Language of document : ECLI:EU:F:2014:185

SENTENZA TAT‑TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

10 ta’ Lulju 2014

Kawża F‑103/11

CG

vs

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)

“Servizz pubbliku — Persunal tal-BEI — Fastidju psikoloġiku — Proċedura ta’ investigazzjoni — Deċiżjoni tal-President li ma jittiħdux passi fir-rigward ta’ lment — Opinjoni tal-kumitat ta’ investigazzjoni — Definizzjoni żbaljata ta’ fastidju psikoloġiku — Natura intenzjonata tal-aġir — Konstatazzjoni tal-eżistenza tal-aġir u tas-sintomi ta’ fastidju psikoloġiku — Riċerka ta’ rabta kawżali — Assenza — Inkoerenza tal-opinjoni tal-kumitat ta’ investigazzjoni — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Nuqqasijiet amministrattivi — Dmir ta’ kunfidenzjalità — Protezzjoni tad-data personali — Rikors għad-danni”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat bis-saħħa tal-Artikolu 270 TFUE, li permezz tiegħu CG titlob, essenzjalment, lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jannulla d-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2011 tal-President tal-Bank Ewropew tal-Investiment (iktar ’il quddiem il-“BEI” jew il-“Bank”) li ma jittiħdux passi fir-rigward tal-ilment tagħha dwar fastidju psikoloġiku u jikkundanna lill-Bank jikkumpensa d-danni materjali u morali li hija tqis li ġarrbet minħabba l-illegalità tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2011, minħabba l-fastidju allegatament imġarrab u minħabba nuqqasijiet amministrattivi imputabbli lill-Bank.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tal-President tal-Bank Ewropew tal-Investiment, tas-27 ta’ Lulju 2011, hija annullata. Il-Bank Ewropew tal-Investiment huwa kkundannat iħallas lil CG s-somma ta’ EUR 35 000. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Bank Ewropew tal-Investiment għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti minn CG. Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, intervenjent, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Investigazzjoni interna dwar allegazzjoni ta’ fastidju psikoloġiku — Opinjoni tal-kumitat ta’ investigazzjoni vvizzjata b’irregolaritajiet — Nuqqas ta’ osservanza tad-definizzjoni tal-fastidju psikoloġiku stabbilita fid-dokumenti interni tal-Bank — Assenza ta’ verifika tar-rabta bejn l-aġir ikkritikat u s-sintomi murija mill-allegata vittma — Deċiżjoni tal-President, adottata fid-dawl tal-opinjoni, li ma jittiħdux passi fir-rigward tal-ilment — Żball manifest ta’ evalwazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 12a; Kodiċi ta’ kondotta tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 3.6.1; Politika dwar id-dinjità fix-xogħol tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 2.1)

2.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Fastidju psikoloġiku — Kunċett — Preġudizzju għall-istima u l-kunfidenza li persuna jkollha fiha nfisha — Assenza ta’ rekwiżit ta’ intenzjoni min-naħa tal-persuna responsabbli għall-fastidju li tagħmel deliberatament ħsara lill-vittma

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 12a; Kodiċi ta’ kondotta tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 3.6.1; Politika dwar id-dinjità fix-xogħol tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 2.1)

3.      Rikorsi tal-uffiċjali — Sentenza ta’ annullament — Effetti — Obbligu li jiġu adottati miżuri ta’ eżekuzzjoni — Sentenza li tannulla deċiżjoni li ma jittiħdux passi fir-rigward ta’ lment dwar fastidju psikoloġiku — Talba mressqa mir-rikorrent għall-kumpens għad-dannu materjali mġarrab — Natura prematura tat-talba

(Artikolu 266 TFUE)

4.      Rikorsi tal-uffiċjali — Rikors għad-danni — Annullament tal-att ikkontestat li ma jiżgurax il-kumpens adegwat għad-dannu morali — Dannu marbut mas-sitwazzjoni ta’ inċertezza u ta’ inkwiet tar-rikorrent minħabba d-deċiżjoni li ma jittiħdux passi fir-rigward tal-ilment tiegħu dwar fastidju psikoloġiku

(Artikolu 340(2) TFUE)

5.      Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Taxxa — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Kunċett — Spejjeż tal-avukat esposti matul proċedura prekontenzjuża ta’ investigazzjoni dwar fastidju — Esklużjoni

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikoli 86 u 91)

6.      Proċedura ġudizzjarja — Intervent — Motiv mhux imqajjem mir-rikorrent — Inammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40, u Anness I, Artikolu 7(1); Regoli tal‑Proċedura tat‑Tribunal għas‑Servizz Pubbliku, Artikolu 110(3))

7.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Investigazzjoni interna dwar allegazzjoni ta’ fastidju psikoloġiku — Komunikazzjoni mill-amministrazzjoni tal-ilment kollu lill-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju bi ksur tal-politika interna tal-Bank — Nuqqas amministrattiv ta’ natura li timplika r-responsabbiltà tal-Bank

(Artikolu 340 TFUE)

1.      Żball ikun manifest meta jkun pperċepit b’mod faċli u jkun jista’ jiġi identifikat b’mod evidenti, fid-dawl tal-kriterji li għalihom ikun suġġett l-eżerċizzju tas-setgħa deċiżjonali.

Id-deċiżjoni tal-President tal-Bank Ewropew tal-Investiment li ma jittiħdux passi fir-rigward ta’ lment dwar fastidju psikoloġiku, adottata fid-dawl tal-opinjoni ta’ kumitat ta’ investigazzjoni, tkun ivvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni meta, minn naħa, mill-imsemmija opinjoni jirriżulta li l-aġir tal-persuni allegatament responsabbli għall-fastidju ma kienx eżaminat fid-dawl tad-definizzjoni tal-fastidju psikoloġiku stabbiliti fil-linji gwida interni tal-Bank Ewropew tal-Investiment, u, min-naħa l-oħra, l-imsemmija opinjoni ma tkunx koerenti sa fejn tikkonstata kemm l-eżistenza, min-naħa tal-persuni allegatament responsabbli għall-fastidju, ta’ ċertu aġir allegat mir-rikorrent u l-eżistenza, min-naħa tar-rikorrent, ta’ sintomi ta’ fastidju psikoloġiku, mingħajr ma tistħarreġ jekk dawn is-sintomi kinux ikkawżati mill-imsemmi aġir.

(ara l-punti 66 u 87)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza Canga Fano vs Il-Kunsill, T‑281/11 P, EU:T:2013:252, punt 127

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Canga Fano vs Il-Kunsill, F-104/09, EU:F:2011:29, punt 35

2.      Ikun hemm fastidju psikoloġiku, fis-sens tal-Artikolu 2.1 tal-Politika dwar id-dinjità fix-xogħol tal-Bank Ewropew tal-Investiment, moqri flimkien mal-Artikolu 3.6.1 tal-Kodiċi ta’ kondotta tal-persunal tal-Bank, meta l-kliem, l-attitudnijiet jew l-aġir, sa fejn ikunu ntqalu jew twettqu, kellhom oġġettivament l-effett li jippreġudikaw l-istima u l-kunfidenza li persuna jkollha fiha nfisha.

Fil-fatt, minn naħa, il-kliem, l-attitudnijiet jew l-aġir imsemmija fl-Artikolu 3.6.1 tal-Kodiċi ta’ kondotta għandu jkollhom l-effett li jippreġudikaw l-istima u l-kunfidenza li l-vittma jkollu fih innifsu. Min-naħa l-oħra, sa fejn ma huwiex meħtieġ li l-aġir inkwistjoni jkun intenzjonat, ma huwiex meħtieġ li jiġi stabbilit li dan il-kliem, dawn l-attitudnijiet jew dan l-aġir ikunu twettqu bl-intenzjoni li tiġi ppreġudikata d-dinjità ta’ persuna. Fi kliem ieħor, jista’ jkun hemm fastidju psikoloġiku mingħajr ma jkun meħtieġ li jintwera li l-persuna responsabbli għall-fastidju kellha l-intenzjoni li, permezz tal-kliem, tal-attitudni jew tal-aġir tagħha, tagħmel deliberatament ħsara lill-vittma.

(ara l-punt 69)

3.      L-annullament ta’ att mill-qorti għandu l-effett li jelimina retroattivament dan l-att mill-ordinament ġuridiku u, meta l-att annullat ikun diġà ġie eżegwit, sabiex jiġu eliminati l-effetti tiegħu huwa meħtieġ li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni legali li fiha r-rikorrent kien jinsab qabel l-adozzjoni ta’ dan l-att. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 266 TFUE, l-istituzzjoni li l-att tagħha jkun ġie annullat għandha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Fil-kuntest tal-miżuri li għandhom jiġu adottati għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza li tannulla deċiżjoni ta’ istituzzjoni li ma jittiħdux passi fir-rigward ta’ lment dwar fastidju psikoloġiku, peress li l-qorti tal-Unjoni ma tistax tippreġudika l-konklużjonijiet ta’ eventwali investigazzjoni ġdida dwar l-ilment, din il-qorti ma tistax, f’dan l-istadju, tikkundanna lill-imsemmija istituzzjoni tikkumpensa lir-rikorrent għad-dannu materjali li dan seta’ ġarrab. Minn dan isegwi li t-talbiet tar-rikorrent f’dan is-sens ma jistgħux jintlaqgħu peress li huma, fi kwalunkwe każ, prematuri.

(ara l-punti 97, 98 u 115)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Kalmár vs Europol, F‑83/09, EU:F:2011:66, punt 88

4.      L-annullament ta’ att ivvizzjat b’illegalità jista’ jikkostitwixxi fih innifsu l-kumpens adegwat u, bħala prinċipju, suffiċjenti għal kull dannu morali li dan l-att seta’ kkawża, sakemm ir-rikorrent ma jurix li ġarrab dannu morali distint mill-illegalità li fuqha jkun ibbażat l-annullament u li ma jkunx jista’ jiġi kkumpensat kompletament b’dan l-annullament. Is-sentiment ta’ inġustizzja u l-anzjetà li jikkawża lill-persuna l-fatt li jkollha tiftaħ proċedura kontenzjuża sabiex jiġu rrikonoxxuti d-drittijiet tagħha jistgħu jikkostitwixxu dannu li jista’ jiġi dedott mis-sempliċi fatt li l-amministrazzjoni wettqet illegalitajiet. Dawn id-danni għandhom jiġu rrimedjati meta ma jkunux ikkumpensati permezz tas-sodisfazzjon li jirriżulta mill-annullament tal-att inkwistjoni.

Fir-rigward tal-annullament ta’ deċiżjoni li ma jittiħdux passi amministrattivi fir-rigward ta’ lment tar-rikorrent dwar fastidju psikoloġiku, l-imsemmija deċiżjoni qiegħdet lil dan tal-aħħar fi stat ta’ inċertezza u ta’ inkwiet li jikkostitwixxi dannu morali distint mill-illegalità li fuqha huwa bbażat l-annullament tagħha u li ma jistax jiġi kkumpensat kompletament bis-sempliċi annullament ta’ din id-deċiżjoni.

(ara l-punti 99 u 100)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi CC vs Il-Parlament, F‑9/12, EU:F:2013:116, punt 128, li hija s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑457/13 P; u CH vs Il-Parlament, F‑129/12, EU:F:2013:203, punt 64

5.      L-ispejjeż ta’ avukat sostnuti matul il-proċedura kontenzjuża jikkostitwixxu spejjeż li jistgħu jinġabru lura fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 86 et seq tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u dawn l-ispejjeż għandhom jiġu ttrattati f’dan il-kuntest. Fir-rigward tal-ispejjeż ta’ avukat sostnuti matul proċedura ta’ investigazzjoni dwar fastidju, l-Artikolu 91 ta’ dawn ir-Regoli jirreferi biss, fost l-ispejjeż li jistgħu jinġabru, għall-ispejjeż inerenti għall-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, bl-esklużjoni ta’ dawk relatati mal-fażi preċedenti. Għaldaqstant, jekk jiġi rrikonoxxut li l-ispejjeż sostnuti matul il-proċedura ta’ investigazzjoni, li tippreċedi l-proċedura kontenzjuża, għandhom il-kwalità ta’ dannu li jista’ jiġi kkumpensat fil-kuntest ta’ rikors għad-danni, dan ikun f’kontradizzjoni mal-fatt li l-ispejjeż sostnuti matul din il-fażi ma jistgħux jinġabru lura. Għaldaqstant, ir-rikorrent ma jistax jikseb, fil-kuntest tar-rikors għad-danni tiegħu, il-ħlas lura tal-ispejjeż u tal-onorarji tal-konsulent tiegħu sostnuti matul il-proċedura ta’ investigazzjoni.

(ara l-punt 117)

6.      Għalkemm ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bis-saħħa tal-Artikolu 7(1) tal-Anness I tal-imsemmi Statut, u l-Artikolu 110(3) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas‑Servizz Pubbliku ma jipprekludux li intervenjent jippreżenta argumenti ġodda jew differenti minn dawk tal-parti li insostenn tagħha jintervjeni, għaliex inkella l-intervent tiegħu jkun limitat għal sempliċi repetizzjoni tal-argumenti mressqa fir-rikors, ma jistax jiġi aċċettat li dawn id-dispożizzjonijiet jippermettu lill-intervenjent jemenda jew jibdel il-qafas tat-tilwima kif iddefinit fir-rikors billi jqajjem motivi ġodda.

Għalhekk, peress li intervenjent ma għandux il-kwalità meħtieġa sabiex iqajjem motiv li fuqu ma jkunx ibbażat ir-rikors, tali motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

(ara l-punti 144 u 145)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenzi BaByliss vs Il-Kummissjoni, T‑114/02, EU:T:2003:100, punt 417, u SELEX Sistemi Integrati vs Il-Kummissjoni, T‑155/04, EU:T:2006:387, punt 42

7.      Fil-kuntest ta’ proċedura ta’ investigazzjoni dwar fastidju psikoloġiku, mill-formulazzjoni tal-Politika dwar id-dinjità fix-xogħol tal-Bank Ewropew tal-Investiment jirriżulta li dan tal-aħħar ma josservahiex meta jikkomunika l-memorandum kollu mressaq mil-lanjant lill-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju. B’hekk, il-Bank ikun wettaq nuqqas li jista’ jimplika r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tiegħu.

Fil-fatt, il-proċedura ta’ investigazzjoni ma tistax twassal direttament għal sanzjoni fil-konfront tal-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju peress li l-imsemmija sanzjoni tista’ tirriżulta biss minn proċedura dixxiplinari. Għalhekk, peress li l-proċedura ta’ investigazzjoni ma tistax twassal għal att li jikkawża preġudizzju lill-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju, il-Bank ma għandux id-dritt li jikkomunikalha d-data personali kollha tal-lanjant sabiex jirrispetta d-drittijiet tad-difiża tagħha.

F’dan ir-rigward, il-fatt li l-lanjant ma joġġezzjonax espliċitament għall-komunikazzjoni tal-memorandum tiegħu ma jawtorizzax lill-Bank jikser ir-regoli interni tiegħu stess.

Barra minn hekk, meta l-memorandum ikun jinkludi diversi elementi ta’ data personali tal-lanjant, b’mod partikolari data dwar l-istat tas-saħħa tiegħu, it-trażmissjoni ta’ din id-data personali lill-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju tikkawża lill-imsemmi lanjant dannu morali.

(ara l-punti 146 sa 149 u 151)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza X vs BĊE, T‑333/99, EU:T:2001:251