Language of document : ECLI:EU:C:2017:949

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

7 ta’ Diċembru 2017 (*)(i)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Status ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għat-tul – Direttiva 2003/109/KE – Artikolu 12 – Teħid ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija kontra residenti għat-tul – Elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali – Assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-elementi – Kompatibbiltà”

Fil-Kawża C-636/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo n° 1 de Pamplona (il-Qorti Amministrattiva Nru 1 ta’ Pamplona, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Diċembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Diċembru 2016, fil-proċedura

Wilber López Pastuzano

vs

Delegación del Gobierno en Navarra

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn J. Malenovský, President tal-Awla, M. Safjan u M. Vilaras (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Wilber López Pastuzano, minn E. Santos Huamán u J. L. Rodríguez Candela, abogados,

–        għall-Gvern Spanjol, minn M. J. García-Valdecasas Dorrego, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga u S. Pardo Quintillán, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Wilber López Pastuzano u d-Delegación del Gobierno en Navarra (Delegazzjoni tal-Gvern ta’ Navarra, Spanja) dwar deċiżjoni adottata minn din tal-aħħar, fid-29 ta’ Ġunju 2015, li ordnat it-tneħħija ta’ W. López Pastuzano mit-territorju Spanjol (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tad-29 ta’ Ġunju 2015”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont il-premessa 16 tad-Direttiva 2003/109:

“Ir-residenti f’poerjodu twil ta’ żmien jistgħu igawdu minn protezzjoni rinfurzata kontra t-tkeċċija. Din il-protezzjoni hija bbażata fuq il-kriterji stabbiliti bid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem. Sabiex tiġi assigurata l-protezzjoni kontra t-tkeċċija l-Istati membri għandhom jipprovdu għal rimedju effettiv legali”.

4        L-Artikolu 12(1) u (3) tad-Direttiva 2003/109 huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-Istati Membri jistgħu jieħdu deċiżjoni li jkeċċu residenti għat-tul unikament fejn hu/i jikkostitwixxi theddiha attwali u suffiċjentement serja għall-politika pubblika jew għas-sigurtà pubblika.

2.      Id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhiex tkun ibbażata fuq konsiderazzjonijiet ekonomiċi.

3.      Qabel ma tittieħed deċiżjoni biex jitkeċċa residenti għat-tul, l-Istati membri għandhom jagħtu kont tal-fatturi li ġejjin:

a)      it-tul tar-residenza fit-territorju tagħhom;

b)      l-età tal-persuna konċernata;

ċ)      il-konsegwenzi għall-persuna konċernata u l-membri tal-familja;

d) ir-rabtiet mal-pajjiż tar-residenza jew in-nuqqas ta’ rabtiet mal-pajjiż ta’ oriġini.

[…]”

 Id-dritt Spanjol

5        Il-Ley Orgánica 4/2000 sobre derechos y libertades de los extranjeros en España y su integración social (Liġi Qafas 4/2000 dwar id-Drittijiet u l-Libertajiet tal-Barranin fi Spanja u l-Integrazzjoni Tagħhom Soċjali), tal-11 ta’ Jannar 2000 (BOE Nru 10, tat-12 ta’ Jannar 2000), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Qafas 4/2000”), tirregola, fit-Titolu III tagħha, “il-ksur li jaqa’ fid-dritt tal-barranin u r-reġim tagħhom ta’ sanzjoni”.

6        L-Artikolu 57, li jinsab taħt dan it-Titolu III, huwa fformulat hekk:

“1.      Meta dawk li jwettqu l-ksur huma barranin u l-aġir inkwistjoni jista’ jiġi kklassifikat bħala ‘serju ħafna’ jew ‘serju’, skont l-Artikolu 53(1)(a) (b), (c), (d) u (f) ta’ din il-Liġi Qafas, il-multa tista’ tiġi sostiwita bit-tneħħija mit-territorju Spanjol, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proprzjonalità, fi tmiem il-proċedura amministrattiva korrispondenti u permezz ta’ deċiżjoni motivata li tevalwa l-fatti li jikkostitwixxu l-ksur.

2. Bl-istess mod, kawża oħra ta’ tneħħija, wara l-proċedura amministrattiva korrispondenti, hija kkostitwita mill-fatt li l-barrani ġie kkundannat, fi Spanja jew post ieħor, minħabba aġir intenzjonali li f’pajjiżna jikkostitwixxi reat li jinvolvi piena ta’ priġunerija ta’ iktar minn sena, ħlief jekk il-preċedenti penali jkunu ġew imħassra miċ-ċertifikat tal-kondottta.

3.      Is-sanzjonijiet ta’ tneħħija u ta’ multa ma jistgħu fl-ebda każ jiġu imposti flimkien.

4.      It-tneħħija fi kwalunkwe każ twassal għat-tmiem ta’ kwalunkwe permess ta’ residenza legali fi Spanja, kif ukoll għall-arkivjazzjoni ta’ kwalunkwe proċedura li tirriżulta fil-ħruġ ta’ permess ta’ residenza jew xogħol fi Spanja tal-barrani mneħħi. Madankollu, id-deċiżjoni ta’ tneħħija tista’ tiġi rrevokata f’każijiet stabbiliti b’regolament.

[…]

5.      Ħlief f’każijiet fejn il-ksur ta’ liġi mwettaq huwa dak previst fl-Artikolu 54(1)(a) jew jekk jinvolvi, fuq perijodu ta’ sena, ir-reċidività ta’ ksur ta’ liġi tal-istess natura punibbli bit-tneħħija, is-sanzjoni tat-tneħħija ma tistax tiġi imposta fuq il-barranin li jinsabu fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

[…]

b)      Residenti għat-tul. Qabel ma tittieħed id-deċiżjoni li tkeċċi resident għat-tul, għandu jittieħed kont tat-tul tas-soġġorn tiegħu fi Spanja u l-konnessjonijiet stabbiliti [ma’ Spanja], tal-età tiegħu, tal-konsegwenzi għall-persuna kkonċernata u għall-membri tal-familja tiegħu, u tar-rabtiet mal-pajjiż fejn ser jintbagħat.

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

7        Skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, fit-13 ta’ Ottubru 2013, W. López Pastuzano, ċittadin Kolombjan, kiseb permess ta’ residenza għat-tul fi Spanja. Fid-29 ta’ April 2014, ġie kkundannat għal żewġ sentenzi ta’ priġunerija, rispettivament, ta’ tnax-il xahar u ta’ tliet xhur. Fis-27 ta’ Jannar 2015, ġie inkarċernat fiċ-Centro Penitenciario Pamplona I (ħabs ta’ Pamplona I, Spanja). Sussegwentement, bdew proċeduri amministrattivi ta’ tneħħija kontrih.

8        Wara li saru l-proċeduri amministrattivi ta’ tneħħija, id-delegazzjoni tal-Gvern ta’ Navarra adottat id-deċiżjoni tagħha tad-29 ta’ Ġunju 2015. Din kien fiha projbizzjoni ta’ dħul fi Spanja għal ħames snin u l-irtirar ta’ permess ta’ residenza għat-tul. Hija bbażata fuq il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-motiv ta’ tneħħija msemmi fl-Artikolu 57(2) tal-Liġi Qafas Nru 4/2000.

9        Fit-28 ta’ Settembru 2015, W. López Pastuzano ppreżenta rikors kontenzjuż kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo de Pamplona (il-Qorti Amministrattiva Nru 1 ta’ Pamplona, Spanja).

10      Il-qorti tar-rinviju tindika li, fl-ordinament ġuridiku Spanjol, hemm żewġ modalitajiet differenti ta’ tneħħija amministrattiva ta’ ċittadin barrani, jiġifieri minn naħa, it-tneħħija bħala sanzjoni imposta fuq l-awtur ta’ diversi ksur ta’ liġi amministrattiv, imsemmi fl-Artikolu 57(1) tal-Liġi Qafas 4/2000 u, min-naħa l-oħra, it-tneħħija bħala konsegwenza legali li tirriżulta mill-kundanna għal piena ta’ priġunerija ta’ iktar minn sena għal nuqqas intenzjonali, skont l-Artikolu 57(2) ta’ din il-liġi qafas.

11      Skont il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 57(5) tal-Liġi Qafas 4/2000 jittrasponi fid-dritt Spanjol l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2003/109 u jistabbilixxi l-obbligu ta’ teħid inkunsiderazzjoni, qabel it-teħid ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija ta’ resident għat-tul, taċ-ċirkustanzi personali ta’ dan ir-resident, jiġifieri t-tul tas-soġġorn tiegħu fi Spanja u r-rabtiet li bena ma’ dan l-Istat Membru, l-età tiegħu, il-konsegwenzi għall-persuna kkonċernata u għall-membri tal-familja tiegħu, kif ukoll ir-rabtiet mal-pajjiż fejn ser jitneħħa.

12      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-kunċett ta’ “sanzjoni ta’ tneħħija”, użat fl-Artikolu 57(5) tal-Liġi Organika 4/2000, kien interpretat mill-ġurisprudenza maġoritarja tat-Tribunales Superiores de Justicia (il-Qrati Superjuri tal-Ġustizzja, Spanja) bħala li japplika biss għad-deċiżjonijiet ta’ tneħħija meħuda bħala sanzjoni għal ċerti ksur ta’ liġi amministrattiv u mhux għad-deċiżjonijiet adottati kontra resident għat-tul ikkundannat għal piena ta’ priġunerija ta’ iktar minn sena.

13      F’dan il-każ, peress li W. López Pastuzano kien ġie kkundannat għal piena ta’ priġunerija ta’ iktar minn sena, id-deċiżjoni tad-29 ta’ Ġunju 2015 tenfasizza li, f’każ bħal dan, it-tenħħija ma tikkostitwixxix sanzjoni għat-twettiq ta’ ksur ta’ liġi amministrattiv, għalkemm l-Artikolu 57(5) tal-Liġi Organika 4/2000 ma japplikax.

14      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li, għaldaqstant, sabiex taqta’ l-kawża li tressqet quddiemha, hija għandha tkun taf il-portata tal-protezzjoni kontra t-tneħħija ta’ residenti għat-tul, prevista fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2003/109. B’mod iktar partikolari, hija għandha tkun taf jekk il-kunċett ta’ “deċiżjoni ta’ tneħħija”, fis-sens ta’ dan l-artikolu, għandux jinftiehem li jkopri kwalunkwe deċiżjoni amministrattiva ta’ tneħħija, tkun xi tkun in-natura tagħha u l-modalitajiet ġuridiċi għat-teħid tagħha u jekk dan l-artikolu huwiex kompatibbli ma’ dispożizzjoni bħal dik tal-Artikolu 57(5) tal-Liġi Organika 4/2000, li tillimita l-protezzjoni kontra t-tneħħija ta’ residenti għat-tul għal tip partikolari ta’ deċiżjoni amministrattiva tat-tneħħija, bl-esklużjoni ta’ oħrajn.

15      Kien f’dan il-kuntest li l-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo de Pamplona (il-Qorti Amministrattiva Nru 1 ta’ Pamplona) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2003/109/KE (1), tal-25 ta’ Novembru 2003, dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u l-ġurisprudenza li tinterpretaha, li ma tipprevedix l-applikazzjoni tar-rekwiżiti għall-protezzjoni kontra tkeċċija ta’ ċittadin [ta’ Stat] barrani residenti għat-tul fir-rigward ta’ kull deċiżjoni amministrattiva ta’ tkeċċija, irrispettivament min-natura jew mill-forma legali tagħha, iżda li tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-rekwiżiti biss għal forma speċifika ta’ tkeċċija?”

 Fuq id-domanda preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

16      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Spanjol sostna li l-ġurisprudenza nazzjonali, imsemmija mill-qorti tar-rinviju, hija minoritarja u li l-maġġoranza tat-Tribunales Superiores de Justicia (il-Qrati Superjuri tal-Ġustizzja) jikkunsidraw li l-miżura ta’ tneħħija prevista fl-Artikolu 57(2) tal-Liġi Qafas 4/2000, ma tistax, taħt l-ebda ċirkustanza, tiġi imposta awtomatikament fuq iċ-ċittadini barranin li għandhom permess ta’ residenza għat-tul, iżda huwa meħtieġ, qabel it-teħid tagħha, li tevalwa l-kriterji previsti fil-paragrafu 5(b) ta’ dan l-artikolu. Dan il-gvern żied li minn żewġ sentenzi reċenti tat-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali) jirriżulta li l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata, rikjesta mill-Kostituzzjoni Spanjola, timponi t-teħid inkunsiderazzjoni, qabel it-teħid ta’ miżura ta’ tneħħija fir-rigward ta’ ċittadin barrani li huwa resident għat-tul, tas-sitwazzjoni personali u tal-familja tiegħu.

17      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Gvern Spanjol iqis li, fil-fatt, id-domanda magħmula mill-qorti nazzjonali tirrigwarda l-interpretazzjoni mhux tad-dritt tal-Unjoni, iżda tad-dritt nazzjonali.

18      F’dan ir-rigward, madankollu, għandu jiġi kkonstatat li d-domanda preliminari, kif ifformulata mill-qorti tar-rinviju, ma tikkonċernax l-interpretazzjoni tad-dritt Spanjol, li għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni, iżda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li taqa’ fil-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

19      Issa, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tevalwa l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar talba mressqa minn qorti nazzjonali biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenzi tal-24 ta’ Ġunju 2008, Commune de Mesquer, C‑188/07, EU:C:2008:359 punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-21 ta’ Mejju 2015, Verder LabTec, C‑657/13, EU:C:2015:331, punt 29).

20      F’dan il-każ, mill-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta minn naħa li, meta ħadet id-deċiżjoni tad-29 ta’ Ġunju 2015, l-awtorità nazzjonali kompetenti bbażat ruħha fuq interpretazzjoni tal-Artikolu 57(5) tal-Liġi Organika 4/2000, li tgħid li din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli f’każ bħal dak ta’ W. López Pastuzano u, min-naħa l-oħra, li din l-interpretazzjoni hija dik adottata mill-inqas minn uħud mill-qrati kompetenti nazzjonali.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma għadha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, jew li l-problema hija ta’ natura ipotetika. Għaldaqstant, l-ewwel domanda preliminari hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

22      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2003/109/KE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u l-ġurisprudenza li tinterpretaha, li ma tipprevedix l-applikazzjoni tar-rekwiżiti għall-protezzjoni kontra t-tneħħija ta’ ċittadin ta’ Stat terz residenti għat-tul fir-rigward ta’ kull deċiżjoni amministrattiva ta’ tneħħija, irrispettivament min-natura jew mill-modalitajiet ġuridiċi ta’ din il-miżura.

23      Għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan prinċipali tad-Direttiva 2003/109 huwa l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma residenti għat-tul fl-Istati Membri (sentenza tas-26 ta’ April 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑508/10, EU:C:2012:243, punt 66, kif ukoll tat-2 ta’ Settembru 2015, CGIL u INCA, C-309/14, EU:C:2015:523, punt 21).

24      Għal dan il-għan, kif iddikjarat fil-premessa tal-imsemmija direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies li r-residenti għat-tul għandhom igawdu protezzjoni msaħħa kontra t-tkeċċija.

25      B’hekk, skont l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2003/109, l-Istati Membri jistgħu jieħdu deċiżjoni li jneħħu resident għat-tul biss fejn huwa ta’ theddida attwali u suffiċjentement serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika.

26      Barra minn hekk, l-Artikolu 12(3) ta’ din id-direttiva jiddikjara li, qabel ma jieħdu deċiżjoni ta’ tneħħija kontra ċittadin ta’ Stat terz, li huwa resident għat-tul, l-Istati Membri għandhom iqisu t-tul tar-residenza fit-territorju tagħhom, l-età tal-persuna kkonċernata, il-konsegwenzi għaliha u għall-membri tal-familja tagħhom kif ukoll ir-rabtiet mal-pajjiż ta’ residenza jew l-assenza ta’ rabtiet mal-pajjiż ta’ oriġini. Għaldaqstant huwa irrilevanti jekk tali miżura ġietx ippronunzjata bħala sanzjoni amministrattiva jew jekk hija l-konsegwenza ta’ kundanna kriminali.

27      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat fis-sentenza tagħha tat-8 ta’ Diċembru 2011, Ziebell (C-371/08, EU:C:2011:809, punti 82 u 83), li t-teħid ta’ tali miżura ma jistax jiġi ordnat awtomatikament wara kundanna kriminali, iżda jeħtieġ evalwazzjoni każ każ li għandha, b’mod partikolari, tirrigwarda l-elementi msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu.

28      Konsegwentement, deċiżjoni ta’ tneħħija ma tistax tittieħed kontra ċittadin ta’ Stat terz, li huwa resident għat-tul, għall-motiv biss li ġie kkundannat għal piena ta’ priġunerija ta’ iktar minn sena.

29      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandha tingħata risposta għad-domanda magħmula li l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2003/109/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, kif interpretata minn parti mill-qrati ta’ dan l-Istat, ma tipprevedix l-applikazzjoni tar-rekwiżiti għall-protezzjoni kontra t-tneħħija ta’ ċittadin ta’ Stat terz residenti għat-tul fir-rigward tad-deċiżjonijiet amministrattivi kollha ta’ tneħħija, irrispettivament min-natura jew mill-modalitajiet ġuridiċi ta’ din il-miżura.

 Fuq l-ispejjeż

30      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 12 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, kif interpretata minn parti mill-qrati ta’ dan l-Istat, ma tipprevedix l-applikazzjoni tar-rekwiżiti għall-protezzjoni kontra t-tneħħija ta’ ċittadin ta’ Stat terz residenti għat-tul fir-rigward tad-deċiżjonijiet amministrattivi kollha ta’ tneħħija, irrispettivament min-natura jew mill-modalitajiet ġuridiċi ta’ din il-miżura.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.


i Fil-punt 29, fil-kliem gwida u fil-dispożittiv ta’ dan it-test saru modifiki ta’ natura lingwistika, wara li kien tqiegħed online għall-ewwel darba.