Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (l-Italja) fid-29 ta’ Mejju 2019 – Irideos SpA vs Poste Italiane SpA

(Kawża C-419/19)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Irideos SpA

Konvenuta: Poste Italiane SpA

Domandi preliminari

Fid-dawl tal-karatteristiċi indikati iktar ’il fuq, il-kumpannija Poste Italiane s.p.a., għandha tiġi kklassifikata bħala “korp irregolat mil-liġi pubblika” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(d) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 50 tal-2016 u tad-direttivi rilevanti tal-Unjoni (id-Direttivi 2014/23/UE 1 , 2014/24/UE 2 u 2014/25/UE 3 )?

Din il-kumpannija għandha l-obbligu torganizza proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi biss għall-għoti tal-kuntratti marbuta direttament mal-attività li hija teżerċita fis-setturi speċjali, li hemm riferiment għalihom fid-Direttiva 2014/25/UE, li b’applikazzjoni tagħha n-natura ta’ korp irregolat mil-liġi pubblika għandha titqies bħala li fiha nnifisha taqa’ taħt ir-regoli tal-Parti II tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi, filwaqt li din hija kompletament awtonoma u suġġetta esklużivament għar-regoli tad-dritt privat fir-rigward tal-attivitajiet kuntrattwali li ma jaqgħux, fil-veru sens tal-kelma, taħt dawn is-setturi, fid-dawl tal-prinċipji stabbiliti fil-premessa 21 u fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2014/23/UE (digriet tal-awli konġunti tal-Corte di Cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni) Nru 4899/2018 u, għall-aħħar parti, sentenza tal-assemblea plenarja tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) Nru 16/2011)?

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kuntratti li jitqiesu li ma jaqgħux taħt il-qasam speċifiku għas-setturi speċjali, meta din tissodisfa l-kundizzjonijiet relatati mal-korpi rregolati mil-liġi pubblika, l-istess kumpannija tibqa’ suġġetta għad-Direttiva Ġenerali 2014/24/UE (u għaldaqstant għar-regoli dwar il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi), anki meta din teżerċita attitivajiet ta’ natura essenzjalment imprenditorjali f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni, peress li din evolviet minn wara l-kostituzzjoni oriġinali tagħha, kif jirriżulta mis-[sentenza tal-10 ta’ April 2008, Ing. Aigner (C—393/06, EU:C:2008:213)], peress li d-Direttiva 2014/24/KE tipprekludi interpretazzjoni oħra fir-rigward ta’ kuntratti konklużi minn awtoritajiet kontraenti; u barra minn hekk, il-premessa 21 u l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2014/24/UE sempliċement jipprovdu kriterju ta’ preżunzjoni li jippermetti li tiġi eskluża n-natura ta’ korp irregolat mil-liġi pubblika għall-impriżi li joperaw f’kundizzjonijiet normali tas-suq, għalkemm huwa ċar, abbażi tal-imsemmija dispożizzjonijiet moqrija flimkien, ir-riferiment prijoritarju għall-fażi tal-kostituzzjoni tal-korp, fejn dan tal-aħħar huwa intiż li jissodisfa “bżonnijiet fl-interess pubbliku” (f’dan il-każ, eżistenti u li għadhom ma ntemmewx)?

F’uffiċċji li fihom jitwettqu attivitajiet inerenti għas-settur speċjali flimkien ma’ attivitajiet oħra, il-kunċett ta’ strumentalità – fir-rigward tas-servizz ta’ interess pubbliku speċifiku – għandu jiġi interpretat b’mod mhux ristrettiv (kif ġie kkonstatat fil-ġurisprudenza nazzjonali sal-lum, konformement mas-sentenza tal-assemblea plenarja tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) Nru 16/2011), filwaqt li, f’dan ir-rigward, dan jopponuh il-prinċipji msemmija fil-premessa 16, kif ukoll l-Artikoli 6 u 13 tad-Direttiva 2014/25/UE, li jirreferu, sabiex tiġi ddeterminata l-leġiżlazzjoni applikabbli, għall-kunċett ta’ “skop intenzjonat” ta’ waħda mill-attivitajiet irregolata mill-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi? Għaldaqstant, għandu jiġi ppreċiżat jekk l-attivitajiet operazzjonali kollha tas-settur stess, skont l-intenzjonijiet tal-awtorità kontraenti (inklużi, għalhekk, il-kuntratti marbuta mal-manutenzjoni kemm ordinarja kif ukoll straordinarja, mat-tindif, mal-arredament kif ukoll mas-servizz ta’ purtinerija u ta’ sorveljanza tal-uffiċċji, jew ta’ forom oħra ta’ użu ta’ dawn tal-aħħar, jekk intenzjonati bħala servizz lill-klijenti), jistgħux ikunu “intenzjonati” għal dan is-settur – anki bil-modalitajiet inqas vinkolanti speċifiċi għas-setturi esklużi – filwaqt li jkunu biss l-attivitajiet “estranji” li jibqgħu effettivament privatizzati, liema attivitajiet l-entità pubblika jew privata tista’ teżerċita liberament f’oqsma totalment differenti, konformement ma’ leġiżlazzjoni li taqa’ esklużivament taħt il-Kodiċi Ċivili u taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati ordinarji (għall-finijiet preżenti, pereżempju, is-servizz bankarju pprovdut minn Poste Italiane ċertament jagħmel parti minn dawn it-tipi ta’ attivitajiet, iżda ma jistax jingħad l-istess fir-rigward tal-provvista u tal-użu ta’ għodda ta’ komunikazzjoni elettronika, jekk jintużaw għall-attivitajiet kollha tal-grupp, anki jekk huma partikolarment neċessarji għall-attività bankarja). Barra minn hekk, huwa neċessarju li jiġi enfasizzat l-“iżbilanċ” implikat mill-interpretazzjoni restrittiva attwalment prevalenti, sa fejn jiġu introdotti regoli kompletament differenti fil-ġestjoni ta’ setturi komparabbli jew viċini, għall-għoti ta’ kuntratti ta’ xogħol jew ta’ servizzi: minn naħa, il-garanziji ddettaljati imposti mill-Kodiċi tal-Kuntratti [Pubbliċi] għall-identifikazzjoni tal-kontraent l-ieħor, min-naħa l-oħra, l-awtonomija tar-rieda tal-imprenditur, li huwa kompletament liberu li jinnegozja skont l-interessi ekonomiċi tiegħu stess, mingħajr ebda waħda mill-garanziji ta’ trasparenza, meħtieġa għas-setturi speċjali u għas-setturi esklużi;

Fl-aħħar nett, it-tnedija ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi – bil-forom ta’ pubbliċità previsti kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell tal-Unjoni – fis-sens tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi, tista’ tkun rilevanti, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-qasam li għalih huwa intenzjonat il-kuntratt, jew tar-rabta ta’ dan tal-aħħar mas-settur speċjali ta’ riferiment, f’sens konformi mal-kunċett estiż ta’ “strumentalità”, imsemmi fid-domanda [4] iktar ’il fuq, jew – sussidjarjament – l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti amministrattiva, imqajma mill-entità stess li nediet din il-proċedura jew minn entitajiet li pparteċipaw fiha b’suċċess, tista’ titqies bħala abbuż ta’ dritt fis-sens tal-Artikolu 54 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, bħala aġir li, mingħajr ma jista’ jaffettwa, fih innifsu, it-tqassim tal-kompetenzi (ara wkoll f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-assemblea plenarja tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) Nru 16/2011), huwa rilevanti minn tal-inqas għall-finijiet tal-kumpens tad-dannu u tal-ispejjeż tal-proċedura, sa fejn jippreġudika l-aspettattivi leġittimi tal-parteċipanti fis-sejħa għal offerti nnifisha, fejn ma jkunux intgħażlu u jkunu rikorrenti fi proċeduri ġudizzjarji?

____________

1 Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU 2014, L 94, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2018, L 82, p. 17 u fil-ĠU 2015, L 114, p. 24).

2 Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68).

3 Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU 2014, L 94, p. 243).