Language of document : ECLI:EU:F:2011:156

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

27 ta’ Settembru 2011

Kawża F‑98/09

Sarah Whitehead

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

“Servizz pubbliku — Persunal tal-BĊE — Proċedura ta’ reviżjoni annwali tas-salarji u tal-bonusijiet — Sena finanzjarja 2008 — Proċedura annwali ta’ evalwazzjoni — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Konsultazzjoni tal-Kumitat tal-Persunal — Teħid inkunsiderazzjoni tal-leave tal-mard — Iffissar tal-għanijiet”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 36.2 tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, anness mat-Trattat KE, li permezz tiegħu S. Whitehead titlob, prinċipalment, l-annullament tad-Deċiżjoni tal-BĊE tat-8 ta’ Jannar 2009 li tagħtiha, abbażi tar-reviżjoni annwali tas-salarji u tal-bonusijiet, żieda tas-salarju ta’ żewġ punti, kif ukoll il-kumpens għad-dannu morali tagħha evalwat ex æquo et bono għas-somma ta’ EUR 10 000.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha u dawk tal-BĊE.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew — Reviżjoni annwali tas-salarji u tal-bonusijiet

(Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-Persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Anness I, Artikolu 5)

2.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew — Reviżjoni annwali tas-salarji u tal-bonusijiet — Setgħa diskrezzjonali

(Direttiva tal-Kunsill 91/533; Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-Persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Anness I, Artikolu 5)

3.      Uffiċjali — Rikorsi — Motivi — Motiv ibbażat fuq id-dmir ta’ trasparenza tal-amministrazzjoni

4.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew — Reviżjoni annwali tas-salarji u tal-bonusijiet

(Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-Persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Anness I, Artikolu 5)

5.      Eċċezzjoni ta’ illegalità — Portata — Atti li l-illegalità tagħhom tista’ tiġi eċċepita — Att ta’ natura ġenerali li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata

(Artikoli 236 KE u 241 KE; Artikolu 152 KEEA; Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 36.2)

6.      Dritt tal-Unjoni — Sorsi — Ġurisprudenza tat-Tribunal Amministrattiv tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol — Esklużjoni

7.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew — Rappreżentanza — Kumitat tal-Persunal — Konsultazzjoni obbligatorja — Portata

(Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 15; Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-Persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 48 u 49)

8.      Bank Ċentrali Ewropew — Kompetenzi tal-bord eżekuttiv — Adozzjoni tar-Regoli tal-Funzjonament Intern tal-Bank — Twaqqif ta’ Linji gwida

(Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 11(2))

9.      Uffiċjali — Ugwaljanza fit-trattament u nondiskriminazzjoni — Obbligu li l-uffiċjali li jinsabu fuq leave tal-mard jiġu ttrattati bl-istess mod bħal dawk li jeżerċitaw xogħolhom — Assenza

1.      Il-fatt li r-reviżjoni annwali tas-salarji u tal-bonusijiet fi ħdan il-Bank Ċentrali Ewropew hija bbażata fuq paragun, fi ħdan dipartiment, ta’ kontribuzzjonijiet ta’ kull membru tal-persunal għat-twettiq ta’ kompiti tal-Bank ma jfissirx li fil-każ ta’ assenza, fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ reviżjoni, ta’ strument speċifiku ta’ evalwazzjoni tal-merti individwali ta’ kull membru tal-persunal, il-Bank huwa obbligat jibbaża d-deċiżjonijiet tiegħu fil-qasam tar-reviżjoni annwali tas-salarji u tal-bonusijiet fuq l-evalwazzjoni annwali.

Barra minn hekk, peress li ma hemmx l-ekwivalenti tal-proċedura tar-reviżjoni annwali tas-salarji u tal-bonusijiet fir-Regolamenti tal-Persunal, ma tista’ ssir ebda analoġija bejn il-prinċipji li jirregolaw il-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-uffiċjali tal-Unjoni ma’ dawk li jirregolaw l-imsemmija proċedura applikabbli għall-membri tal-persunal tal-Bank.

(ara l-punti 44 u 48)

2.      Għalkemm il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll id-dmir ta’ trasparenza u l-obbligu ta’ motivazzjoni għandhom l-effett li jissuġġettaw l-eżerċizzju min-naħa tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-kompetenzi tiegħu għall-osservanza ta’ ċerti rekwiżiti, dawn ma jistgħux madankollu jkollhom l-effett li jobbligaw il-Bank jirrinunzja għall-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tiegħu li huwa ddeċieda li jżomm fit-tmexxija tal-politika tiegħu ta’ għoti ta’ żieda individwali tas-salarji u l-effett li jiddefinixxu f’att il-kriterji ta’ evalwazzjoni li huwa għandu l-intenzjoni juża sabiex jimplementa s-setgħa diskrezzjonali tiegħu.

Bl-istess mod, għalkemm il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi l-adozzjoni ta’ regoli suffiċjentement ċari sabiex il-partijiet fil-kawża jkunu jistgħu jagħrfu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u jieħdu passi skont dan it-tagħrif, madankollu, huwa ma jobbligax lill-Bank jirrestrinġi s-setgħa diskrezzjonali tiegħu li huwa għandu l-intenzjoni jeżerċita fil-qasam taż-żidiet individwali tas-salarji permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni li jiddefinixxu kif huwa għandu l-intenzjoni jimplementa l-imsemmija setgħa diskrezzjonali fil-futur.

Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li l-modalitajiet ta’ żieda tas-salarji huma relatati mar-remunerazzjoni li għaliha għandhom dritt il-membri tal-persunal tal-Bank u għaldaqstant jikkostitwixxu elementi essenzjali ta’ relazzjoni ta’ xogħol fis-sens tad-Direttiva 91/533, dwar l-obbligazzjoni ta’ min iħaddem li jgħarraf lill-ħaddiema bil-kondizzjonijiet applikabbli għall-kuntratt jew għar-relazzjoni tal-impjieg, ir-rekwiżiti ta’ din id-direttiva ma humiex daqstant strinġenti li jimponu lill-Bank jadotta u jippubblika l-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-kontribuzzjoni ta’ kull impjegat għall-kompiti tal-Bank.

(ara l-punti 49 u 58 sa 60)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 14 ta̕ April 2005, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑110/03, punt 30

3.      Il-kompitu ta’ trasparenza ma jikkostitwixxix prinċipju ta’ dritt tal-Unjoni li rikorrent jista’ jinvoka mingħajr bażi legali bil-miktub. Għaldaqstant, jekk ma jindikax id-dispożizzjoni legali li tistabbilixxi d-dmir ta’ trasparenza li r-rikorrent ikollu l-intenzjoni jinvoka, huwa jonqos milli jqiegħed lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku f’pożizzjoni li jevalwa l-portata tal-argument tiegħu.

(ara l-punt 50)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 22 ta̕ Mejju 2007, López Teruel vs UASI, F‑99/06, punt 94

4.      Peress li r-reviżjoni annwali tas-salarji u tal-bonusijiet fi ħdan il-Bank Ċentrali Ewropew hija bbażata fuq paragun tal-kontribuzzjoni individwali ta’ kull impjegat għall-kompiti tal-Bank ma’ dawk tal-kollegi tiegħu tal-istess settur ta’ attività, id-dispożizzjonijiet interni relatati magħhom jistgħu jwasslu għal differenza fit-trattament bejn il-membri tal-persunal tal-Bank, iżda din id-differenza fit-trattament għandha titqies li hija ġġustifikata minn element oġġettiv li huwa l-fatt li kull dipartiment huwa responsabbli għal kompiti differenti. Għaldaqstant, dawn id-dispożizzjonijiet ma jmorrux kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

Konsegwentement, peress li l-persunal kollu tal-Bank ma huwiex meqjus mid-dispożizzjonijiet interni tal-Bank li jirregolaw ir-reviżjoni annwali tas-salarji u tal-bonusijiet bħala jifformaw kategorija legali waħda, membru tal-persunal ma jistax jakkuża lill-Bank li ma pparagunax il-kontribuzzjoni tiegħu għall-kompiti tal-Bank ma’ dawk tal-kollegi tad-dipartiment tiegħu.

(ara l-punt 68)

5.      Il-mekkaniżmu tal-eċċezzjoni ta’ illegalità għandu l-għan li jippermetti lir-rikorrenti jikkontestaw, permezz ta’ eċċezzjoni, il-legalità tal-applikabbiltà ta’ att ta’ portata ġenerali għall-kwistjoni li tkun is-suġġett tal-azzjoni, kemm jekk dan l-att ikollu n-natura ta’ miżura ta’ eżekuzzjoni jew in-natura ta’ att leġiżlattiv, sakemm tkun teżisti rabta diretta bejn id-deċiżjoni li hija s-suġġett tal-azzjoni u l-att ta’ portata ġenerali inkwistjoni. Konsegwentement, is-sempliċi fatt li rikorrent jinvoka, fil-kuntest tal-motiv tiegħu, l-illegalità ta’ att ta’ natura leġiżlattiva ma jirrendix il-motiv inammissibbli.

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 241 KE, il-possibbiltà li titqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità kontra att ta’ portata ġenerali ma hijiex suġġetta għal terminu partikolari. Ma teżisti ebda raġuni għaliex l-istess regola ma tiġix applikata għall-azzjonijiet ibbażati fuq l-Artikoli 236 KE, 152 KEEA jew36.2 tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew.

(ara l-punti 73 u 74)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 15 ta̕ Settembru 1998, De Persio vs Il‑Kummissjoni, T‑23/96, punt 54

6.      Il-ġurisprudenza tat-Tribunal Amministrattiv tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol ma tikkostitwixxix, fiha nnifisha, sors tad-dritt tal-Unjoni u, konsegwentement, ma tistax tiġi invokata b’mod validu insostenn ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità.

(ara l-punt 76)

7.      Il-baġit ma jinsabx fost in-numru ta’ atti li għall-adozzjoni jew l-emenda tagħhom l-Artikolu 49 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-Persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew moqri flimkien mal-Artikolu 48 ta’ dawn l-istess kundizzjonijiet jobbliga lill-Bank Ċentrali Ewropew jikkonsulta lill-Kumitat tal-Persunal. Fil-fatt, l-adozzjoni tal-baġit issir fuq il-bażi tal-Artikolu 15 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank u mhux fuq il-bażi tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg, tar-Regoli għall-Persunal jew ta’ att relatat ma’ wieħed minn dawn, u lanqas ma tikkonċerna xi kwistjoni koperta mill-Artikolu 48 tal-imsemmija Kundizzjonijiet ta’ Impjieg, li għalihom il-konsultazzjoni tal-Kumitat tal-Persunal hija meħtiega. Konsegwentement, ma hemmx obbligu li l-imsemmi Kumitat jiġi kkonsultat meta jiġi adottat l-ammont tal-baġit allokat għal kull proċedura ta’ reviżjoni annwali tas-salarji u tal-bonusijiet fi ħdan il-Bank.

(ara l-punt 89)

8.      Għalkemm skont l-Artikolu 11(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Bord Eżekuttiv għandu l-kompetenza jadotta r-Regoli tal-Funzjonament Intern tal-Bank u, għal dan il-għan, jadotta l-Linji gwida fil-qasam tal-politika tas-salarji, huwa madankollu jista’ jafda t-tfassil tal-imsemmija Linji gwida lil korp ieħor u sempliċement japprovahom a posteriori.

Fil-fatt, il-fatt li awtorità partikolari tkun l-unika waħda kompetenti sabiex tadotta deċiżjoni ma jeskludix li din l-awtorità tista’ tagħti istruzzjonijiet lil korp ieħor sabiex jifformalizza bil-miktub il-kontenut tad-deċiżjoni li hija jkollha l-intenzjoni tadotta, bil-kundizzjoni madankollu li jkollha l-possibbiltà li temenda dan it-test u li huwa jmur lura għandha sabiex hija tirratifika l-verżjoni finali.

(ara l-punti 93 u 94)

9.      Il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, kif rikonoxxuti fl-Unjoni Ewropea, jobbligaw lill-amministrazzjoni ma titrattax b’mod differenti sitwazzjonijiet identiċi u ma tagħtix trattament identiku lil sitwazzjonijiet li huma differenti, sakemm dan ma jkunx iġġustifikat b’mod oġġettiv. Peress li l-kwistjoni dwar jekk sitwazzjoni hijiex identika jew le għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-kundizzjonijiet li jirregolaw l-applikabbiltà tar-regola li l-implementazzjoni tagħha hija allegatament is-sors tan-nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament jew ta’ diskriminazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li, minn perspettiva fattwali, persuna li tkun fuq leave tal-mard ma tinsabx fl-istess pożizzjoni ta’ persuna li tkun qiegħda teżerċita xogħolha u għaldaqstant, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, ebda prinċipju ġenerali ma jobbliga lill-amministrazzjoni tqis il-persuni li jkunu jinsabu fuq leave tal-mard bħala li jinsabu fl-istess sitwazzjoni tal-persuni li jkunu qegħdin jeżerċitaw xogħolhom. Konsegwentement, huwa biss meta dispożizzjoni legali tobbliga lill-amministrazzjoni tittratta s-sitwazzjoni ta’ persuna li tkun tinsab fuq leave tal-mard bħal dik ta’ persuna li tkun qiegħda teżerċita xogħolha li persuna li tkun fuq leave tal-mard tkun intitolata titlob li tingħata l-istess trattament bħall-persuna li tkun qiegħda teżerċita xogħolha.

(ara l-punt 108)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 11 ta̕ Lulju 2006, Chacón Navas, C‑13/05, punt 54, 20 ta̕ Jannar 2009, Schultz-Hoff et, C‑350/06 u C‑520/06, punt 27

Il‑Qorti tal-Prim’Istanza: 31 ta̕ Mejju 2005, Dionyssopoulou vs Il-Kunsill, T‑284/02, punti 50 sa 52, u l-ġurisprudenza ċċitata; 9 ta̕ Ġunju 2005, Castets vs Il‑Kummissjoni, T‑80/04, punt 30; 29 ta̕ Marzu 2007, Verheyden vs Il‑Kummissjoni, T‑368/04, punt 61