Language of document :

Appell ippreżentat fit-28 ta’ Novembru 2019 minn FV mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fid-19 ta’ Settembru 2019 fil-Kawża T-27/18 RENV, FV vs Il-Kunsill

(Kawża C-875/19 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: FV (rappreżentant: É. Boigelot, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2019 (T-27/18 RENV) u, konsegwentement, tagħti lill-appellant il-benefiċċju tat-talbiet tiegħu fl-ewwel istanza u, għaldaqstant, tannulla r-rapport ta’ evalwazzjoni redatt għall-appellant għas-sena 2013 ;

tikkundanna lill-Kunsill l-ispejjeż kollha taż-żewġ istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

Is-sentenza appellata ċaħdet it-talba għall-annullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni li jirrgwarda s-sena 2013. L-appellant jiżviluppa bħala aggravju, minn naħa, il-ksur mill-Qorti Ġenerali tad-dmir ta’ stħarriġ u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, kif ukoll l-iżnaturament tal-fajl u, min-naħa l-oħra, il-ksur tal-gwida għall-evalwazzjoni, tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tad-dmir ta’ premura, kif ukoll ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni.

Skont l-appellant, billi eżigiet l-eżistenza u l-komunikazzjoni ta’ ċertifikati mediċi u billi qieset, konsegwentement, li l-assenzi ma kinux iġġustifikati u setgħu validament jikkostitwixxu element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni, il-Qorti Ġenerali kisret il-gwida għall-evalwazzjoni. Barra minn hekk, id-deċiżjoni li neċessarjament tieħu inkunsiderazzjoni, awtomatikament, l-assenzi u/jew il-wasliet tard sabiex tevalwa negattivament l-appellant hija illegali. Fl-aħħar nett, il-Kunsill qatt ma kkontesta n-natura medika tal-assenzi u/jew tal-wasliet tard u lanqas ma kkritika l-ġustifikazzjoni tal-assenzi bl-adozzjoni ta’ miżuri amministrattivi u vvalida t-talbiet għal regolarizzazzjoni ex post tal-wasliet tard. Il-Qorti Ġeneral għaldaqstant ikkontradixxiet ilha nnifisha u żnaturat l-elementi tal-fajl.

Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ regolarità fil-preżenza tal-post tax-xogħol ma jfissirx ipso facto l-assenza ta’ sforz kostanti. Fuq dan kollu, ebda ħinijiet ma ġew irreġistrati fil-programm li jirrigwarda l-ħinijiet tax-xogħol tal-appellant. Ukoll, kumment ġenerali li jikkwalifika s-“sens tar-responsabbiltajiet” bħala rimarkevoli ma setax jiġi rifless ħlief b’evalwazzjoni “eċċellenti”. Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-“kwalità tax-xogħol”, il-motivazzjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni ma kienx jirrifletti l-istess livell tax-xogħol tal-appellant. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-evalwazzjoni tas-“sens ta’ xogħol f’tim” u tar-“relazzjonijiet umani”, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni numru ta’ elementi tal-fajl. Skont l-appellant, il-Qorti Ġenerali għaldaqstant żnaturat l-elementi tal-fajl, wettqet żbalji ta’ interpretazzjoni u ta’ motivazzjoni, kisret il-gwida ta’ evalwazzjoni u naqset milli teżerċita validament u korrettament l-istħarriġ tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni.

Fl-aħħar nett, l-appellant isostni li s-sitwazzjoni ta’ trattament ħażin professjonali u ta’ fastidju morali subita ġiet injorata fis-sentenza mogħtija. Il-Qorti Ġenerali wkoll kisret il-kontenut tad-dmir ta’ premura, billi injorat l-interess tal-appellant u billi ħadet inkunsiderazzjoni biss l-interess tas-servizz.

____________