Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa - CAAD) (il-Portugall) fid-19 ta’ Novembru 2019 – Super Bock Bebidas S.A. vs Autoridade Tributária e Aduaneira

(Kawża C-837/19)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Qorti tar-rinviju

Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa - CAAD)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Super Bock Bebidas S.A.

Konvenuta: Autoridade Tributária e Aduaneira

Domandi preliminari

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima 1 (sa fejn jirreferi li l-Istati Membri “jistgħu iżommu l-esklużjonijiet kollha pprovduti taħt il-liġijiet nazzjonali meta din id-Direttiva tidħol fis-seħħ”) kien jippermetti li Stat Membru ġdid, fid-data tal-adeżjoni rispettiva tiegħu, jintroduċi esklużjonijiet tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT fil-leġiżlazzjoni interna tiegħu?

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva għandu l-istess portata bħat-tieni paragrafu tal-Artikolu 176 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 2 (sa fejn jistabbilixxi li l-Istati Membri li aderew għall-Komunità wara l-1 ta’ Jannar 1979 jistgħu jżommu l-esklużjonijiet kollha previsti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali rispettiva fid-data ta’ adeżjoni rispettiva), fir-rigward tad-data rilevanti sabiex jiġi kkonstatat liema huma “l-esklużjonijiet kollha pprovduti skond il-liġijiet nazzjonali” li jistgħu jinżammu?

Li kieku kellu jitqies li, għal dak li jikkonċerna s-Sitt Direttiva, il-Portugall setgħet iżżomm l-esklużjonijiet kollha previsti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali rispettiva fl-1 ta’ Jannar 1989, data tad-dħul fis-seħħ tas-Sitt Direttiva fil-Portugall, din il-possibbiltà nbidlet permezz tad-Direttiva 2006/112 inkwantu din tindika d-data ta’ adeżjoni (l-1 ta’ Jannar 1986) bħala data rilevanti?

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 176 tad-Direttiva 2006/112 ma jipprekludix li, fid-data ta’ adeżjoni tal-Portugall fil-Komunitajiet Ewropej jibdew ikunu applikabbli r-regoli (bħal dawk li jinsabu fl-Artikolu 21(1) tal-Código do Imposto sobre o Valor Acrescentado (il-Kodiċi dwar il-VAT, il-Portugall, iktar ’il quddiem iċ-“CIVA”)) li jistabbilixxu l-esklużjoni mid-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa fir-rigward ta’ spejjeż speċifiċi (inklużi l-ispejjeż ta’ akkomodazzjoni, ta’ ikel, ta’ xorb, ta’ kiri ta’ karozzi, ta’ karburant u ta’ ħlas tal-pedaġġ) f’sitwazzjoni fejn tali regoli kienu ppubblikati u inizzjalment previsti li jidħlu fis-seħħ qabel l-adeżjoni, iżda d-dħul fis-seħħ tagħhom ġiet posposta għad-data li fiha seħħet l-adeżjoni?

L-Artikolu 168(a) tad-Direttiva 2006/112 u l-prinċipju ta’ newtralità għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li f’leġiżlazzjoni interna ta’ Stat Membru jiġu stabbiliti regoli ta’ esklużjoni tad-dritt ta’ tnaqqis (bħal dawk li jinsabu fl-Artikolu 21(1) taċ-CIVA fir-rigward tal-ispejjeż ta’ akkomodazzjoni, ta’ ikel, ta’ xorb, ta’ kiri ta’ karozzi, ta’ karburant u ta’ ħlas tal-pedaġġ) applikabbli anki meta jintwera li l-oġġetti u s-servizzi miksuba ntużaw għall-finijiet tal-operazzjonijiet intaxxati tal-persuna taxxabbli?

L-Artikolu 176 tad-Direttiva 2006/112 u l-prinċipju ta’ proporzjonalità jipprekludu li l-esklużjonijiet tad-dritt għat-tnaqqis mhux previsti fiha, iżda li jistgħu jinżammu mill-Istati Membri bis-saħħa tat-tieni paragrafu tiegħu, ikunu applikabbli meta jintwera li l-ispejjeż rispettivi huma ta’ natura strettament professjonali u l-oġġetti u s-servizzi ntużaw għall-finijiet tal-operazzjonijiet intaxxati tal-persuna taxxabbli?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23.

2     ĠU 2006, L 347, p. 1, u r-rettifiki fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, u fil-ĠU 2018, L 329, p. 53.