Language of document : ECLI:EU:F:2014:213

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

9 ta’ Settembru 2014

Kawża F‑98/13

Rainer Moriarty

vs

Il‑Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku – Promozzjoni – Proċedura ta’ promozzjoni 2012 – Nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista tal-uffiċjali promossi – Att manifestament infondat fid-dritt”

Suġġett :      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li bih R. Moriarty jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma tippromwovihx skont il-proċedura ta’ promozzjoni 2012 kif ukoll dik tad-deċiżjoni li tippromwovi uffiċjal ieħor.

Deċiżjoni :      Ir-rikors ta’ R. Moriarty huwa miċħud bħala manifestament infondat fid-dritt. R. Moriarty għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess u huwa kkundannat għall-ispejjeż sostnuti mill-Parlament Ewropew.

Sommarju

Uffiċjali – Promozzjoni – Eżami komparattiv tal-merti – Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni – Elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni – Limitu ta’ riferiment milħuq matul il-proċedura ta’ promozzjoni preċedenti – Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

Għalkemm l-amministrazzjoni għandha, għall-finijiet tal-eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali għal promozzjoni, setgħa wiesgħa ta’ diskrezzjoni, l-eżistenza ta’ tali setgħa ma tistax madankollu teżenta l-amministrazzjoni milli teżamina, b’kura u imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha ta’ dan il-każ. B’mod partikolari, il-fatt li diġà ntlaħaq, matul il-proċedura ta’ promozzjoni preċedenti, il-limitu ta’ riferiment jikkostitwixxi element ta’ mertu rilevanti, bil-kundizzjoni li l-uffiċjal ma naqax mill-mertu sal-proċedura ta’ promozzjoni li matulha kien ġie propost għall-promozzjoni. Madankollu, l-amministrazzjoni ma tistax tippromwovi uffiċjal biss għar-raġunui li laħaq il-limitu ta’ riferiment.

Barra minn hekk, l-għoti tat-tielet punt ta’ mertu, li jindika merti eċċezzjonali matul sena partikolari, jista’ jkun indiċi importanti fl-evalwazzjoni komparattiva sussegwenti tal-merti tal-uffiċjali tal-istess grad bil-għan tal-promozzjoni tagħhom.

(ara l-punti 24, 31 u 33)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’ Istanza: sentenza Casini vs Il‑Kummissjoni, T-132/03, EU:T:2005:324, punt 69

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi Berrisford vs Il‑Kummissjoni, F‑107/06, EU:F:2007:172, punti 72 et seq; Hau vs Il‑Parlament, F‑125/07, EU:F:2009:131, punt 27; Barbin vs Il‑Parlament, F‑68/09, EU:F:2011:11, punt 83; u Mantzouratos vs Il‑Parlament, F‑64/10, EU:F:2011:72, punt 66.