Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Klagenævnet for Udbud (id-Danimarka) fis-17 ta’ Jannar 2020 – Simonsen & Weel A/S vs Region Nordjylland u Region Syddanmark

(Kawża C-23/20)

Lingwa tal-kawża: id-Daniż

Qorti tar-rinviju

Klagenævnet for Udbud

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Simonsen & Weel A/S

Konvenuti: Region Nordjylland u Region Syddanmark

Domandi preliminari

Il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ trasparenza stabbiliti fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/14 1 u l-Artikolu 49 tad-Direttiva 2014/24 flimkien mal-punti 7 u 10(a) tal-Parti C tal-Anness V tad-Direttiva 2014/24, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-avviż ta’ kuntratt f’każ bħal dak ineżami għandu jinkludi informazzjoni dwar il-kwantità stmata u/jew il-valur stmat tal-provvisti taħt il-kuntratt qafas li huwa s-suġġett tas-sejħa għal offerti?

Fil-każ li r-risposta għad-domanda tkun fl-affermattiv, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab ukoll tiddeċiedi jekk l-imsemmija dispożizzjonijiet għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-informazzjoni għandha tiġi stabbilita fir-rigward tal-kuntratt qafas (a) b’mod globali u/jew (b) fir-rigward tal-awtorità kontraenti oriġinali li wriet l-intenzjoni tagħha li tikkonkludi ftehim fil-kuntest tal-proċedura għal sejħa għal offerti (f’dan il-każ: ir-Region Nordjylland) u/jew (c) fir-rigward tal-tal-awtorità kontraenti oriġinali li sempliċement uriet l-intenzjoni tagħha li tipparteċipa b’għażla (f’dan il-każ: ir-Region Syddanmark).

Il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ trasparenza stabbiliti fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/14 u l-Artikoli 33 u 49 tad-Direttiva 2014/24 flimkien mal-punti 7 u 10 tal-Parti C tal-Anness V tad-Direttiva 2014/24, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-avviż ta’ kuntratt jew l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt għandhom jistabbilixxu kwantità massima u/jew valur massimu tal-provvisti taħt il-kuntratt qafas li huwa s-suġġett tas-sejħa għal offerti, b’mod li l-kuntratt qafas inkwistjoni ma jkollux iktar effett meta jintlaħaq dan il-limitu?

Fil-każ li r-risposta għad-domanda tkun fl-affermattiv, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab ukoll tiddeċiedi dwar jekk l-imsemmija dispożizzjonijiet għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-informazzjoni għandha tiġi stabbilita fir-rigward tal-kuntratt qafas (a) b’mod globali u/jew (b) fir-rigward tal-awtorità kontraenti oriġinali li wriet l-intenzjoni tagħha li tikkonkludi ftehim fil-kuntest tal-proċedura għal sejħa għal offerti (f’dan il-każ: ir-Region Nordjylland) u/jew (c) fir-rigward tal-tal-awtorità kontraenti oriġinali li sempliċement uriet l-intenzjoni tagħha li tipparteċipa b’għażla (f’dan il-każ: ir-Region Syddanmark).

Fil-każ li r-risposti għall-ewwel u/jew għat-tieni domanda jkunu fl-affermattiv, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab ukoll – sa fejn huwa rilevanti għall-kontenut ta’ dawn ir-risposti – twieġeb id-domanda segwenti:

L-Artikolu 2d(1)(a) tad-Direttiva 92/13, moqri flimkien mal-Artikoli 33 u 49 tad-Direttiva 2014/24, u mal-punti 7 u 10 tal-Parti C tal-Anness V tad-Direttiva 2014/24, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kundizzjoni li “l-entità kontraenti tkun tat kuntratt mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea” tkopri każ bħal dak ineżami fejn l-awtorità kontraenti tkun ippubblikat avviż ta’ kuntratt f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea dwar il-kuntratt qafas previst, iżda

l-avviż tal-kuntratt ma jkunx jissodisfa l-kundizzjoni li tiġi indikata l-kwantità stmata u/jew il-valur stmat tal-provvisti taħt il-kuntratt qafas li huwa s-suġġett tas-sejħa għal offerti peress li tali stima tkun tirriżulta mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, u

l-awtorità kontraenti tkun kisret ir-rekwiżit li, fl-avviż tal-kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, tistabbilixxi kwantità massima u/jew valur massimu tal-provvisti taħt il-kuntratt qafas li huwa s-suġġett tas-sejħa għal offerti?

____________

1 Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014 L 94, p. 95, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68)