaw, fil-każ fejn, wara l-eżami mwettaq mill-qorti tar-rinviju fid-dawl tar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel domanda, din is-setgħa tkun marbuta ma’ dan l-indikatur tal-kontroll.

82      Għal kull waħda minn dawn is-setgħat, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, minkejja l-awtonomija teknika, organizzattiva u ta’ ġestjoni rrikonoxxuta lill-federazzjonijiet sportivi bħalma huma l-FIG u l-FISE u riflessa fl-istatuti ta’ dawn tal-aħħar, il-CONI huwiex f’pożizzjoni li jeżerċita influwenza reali u sostanzjali fuq il-politika ġenerali jew il-programm tal-imsemmija federazzjonijiet, fis-sens tad-definizzjoni mogħtija fil-punt 78 ta’ din is-sentenza, jew jekk l-effett ta’ dawn is-setgħat huwiex limitat, sabiex tintuża t-terminoloġija tal-qorti tar-rinviju, għal sempliċi “superviżjoni esterna u formali” li, bħal influwenza purament marġinali, ma jkollhiex effett determinanti fuq din il-politika ġenerali jew dan il-programm.

83      Għal dan il-għan, il-qorti tar-rinviju għandha, fost affarijiet oħra, tivverifika jekk is-setgħat ta’ approvazzjoni tal-baġits u l-bilanċi kif ukoll sabiex jagħmel bidliet fl-istatuti tal-federazzjonijiet, li huma espressament iċċitati bħala eżempju fil-punt 20.309(i) tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, jagħtux lill-CONI sempliċi dritt ta’ superviżjoni jew, għall-kuntrarju, influwenza predominanti fuq id-definizzjoni u t-twettiq stess tal-għanijiet tal-FIG u tal-FISE, tal-attivitajiet ta’ dawn il-federazzjonijiet u tal-aspetti operattivi relatati magħhom kif ukoll tal-linji gwida strateġiċi u tal-linji gwida li l-imsemmija federazzjonijiet għandhom l-intenzjoni li jsegwu fl-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħhom.

84      Il-qorti tar-rinviju għandha wkoll tivverifika, jekk ikun il-każ, li l-kapaċità tal-CONI li jiddetermina l-politika ġenerali jew il-programm tal-FIG u tal-FISE hija effettiva u permanenti, fis-sens li ma għandhiex biss tiġi eżerċitata b’mod temporanju f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali, kif jidher li huwa l-każ tal-poter ta’ tqegħid taħt tutela tal-federazzjonijiet mill-CONI f’każ ta’ irregolaritajiet serji jew ksur tad-dritt tal-isport mill-korpi ta’ tmexxija.

85      It-tielet nett, hija wkoll il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-indikaturi ta’ kontroll imsemmija fil-punti 67 u 68 kif ukoll fil-punti 71 u 72 ta’ din is-sentenza, relatati rispettivament mal-ftehimiet kuntrattwali u mal-espożizzjoni għar-riskji, humiex rilevanti fil-kawżi prinċipali, u, jekk ikun il-każ, jikkontribwixxux sabiex tiġi kkonfermata l-eżistenza ta’ kontroll pubbliku. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk, fl-ewwel lok, ġewx konklużi ftehimiet bejn il-CONI jew kwalunkwe amministrazzjoni pubblika oħra, minn naħa, u l-FIG jew il-FISE, min-naħa l-oħra, u, jekk ikun il-każ, jekk, minħabba l-kontenut u l-eventwali drittijiet mogħtija lill-CONI jew lil din l-amministrazzjoni, tali ftehimiet jikkonferixxux fuqhom drittijiet ta’ kontroll għad-determinazzjoni tal-politika ġenerali jew tal-programm tal-FIG jew tal-FISE, fis-sens tad-definizzjoni mogħtija fil-punt 78 ta’ din is-sentenza. Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk il-CONI jew kwalunkwe amministrazzjoni pubblika oħra jistgħux ikunu esposti għar-riskji marbuta mal-attività ta’ federazzjonijiet sportivi nazzjonali, bħall-FIG u l-FISE, jew jekk jistgħux, sabiex jipproteġu l-eventwali esponiment tagħhom għal tali riskji, jadottaw kontra dawn tal-aħħar miżuri li jagħtuhom drittijiet li jippermettulhom jiddeterminaw il-politika ġenerali jew il-programm ta’ dawn il-federazzjonijiet, fis-sens tad-definizzjoni mogħtija fil-punt 78 ta’ din is-sentenza.

86      Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-indikatur ta’ kontroll imsemmi fil-punti 69 u 70 ta’ din is-sentenza, dan ser jiġi eżaminat fil-punti 91 et seq. ta’ din is-sentenza.

87      Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li l-analiżi tad-diversi indikaturi ta’ kontroll imsemmija fil-punti 80 sa 86 ta’ din is-sentenza għandha tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni globali, b’mod konformi mar-regoli previsti għal dan il-għan fl-aħħar sentenza tal-punt 2.39, fil-ħames sat-tmien sentenza tal-punt 20.15 u fil-punt 20.310 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013. Minn dawn ir-regoli jirriżulta li, għalkemm indikatur uniku jista’ jkun suffiċjenti, f’ċerti każijiet, sabiex jistabbilixxi kontroll, fil-parti l-kbira tal-każijiet ikun sett ta’ indikaturi li jiżvela l-eżistenza ta’ dan il-kontroll, peress li ċerti indikaturi jistgħu ma jkunux rilevanti abbażi tas-sitwazzjoni inkwistjoni u li, kif jirriżulta mill-punt 70 ta’ din is-sentenza, l-indikatur relatat mal-livell ta’ finanzjament jista’ ma jkunx determinanti. Għalhekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq tali evalwazzjoni globali fid-dawl ta’ dawn ir-regoli, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li din l-evalwazzjoni globali timplika min-natura tagħha stess, skont l-aħħar sentenza tal-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, “waħda [deċiżjoni] ġudizzjarja”.

88      Fil-kuntest ta’ din id-“deċiżjoni ġudizzjarja”, il-qorti tar-rinviju għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-akkumulazzjoni qawwija ta’ indizji intiżi li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ kontroll fi ħdan indikatur wieħed tista’ tkun suffiċjenti sabiex twassalha sabiex tikkonkludi li kien hemm kontroll fid-dawl ta’ dan l-indikatur biss. F’dan il-każ, għandu jitfakkar li diversi setgħat li għandu l-CONI jaqgħu taħt l-indikatur tal-kontroll dwar id-“dispożizzjonijiet tal-istrumenti abilitanti” u d-“dispożizzjonijiet oħra tal-istrument ta’ aġevolazzjoni bħall-obbligi fl-istatut tal-NPI”. Għalhekk, fil-każ fejn il-qorti tar-rinviju tikkunsidra, wara l-evalwazzjoni globali li għandha twettaq, li dawn is-setgħat jew parti kbira minnhom jikkontribwixxu sabiex tiġi kkonfermata l-eżistenza ta’ kontroll, hija għandha xorta waħda tivverifika jekk dan l-indikatur ta’ kontroll huwiex biżżejjed, waħdu, sabiex jiġi stabbilit kontroll.

89      Fir-rigward taċ-ċirkustanza, irrilevata mill-qorti tar-rinviju, li l-federazzjonijiet sportivi nazzjonali Taljani jeżerċitaw influwenza fuq l-attività tal-CONI minħabba s-sehem maġġoritarju tagħhom fi ħdan il-korpi kolleġjali prinċipali li jiddeliberaw tiegħu, bħalma huma l-kunsill nazzjonali jew il-kummissjoni nazzjonali, għandu jiġi enfasizzat li din iċ-ċirkustanza hija rilevanti biss jekk jista’ jiġi stabbilit li kull waħda mill-federazzjonijiet, meħuda b’mod iżolat, hija f’pożizzjoni li teżerċita influwenza sinjifikattiva fuq il-kontroll pubbliku eżerċitat mill-CONI fir-rigward tagħha sabiex tinnewtralizza dan il-kontroll, minkejja l-influwenza tal-federazzjonijiet sportivi l-oħra li jinsabu f’sitwazzjoni analoga, u b’hekk tista’ tikseb mill-ġdid il-kontroll tal-politika ġenerali u tal-programm tagħha. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan il-punt, jekk ikun il-każ.

90      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-kunċett ta’ “kapaċità għad-determinazzjoni tal-politika ġenerali jew tal-programm” ta’ NPI, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, għandu jiġi interpretat bħala l-kapaċità ta’ gvern li jeżerċita b’mod sostenibbli u permanenti influwenza reali u sostanzjali fuq id-definizzjoni u t-twettiq stess tal-għanijiet tan-NPI, tal-attivitajiet tagħha u tal-aspetti operattivi tagħhom kif ukoll tal-orjentazzjonijiet strateġiċi u tal-linji gwida li n-NPI għandha l-intenzjoni li ssegwi fl-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet. F’kawżi bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, fir-rigward tal-indikaturi ta’ kontroll imsemmija fil-punt 2.39(a) sa (e), u fil-punt 20.15(a) sa (e) tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, kif ukoll fir-rigward tal-indikaturi ta’ kontroll korrispondenti applikabbli għan-NPI, imsemmija fil-punt 20.309 tal-Anness A ta’ dan ir-regolament, jekk amministrazzjoni pubblika, bħall-kumitat Olimpiku nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, teżerċitax kontroll pubbliku fuq federazzjonijiet sportivi nazzjonali kkostitwiti taħt il-forma ta’ NPI, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, billi twettaq, għal dan il-għan, evalwazzjoni globali li timplika, min-natura tagħha, deċiżjoni ġudizzjarja, skont l-aħħar sentenza tal-punt 2.39, il-ħames sat-tmien sentenza tal-punt 20.15, u l-punt 20.310 tal-Anness A tal-imsemmi regolament.

 Fuq it-tielet domanda

91      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-membri ta’ NPI rregolata mid-dritt privat, bħall-federazzjonijiet sportivi nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ kontroll pubbliku u, fil-każ ta’ risposta affermattiva, jekk dawn il-kontribuzzjonijiet, li jikkostitwixxu l-parti predominanti tad-dħul ta’ din in-NPI, għandhomx jiġu kkunsidrati bħala element ta’ finanzjament pubbliku jew privat.

92      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-qorti tar-rinviju tifformula d-domanda tagħha b’riferiment mhux biss għall-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, iżda wkoll għall-punti 4.125 u 4.126 ta’ dan l-anness.

93      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tal-punti 4.125 u 4.126 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013 huma irrilevanti għar-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet, li jinsabu fil-Kapitolu 4 ta’ dan l-anness, iddedikat għat-“transazzjonijiet distributtivi”, jiġifieri t-tranżazzjonijiet ta’ distribuzzjoni tal-valur miżjud iġġenerat mill-produzzjoni u mit-tranżazzjonijiet ta’ ridistribuzzjoni tal-ġid u tad-dħul, għandhom biss bħala għan li jiddefinixxu u jippreċiżaw il-kunċett ta’ “trasferimenti kurrenti lin-NPISH”, inklużi, b’mod partikolari, “abbonamenti regolari mħallsin mill-unitajiet domestiċi […] lil organizzazzjonijiet […] sportivi”. Minbarra l-fatt li dan il-kunċett huwa, fih innifsu, estranju għall-kwistjoni tal-kontroll pubbliku, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija dispożizzjonijiet ma japplikawx għan-NPI kollha, iżda għan-NPISH biss, jiġifieri għal unitajiet istituzzjonali kklassifikati fis-settur privat meta jkun ġie kkonstatat li ma humiex ikkontrollati minn gvern ġenerali. B’hekk, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni jikkonċernaw unitajiet li fir-rigward tagħhom il-kwistjoni tal-kontroll pubbliku ġiet skartata u jirregolaw aspett totalment differenti minn dak tal-kontroll.

94      Minn dan isegwi li t-tielet domanda għandha tiġi analizzata biss fid-dawl tal-indikatur ta’ kontroll dwar il-livell ta’ finanzjament, li huwa rregolat, hekk kif jirriżulta mill-punt 69 ta’ din is-sentenza, mill-punt 2.39(d), mill-punt 20.15(d) u mill-aħħar sentenza tal-punt 20.309(i) tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013.

95      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kwistjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-kontribuzzjonijiet tal-membri għall-finijiet tal-verifika tal-eżistenza ta’ kontroll pubbliku fil-kuntest tal-indikatur ta’ kontroll dwar il-livell ta’ finanzjament, għandu jiġi rrilevat li l-indikatur imsemmi fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza jimponi li tiġi stabbilita, bħala prerekwiżit għal din il-verifika, il-parti rrappreżentata mill-finanzjament pubbliku fid-dħul totali ta’ NPI. Peress li l-kontribuzzjonijiet tal-membri jifformaw parti mid-dħul ta’ NPI bħalma huma l-FIG u l-FISE, dawn għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’xi mod jew ieħor, sabiex ikun jista’ jiġi ddeterminat f’liema proporzjon in-NPI hija ffinanzjata minn riżorsi pubbliċi u b’hekk tkun tista’ tiġi kkonstatata l-eżistenza jew le ta’ kontroll pubbliku.

96      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kwistjoni tan-natura pubblika jew privata tal-kontribuzzjonijiet tal-membri, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamlet il-qorti tar-rinviju, li fil-fatt jidher li, prima facie, dan huwa ħlas privat ta’ natura mhux reċiproka, magħmul minn individwi li, fil-kuntest tal-klassifikazzjoni tas-SEK 2010, jagħmlu parti mill-unitajiet domestiċi sa unitajiet istituzzjonali organizzati fil-forma ta’ NPI.

97      Madankollu, fid-dawl tal-għan li fuqu huwa bbażat ir-Regolament Nru 549/2013, jiġifieri, kif tfakkar fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, it-tfassil tal-kontijiet tal-Istati Membri fuq il-bażi ta’ prinċipji uniċi u mhux interpretabbli b’modi differenti, b’tali mod li jippermetti l-kisba ta’ riżultati paragunabbli, il-klassifikazzjoni, għall-finijiet ta’ statistiċi, tal-kontribuzzjonijiet tal-membri fost is-sorsi ta’ finanzjament privat jew pubbliku ma għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni biss il-kwalità privata jew pubblika tad-debitur tal-kontribuzzjoni jew tar-relazzjoni legali eżistenti bejn dan id-debitur u n-NPI abbażi tad-dritt nazzjonali.

98      Fil-fatt, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll kull element li jista’ jiddetermina n-natura pubblika jew privata tal-kontribuzzjonijiet, bħalma huwa l-kuntest li jagħmlu parti minnu dawn tal-aħħar, l-użu tagħhom fir-rigward tal-interessi pubbliċi li magħhom dawn jistgħu jkunu marbuta, in-natura obbligatorja jew fakultattiva tagħhom, il-fatt li huma jikkostitwixxu jew le l-korrispettiv tat-tgawdija effettiva tas-servizzi pprovduti mill-entità kkonċernata kif ukoll l-awtonomija li din l-entità għandha fl-iffissar tal-ammont tagħhom. B’hekk, kontribuzzjoni, bħal dik li l-membri tagħhom għandhom iħallsu lill-federazzjonijiet sportivi nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, tista’, minkejja l-kwalità privata tad-debituri tagħha u l-klassifikazzjoni ġuridika tagħha fid-dritt nazzjonali, ikollha, għall-finijiet tas-SEK 2010, natura pubblika, meta din tkun kontribuzzjoni obbligatorja li, mingħajr ma neċessarjament tikkostitwixxi l-korrispettiv tat-tgawdija effettiva tas-servizzi pprovduti, tinġabar f’interess pubbliku ekonomiku jew soċjali, favur, b’mod partikolari, persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt privat, bħalma huma dawn il-federazzjonijiet sportivi nazzjonali.

99      F’dan ir-rigward, f’dan il-każ, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, l-ewwel nett, il-federazzjonijiet sportivi nazzjonali Taljani, bħall-FIG u l-FISE, għandhom, kif ġie indikat fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, monopolju fid-dixxiplini sportivi li fir-rigward tagħhom huma għandhom rispettivament ir-responsabbiltà, fis-sens li l-prattika tal-isport fid-dimensjoni pubblika tagħha, jiġifieri l-prattika tiegħu f’kuntest formali, uffiċjali jew rappreżentattiv, hija suġġetta għall-awtorità esklużiva tagħhom. It-tieni nett, l-attività ta’ dawn il-federazzjonijiet tinkludi, skont l-Artikolu 15(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 242/1999 kif ukoll l-Artikolu 7(5) u l-Artikolu 20(4) tal-Istatut tal-CONI, dimensjoni pubblika, li tikkonsisti fl-organizzazzjoni regolari ta’ kompetizzjonijiet, il-preparazzjoni Olimpika u l-attività sportiva ta’ livell għoli. It-tielet nett, fir-rigward tal-monopolju msemmi f’dan il-punt, il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet għandu natura obbligatorja għal kull persuna li tixtieq tipprattika l-attività sportiva li taqa’ taħt il-federazzjoni sportiva nazzjonali korrispondenti fid-dimensjoni pubblika tagħha, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li kull persuna li trid tipparteċipa fl-attivitajiet li jaqgħu taħt il-federazzjoni hija marbuta li ssir membru tagħha. Ir-raba’ nett, il-kontribuzzjonijiet ma jikkostitwixxux neċessarjament il-korrispettiv tat-tgawdija effettiva tas-servizzi pprovduti mill-federazzjonijiet sportivi nazzjonali, sa fejn il-membri mhux kollha jipprattikaw l-attività sportiva kkonċernata fid-dimensjoni pubblika tagħha.

100    Għalhekk, il-kontribuzzjonijiet li l-membri għandhom iħallsu lill-federazzjonijiet sportivi nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jiġu analizzati bħala ta’ natura pubblika, peress li, min-natura obbligatorja tagħhom, dawn jikkontribwixxu sabiex jiffinanzjaw għanijiet ta’ interess pubbliku mfittxija, għal kull dixxiplina sportiva, minn federazzjoni nazzjonali waħda u intiżi sabiex jippromwovu l-isport b’mod ġenerali u l-isport ta’ livell għoli b’mod partikolari, mingħajr ma dawn il-kontribuzzjonijiet jikkostitwixxu korrispettiv għat-tgawdija effettiva tas-servizzi pprovduti b’dan il-mod.

101    Madankollu, waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-FIG sostniet li l-federazzjonijiet sportivi nazzjonali jiddeterminaw b’mod awtonomu l-ammont ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet, punt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Għalkemm dan l-element, jekk jitqies li huwa stabbilit, għandu effettivament jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tan-natura privata jew pubblika tal-kontribuzzjonijiet tal-membri, madankollu għandu jiġi enfasizzat li tali awtonomija ma għandhiex neċessarjament l-effett li tikkontesta n-natura pubblika ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet.

102    Fil-fatt, jekk huwa minnu li l-awtonomija tal-federazzjonijiet sportivi nazzjonali fl-iffissar tal-ammont tal-kontribuzzjonijiet tista’, bħala parti minn awtonomija organizzattiva u baġitarja iktar wiesgħa, tipprekludi li dawn il-federazzjonijiet jitqiesu li jinsabu fi stat ta’ dipendenza stretta fir-rigward tal-CONI, dan ma jkunx il-każ jekk il-CONI kellu l-possibbiltà, minn naħa, fil-kuntest tas-setgħa tiegħu ta’ kontroll tal-baġit tal-imsemmija federazzjonijiet, li jinfluwenza b’mod sinjifikattiv l-ammont ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet jew, min-naħa l-oħra, li jnaqqas l-ammont tal-parteċipazzjoni finanzjarja tiegħu fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil fuq l-ammont tal-imsemmija kontribuzzjonijiet, kif stabbilit mill-istess federazzjonijiet. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dawn il-punti u li għandha tiddetermina, fil-każ fejn il-federazzjonijiet sportivi nazzjonali jkollhom effettivament is-setgħa li jiffissaw b’mod awtonomu l-ammont tal-kontribuzzjonijiet tal-membri, jekk tali awtonomija hijiex biżżejjed sabiex tikkontesta l-analiżi magħmula fil-punt 100 ta’ din is-sentenza.

103    Fil-każ fejn, fi tmiem din il-verifika, il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li l-kontribuzzjonijiet tal-membri għandhom natura privata, ikollha tikkonstata, fid-dawl ta’ dak li ġie indikat fil-punt 70 ta’ din is-sentenza, li l-kontroll fuq il-FIG u fuq il-FISE mill-CONI ma jkunx stabbilit fir-rigward tal-indikatur ta’ kontroll dwar il-livell ta’ finanzjament, minħabba l-fatt li dawn il-federazzjonijiet, iffinanzjati biss b’madwar 30 % mill-CONI, ma jkunux prinċipalment iffinanzjati minn riżorsi pubbliċi.

104    Min-naħa l-oħra, fil-każ fejn il-qorti tar-rinviju tasal biex tikkwalifika bħala “kontribuzzjonijiet pubbliċi” il-kontribuzzjonijiet li l-membri tagħhom għandhom iħallsu lill-federazzjonijiet sportivi nazzjonali, dawn il-kontribuzzjonijiet ikollhom għalhekk jiġu kklassifikati fost is-sorsi ta’ finanzjament pubbliku, l-istess bħall-għajnuna mħallsa mill-CONI. F’dan ir-rigward, mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod iktar partikolari mill-kontijiet tal-qligħ u t-telf tal-FIG u tal-FISE relattivi għas-sena finanzjarja 2015, li għalihom tirreferi l-qorti tar-rinviju, jirriżulta li s-sehem tal-finanzjament pubbliku, li jinkludi kemm l-għajnuna mill-CONI ta’ madwar 30 % u l-kontribuzzjonijiet tal-membri li jammontaw għal iktar minn 60 %, jaqbeż id-90 % tad-dħul totali kemm tal-FIG kif ukoll tal-FISE, fatti dawn li l-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk ikun meħtieġ. Għalhekk, fil-kuntest tal-indikatur ta’ kontroll dwar il-livell ta’ finanzjament, f’din l-ipoteżi, għandu jiġi kkonstatat li dawn iż-żewġ federazzjonijiet sportivi nazzjonali huma kważi totalment iffinanzjati minn għajnuniet u minn kontribuzzjonijiet pubbliċi.

105    Madankollu, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 70 ta’ din is-sentenza, mill-ħames sentenza tal-punt 20.15 u mill-aħħar sentenza tal-punt 20.309(i) tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013 jirriżulta li l-fatt li unità istituzzjonali bħal NPI tkun kważi totalment iffinanzjata mis-settur pubbliku ma huwiex biżżejjed, fih innifsu, sabiex jiġi konkluż li jeżisti kontroll pubbliku fir-rigward tagħha, meta l-kontrolli eżerċitati fuq dawn il-flussi ta’ finanzjament ma humiex suffiċjentement restrittivi sabiex jinfluwenzaw il-politika ġenerali jew il-programm tal-unità inkwistjoni u din tal-aħħar tibqa’ għalhekk f’kapaċità li tiddetermina din il-politika jew dan il-programm.

106    Fil-fatt, il-livell ta’ indipendenza li n-NPI jista’ jkollha fl-użu u fl-assenjazzjoni tal-parti tad-dħul mill-finanzjament pubbliku kif ukoll il-livell ta’ kontroll u ta’ limitazzjoni li din in-NPI tista’ tkun suġġetta għalihom f’dan ir-rigward jikkundizzjonaw l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ kontroll pubbliku.

107    Konsegwentement, f’dan il-każ, fil-każ fejn il-qorti tar-rinviju tasal biex tikkwalifika bħala “kontribuzzjonijiet pubbliċi” il-kontribuzzjonijiet li l-membri tagħhom għandhom iħallsu, hija għandha tivverifika jekk il-CONI, fil-kuntest tal-kontroll li huwa jeżerċita fuq l-aspetti pubbliċi tal-federazzjonijiet sportivi nazzjonali skont l-Artikolu 7(5) tal-Istatut tiegħu, huwiex limitat għas-sempliċi kontroll tal-użu tal-għajnuna finanzjarja kollha jew parti minnha li huwa jagħti lill-FIG u lill-FISE ta’ madwar 30 % jew jekk għandux ukoll il-possibbiltà li jikkontrolla kompletament jew parzjalment l-użu li l-federazzjonijiet jagħmlu minn dawn il-kontribuzzjonijiet. Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, il-qorti tar-rinviju tista’ tikkonkludi li jkun jeżisti kontroll pubbliku biss jekk il-kontrolli eżerċitati mill-CONI fir-rigward tal-għajnuniet li huwa jagħti u fir-rigward tal-imsemmija kontribuzzjonijiet ikunu suffiċjentement restrittivi sabiex jinfluwenzaw il-politika ġenerali jew il-programm tal-FIG u tal-FISE tant li dawn ma jibqgħalhomx il-kapaċità li jiddeterminaw il-politika jew il-programm tagħhom.

108    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-punt 2.39(d), il-punt 20.15(d) u l-aħħar sentenza tal-punt 20.309(i) tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-membri lil NPI rregolata mid-dritt privat, bħall-federazzjonijiet sportivi nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ kontroll pubbliku. Tali kontribuzzjonijiet jistgħu, minkejja l-kwalità privata tad-debituri tagħhom u l-klassifikazzjoni ġuridika tagħhom fid-dritt nazzjonali, ikollhom, fil-kuntest tal-indikatur ta’ kontroll relatat mal-livell ta’ finanzjament, imsemmi fil-punt 2.39(d) u fil-punt 20.15(d) tal-Anness A ta’ dan ir-regolament, natura pubblika fil-każ ta’ kontribuzzjonijiet obbligatorji li, mingħajr ma neċessarjament jikkostitwixxu l-korrispettiv tat-tgawdija effettiva tas-servizzi pprovduti, jinġabru fl-interess pubbliku favur federazzjonijiet sportivi nazzjonali li għandhom monopolju fid-dixxiplina sportiva li għaliha huma responsabbli, fis-sens li l-prattika tal-isport fid-dimensjoni pubblika tagħha hija suġġetta għall-awtorità esklużiva tagħhom, sakemm dawn il-federazzjonijiet ma jżommux il-kontroll organizzattiv u baġitarju ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet, fatt dan li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali. Fil-każ fejn hija tasal għall-konklużjoni li l-imsemmija kontribuzzjonijiet għandhom jiġu kkunsidrati bħala kontribuzzjonijiet pubbliċi, din il-qorti jkollha tivverifika wkoll jekk, minkejja l-finanzjament kważi totali tal-federazzjonijiet sportivi nazzjonali kkonċernati mis-settur pubbliku, il-kontrolli eżerċitati fuq dawn il-flussi ta’ finanzjament humiex suffiċjentement restrittivi sabiex jinfluwenzaw b’mod reali u sostanzjali l-politika ġenerali jew il-programm tal-imsemmija federazzjonijiet jew jekk dawn tal-aħħar jibqgħux f’kapaċità li jiddeterminaw din il-politika jew dan il-programm.

 Fuq l-ispejjeż

109    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-kunċett ta’ “intervent pubbliku f’forma ta’ regolamenti ġenerali applikabbli għall-unitajiet kollha li jaħdmu fl-istess attività”, imsemmi fit-tieni sentenza tal-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri kull intervent ta’ unità tas-settur pubbliku li jistabbilixxi jew japplika leġiżlazzjoni intiża sabiex tissuġġetta mingħajr distinzjoni u b’mod uniformi l-unitajiet kollha tal-qasam ta’ attività kkonċernat għal regoli globali, wiesgħa u astratti jew għal linji gwida ġenerali, mingħajr ma tali leġiżlazzjoni tista’, min-natura tagħha jew mill-karattru tagħha partikolarment “eċċessivi”, fis-sens tal-punt 20.309(h) tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, tiddetta, fil-fatt, il-politika ġenerali jew il-programm tal-unitajiet tal-qasam ta’ attività kkonċernat.

2)      Il-kunċett ta’ “kapaċità għad-determinazzjoni tal-politika ġenerali jew tal-programm” ta’ istituzzjoni mingħajr skop ta’ lukru (NPI), fis-sens tal-ewwel sentenza tal-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, għandu jiġi interpretat bħala l-kapaċità ta’ gvern li jeżerċita b’mod sostenibbli u permanenti influwenza reali u sostanzjali fuq id-definizzjoni u t-twettiq stess tal-għanijiet tan-NPI, tal-attivitajiet tagħha u tal-aspetti operattivi tagħhom kif ukoll tal-orjentazzjonijiet strateġiċi u tal-linji gwida li n-NPI għandha l-intenzjoni li ssegwi fl-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet. F’kawżi bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, fir-rigward tal-indikaturi ta’ kontroll imsemmija fil-punt 2.39(a) sa (e), u fil-punt 20.15(a) sa (e) tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, kif ukoll fir-rigward tal-indikaturi ta’ kontroll korrispondenti applikabbli għan-NPI, imsemmija fil-punt 20.309 tal-Anness A ta’ dan ir-regolament, jekk amministrazzjoni pubblika, bħall-kumitat Olimpiku nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, teżerċitax kontroll pubbliku fuq federazzjonijiet sportivi nazzjonali kkostitwiti taħt il-forma ta’ NPI, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, billi twettaq, għal dan il-għan, evalwazzjoni globali li timplika, min-natura tagħha, deċiżjoni ġudizzjarja, skont l-aħħar sentenza tal-punt 2.39, il-ħames sat-tmien sentenza tal-punt 20.15, u l-punt 20.310 tal-Anness A tal-imsemmi regolament.

3)      Il-punt 2.39(d), il-punt 20.15(d) u l-aħħar sentenza tal-punt 20.309(i) tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-membri lil NPI rregolata mid-dritt privat, bħall-federazzjonijiet sportivi nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ kontroll pubbliku. Tali kontribuzzjonijiet jistgħu, minkejja l-kwalità privata tad-debituri tagħhom u l-klassifikazzjoni ġuridika tagħhom fid-dritt nazzjonali, ikollhom, fil-kuntest tal-indikatur ta’ kontroll relatat mal-livell ta’ finanzjament, imsemmi fil-punt 2.39(d) u fil-punt 20.15(d) tal-Anness A ta’ dan ir-regolament, natura pubblika fil-każ ta’ kontribuzzjonijiet obbligatorji li, mingħajr ma neċessarjament jikkostitwixxu l-korrispettiv tat-tgawdija effettiva tas-servizzi pprovduti, jinġabru fl-interess pubbliku favur federazzjonijiet sportivi nazzjonali li għandhom monopolju fid-dixxiplina sportiva li għaliha huma responsabbli, fis-sens li l-prattika tal-isport fid-dimensjoni pubblika tagħha hija suġġetta għall-awtorità esklużiva tagħhom, sakemm dawn il-federazzjonijiet ma jżommux il-kontroll organizzattiv u baġitarju ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet, fatt dan li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali. Fil-każ fejn hija tasal għall-konklużjoni li l-imsemmija kontribuzzjonijiet għandhom jiġu kkunsidrati bħala kontribuzzjonijiet pubbliċi, din il-qorti jkollha tivverifika wkoll jekk, minkejja l-finanzjament kważi totali tal-federazzjonijiet sportivi nazzjonali kkonċernati mis-settur pubbliku, il-kontrolli eżerċitati fuq dawn il-flussi ta’ finanzjament humiex suffiċjentement restrittivi sabiex jinfluwenzaw b’mod reali u sostanzjali l-politika ġenerali jew il-programm tal-imsemmija federazzjonijiet jew jekk dawn tal-aħħar jibqgħux f’kapaċità li jiddeterminaw din il-politika jew dan il-programm.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.