Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-tribunal d’instance de Nice (Franza) fit-22 ta’ Mejju 2019 – VT, WU vs easyJet Airline Co. Ltd

(Kawża C-395/19)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Tribunal d’instance de Nice

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: VT, WU

Konvenuta: easyJet Airline Co. Ltd

Domandi preliminari

Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 3(2)(a) fil-każ ta’ dewmien

B’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li d-dritt għal kumpens fil-każ ta’ rifjut ta’ imbark jew ta’ kanċellazzjoni previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-11 ta’ Frar 2004 1 ġie estiż għall-każijiet ta’ dewmien tat-titjira b’riżultat ta’ kreazzjoni ġurisprudenzjali (sentenza tar-Raba’ Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-19 ta’ Novembru 2009, fil-Kawżi C-402/17 u C-432/07, Sturgeon), il-kundizzjoni testwali li l-passiġġier għandu jkun preżenti għaċ-check-in prevista fl-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru°261/2004 tal-11 ta’ Frar 2004, li hija applikabbli biss fil-każ ta’ rifjut ta’ imbark, tapplika fil-kuntest ta’ kumpens mitlub minn passiġġier li ġarrab dewmien ta’ titjira u mhux rifjut ta’ imbark?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda 1) a), il-limitu temporali ta’ mhux iktar tard minn ħamsa u erbgħin minuta qabel ħin tat-tluq ippubblikat previst mill-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament (KE) għandu jiġi interpetat, f’dan il-każ, bħala mhux iktar tard minn ħamsa u erbgħin minuta qabel il-ħin tat-tluq il-ġdid tat-titjira tardiva ippubblikat fuq l-avviżiera tal-ajruport jew ikkomunikat lill-passiġġieri?

Fuq l-oneru tal-prova li “jippreżentaw lilhom infushom għal check-in”

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda 1) a), jiġifieri fil-każ li l-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 japplika għal kumpens mitlub minn passiġġier li ġarrab dewmien ta’ titjira:

Il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(2)(a) huma kundizzjonijiet preliminari li l-konsumatur għandu jipprova li huma ssodisfatti sabiex jitlob l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament jew kawża ta’ eżenzjoni għall-kumpannija tal-ajru li tippermettilha tipproduċi l-lista tal-passiġġieri sabiex tipprova li l-konsumatur ma ppreżentax ruħu għaċ-check-in “kif stabbilit u fil-ħin indikat minn qabel u bil-miktub (inkluż permezz ta’ mezzi elettroniċi) mil-trasportatur ta’ l-ajru, l-operatur tat-tour jew l-aġent tal-vjaġġ awtorizzat, jew, jekk l-ebda ħin hu indikat, mhux aktar tard minn 45-il minuta qabel il-ħin tat-tluq ippubblikat”, skont l-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-11 ta’ Frar 2004, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-iżviluppi teknoloġiċi li issa jippermettu li l-karti tal-imbark jinħarġu b’mod elettroniku, tal-assenza ta’ kwalunkwe kronogramma fuq il-karti tal-imbark mhux elettroniċi, tal-assenza korrelattiva ta’ kull obbligu li wieħed jippreżenta ruħu fiżikament fil-post taċ-check-in u tal-fatt li l-kumpanniji tal-ajru biss jistgħu jżommu l-informazzjoni kollha dwar iċ-check-in tal-passiġġieri sakemm jintemmew l-operazzjonijiet taċ-check-in?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda 1) a), jiġifieri fil-każ ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 għal kumpens mitlub minn passiġġier li ġarrab dewmien ta’ titjira:

L-oneru tal-prova li l-passiġġier, li għandu l-kwalità ta’ rikorrent quddiem il-qorti ġudizzjarja, effettivament ippreżenta ruħu “kif stabbilit u fil-ħin indikat minn qabel u bil-miktub (inkluż permezz ta' mezzi elettroniċi) mil-trasportatur ta’ l-ajru, l-operatur tat-tour jew l-aġent tal-vjaġġ awtorizzat, jew, jekk l-ebda ħin hu indikat, mhux aktar tard minn 45-il minuta qabel il-ħin tat-tluq ippubblikat” skont l-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-11 ta’ Frar 2004, huwa esklużivament fuq il-passiġġier, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-iżviluppi teknoloġiċi li issa jippermettu li l-karti tal-imbark jinħarġu b’mod elettroniku, tal-assenza ta’ kwalunkwe kronogramma fuq il-karti tal-imbark mhux elettroniċi, tal-assenza korrelattiva ta’ kull obbligu li wieħed jippreżenta ruħu fiżikament fil-post taċ-check-in u tal-fatt li l-kumpanniji tal-ajru biss jistgħu jżommu l-informazzjoni kollha dwar iċ-check-in tal-passiġġieri sakemm jintemmew l-operazzjonijiet taċ-check-in?

____________

1     Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).