Language of document : ECLI:EU:F:2013:217

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

16 ta’ Diċembru 2013

Kawża F‑162/12

CL

vs

Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (AEE)

“Servizz pubbliku — Membru tal-persunal temporanju — Leave tal-mard — Reintegrazzjoni — Dmir ta’ premura — Fastidju psikoloġiku”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, li permezz tiegħu CL jitlob, essenzjalment, l-annullament tal-ittra tal-21 ta’ Frar 2012 dwar l-integrazzjoni mill-ġdid tiegħu wara leave tal-mard fit-tul, l-annullament tad-deċiżjoni tal-20 ta’ Settembru 2012 li tiċħad l-ilment tiegħu tal-21 ta’ Mejju 2012 kontra l-imsemmija ittra, kif ukoll li l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (AEE) tiġi kkundannata tħallsu l-ekwivalenti ta’ sena salarju bħala kumpens għad-danni.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. CL għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess u għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż sostnuti mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.

Sommarju

Uffiċjali — Dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni — Portata — Obbligu rinforzat f’każ ta’ effett fuq is-saħħa mentali tal-uffiċjal

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 24)

Il-kunċett ta’ dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni jirrifletti l-ekwilibriju tad-drittijiet u obbligi reċiproċi li joħolqu r-Regolamenti fir-relazzjonijiet bejn l-amministrazzjoni u l-membri tal-persunal tas-servizz pubbliku. Dan l-ekwilibriju jimplika b’mod partikolari li, meta tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal, l-amministrazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha u li, meta tagħmel hekk, hija ma tiħux inkunsiderazzjoni biss l-interess tas-servizz, iżda wkoll dak tal-uffiċjal ikkonċernat.

Id-dmir ta’ premura jeżiġi li meta jeżisti dubju fuq l-oriġini medika ta’ diffikultajiet li jkollu uffiċjal sabiex iwettaq il-kompiti li huwa jkun obbligat iwettaq, l-amministrazzjoni tuża d-diliġenza kollha sabiex tneħħi dan id-dubju. Barra dan, l-obbligi li għandha l-amministrazzjoni ta’ dmir ta’ premura huma sostanzjalment irrinforzati meta l-kwistjoni tkun tirrigwarda s-sitwazzjoni partikolari ta’ uffiċjal li fir-rigward tagħha jeżistu dubji dwar is-saħħa mentali tiegħu u, għaldaqstant, dwar il-kapaċità tiegħu li jiddefendi l-interessi tiegħu b’mod xieraq. Konsegwentement, f’dan il-kuntest partikolari, l-amministrazzjoni għandha tinsisti mal-uffiċjal sabiex jissottometti ruħu għal eżami mediku addizzjonali, b’mod partikolari, billi tibbaża ruħha fuq id-dritt tal-istituzzjoni li ġġiegħel lill-uffiċjal jiġi eżaminat minn tabib, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 59(1).

(ara l-punti 45 u 46)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 28 ta’ Mejju 1980, Kuhner vs Il-Kummissjoni, 33/79 u 75/79, punt 22; 29 ta’ Ġunju 1994, Klinke vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, C‑298/93 P, punt 38

Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 13 ta’ Diċembru 2006, de Brito Sequeira Carvalho vs Il-Kummissjoni, F‑17/05, punt 72; 28 ta’ Ottubru 2010, U vs Il-Parlament, F‑92/09, punti 65 u 85