Language of document : ECLI:EU:C:2020:331

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fit‑30 ta’ April 2020 (1)

Kawża C36/20 PPU

Proċedura kriminali

kontra

VL

fil-preżenza ta’

Ministerio Fiscal

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de Instrucción nº 3 de San Bartolomé de Tirajana (il-Qorti Istruttorja Nru 3 ta’ San Bartolomé de Tirajana, Spanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Proċedura ta’ għoti tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 6 – Aċċess għall-proċedura – Awtoritajiet oħra li jistgħu jirċievu applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali iżda li ma humiex kompetenti biex jirreġistrawhom – Kunċett ta’ ‘awtoritajiet oħra’ – Standards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/33/UE – Artikolu 8 – Detenzjoni tal-applikant – Prinċipju ta’ non-refoulement”






I.      Introduzzjoni

1.        “L-umaniżmu huwa ċertament neċessarju għall-protezzjoni tad-drittijiet tar-refuġjati. Dan jirrifletti x-xewqa ta’ ħaddieħor, li ngħixu flimkien […]. Iżda l-umaniżmu ma huwiex biżżejjed. Dan jirrifletti biss il-wiċċ pożittiv tar-risposta għal dak li huwa inuman, li l-wiċċ negattiv tagħha huwa sempliċiment pront wisq biex jiżvela ruħu wara l-maskri, meta ċ-ċiviltà ċċedi quddiem in-neċessità. Id-drittijiet huma l-wiċċ pożittiv tal-obbligi. Dawn l-impenji huma bbażati fuq imqagħad tal-bronż. Huwa dejjem possibbli li jitneħħew, iżda hemm bżonn deċiżjoni kollettiva” (2).

2.        Huwa f’dan l-ispirtu li ser nanalizza din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

3.        Id-domandi magħmula mill-Juzgado de Instrucción n° 3 de San Bartolomé de Tirajana (il-Qorti Istruttorja Nru 3 ta’ San Bartolomé de Tirajana, Spanja) jirrigwardaw, essenzjalment, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 26 tad-Direttiva 2013/32/UE (3) kif ukoll tal-Artikolu 17(1) u (2) u tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33/UE (4).

4.        Din il-kawża tidħol fil-kuntest ta’ deċiżjoni ta’ refoulement meħuda, b’mod partikolari, kontra ċittadin minn Mali li ppreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali quddiem il-qorti tar-rinviju wara li l-bastiment li kien jinsab fih ġie interċettat mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru viċin il-kosta tiegħu.

5.        Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ser iwassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teżamina, qabel kollox, għall-ewwel darba, il-kwistjoni dwar jekk awtorità ġudizzjarja, bħal qorti istruttorja, li għandha ġurisdizzjoni skont id-dritt nazzjonali sabiex tiddeċiedi dwar it-tqegħid ta’ ċittadini ta’ Stat terz f’ċentru ta’ detenzjoni, tistax titqies bħala “awtorità oħra” li tista’ tirċievi applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32. Jekk tingħata risposta affermattiva għal din id-domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja, sussegwentement, ser tintalab tiddetermina jekk din l-awtorità għandhiex tipprovdi lill-applikant għall-protezzjoni internazzjonali l-informazzjoni rilevanti li tippermettilu jkun jaf il-modalitajiet ta’ tressiq tal-applikazzjoni. Finalment, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha l-okkażjoni tiddeċiedi dwar il-mument li fih il-persuni kkonċernati jiksbu l-istatus ta’ applikant għall-protezzjoni internazzjonali u dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-kisba ta’ dan l-istatus fuq il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt internazzjonali

6.        Il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 (5), li l-Istati Membri kollha huma partijiet kontraenti għaliha (6), daħlet fis-seħħ fit‑22 ta’ April 1954 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”) u ġiet ikkompletata u emendata bil-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York fil‑31 ta’ Jannar 1967, li daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Protokoll”).

7.        Il-preambolu ta’ din il-konvenzjoni jinnota li l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR) għandu l-kompitu li jissorvelja l-applikazzjoni tal-konvenzjonijiet internazzjonali li jiżguraw il-protezzjoni tar-refuġjati. L-Artikolu 35 tagħha jipprevedi li l-Istati għandhom “jimpenjaw lilhom infushom sabiex jikkooperaw mal-UNHCR […] fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu u b’mod partikolari sabiex jiffaċilitaw il-kompitu tiegħu ta’ sorveljanza tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

8.        L-Artikolu 1(A) tal-imsemmija konvenzjoni jiddefinixxi t-terminu “refuġjat” billi jirreferi b’mod partikolari għal kull persuna li, “minħabba f’biża’ bir-raġun li tiġi ppersegwitata għal raġunijiet ta’ razza, reliġjon, nazzjonalità, appartenenza għal grupp soċjali partikolari jew opinjoni politika partikolari, tkun barra mill-pajjiż tan-nazzjonalità tagħha u li ma tistax jew, minħabba din il-biża’, ma tixtieqx titlob il-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż; jew li, jekk ma jkollhiex nazzjonalità u tkun tinsab barra mill-pajjiż fejn qabel kellha r-residenza abitwali tagħha, minħabba f’dawn l-avvenimenti, ma tistax jew, minħabba din il-biża’, ma tkunx trid tirritorna fih” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

9.        Skont l-Artikolu 3 tal-istess konvenzjoni, “[l]-Istati Kontraenti għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni għar-refuġjati mingħajr diskriminazzjoni abbażi tar-razza, tar-reliġjon jew tal-pajjiż ta’ oriġini” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

10.      Skont l-Artikolu 33(1) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, “[e]bda Stat Kontraenti ma għandu jkeċċi jew jissuġġetta għal refoulment, bi kwalunkwe mod, lil refuġjat fuq il-fruntieri tat-territorji fejn ħajtu jew il-libertà tiegħu jkunu mhedda minħabba r-razza tiegħu, ir-reliġjon tiegħu, iċ-ċittadinanza tiegħu, l-appartenenza tiegħu għal grupp soċjali, jew minħabba l-fehmiet politiċi tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

B.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

11.      Skont l-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), intitolat “Id-dritt għall-asil”:

“Id-dritt għall-asil għandu jkun garantit b’rispett għar-regoli tal-[Konvenzjoni ta’ Genève] u tal-[Protokoll] u skond it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea (hawn aktar ’il quddiem ‘it-Trattati’).”

12.      Taħt it-titolu “Il-protezzjoni f’każ ta’ tneħħija, tkeċċija jew estradizzjoni”, l-Artikolu 19 tal-Karta jipprovdi:

“1.      It-tkeċċijiet kollettivi huma pprojbiti.

2.      Ħadd ma jista’ jitneħħa, jitkeċċa jew jkun estradit lejn Stat fejn hemm riskju serju li jkun soġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti oħra inumani jew degradanti.”

2.      Id-Direttiva 2013/32

13.      L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Awtoritajiet responsabbli”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jinnominaw, għall-proċeduri kollha, awtorità determinanti li tkun responsabbli li tagħmel eżami adegwat ta’ applikazzjonijiet skont din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali awtorità tkun ipprovduta b’mezzi xierqa, inkluż biżżejjed persunal kompetenti, biex iwettaq il-kompiti tiegħu skont din id-Direttiva.”

14.      L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, intitolat “Aċċess għall-proċedura”, jipprovdi:

“1.      Meta persuna tagħmel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali lil awtorità kompetenti taħt il-liġi nazzjonali għar-reġistrazzjoni ta’ applikazzjonijiet bħal dawn, ir-reġistrazzjoni għandha sseħħ mhux iktar tard minn tlett ijiem ta’ xogħol wara li ssir l-applikazzjoni.

Jekk l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali issir lil awtoritajiet oħra li x’aktarx jirċievu applikazzjonijiet bħal dawn, iżda mhumiex kompetenti għar-reġistrazzjoni taħt il-liġi nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ir-reġistrazzjoni għandha ssir mhux iktar tard minn sitt ijiem ta’ xogħol wara li ssir l-applikazzjoni.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk l-awtoritajiet l-oħra li x’aktarx jirċievu applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali bħal pulizija, gwardji tal-fruntiera, awtoritajiet tal-immigrazzjoni u persunal tal-faċilitajiet ta’ detenzjoni għandhom l-informazzjoni rilevanti u li l-persunal tagħhom jirċievi il-livell meħtieġ ta’ taħriġ li jkun xieraq għall-kompiti u r-responsabbiltajiet tagħhom u istruzzjonijiet biex jinformaw lill-applikanti fejn u kif l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali jistgħu jiġu ppreżentati.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuna li għamlet applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha opportunità effettiva biex tippreżentaha malajr kemm jista’ jkun. Fejn l-applikant ma jagħmilx l-applikazzjoni tiegħu, l-Istati Membri jistgħu japplikaw l-Artikolu 28 kif meħtieġ.

3.      Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali jiġu ppreżentati fiżikament u/jew f’post magħżul.

4.      Minkejja l-paragrafu 3, applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha titqies bħala li ġiet riċevuta ladarba formola ppreżentata mill-applikant jew, fejn dan ikun previst fil-liġi nazzjonali, rapport uffiċjali, ikunu waslu għand l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat.

5.      Fejn applikazzjonijiet simultanji għall-protezzjoni internazzjonali minn numru kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi jagħmluha diffiċli ħafna fil-prattika li jiġi rispettat il-limitu ta’ żmien stipulat fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li dak il-limitu ta’ żmien jiġi estiż sa 10 ijiem ta’ xogħol.”

15.      L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Informazzjoni u konsulenza f’faċilitajiet ta’ detenzjoni f’punti ta’ qsim bejn fruntieri”, jipprovdi:

“1.      Fejn hemm indikazzjonijiet li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi miżmuma f’faċilitajiet ta’ detenzjoni jew li jinsabu f’punti ta’ qsim tal-fruntieri, inklużi żoni ta’ tranżitu fil-fruntieri esterni, jistgħu jkunu jridu jagħmlu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, l-Istati Membri għandhom jagħtuhom informazzjoni dwar il-possibbiltà li jagħmlu dan. F’dawk il-faċilitajiet ta’ detenzjoni u ż-żoni fil-fruntieri, l-Istati Membri għandhom jagħmlu arranġamenti għal interpretazzjoni sa fejn ikun neċessarju għall-faċilitazzjoni tal-aċċess għall-proċedura ta’ asil.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet u l-persuni li jipprovdu pariri u konsulenza lill-applikanti jkollhom aċċess effettiv għall-applikanti li jinsabu fil-punti ta’ qsim bejn il-fruntieri, inklużi żoni ta’ tranżitu, fil-fruntieri esterni. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal regoli li jkopru l-presenza ta’ dawn l-ogranizzazzjonijiet u persuni f’dawk iż-żoni u b’mod partikolari li l-aċċess ikun suġġett għal ftehim mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Il-limiti fuq tali aċċess jistgħu jiġu imposti biss, fejn, minħabba l-liġi nazzjonali, huma oġġettivament neċessarji għas- sigurtà, l-ordni pubbliku jew il-ġestjoni amministrattiva tal-punti ta’ qsim ikkonċernati sakemm l-aċċess ma jkunx limitat severament b’dawn jew ma jsirx impossibbli minħabba fihom.”

16.      L-Artikolu 26 tal-istess direttiva, intitolat “Detenzjoni”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri ma għandhomx iżommu persuna f’detenzjoni għar-raġuni biss li huwa/hija jkun/tkun applikant. Ir-raġunijiet għal u l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni u l-garanziji disponibbli għall-applikanti detenuti għall-protezzjoni internazzjonali għandhom ikunu konformi mad-Direttiva [2013/33].

2.      Fejn applikant jinżamm f’detenzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm il-possibbiltà ta’ reviżjoni ġudizzjarja rapida taħt id-Direttiva [2013/33].”

3.      Id-Direttiva 2013/33

17.      L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2013/33, intitolat “Detenzjoni”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri m’għandhomx iżommu persuna f’detenzjoni għall-unika raġuni li huwa jew hija applikant(a) skont id-Direttiva [2013/32].

2.      Meta jkun meħtieġ u fuq il-bażi ta’ valutazzjoni individwali ta’ kull każ, l-Istati Membri jistgħu jżommu applikant f’detenzjoni, sakemm miżuri inqas dixxiplinari oħra ma jistgħux ikunu applikati b’mod effettiv.

3.      Applikant jista’ jinżamm f’detenzjoni biss:

(a)      sabiex tiġi determinata, aċċertata jew ivverifikata l-identità jew in-nazzjonalità tiegħu jew tagħha;

(b)      sabiex jiġu determinati dawk l-elementi li fuqhom hija bbażata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u li ma jkunux ottenibbli fin-nuqqas ta’ detenzjoni b’mod partikolari fejn ikun hemm riskju li l-applikant jaħrab;

(c)      sabiex tittieħed deċiżjoni, fil-kuntest ta’ proċedura, fuq id-dritt tal-applikant sabiex jidħol fit-territorju;

(d)      meta huwa jew hija jinżammu f’detenzjoni soġġetti għal proċedura ta’ ritorn skont id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment [(7)] sabiex iħejju r-ritorn u/jew iwettqu l-proċess ta’ tneħħija, u l-Istat Membru konċernat jkun jista’ jiddeċiedi abbażi ta’ kriterji oġġettivi, inkluż li huwa jew hija diġà kellhom l-opportunità li jaċċessaw il-proċedura tal-asil, li hemm raġunijiet raġonevoli biex jemmen li huwa jew hija qed japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali sempliċiment sabiex itawwlu jew jipprevjenu l-infurzar tad-deċiżjoni ta’ ritorn;

(e)      meta l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali jew l-ordni pubblika jeħtieġu hekk;

(f)      skont l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida [(8)].

Ir-raġunijiet għad-detenzjoni għandhom jiġu stipulati fil-liġi nazzjonali.

4.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regoli rigward l-alternattivi għad-detenzjoni, bħal rappurtaġġ regolari lill-awtoritajiet, id-depożitu ta’ garanzija finanzjarja, jew l-obbligu li joqgħod f’żona ġeografika indikata, huma stipulati fil-liġi nazzjonali.”

18.      L-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, intitolat “Garanziji għal applikanti detenuti”, jipprovdi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu:

“Applikant għandu jiġi detenut biss għal żmien qasir kemm jista’ jkun u għandu jinżamm detenut biss sakemm ikunu applikabbli r-raġunijiet stipulati fl-Artikolu 8(3).”

19.      L-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Regoli ġenerali dwar kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza u kura tas-saħħa”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza jkunu disponibbli lill-applikanti meta jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għall- protezzjoni internazzjonali.”

C.      Id-dritt Spanjol

20.      Il-kuntest ġuridiku Spanjol huwa kkostitwit mill-Artikolu 58(3), (4) u (6), l-Artikoli 61 u 62, kif ukoll l-Artikolu 64(5) tal-Ley Orgánica 4/2000 sobre derechos y libertades de los extranjeros en España y su integración social (il-Liġi Organika 4/2000 dwar id-Drittijiet u l-Libertajiet tal-Barranin fi Spanja u l-Integrazzjoni Soċjali Tagħhom), tal‑11 ta’ Jannar 2000 (9), kif emendata mil-Ley Orgánica 2/2009 de reforma de la Ley Orgánica 4/2000 (il-Liġi Organika 2/2009 li temenda l-Liġi Organika 4/2000) (10), tal‑11 ta’ Diċembru 2009 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Organika 4/2000”).

21.      L-Artikolu 58(3) tal-Liġi Organika 4/2000 jipprevedi proċedura ssemplifikata sabiex jitneħħew il-barranin li jipprovaw jidħlu illegalment fi Spanja. L-Artikolu 58(4) ta’ din il-liġi jistabbilixxi li l-persuni msemmija fil-paragrafu 3 ma jistgħux jitneħħew sakemm applikazzjoni eventwali għal protezzjoni internazzjonali ma tkunx ġiet iddikjarata inammissibbli u l-Artikolu 58(6) tal-imsemmija liġi jipprovdi li meta t-tneħħija ma tkunx possibbli f’terminu ta’ 72 siegħa, l-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom jintalbu t-tqegħid f’detenzjoni.

22.      L-Artikolu 61 tal-Liġi Organika 4/2000 jipprevedi l-miżuri provviżorji fil-kuntest tal-proċeduri ta’ tneħħija. L-Artikolu 62 ta’ din il-liġi jirrigwarda d-detenzjoni u l-Artikolu 64(5) tal-imsemmija liġi jipprevedi s-sospensjoni tad-deċiżjonijiet ta’ tneħħija sakemm applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma tkunx ġiet iddikjarata inammissibbli.

23.      L-Artikoli 2 u 3 tal-Ley 12/2009, reguladora del derecho de asilo y de la protección subsidiaria (il-Liġi 12/2009, li tirregola d-Dritt għall-Ażil u l-Protezzjoni Sussidjarja) (11), tat‑30 ta’ Ottubru 2009, kif emendata bil-Ley 2/2014, de la Acción y del Servicio Exterior del Estado (il-Liġi 2/2014, dwar l-Azzjoni u s-Servizz Estern tal-Istat) (12), tal‑25 ta’ Marzu 2014 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Ażil”) jiddefinixxu, rispettivament, id-dritt għall-ażil u l-istatus ta’ refuġjat. L-Artikolu 5 ta’ din il-liġi jipprevedi b’mod partikolari li l-għoti tal-protezzjoni sussidjarja jimplika li l-persuna kkonċernata ma tkunx tneħħiet u l-Artikolu 30 tal-istess liġi jipprevedi l-aċċess għas-servizzi soċjali u ta’ akkoljenza għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jkollhom bżonn.

III. Il-fatti prinċipali u d-domandi preliminari

24.      Fit‑12 ta’ Diċembru 2019, dgħajsa li kienet qiegħda tittrasporta 45 ċittadin ta’ oriġini sub-Saħarjana, fosthom VL, konvenut fil-kawża prinċipali, ġiet interċettata mis-Salvamento Marítimo (l-Awtoritajiet Spanjoli ta’ Salvataġġ Marittimu) viċin il-kosti Spanjoli, madwar mil nawtiku fin-Nofsinhar tal-gżira Gran Canaria (Spanja). Wara li rċevew l-ewwel kura, dawn iċ-ċittadini ġew ikkunsinnati lill-Brigada Local de Extranjería y Fronteras (il-Brigada Lokali tal-Barranin u tal-Fruntieri, Spanja) tal-Comisaría de Policía Nacional de Maspalomas (il-Kummissarjat tal-Pulizija Nazzjonali ta’ Maspalomas, Spanja).

25.      Fit‑13 ta’ Diċembru 2019, l-imsemmija ċittadini ġew ittrasferiti lill-Jefatura Superior de Policía de Canarias (il-Prefettura Superjuri tal-Pulizija tal-Canarias, Spanja), kif jirriżulta mill-proċess verbal tat-tqegħid f’detenzjoni u tal-informazzjoni tad-drittijiet tagħhom. Fl-istess jum, is-Subdelegación del Gobierno en Las Palmas (it-Taqsima tar-Rappreżentanza tal-Gvern ta’ Las Palmas, Spanja) adottat deċiżjoni ta’ refoulement tal-istess ċittadini, skont l-Artikolu 58(3)(b) tal-Liġi Organika 4/2000, talli pprovaw jidħlu illegalment fi Spanja. Peress li din id-deċiżjoni ma setgħetx tiġi eżegwita fit-terminu ta’ 72 siegħa previst fl-Artikolu 58(6) ta’ din il-liġi, tressqet talba għat-tqegħid f’ċentru ta’ detenzjoni lill-Juzgado de Instrucción nº 3 de San Bartolomé de Tirajana (il-Qorti Istruttorja Nru 3 ta’ San Bartolomé de Tirajana).

26.      Fil-kuntest ta’ investigazzjoni preliminari miftuħa quddiem din il-qorti, din tal-aħħar tat deċiżjoni, fl‑14 ta’ Diċembru 2019, li tagħti lil VL id-dritt li jagħmel dikjarazzjoni, wara li ġie informat bid-drittijiet tiegħu, assistit minn avukat u minn interpretu tal-lingwa Bambara (13) (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni tal‑14 ta’ Diċembru 2019”). Din id-dikjarazzjoni saret fil-preżenza tal-qorti, tar-reġistratur ta’ din l-istess qorti, ta’ uffiċjal tar-Reġistru, tal-avukat ta’ VL u tal-interpretu. Fl-istess jum tfassal proċess verbal li jistabbilixxi li, wara li ġie informat bid-drittijiet tiegħu, VL wera fid-dikjarazzjoni tiegħu l-intenzjoni li japplika għall-protezzjoni internazzjonali. Huwa ddikjara li kellu biża’ minn persekuzzjonijiet għal raġunijiet ta’ razza jew appartenenza għal grupp soċjali minħabba l-gwerra li faqqgħet fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, Mali, u li jinqatel jekk huwa jirritorna fih.

27.      Peress li, skont id-dritt nazzjonali, ma kinitx l-awtorità kompetenti sabiex tirreġistra l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, il-Juzgado de Instrucción nº 3 de San Bartolomé de Tirajana (il-Qorti Istruttorja Nru 3 ta’ San Bartolomé de Tirajana) tat fl-istess jum deċiżjoni oħra (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni tal‑14 ta’ Diċembru 2019”), fejn indikat li d-dikjarazzjoni ta’ manifestazzjoni tar-rieda ta’ VL li japplika għal protezzjoni internazzjonali kienet intbagħtet, sabiex tkun konformi mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32, lill-Brigada Provinċjali tal-Barranin u tal-Fruntieri u ġiet miġjuba għall-attenzjoni tal-UNHCR. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, din il-qorti talbet lit-Taqsima tar-Rappreżentanza tal-Gvern tal-Canarias, lill-Brigada Provinċjali tal-Barranin u tal-Fruntieri u lill-Ministerio de Trabajo, Migraciones y Seguridad Social (il-Ministeru għax-Xogħol, għall-Immigrazzjoni u għas-Sigurtà Soċjali, Spanja) sabiex VL jingħata post f’ċentru ta’ akkoljenza umanitarja. Lista li tinkludi l-ismijiet ta’ 25 ċittadin ieħor ta’ oriġini sub-Saħarjana li wkoll applikaw għall-protezzjoni internazzjonali taħt l-istess kundizzjonijiet intbagħtet lil dawn l-awtoritajiet.

28.      Minn dawn is-26 persuna, 12 tqiegħdu f’ċentru ta’ akkoljenza umanitarja u, fin-nuqqas ta’ postijiet, 14‑il persuna, fosthom VL, tqiegħdu f’ċentru ta’ detenzjoni permezz tat-tieni deċiżjoni tal‑14 ta’ Diċembru 2019. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li uffiċjal tal-Brigada Provinċjali tal-Barranin u tal-Fruntieri nnotifika lil VL, qabel it-trasferiment tiegħu f’ċentru ta’ detenzjoni, bl-eżistenza ta’ appuntament għall-intervista dwar l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali.

29.      Il-Ministerio fiscal (l-Uffiċċju tal-Prosekutur, Spanja) għalhekk appella quddiem il-qorti tar-rinviju mit-tieni deċiżjoni tal‑14 ta’ Diċembru 2019, fejn sostna li l-qorti istruttorja la kellha ġurisdizzjoni sabiex tirċievi l-applikazzjonijiet għal ażil u lanqas sabiex tfittex soluzzjonijiet ta’ akkomodazzjoni tal-ewwel akkoljenza għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali.

30.      L-avukat ta’ VL ippreżenta wkoll appell għal riforma minn din l-istess deċiżjoni, fejn afferma li d-detenzjoni ta’ VL kienet tmur kontra d-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2013/32 u 2013/33.

IV.    Id-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja

31.      Huwa f’dan il-kuntest li l-Juzgado de Instrucción nº 3 de San Bartolomé de Tirajana (il-Qorti Istruttorja Nru 3 ta’ San Bartolomé de Tirajana), permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Jannar 2020, li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Jannar 2020, għamlet id-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva [2013/32] jipprevedi l-każ li fih applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiġi ppreżentata quddiem awtoritajiet oħra li ma humiex, skont id-dritt nazzjonali, kompetenti sabiex jirreġistrawhom, f’liema każ l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reġistrazzjoni ssir sa mhux iktar tard minn sitt ijiem ta’ xogħol wara l-preżentata tat-talba.

Din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li hemm lok li l-qrati istruttorji, li għandhom il-ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar il-tpoġġija taħt detenzjoni jew le ta’ persuni barranin skont id-dritt nazzjonali, jitqiesu bħala li jikkostitwixxu waħda minn dawn l-‘awtoritajiet oħra’ li ma għandhomx il-kompetenza sabiex jirreġistraw l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, iżda li quddiemhom l-applikanti jistgħu jimmanifestaw ir-rieda tagħhom li jippreżentaw tali applikazzjoni?

2)      F’każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva [2013/32] għandu jiġi intertpretat fis-sens li l-qorti istruttorja għandha tipprovdi lill-applikanti informazzjoni li tippermettilhom ikun jafu fejn u kif jistgħu jiġu ppreżentati l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, u li f’każ li tiġi ppreżentata tali applikazzjoni, l-imsemmija qorti għandha tittrażmetti l-fajl lill-awtorità kompetenti skont il-liġi nazzjonali għall-finijiet tar-reġistrazzjoni u tal-ipproċessar tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, kif ukoll lill-awtorità amministrattiva kompetenti sabiex jingħataw lill-applikant il-mezzi ta’ akkoljenza previsti fl-Artikolu 17 tad-Direttiva [2013/33]?

3)      L-Artikolu 26 tad-Direttiva [2013/32] u l-Artikolu 8 tad-Direttiva [2013/33] għandhom jiġu interpretati fis-sens [li] ma hemmx lok li ċ-ċittadini ta’ Stat terz jitpoġġew taħt detenzjoni, dment li ma jkunux issodifatti l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva [2013/33], billi l-applikant huwa protett mill-prinċipju ta’ non-refoulement sa mill-mument li fih jimmanifesta r-rieda tiegħu quddiem il-qorti istruttorja?”

V.      Fuq il-proċedura b’urġenza

32.      Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Hija mmotivat din it-talba billi enfasizzat li VL kien attwalment jinsab f’ċentru ta’ detenzjoni u li għalhekk kien imċaħħad mil-libertà tiegħu. Barra minn hekk, din il-qorti indikat li VL kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija, mogħtija fit‑13 ta’ Diċembru 2019, li setgħet tiġi eżegwita fi kwalunkwe mument.

33.      Fis‑6 ta’ Frar 2020, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, ir-Raba’ Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju sabiex dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza. Il-partijiet għall-proċedura fil-kawża prinċipali kif ukoll il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

34.      Fis‑17 ta’ Marzu 2020, fil-kuntest marbut mat-tixrid tal-virus SARS-CoV-2, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ħa d-deċiżjoni li jannulla s-seduta li kienet ġiet iffissata għat‑23 ta’ Marzu 2020 f’din il-kawża. Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u b’mod eċċezzjonali, ir-Raba’ Awla ddeċidiet li tissostitwixxi din is-seduta b’mistoqsijiet għal tweġiba bil-miktub. Il-partijiet inkwistjoni kif ukoll il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni, wieġbu għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja (14).

VI.    Analiżi

A.      Fuq l-ammissibbiltà

35.      Il-Gvern Spanjol, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, jikkontesta l-ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari f’din il-kawża. Dan il-gvern isostni li l-unika ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju hija li tawtorizza jew le d-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ Stat terz bil-għan li tiġi eżegwita d-deċiżjoni ta’ refoulement. Konsegwentement, huwa jikkunsidra li d-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju ma għandhom l-ebda rabta mas-suġġett tat-tilwima.

36.      Huwa stabbilit sew li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali fil-każ biss li jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (15).

37.      Sabiex nerġa’ lura għal dan il-każ, inqis li t-tliet domandi, kif ifformulati, jirrigwardaw b’mod ċar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 26 tad-Direttiva 2013/32 kif ukoll tal-Artikolu 17(1) u (2) u tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalhekk ma nara l-ebda ostakolu sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi f’din il-kawża billi tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2013/32 u 2013/33. Fi kwalunkwe każ, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar it-tqassim tal-kompetenzi interni. Il-preżunzjoni ta’ rilevanza li tibbenefika minnha t-talba għal deċiżjoni preliminari f’din il-kawża għalhekk ma hijiex ikkonfutata bl-oġġezzjonijiet magħmula mill-Gvern Spanjol. Konsegwentement, inqis li t-talba għal deċiżjoni preliminari f’din il-kawża hija ammissibbli.

B.      Fuq il-mertu

1.      Proposti introduttivi dwar l-interpretazzjoni tad-Direttivi 2013/32 u 2013/33

38.      Jidhirli li huwa utli, qabel ma nindirizza l-eżami tad-domandi preliminari, li nfakkar fil-qosor il-kuntest li jinsabu fih id-Direttivi 2013/32 u 2013/33.

39.      Fl-ewwel lok, nixtieq nirrileva li dawn id-direttivi ġew adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 78(2)(d) u (f) TFUE. Kif jipprovdi l-Artikolu 78(1) TFUE, il-politika komuni dwar l-ażil, il-protezzjoni sussidjarja u l-protezzjoni temporanja, intiża sabiex “toffri status xieraq lil kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jeħtieġ protezzjoni internazzjonali u bil-għan li tassigura l-ħarsien tal-prinċipju ta’ non-refoulement”, “trid tkun konformi mal-[Konvenzjoni ta’ Genève] u mal-[Protokoll], kif ukoll ma’ trattati oħra rilevanti”.

40.      Fit-tieni lok, nixtieq nsemmi wkoll l-Artikolu 18 tal-Karta, li jipprovdi li d-“dritt għall-asil għandu jkun garantit b’rispett għar-regoli tal-[Konvenzjoni ta’ Genève] u l-[Protokoll] skond it-[Trattat UE] u t-[Trattat FUE]” (16).

41.      F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li, minkejja li l-Unjoni ma hijiex parti kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Genève, l-Artikolu 78(1) TFUE u l-Artikolu 18 tal-Karta madankollu jimponu fuqha l-osservanza tar-regoli ta’ din il-konvenzjoni (17). Għaldaqstant huwa ċar li d-Direttivi 2013/32 u 2013/33 għandhom, bis-saħħa ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju, josservaw dawn ir-regoli (18).

42.      Barra minn hekk, mill-premessi 3 ta’ dawn iż-żewġ direttivi jirriżulta li, wara l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere (19), il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jibbaża l-implimentazzjoni tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil fuq “l-applikazzjoni sħiħa u inklużiva tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra”, u b’hekk afferma l-prinċipju ta’ non-refoulement.

43.      Dan il-prinċipju huwa kkunsidrat minn parti tad-duttrina bħala prinċipju tad-dritt internazzjonali konswetudinarju (20) li għandu l-valur ta’ regola ta’ jus cogens (21). L-imsemmi prinċipju huwa stabbilit, b’mod partikolari, fl-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Genève (22) u huwa wieħed mill-prinċipji mifruxa fis-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil (23) li jippermettu li jiġi ggarantit aċċess effettiv għall-proċeduri komuni għall-għoti u għall-irtirar tal-istatus uniformi ta’ ażil jew ta’ protezzjoni sussidjarja (24).

44.      Il-premessa 15 tad-Direttiva 2013/32 u l-premessa 10 tad-Direttiva 2013/33 jindikaw li, fir-rigward tat-trattament ta’ persuni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-direttivi, l-Istati Membri huma marbuta b’obbligi skont l-istrumenti tad-dritt internazzjonali li għalihom huma parti (25).

45.      Barra minn hekk, il-premessa 60 tad-Direttiva 2013/32 u l-premessa 35 tad-Direttiva 2013/33 jippreċiżaw li dawn id-direttivi jirrispettaw id-drittijiet fundamentali, li dawn josservaw il-prinċipji rrikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta, li dawn ifittxu, b’mod partikolari, li jiżguraw ir-rispett sħiħ għad-dinjità tal-bniedem u li jippromwovu l-applikazzjoni tal-Artikoli 1, 4, 6, 7, 18, 19, 21, 23, 24 u 47 tal-Karta, u li konsegwentement għandhom jiġu implimentati.

46.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet f’diversi drabi li l-prinċipju ta’ non-refoulement huwa ggarantit bħala dritt fundamentali fl-Artikolu 18 u fl-Artikolu 19(2) tal-Karta (26).

47.      Dan huwa għalhekk il-kuntest li fih jinsabu, b’mod ġenerali, id-Direttivi 2013/32 u 2013/33.

2.      Fuq il-kunċett ta’ “awtorità oħra” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32

48.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32 għandux jiġi interpretat fis-sens li awtorità ġudizzjarja, bħal qorti istruttorja, tista’ titqies bħala “awtorità oħra” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

49.      F’dan ir-rigward, minkejja li l-kunċett ta’ “awtoritajiet oħra” huwa invokat b’mod espliċitu fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32, din id-dispożizzjoni ma tispeċifikax b’mod espliċitu jekk dan il-kunċett ikoprix l-awtoritajiet ġudizzjarji jew le.

50.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet segwiti permezz tal-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha (27). Għalhekk ser nipproċedi għal interpretazzjoni letterali, kuntestwali u teleoloġika tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32.

51.      Nirrileva qabel kollox li, fir-rigward tal-kunċett ta’ “awtoritajiet oħra” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, VL u l-Kummissjoni sostnew fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom il-perspettiva li skontha dan il-kunċett ma jeskludix lill-awtoritajiet ġudizzjarji. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq il-formulazzjoni u l-għan tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32. L-Uffiċċju tal-Prosekutur, min-naħa tiegħu, billi jibbaża ruħu fuq il-premessi 22 u 26 ta’ din id-direttiva, jafferma li huwa aċċettat li awtorità ġudizzjarja, fil-każ fejn hija tidħol l-ewwel f’kuntatt mal-persuni li japplikaw għal protezzjoni internazzjonali, titqies bħala “awtorità oħra” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva (28). Il-Gvern Spanjol jiċħad din il-perspettiva u jikkunsidra li awtorità ġudizzjarja ma tistax titqies bħala “awtorità oħra” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Dan il-gvern isostni li l-fatt li l-qorti istruttorja titqies bħala “awtorità oħra” jimplika bidla fis-sistema ta’ protezzjoni internazzjonali prevista fil-Liġi Organika 4/2000.

a)      Il-formulazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32

52.      Fuq il-bażi ta’ qari letterali tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-qorti istruttorja mitluba tiddeċiedi dwar id-detenzjoni, konformement mal-liġi Spanjola, tikkostitwixxi “awtorità oħra” li, mingħajr ma hija kompetenti sabiex tirreġistra l-applikazzjoni skont id-dritt nazzjonali, tista’, skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, tadixxi lill-awtorità kompetenti sabiex issir ir-reġistrazzjoni mhux iktar tard minn sitt ijiem ta’ xogħol wara li ssir l-applikazzjoni.

53.      Din l-interpretazzjoni jidhirli li hija a priori raġonevoli.

54.      L-ewwel nett, mill-qari tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li juża l-espressjoni “awtoritajiet oħra” timplika qabel kollox rieda li ssir differenza bejn, minn naħa, “awtorità kompetenti taħt il-liġi nazzjonali” sabiex tirreġistra l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali u, min-naħa l-oħra, “awtoritajiet oħra” li jistgħu jirċievu tali applikazzjonijiet, iżda ma humiex, skont id-dritt nazzjonali, kompetenti sabiex jirreġistrawhom.

55.      Għaldaqstant, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta b’mod ċar li l-awtorità kompetenti sabiex tirreġistra l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali hija ddeterminata mid-dritt nazzjonali. Dan id-dritt jistabbilixxi l-formalitajiet amministrattivi sabiex issir kemm ir-reġistrazzjoni kif ukoll il-preżentata ta’ tali applikazzjonijiet. Fil-fatt, kif osservat il-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jindikaw l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-applikazzjonijiet fil-kuntest tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2013/32.

56.      Min-naħa l-oħra, għall-kuntrarju ta’ dak li jidher li qiegħed jafferma l-Gvern Spanjol, sabiex jiġi ddeterminat min huma dawn l-“awtoritajiet oħra” li jistgħu jirċievu applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva bl-ebda mod ma jirreferi għad-dritt nazzjonali u għalhekk ma jipprevedix li l-Istati Membri għandhom jindikaw dawn l-“awtoritajiet oħra”. Din id-dispożizzjoni sempliċiment tistabbilixxi, fit-tieni subparagrafu tagħha, li meta ssir applikazzjoni lil dawn l-“awtoritajiet oħra”, “l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ir-reġistrazzjoni għandha ssir mhux iktar tard minn sitt ijiem ta’ xogħol wara li ssir l-applikazzjoni” (29).

57.      It-tieni nett, nosserva li l-użu tat-terminu “oħra” fl-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva jesprimi l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li ma jissuġġettax l-istabbiliment ta’ dawn l-“awtoritajiet oħra” għal numerus clausus. Fil-fatt, l-awtoritajiet tal-pulizija, il-gwardji tal-fruntiera, l-awtoritajiet tal-immigrazzjoni u l-persunal taċ-ċentri ta’ detenzjoni ċċitati fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-istess direttiva huma ċċitati biss bħala eżempju.

58.      It-tielet nett, nikkunsidra li l-għażla tal-leġiżlatur li juża espressjoni wiesgħa bħal “awtoritajiet oħra” sabiex ikopri diversi awtoritajiet ma tistax tinftiehem bħala li tirreferi biss għal awtoritajiet amministrattivi, peress li din l-espressjoni ma teskludix li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32 jista’ jinkludi wkoll awtoritajiet ġudizzjarji. Nirrileva, f’dan ir-rigward, li l-ebda waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi eżaminati ma tidher li tindika l-kuntrarju (30). Għaldaqstant, jien tal-opinjoni li l-kliem ta’ din id-dispożizzjoni ma jistax iwassal sabiex jiġi kkunsidrat li l-awtoritajiet ġudizzjarji huma esklużi.

59.      Madankollu, issa għandu jiġi eżaminat jekk il-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32 kif ukoll l-għan u l-oriġini ta’ din id-dispożizzjoni jikkorroborawx jew le din l-interpretazzjoni.

b)      Il-kuntest u l-għan tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32

60.      L-interpretazzjoni preċedenti hija, fl-opinjoni tiegħi, l-unika waħda li tista’ tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex mid-Direttiva 2013/32. Dan l-għan, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-premessa 12 tagħha, huwa li jiġu stabbiliti proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni.

61.      Infakkar li l-għan tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32 huwa li jiggarantixxi, lill-persuni li jkunu qegħdin ifittxu li jiksbu l-istatus ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali, aċċess effettiv, kemm jista’ jkun malajr u faċli, għall-proċedura ta’ eżami, billi jippermetti lil dawn il-persuni jifformulaw l-applikazzjonijiet tagħhom, jiġifieri jesprimu x-xewqa tagħhom li jagħmlu applikazzjoni lil kwalunkwe awtorità nazzjonali li magħha huma jidħlu l-ewwel f’kuntatt, b’mod partikolari dawk responsabbli mill-kontroll tal-fruntieri u tal-immigrazzjoni.

62.      Din id-dispożizzjoni hija għalhekk l-illustrazzjoni tal-prinċipju ġenerali ta’ faċilità u ta’ rapidità ta’ aċċess għall-proċedura. Dan l-aċċess effettiv, faċli u rapidu ma għandux jiġi żgurat b’mod teoretiku iżda konkret. Fil-fatt, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2013/32 jipprevedi li “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuna li għamlet applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha opportunità effettiva biex tippreżentaha malajr kemm jista’ jkun” (31). Barra minn hekk, mill-premessa 18 ta’ din id-direttiva jirriżulta, b’mod partikolari, li “[h]uwa fl-interessi ta’ kemm l-Istati Membri kif ukoll tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li deċiżjoni tittieħed malajr kemm jista’ jkun dwar l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, mingħajr preġudizzju għat-twettiq ta’ eżami xieraq u komplut”.

63.      Għaldaqstant, ma narax kif jista’ jiġi dedott raġonevolment mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32 li l-awtoritajiet ġudizzjarji huma esklużi mill-kunċett ta’ “awtoritajiet oħra li jistgħu jirċievu applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali”. Tali esklużjoni jidhirli li hija iktar improbabbli peress li, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, f’dan il-każ, din hija de facto l-unika awtorità li quddiemha ċittadin ta’ Stat terz għandu l-okkażjoni li japplika għall-protezzjoni internazzjonali qabel ma jasal fiċ-ċentru ta’ detenzjoni. Barra minn hekk, din il-qorti tenfasizza li mill-proċess verbal tat-tqegħid f’detenzjoni tat‑13 ta’ Diċembru 2019 jirriżulta li VL ma kienx ġie informat bid-dritt tiegħu li japplika għal din il-protezzjoni internazzjonali (32). Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi enfasizzat li, anki kieku VL kien ġie informat b’dan id-dritt waqt id-detenzjoni tiegħu, kien għad hemm bżonn, sabiex tiġi ggarantita l-effettività tal-aċċess għall-proċedura, li huwa jkun ġie informat u jkun wera x-xewqa tiegħu li japplika għal tali protezzjoni fil-preżenza ta’ interpretu ta’ lingwa li huwa jista’ jifhem. Issa, la mid-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas mill-fajl għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta li dan kien il-każ f’din il-kawża. Għaldaqstant, jidhirli li huwa raġonevoli li wieħed jistaqsi jekk VL kienx fehem il-kontenut ta’ din l-informazzjoni. F’dan ir-rigward, VL jafferma, fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, li, waqt id-detenzjoni tiegħu, huwa kien assistit biss minn interpretu tal-lingwa Franċiża, lingwa li huwa ma jifhimx (33).

64.      Barra minn hekk, naqbel mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni li skontha, fi proċeduri rapidi ħafna bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża, fejn id-deċiżjoni ta’ tneħħija tittieħed f’terminu ta’ 24 siegħa wara l-wasla tal-persuni kkonċernati fi Spanja u fejn dawn jinstemgħu mill-qorti istruttorja fil-jum ta’ wara (34), dan is-smigħ, bl-assistenza ta’ avukat u ta’ interpretu, huwa l-mument xieraq sabiex issir applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u jista’ jkun, skont iċ-ċirkustanzi, kif indikat il-qorti tar-rinviju, l-ewwel okkażjoni li din issir (35). Iktar minn hekk, il-fatt li l-persuna kkonċernata tista’ tagħmel sussegwentement l-applikazzjoni tagħha fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ma huwiex raġuni valida sabiex jiġi kkunsidrat li hija ma tistax tagħmel dan quddiem il-qorti istruttorja li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar id-detenzjoni tagħha.

65.      Konsegwentement, fil-fehma tiegħi, huwa evidenti li l-fatt li Stat Membru jkun jista’ jeskludi mill-kunċett ta’ “awtoritajiet oħra” ċerti awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji, b’mod partikolari l-qrati istruttorji, li għandhom ġurisdizzjoni skont id-dritt nazzjonali sabiex jiddeċiedu dwar it-tqegħid f’ċentru ta’ detenzjoni ta’ ċittadini ta’ Stat terz irregolari, bħal f’dan il-każ, imur kontra l-għan tad-Direttiva 2013/32 u jneħħi s-sustanza tal-Artikolu 6(1) tagħha.

3.      Fuq l-informazzjoni neċessarja għall-preżentata tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u l-aċċess għall-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza

66.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju, essenzjalment, tixtieq tkun jaf jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32 u l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2013/33 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità li tkun irċeviet l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, iżda li ma hijiex kompetenti, skont id-dritt nazzjonali, sabiex tirreġistraha, għandha tipprovdi lill-applikant l-informazzjoni rilevanti li tippermettilu jkun jaf fejn u kif jista’ jippreżenta tali applikazzjoni u tibgħat il-fajl lill-awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni sabiex l-imsemmi applikant ikun jista’ jkollu aċċess għall-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza.

67.      Il-Gvern Spanjol jafferma, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu kif ukoll fit-tweġibiet tiegħu għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, li huwa jikkunsidra li d-Direttiva 2013/32 ma tobbligax li tingħata informazzjoni dwar il-protezzjoni internazzjonali liċ-ċittadini kollha ta’ Stat terz li jaslu fit-territorju ta’ Stat Membru.

68.      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni rilevanti dwar il-protezzjoni internazzjonali, mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-premessa 26 tagħha, jirriżulta mingħajr dubju li huma l-“awtoritajiet oħra” li jistgħu jirċievu tali applikazzjonijiet, iżda li ma humiex, skont id-dritt nazzjonali, kompetenti sabiex jirreġistrawhom, li jipprovdu lill-applikanti għal tali protezzjoni, inkluż fil-fruntiera, b’mod partikolari fl-ilmijiet territorjali (36), l-informazzjoni rilevanti li tippermettilhom jagħrfu l-modalitajiet sabiex jippreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom.

69.      F’dan il-każ, kif spjegajt fil-punti preċedenti, u kif irrilevat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha u ssuġġerixxiet il-qorti tar-rinviju stess, il-qrati istruttorji li quddiemhom l-awtoritajiet nazzjonali jitolbu t-tqegħid f’detenzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’sitwazzjoni irregolari jikkostitwixxu mingħajr dubju awtoritajiet li jistgħu jsirulhom applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali bl-istess mod bħall-awtoritajiet imsemmija, b’mod mhux eżawrjenti, fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32. Konsegwentement, peress li awtorità nazzjonali, bħal qorti istruttorja, tista’ tkun xi kultant l-ewwel awtorità jew, mill-inqas, waħda mill-ewwel awtoritajiet li quddiemhom persuna jkollha l-okkażjoni li tagħmel tali applikazzjonijiet, hija għandha, skont din id-dispożizzjoni, tipprovdi l-informazzjoni rilevanti għall-preżentata tal-imsemmija applikazzjonijiet (37).

70.      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-obbligu li jintbagħat il-fajl lill-awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 27 ta’ din id-direttiva, “[l]adarba ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi li jkunu esprimew ix-xewqa tagħhom li japplikaw għal protezzjoni internazzjonali huma applikanti għal protezzjoni internazzjonali, huma għandhom ikunu konformi mal-obbligi u jibbenefikaw mid-drittijiet taħt [id-Direttiva 2013/32] u d-Direttiva [2013/33]. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jirreġistraw il-fatt li dawk il-persuni huma applikanti għall-protezzjoni internazzjonali kemm jista’ jkun malajr” (38).

71.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li mill-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li l-Istati Membri huma, b’mod ġenerali, marbuta li jirreġistraw kull applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali mressqa minn ċittadin ta’ pajjiż terz lill-awtoritajiet nazzjonali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u li huma għandhom sussegwentement jiżguraw li l-persuni kkonċernati jibbenefikaw mill-possibbiltà konkreta li jressqu l-applikazzjoni tagħhom fl-iqsar żmien (39).

72.      Għalhekk huwa evidenti li l-obbligu ta’ reġistrazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali mhux iktar tard minn terminu ta’ sitt ijiem ta’ xogħol wara li ssir din l-applikazzjoni ma jistax jiġi osservat jekk l-“awtoritajiet oħra” li jistgħu jirċievu din l-applikazzjoni ma jkunux jistgħu jibagħtuha lill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tar-reġistrazzjoni. Minn dan isegwi li l-għan stess tad-Direttiva 2013/32 u, b’mod partikolari, dak segwit mill-Artikolu 6(1) tagħha, jiġifieri l-aċċess effettiv, faċli u rapidu għall-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali, jiġi serjament kompromess.

73.      Fit-tielet u l-aħħar lok, fir-rigward tal-Artikolu 17(1) u (2) tad-Direttiva 2013/33, li tirreferi għalih il-qorti tar-rinviju fid-domanda tagħha, infakkar li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jkollhom aċċess għall-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza meta jressqu l-applikazzjoni tagħhom għal protezzjoni internazzjonali u li l-miżuri adottati għal dawn il-finijiet jiżguraw lill-applikanti livell tal-għajxien adegwat li jiżgura l-għajxien tagħhom u jipproteġi s-saħħa kemm fiżika kif ukoll mentali tagħhom (40).

74.      F’dan ir-rigward, kif fakkart fil-punt 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet, mill-premessa 27 tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali għandhom “ikunu konformi mal-obbligi u jibbenefikaw mid-drittijiet [mhux biss] taħt [id-Direttiva 2013/32] [iżda wkoll] d-Direttiva 2013/33”. Fil-fatt, l-għan segwit mill-Artikolu 17 tad-Direttiva 2013/33, jiġifieri l-aċċess effettiv tal-applikanti għall-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza, ikun kompromess ukoll jekk l-awtorità li tkun irċeviet applikazzjoni ma tkunx tista’ tibgħatha lill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tar-reġistrazzjoni (41).

75.      Għar-raġunijiet kollha li għadni kif esponejt, nikkunsidra li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32 u l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2013/33 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-“awtorità oħra” li tista’ tirċievi l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, iżda li ma hijiex kompetenti skont id-dritt nazzjonali sabiex tirreġistraha, għandha, minn naħa, tipprovdi lill-applikant l-informazzjoni rilevanti li tippermettilu jkun jaf il-modalitajiet sabiex jippreżenta tali applikazzjoni u, min-naħa l-oħra, tibgħat il-fajl lill-awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni sabiex dan l-applikant ikun jista’ jkollu aċċess għall-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza.

4.      Fuq il-kisba tal-istatus ta’ applikant għall-protezzjoni internazzjonali

76.      Permezz tat-tielet domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 26 tad-Direttiva 2013/32 u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2013/33 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, mill-mument li ċ-ċittadin ta’ Stat terz juri r-rieda tiegħu li japplika għall-protezzjoni internazzjonali quddiem “awtorità oħra” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32, l-applikant jista’ jitqiegħed f’ċentru ta’ detenzjoni biss għar-raġunijiet previsti fl-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33, peress li dan l-applikant huwa protett mill-prinċipju ta’ non-refoulement.

77.      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, jidhirli li huwa essenzjali li jiġu enfasizzati l-istadji għas-sottomissjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-kuntest tas-sistema stabbilita mid-Direttiva 2013/32.

a)      L-istadji għas-sottomissjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali: meta ssir l-applikazzjoni u l-preżentata tagħha

78.      Nosserva li, fir-rigward tal-fażi inizjali tal-proċedura għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32 jagħmel distinzjoni ċara bejn żewġ stadji, jiġifieri, minn naħa, meta ssir l-applikazzjoni u, min-naħa l-oħra, il-preżentata tagħha (42). Din il-kawża tikkonċerna l-ewwel stadju.

1)      L-ewwel stadju: meta ssir l-applikazzjoni

79.      Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew il-persuna apolida għandhom jagħmlu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali lil awtorità kompetenti sabiex tirreġistraha jew lil “awtorità oħra” li tista’ tirċievi tali applikazzjonijiet mingħajr ma jkollha kompetenza sabiex tirreġistrahom (43).

80.      Fil-kuntest ta’ dan l-ewwel stadju, għandha ssir distinzjoni bejn żewġ azzjonijiet differenti li għandhom jitwettqu f’żewġ mumenti distinti, jiġifieri, minn naħa, li ssir fil-veru sens tal-kelma miċ-ċittadin ta’ Stat terz l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, jiġifieri l-espressjoni tax-xewqa li ssir applikazzjoni għal tali protezzjoni, lil awtorità kompetenti sabiex tirreġistraha jew lil “awtorità oħra” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32 u, min-naħa l-oħra, ir-reġistrazzjoni ta’ din l-applikazzjoni mill-awtorità kompetenti skont id-dritt nazzjonali. F’dan ir-rigward, nirrileva li l-premessa 27 ta’ din id-direttiva tagħmel distinzjoni ċara bejn l-espressjoni tax-xewqa li ssir applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u l-obbligu tal-awtorità kompetenti li tirreġistraha.

81.      Fir-rigward tal-ewwel azzjoni, jiġifieri dik li ssir applikazzjoni jew li tiġi espressa x-xewqa li ssir applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali (44), il-premessa 27 tad-Direttiva 2013/32 tipprovdi li “ċittadini ta’ pajjiżi terzi […] li jkunu esprimew ix-xewqa tagħhom li japplikaw għal protezzjoni internazzjonali huma applikanti għal [tali protezzjoni]” (45). Għaldaqstant, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32 u l-premessa 27 tagħha jirriflettu r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jikkunsidra li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali titqies li saret lil awtorità kompetenti jew lil “awtorità oħra” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni jekk il-persuna kkonċernata tkun iddikjarat quddiem dawn l-awtoritajiet li hija xtaqet tapplika għall-protezzjoni internazzjonali.

82.      Ix-xogħol preparatorju tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32 jikkonferma din l-interpretazzjoni. Fil-fatt, mill-proposta emendata tal-Kummissjoni jirriżulta li, “[s]abiex tiżgura li persuna li tesprimi x-xewqa li titlob protezzjoni internazzjonali jkollha opportunità effettiva biex tapplika, il-proposta emendata ttejjeb ir-regoli dwar il-passi inizjali li għandhom jittieħdu fil-proċedura tal-asil” (46). Barra minn hekk, mill-qari ta’ din il-proposta emendata jirriżulta li l-azzjoni li “ssir” applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma teħtieġ l-ebda formalità amministrattiva (47), peress li l-imsemmija formalitajiet iseħħu waqt il-“preżentata” tal-applikazzjoni (48).

83.      Fir-rigward tat-tieni azzjoni, jiġifieri r-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni, l-awtorità kompetenti hija obbligata, skont id-dritt nazzjonali, li twettaqha (49) f’terminu ta’ tliet jew sitt ijiem ta’ xogħol wara li ssir (50). F’dan ir-rigward, mill-proposta emendata ta’ din id-direttiva jirriżulta li, sabiex tiżgura l-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali, din il-proposta telimina l-possibbiltà ta’ konfużjoni bejn, minn naħa, l-att bażiku ta’ reġistrazzjoni tal-persuna bħala applikant u, min-naħa l-oħra, il-wasla ta’ applikazzjoni għal ażil kompleta (preżentata). Minn din il-proposta jirriżulta wkoll li bis-saħħa ta’ din id-distinzjoni huwa iktar faċli għall-Istati Membri li jissodisfaw it-terminu ppropost ta’ tlett ijiem għar-reġistrazzjoni ta’ applikant bħala tali wara li l-persuna kkonċernata tkun uriet ix-xewqa li tapplika għal protezzjoni internazzjonali (51), jiġifieri wara li hija tkun għamlet l-applikazzjoni tagħha (52).

2)      It-tieni stadju: il-preżentata tal-applikazzjoni

84.      Fit-tieni lok, il-persuna li tkun għamlet l-applikazzjoni għandu jkollha, wara r-reġistrazzjoni tagħha mill-awtorità kompetenti, l-opportunità effettiva li tippreżenta din l-applikazzjoni malajr kemm jista’ jkun (Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2013/32) (53).

85.      Fir-rigward ta’ dan it-tieni stadju, mill-Artikolu 6(4) ta’ din id-direttiva jirriżulta li “applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha titqies bħala li ġiet riċevuta ladarba formola ppreżentata mill-applikant jew, fejn dan ikun previst fil-liġi nazzjonali, rapport uffiċjali, ikunu waslu għand l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat” (54).

86.      Għandu jiġi osservat li l-opportunità prevista fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2013/32, li skontha, bla ħsara għall-Artikolu 6(2) tagħha, l-Istati Membri jistgħu jeżiġu li l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jiġu ppreżentati fiżikament u/jew f’post magħżul, tikkonċerna biss it-tieni stadju, jiġifieri l-preżentata tal-applikazzjoni. Min-naħa l-oħra, tali rekwiżit ma japplikax biex issir l-applikazzjoni, kemm jekk quddiem l-“awtoritajiet kompetenti” sabiex jirreġistrawha jew quddiem “awtoritajiet oħra” fis-sens tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva.

87.      Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 604/2013 jipprovdi wkoll li “[a]pplikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha titqies li kienet iddepożitata meta formola sottomessa mill-applikant jew rapport ippreparat mill-awtoritajiet ikun wasal għand l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat” (55). Għalhekk, fil-kuntest tal-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija meqjusa sottomessa meta dokument bil-miktub, stabbilit minn awtorità pubblika u li jiċċertifika li ċittadin ta’ pajjiż terz talab il-protezzjoni internazzjonali, ikun wasal quddiem l-awtorità inkarigata mill-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw minn dan ir-regolament u, skont il-każ, meta l-informazzjoni prinċipali biss tidher f’tali dokument, iżda mhux dan id-dokument jew kopja tiegħu, ikunu waslu quddiem din l-awtorità (56).

88.      Fil-qosor, matul il-proċedura ta’ eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jistabbilixxi żewġ stadji distinti, jiġifieri li ssir u li tiġi ppreżentata l-applikazzjoni. Il-fatt li ssir l-applikazzjoni jinkludi fih innifsu żewġ mumenti: dak tal-espressjoni tax-xewqa li ssir applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u dak tar-reġistrazzjoni tagħha. Din ir-reġistrazzjoni tista’ ssir mal-espressjoni tal-applikazzjoni jekk din isseħħ quddiem l-awtorità kompetenti jew sussegwentement jekk l-applikazzjoni ssir quddiem “awtorità oħra” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32.

89.      Għandi nenfasizza li d-differenza bejn li ssir u li tiġi ppreżentata l-applikazzjoni hija essenzjali sabiex jiġi ddeterminat f’liema mument preċiż tal-fażi inizjali tal-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali l-persuna kkonċernata għandha tiġi kkunsidrata bħala li tibbenefika mill-istatus ta’ applikant. Din il-kwistjoni ser tkun is-suġġett tal-kunsiderazzjonijiet li jmiss.

b)      Il-mument li fih il-persuna kkonċernata għandha tiġi kkunsidrata bħala li tibbenefika mill-istatus ta’ applikant

90.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni preċedenti ssir id-domanda li jmiss: ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun esprima x-xewqa tiegħu li japplika għal protezzjoni internazzjonali quddiem “awtorità oħra” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32 jibbenefika mill-istatus ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali?

91.      Jien konvint li r-risposta għal din id-domanda għandha tkun pożittiva.

92.      L-ewwel nett, jidhirli li huwa importanti li jitfakkar li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/32 jipprevedi li din id-direttiva tapplika għall-applikazzjonijiet kollha għal protezzjoni internazzjonali magħmula fit-territorju tal-Istati Membri, inkluż fil-fruntiera, b’mod partikolari fl-ilmijiet territorjali. F’din il-linja, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/33 jipprovdi din id-direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha minn pajjiżi terzi u dawk apolidi li jagħmlu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fit-territorju ta’ Stat Membru, inkluż fil-fruntiera, b’mod partikolari fl-ilmijiet territorjali. Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 2013/32 u 2013/33 huwa ddeterminat mill-fatt li tiġi “magħmula” applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

93.      Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2013/32 jiddefinixxi l-“applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali” bħala l-applikazzjoni magħmula minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida għal protezzjoni minn Stat Membru, li tista’ tinftiehem li qiegħda tfittex status ta’ refuġjat jew status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li d-Direttiva 2013/32 tapplika għall-applikazzjonijiet li jaqgħu taħt din id-definizzjoni.

94.      Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2013/32 jiddefinixxi l-“applikant” bħala ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li għamel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li fir-rigward tagħha deċiżjoni finali tkun għadha ma tteħditx. L-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2013/33 jipprevedi wkoll definizzjoni analoga.

95.      Għaldaqstant, naqbel perfettament mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni li skontha minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li persuna tikseb l-istatus ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali jew ta’ protezzjoni sussidjarja mill-mument meta hija “tagħmel” applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, jiġifieri mill-mument li hija tiddikjara quddiem “awtorità kompetenti” jew “awtorità oħra” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32 li tixtieq tapplika għall-protezzjoni internazzjonali (57).

96.      It-tieni nett, hemm lok li jiġi enfasizzat, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet tiegħi fil-punti 79 sa 83 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li għalkemm l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32 jistabbilixxi distinzjoni ċara bejn li “ssir” l-applikazzjoni, ir-“reġistrazzjoni” tagħha u l-“preżentata” tagħha, l-Artikolu 3(1) kif ukoll l-Artikolu 2(b) u (c) ta’ din id-direttiva la jirreferu għall-applikazzjonijiet “irreġistrati” u lanqas “ippreżentati” iżda għall-applikazzjonijiet “magħmula”.

97.      Konsegwentement, la “r-reġistrazzjoni” u lanqas “il-preżentata” tal-applikazzjoni ma jistgħu jiġu kkunsidrati bħala atti li jagħtu aċċess għall-benefiċċju tal-istatus ta’ applikant. La mill-kliem, la mill-istruttura jew mill-iskop tad-Direttiva 2013/32, u lanqas mix-xogħol preparatorju tagħha ma jirriżulta l-iċken element li fuqu tista’ tiġi bbażata tali teżi. Bħalma wieħed jista’ jaqra fil-kliem kollu tal-premessa 27 ta’ din id-direttiva, “[l]adarba ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi li jkunu esprimew ix-xewqa tagħhom li japplikaw għal protezzjoni internazzjonali huma applikanti għal protezzjoni internazzjonali, huma għandhom ikunu konformi mal-obbligi u jibbenefikaw mid-drittijiet taħt din id-Direttiva u d-Direttiva [2013/33]” (58). Kif diġà enfasizzajt, mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta b’mod ċar li r-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali f’terminu ta’ tliet jew sitt ijiem ta’ xogħol wara li “ssir” huwa obbligu li ma huwiex impost fuq il-persuna li “tagħmel” l-applikazzjoni, jiġifieri l-“applikant” għal tali protezzjoni, iżda biss fuq l-awtorità nazzjonali kompetenti sabiex tirreġistra din l-applikazzjoni (59).

98.      It-tielet nett, mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta wkoll li r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet b’mod ċar li jiffaċilita li jsiru applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fil-fruntiera ta’ Stat Membru u, b’mod partikolari, fl-ilmijiet territorjali, peress li l-aċċess għall-proċedura ta’ eżami għandu jkun effettiv, faċli u rapidu. Għalhekk, l-Istati Membri huma, b’mod ġenerali, marbuta li jirreġistraw kull applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali magħmula minn ċittadin ta’ pajjiż terz lill-awtoritajiet nazzjonali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u għandhom sussegwentement jiżguraw li l-persuni kkonċernati jibbenefikaw mill-possibbiltà konkreta li jressqu l-applikazzjoni tagħhom fl-iqsar żmien (60).

99.      Fid-dawl tar-raġunijiet kollha li għadni kif indikajt, jien tal-opinjoni li ċittadin ta’ pajjiż terz jibbenefika mill-istatus ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali mill-mument li jesprimi x-xewqa tiegħu li japplika għal tali protezzjoni quddiem “awtorità oħra” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32, bħal, kif huwa l-każ f’din il-kawża, qorti istruttorja mitluba tiddeċiedi dwar id-detenzjoni. Interpretazzjoni kuntrarja fil-fatt tmur kontra l-effettività tal-aċċess għall-proċedura, kif previst mil-leġiżlatur tal-Unjoni f’din id-direttiva. Skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu tal-Istati Membri li jilħqu r-riżultat previst fid-direttivi, u d-dmir tagħhom, skont l-Artikolu 4(3) TUE, li jieħdu l-miżuri kollha, ġenerali jew partikolari, adatti sabiex jiżguraw it-twettiq ta’ dan l-obbligu, huma imposti fuq l-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, inklużi l-awtoritajiet ġudizzjarji (61).

100. Fid-dawl ta’ dan, issa ser neżamina l-kwistjoni dwar jekk, ladarba l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ssir quddiem “awtorità oħra” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32, l-applikant għal tali protezzjoni jistax jitqiegħed f’ċentru ta’ detenzjoni biss għar-raġunijiet previsti fl-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33.

c)      Il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-kisba tal-istatus ta’ applikant

101. F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju ntalbet tiddeċiedi dwar id-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz sabiex tiġi eżegwita deċiżjoni ta’ refoulement minħabba li din id-deċiżjoni ma setgħetx tiġi eżegwita f’terminu ta’ 72 siegħa stabbilit mid-dritt nazzjonali (62). Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dan iċ-ċittadin għamel l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali quddiem din il-qorti fit‑48 siegħa mill-wasla tiegħu fit-territorju Spanjol.

102. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-premessa 9 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li “din id-direttiva ma tapplikax għal ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tad-Direttiva [2005/85/KE (63)], u dan matul il-perijodu li jkopri l-preżentata [(64)] tal-imsemmija applikazzjoni sal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-ewwel istanza li tiddeċiedi dwar din l-applikazzjoni jew, jekk ikun il-każ, sal-eżitu tar-rikors li jkun ġie ippreżentat kontra l-imsemmija deċiżjoni” (65).

103. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/115, bħal dik tad-Direttiva 2005/85 (li ppreċediet id-Direttiva 2013/32), “għandha ssir, hekk kif jirriżulta mill-premessa 24 tal-ewwel direttiva u mill-premessa 8 [(66)] tat-tieni direttiva, fir-rispett tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipji rrikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta” (67), li l-Artikolu 18 tagħha jiggarantixxi d-dritt għall-ażil (68) u l-prinċipju ta’ non-refoulement (69).

104. Fir-rigward, b’mod partikolari, tad-detenzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-detenzjoni għal raġunijiet ta’ tneħħija rregolata mid-Direttiva 2008/115 u d-detenzjoni ordnata fil-konfront ta’ applikant għall-ażil jaqgħu taħt sistemi legali differenti (70).

105. It-tieni nett, kif spjegajt preċedentement (71), jien tal-opinjoni li persuna tikseb l-istatus ta’ applikant mill-mument meta hija “tagħmel” applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Għaldaqstant, huwa minn dan il-mument li l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni tal-applikant għal protezzjoni huma rregolati mill-Artikoli 8 sa 11 tad-Direttiva 2013/33.

106. F’dan il-każ, minn dan jirriżulta li anki jekk il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni ta’ VL sal-mument li fih huwa “għamel” l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali quddiem il-qorti tar-rinviju kienu rregolati mid-Direttiva 2008/115 (72), mill-mument meta saret l-applikazzjoni, huma l-Artikolu 26(1) tad-Direttiva 2013/32 u l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2013/33 li japplikaw għalih. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu li l-Istati Membri ma jistgħux iżommu persuna f’detenzjoni għall-unika raġuni li hija tkun għamlet applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

107. Barra minn hekk, bħalma ddeċidiet diġà l-Qorti tal-Ġustizzja, il-paragrafi l-oħra tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2013/33 jipprovdu limitazzjonijiet sostanzjali tas-setgħa mogħtija lill-Istati Membri li jżommu f’detenzjoni (73). B’mod partikolari, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) ta’ din id-direttiva jelenka b’mod eżawrjenti d-diversi raġunijiet (74) li jistgħu jiġġustifikaw detenzjoni u li kull waħda minn dawn ir-raġunijiet tissodisfa bżonn speċifiku u għandha natura awtonoma (75). Għalhekk, meta jkun hemm raġuni li tista’ tiġġustifika d-detenzjoni, l-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva jeżiġi li detenzjoni tista’ tiġi ordnata biss meta jkun meħtieġ u fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni individwali ta’ kull każ, jekk miżuri oħra ta’ inqas koerzjoni ma jistgħux jiġu applikati b’mod effettiv (76).

108. B’mod partikolari, fost ir-raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw id-detenzjoni hemm dik prevista fl-Artikolu 8(3)(d) tad-Direttiva 2013/33, misluta mill-fatt li l-applikant jinżamm f’detenzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ritorn skont id-Direttiva 2008/115 sabiex jitħejja r-ritorn u/jew titwettaq it-tneħħija, sakemm l-Istat Membru kkonċernat ikun jista’ jiġġustifika abbażi ta’ kriterji oġġettivi li l-applikant diġà kellu l-opportunità li jaċċessa l-proċedura ta’ ażil u, konsegwentement, li hemm raġunijiet raġonevoli sabiex wieħed jaħseb li l-applikant għamel l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjoni sempliċement sabiex itawwal jew jipprevjeni l-infurzar tad-deċiżjoni ta’ ritorn.

109. F’dan il-każ, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-opportunità ta’ aċċess għall-proċedura ta’ ażil, għandu jiġi enfasizzat li għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk hemmx tali ġustifikazzjoni, jidher madankollu li din il-qorti tindika b’mod ċar fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha li mill-proċess verbal tat-tqegħid f’detenzjoni tat‑13 ta’ Diċembru 2019 jirriżulta li, qabel ma ppreżenta ruħu quddiemha, VL ma kienx ġie informat bil-possibbiltà li japplika għal protezzjoni internazzjonali, filwaqt li tippreċiża barra minn hekk li “l-qorti istruttorja li jippreżenta ruħu quddiemha ċittadin ta’ pajjiż terz f’sitwazzjoni irregolari fi Spanja, għall-finijiet tad-detenzjoni tiegħu tikkostitwixxi […] l-unika awtorità li quddiemha [huwa] jista’ japplika għall-protezzjoni internazzjonali, qabel ma jmur fiċ-ċentru ta’ detenzjoni” (77).

110. Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-eżistenza ta’ raġunijiet raġonevoli sabiex wieħed jaħseb li l-applikant għamel l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali sempliċement sabiex itawwal jew jipprevjeni l-infurzar tad-deċiżjoni ta’ ritorn jew sabiex titwettaq it-tneħħija, la mid-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta li dan huwa l-każ f’din il-kawża.

111. Fi kwalunkwe każ, jidhirli li huwa importanti li jiġi ppreċiżat, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li s-sempliċi fatt li applikant għall-ażil, fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni tiegħu, ikun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn jew ta’ tneħħija u li jitqiegħed f’detenzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115, ma jippermettix li jiġi preżunt, mingħajr evalwazzjoni individwali tal-fatti kollha rilevanti ta’ kull każ, li dan tal-aħħar ippreżenta din l-applikazzjoni bil-għan biss li jtawwal jew li jikkomprometti l-infurzar tad-deċiżjoni ta’ ritorn u li huwa oġġettivament meħtieġ u proporzjonat li tinżamm il-miżura ta’ detenzjoni (78). F’dan ir-rigward, l-oneru tal-prova jaqa’ fuq l-awtoritajiet nazzjonali (79).

112. Konsegwentement, jien tal-opinjoni li VL għandu jiġi kkunsidrat li huwa applikant għal protezzjoni internazzjonali mill-mument li huwa għamel l-applikazzjoni tiegħu quddiem il-qorti tar-rinviju, bħala “awtorità oħra” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32, ħlief jekk tingħata prova mill-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati, abbażi ta’ evalwazzjoni tas-sitwazzjoni personali tiegħu, li tapplika waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33, u dan la jidher li jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

113. Min-naħa l-oħra, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-unika raġuni li għaliha l-qorti istruttorja qiegħdet lil VL f’detenzjoni hija marbuta mal-fatt li ma kienx hemm postijiet disponibbli fiċ-ċentri ta’ akkoljenza. Għandi ninsisti fuq il-fatt li din ir-raġuni ma tissemmiex fl-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33. Għaldaqstant, ikun diffiċli li jiġi aċċettat li applikant għal protezzjoni internazzjonali jista’ jitqiegħed f’ċentru ta’ detenzjoni għall-unika raġuni li ma jkunx hemm postijiet disponibbli fiċ-ċentri ta’ akkoljenza. Fil-fatt, fid-dawl tal-importanza tad-dritt għal-libertà rrikonoxxut fl-Artikolu 6 tal-Karta u tal-gravità tal-indħil f’dan id-dritt li tikkostitwixxi tali miżura ta’ detenzjoni, il-limitazzjonijiet tal-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għandhom japplikaw fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju (80).

114. Għalhekk nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi li l-Artikolu 26 tad-Direttiva 2013/32 u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2013/33 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, mill-mument li ċ-ċittadin ta’ Stat terz juri r-rieda tiegħu li japplika għall-protezzjoni internazzjonali quddiem “awtorità oħra” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32, l-applikant jista’ jitqiegħed f’ċentru ta’ detenzjoni biss għar-raġunijiet previsti fl-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33.

VII. Konklużjoni

115. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi magħmula mill-Juzgado de Instrucción nº 3 de San Bartolomé de Tirajana (il-Qorti Istruttorja Nru 3 ta’ San Bartolomé de Tirajana, Spanja):

1)      L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali għandu jiġi interpretat fis-sens li awtorità ġudizzjarja, bħal qorti istruttorja, għandha titqies bħala “awtorità oħra” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

2)      L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32 u l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità li tkun irċeviet l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, iżda li ma hijiex kompetenti, skont id-dritt nazzjonali, sabiex tirreġistraha, għandha tipprovdi lill-applikant l-informazzjoni rilevanti li tippermettilu jkun jaf fejn u kif jista’ jippreżenta tali applikazzjoni u tibgħat il-fajl lill-awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni sabiex l-applikant ikun jista’ jkollu aċċess għall-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza.

3)      L-Artikolu 26 tad-Direttiva 2013/32 u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2013/33 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, mill-mument li ċ-ċittadin ta’ Stat terz juri r-rieda tiegħu li japplika għall-protezzjoni internazzjonali quddiem “awtorità oħra” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32, l-applikant jista’ jitqiegħed f’ċentru ta’ detenzjoni biss għar-raġunijiet previsti fl-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Carlier, J.-Y, “Droit d’asile et des réfugiés. De la protection aux droits”, Recueil des cours, Académie de droit international de La Haye, vol. 332, 2008 (Leiden/Boston: Martinus Nijhoff Publishers), p. 9 sa 354, b’mod partikolari p. 34.


3      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).


4      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96).


5      Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954).


6      Min-naħa l-oħra, l-Unjoni Ewropea ma hijiex parti kontraenti għal din il-konvenzjoni.


7      ĠU 2008, L 348, p. 98.


8      ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50.


9      BOE Nru 10, tat‑12 ta’ Jannar 2000, p. 1139.


10      BOE Nru 299, tat‑12 ta’ Diċembru 2009, p. 104986.


11      BOE Nru 263, tal‑31 ta’ Ottubru 2009, p. 90860.


12      BOE Nru 74, tas‑26 ta’ Marzu 2014, p. 26531.


13      Il-lingwa Bambara hija waħda mil-lingwi nazzjonali ta’ Mali.


14      Mit-tweġiba ta’ VL għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, “wara li ressaq l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali lill-[qorti tar-rinviju], huwa tqiegħed f’detenzjoni fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Barranco Seco u tneħħa direttament fid‑9 ta’ Jannar 2020, mingħajr ma kien jaf jekk kellux id-dritt li jibbenefika mill-proċedura prevista mil-leġiżlazzjoni Spanjola u mid-direttivi”. Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju tal‑20 ta’ Jannar 2020 jirriżulta b’mod ċar li VL kien imċaħħad mil-libertà tiegħu u li “qabel it-trasferiment tiegħu f’ċentru ta’ detenzjoni, uffiċjal tal-Brigada Provinċjali tal-Barranin u tal-Fruntieri kien ippreżenta ruħu fis-sede tal-qrati ta’ San Bartolomé sabiex jinnotifika [lil VL], b’eżekuzzjoni tal-ordni tal-qorti, bl-eżistenza ta’ appuntament għall-intervista dwar l-applikazzjoni [tiegħu] għal protezzjoni internazzjonali”.


15      Sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et (C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16      Ara l-premessa 60 tad-Direttiva 2013/32 u l-premessa 35 tad-Direttiva 2013/33. Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


17      Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat) (C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18      Fuq ir-relazzjoni bejn id-dritt idderivat li jikkonċerna d-dritt għall-ażil u l-Artikolu 18 tal-Karta, ara den Heijer, M., “Article 18”, f’S. Peers, et (edituri.)The EU Charter of Fundamental Rights. A Commentary, Hart Publishing, Oxford, 2014, p. 519 sa 541, b’mod partikolari, punt 18.41.


19      Ara l-Kunsill ta’ Tampere mill‑15 sas‑16 ta’ Ottubru 1999. Konklużjonijiet tal-Presidenza. Disponibbli fuq https://www.europarl.europa.eu/summits/tam_en.htm.


20      Fil-kuntest tad-dikjarazzjoni komuni tagħhom fl-okkażjoni tal-ħamsin anniversarju tal-Konvenzjoni ta’ Genève u/jew tal-Protokoll, l-Istati Partijiet irrikonoxxew li “l-prinċipju ta’ non-refoulement li l-applikabbiltà tiegħu hija stabbilita fid-dritt konswetudinarju internazzjonali” kien fil-qalba tas-sistema internazzjonali ta’ protezzjoni tar-refuġjati (Nazzjonijiet Uniti, dok. HCR/MMSP/2001/09, 16 ta’ Jannar 2002). Ara wkoll ir-“Rapport tal-Laqgħa Ministerjali tal-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni tal‑1951 u/jew tal-Protokoll tagħha tal‑1967 dwar l-istatus tar-refuġjati, mit‑12 sat‑13 ta’ Diċembru 2001”, HCR/MMSP/2001/10, disponibbli fuq www.unhcr.org. Dwar ir-rikonoxximent tal-prinċipju ta’ non-refoulement bħala prinċipju tad-dritt internazzjonali konswetudinarju, ara Lauterpacht, E., u Bethlehem, D., “The Scope and Content of the Principle of Non-Refoulement”, f’E. Feller, et (dir.), Refugee Protection in International Law, Cambridge University Press, 2003, p. 87 sa 177, b’mod partikolari p. 149 u 163: “[the principle of non-refoulement in customary law] allows of no limitation or exception.” Ara, fl-istess linja, Goodwin-Gill, G.S., u McAdam, J., The Refugee in International Law, it-tielet edizzjoni, Oxford University Press, p. 345 sa 354, b’mod partikolari p. 347; Mikołajczyk, B., Osoby ubiegające się o status uchodźcy: ich prawa i standardy traktowania, Katowice 2004, p. 110-117; Łachacz, O., “Zasada non-refoulement w międzynarodowym prawie uchodźczym – zwyczaj międzynarodowy czy też peremptoryjna norma prawa międzynarodowego?”, Problemy Współczesnego Prawa Międzynarodowego, Europejskiego i Porównawczego, vol. XV, A.D. MMXVII, p. 134-142; Ineli-Ciger, M., u Skordas, A., “Temporary protection”, f’R. Wolfrum (editur), Max Planck Encyclopedias of Public International Law [MPIL], verżjoni online http://opil.ouplaw.com (l-aħħar aġġornament: Ottubru 2019), punt 23: “Today, prevailing scholarly opinion holds that the principle of non-refoulement has become a customary norm”. Għal opinjoni oħra, ara Carlier, J.-Y, op. cit., p. 123.


21      Ara, b’mod partikolari, Allain, J., “The Jus Cogens Nature of Non-refoulement”, f’ F. Picod u S. Van Drooghenbroeck (dir.), International Journal of Refugee Law, vol. 13, 2001, p. 533 sa 538, u Jaumotte, J., “Article 19. Protection en cas d’éloignement, d’expulsion et d’extradition”, Charte des droits fondamentaux de l’Union européenne. Commentaire article par article, Bruylant, 2018, p. 445 sa 467, b’mod partikolari p. 466: “La valeur de norme de jus cogens du principe de non-refoulement, combinée à son caractère absolu, permet donc de considérer que doit être écartée toute norme contraire à ce principe.” Ara wkoll, “Advisory Opinion on the Extraterritorial Application of Non-Refoulement Obligations under the 1951 Convention relating to the Status of Refugees and its 1967 Protocol”, UNHCR, Genève, 26 ta’ Jannar 2007.


22      Ara l-punt 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Il-prinċipju ta’ non-refoulement huwa applikat ukoll bħala komponent tal-projbizzjoni ta’ tortura jew ta’ pieni jew trattamenti krudili, inumani jew degradanti. Skont l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni tal‑1984 Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra: “Ebda Stat parti fil-konvenzjoni ma għandu jkeċċi, jissuġġetta għal refoulement, jew jestradixxi persuna lejn Stat ieħor fejn ikun hemm raġunijiet serji li wieħed jaħseb li hemm riskju li din tiġi ssuġġettata għal tortura” (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, A/RES/39/46, tal‑10 ta’ Diċembru 1984).


23      Ara l-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2013/32.


24      Ara l-punt 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


25      Għalkemm il-prinċipju ta’ non-refoulement “joħloq dritt li persuna ma tiġix suġġetta għal refoulement, [l-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Genève] ma jawtorizzax li jiġi konkluż li r-refuġjat jista’, in concreto, jopponi lil Stat li joffrilu l-ażil”, ara Bodart, S, “Article 18. Droit d’asile”, Charte des droits fondamentaux de l’Union européenne. Commentaire article par article, op. cit., p. 415 sa 443, p. 439. Ara wkoll, den Heijer, M., Rijpma, J. u Spijkerboer, T., “Coercion, Prohibition, and Great Expectations: The Continuing Failure of the Common European Asylum Failure”, Common Market Law Review, Vol. 53, p. 607 sa 642, b’mod partikolari p. 617.


26      Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi (C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).


27      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck (292/82, EU:C:1983:335, punt 12), kif ukoll tas‑26 ta’ Frar 2019, Rimšēvičs u BCE vs Il‑Latvja (C‑202/18 u C‑238/18, EU:C:2019:139, punt 45).


28      Skont l-Uffiċċju tal-Prosekutur, il-kuntrarju madankollu ma jimplikax preġudizzju għad-drittijiet tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali minħabba li ċ-ċittadin ta’ Stat terz jirċievi, fiċ-ċentru ta’ detenzjoni, l-informazzjoni rilevanti sabiex ikun jista’ japplika għal tali protezzjoni. Barra minn hekk, huwa jafferma li l-qorti istruttorja għandha tkun tista’ tiddeċiedi dwar id-detenzjoni ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali, konformement mal-Artikolu 8(3)(a) u (b) tad-Direttiva 2013/32.


29      Korsiv miżjud minni.


30      Ara, b’mod partikolari, il-verżjonijiet bil-lingwa Spanjola (“otras autoridades”), Ġermaniża (“anderen Behörden”), Ingliża (“other authorities”), Taljana (“altre autorità”), Pollakka (“innych organów”), Portugiża (“outras autoridades”), u Rumena (“altor autorități”).


31      Korsiv miżjud minni. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2018, Hasan (C‑360/16, EU:C:2018:35, punt 76).


32      Ara l-punti 24 u 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet. F’dan ir-rigward, skont il-Gvern Spanjol, “VL ma kienx esprima x-xewqa tiegħu li japplika għall-protezzjoni internazzjonali waqt l-għoti tal-ewwel għajnuna umanitarja, fit‑13 ta’ Diċembru 2019, fil-bini tal-pulizija”. Madankollu, mit-tweġiba tal-Uffiċċju tal-Prosekutur għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dritt għal applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma jidhirx fost id-drittijiet li ċ-ċittadin ta’ Stat terz f’sitwazzjoni irregolari jiġi informat bihom meta jitqiegħed f’detenzjoni.


33      Min-naħa l-oħra, mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-proċess verbal tad-dikjarazzjoni tal‑14 ta’ Diċembru 2019 quddiem il-qorti istruttorja jirriżulta li huwa fil-kuntest ta’ din id-dikjarazzjoni li VL kien ġie informat, fil-preżenza ta’ interpretu tal-lingwa Bambara, konformement mal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32, bid-dritt tiegħu li japplika għal protezzjoni internazzjonali u li, bl-assistenza ta’ dan l-interpretu, huwa esprima x-xewqa tiegħu li japplika għal tali protezzjoni.


34      Ara l-punti 25 u 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


35      Fil-fehma tiegħi, huwa evidenti li, waqt id-detenzjoni ta’ ċittadini ta’ Stati terzi li jipprovaw jidħlu illegalment fi Stat Membru, l-informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom u l-applikazzjonijiet eventwali għal protezzjoni internazzjonali li huma jistgħu jimmanifestaw lil din l-awtorità ma tistax tkun effettiva jekk ma jkunux assistiti, fil-mument tad-detenzjoni tagħhom, minn interpretu ta’ lingwa li huma jifhmu.


36      Jidhirli li huwa importanti li jitfakkar li minn din il-premessa jirriżulta wkoll li “[m]eta dawk il-persuni jkunu preżenti fl-ilmijiet territorjali ta’ Stat Membru, dawn għandhom jitniżżlu fuq l-art u jkollhom l-applikazzjonijiet tagħhom eżaminati skont din id-Direttiva”. Ara, f’dan ir-rigward, Trevisanut, S, “The Principle of Non-Refoulement at Sea and the Effectiveness of Asylum Protection”, Max Planck Yearbook of United Nations Law, 2008, p. 210. Ara wkoll, UNHCR u IMO, Rescue at Sea, A guide to Principles and Practice as Applied to Migrants and Refugees, 2015, disponibbli fuq https://www.unhcr.org.


37      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


38      Korsiv miżjud minni.


39      Sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2018, Hasan (C‑360/16, EU:C:2018:35, punt 76).


40      Sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2019, Haqbin (C‑233/18, EU:C:2019:956, punt 33). Ara wkoll, il-premessa 11 tad-Direttiva 2013/33. Fil-kuntest tal-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/9/KE tas‑27 ta’ Jannar 2003 li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil [fl-Istati Membri] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 101), ara s-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2014, Saciri et (C‑79/13, EU:C:2014:103, punt 35), kif ukoll tas‑27 ta’ Settembru 2012, Cimade u GISTI (C‑179/11, EU:C:2012:594, punt 42). Fid-dawl ta’ dan, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, “[m]adankollu, l-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw li l-applikanti jkollhom aċċess għall-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza ma huwiex assolut. Fil-fatt, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda, fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 2013/33, li jinsab taħt il-Kapitolu III tagħha, li t-tnejn li huma huma intitolati ‘Tnaqqis jew irtirar ta’ kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza’, iċ-ċirkustanzi li fihom il-benefiċċju ta’ tali kundizzjonijiet jista’ jiġi limitat jew irtirat”. Sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2019, Haqbin (C‑233/18, EU:C:2019:956, punt 35).


41      Mill-premessa 8 tad-Direttiva 2013/33 jirriżulta li “[s]abiex ikun żgurat it-trattament ugwali tal-applikanti madwar l-Unjoni, din id-Direttiva għandha tapplika matul l-istadji u t-tipi kollha ta’ proċeduri li jirrigwardaw l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, fil-postijiet u fil-faċilitajiet kollha li jilqgħu lill-applikanti u sakemmjitħallew jibqgħu fit-territorju tal-Istati Membri bħala applikanti”.


42      Għalhekk, mill-proposta emendata tal-Kummissjoni jirriżulta li t-terminoloġija tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva ġiet iċċarata meta mqabbla ma’ dik użata fil-proposta inizjali tagħha billi ġiet stabbilita, fir-rigward tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, “distinzjoni ċara bejn it-termini ‘tagħmel’ [‘présenter’] u ‘tippreżenta’ [‘déposer’]”. F’dan ir-rigward, għandi nippreċiża li t-terminu “déposer” ġie ssostitwit, fil-verżjoni finali bil-lingwa Franċiża ta’ din id-dispożizzjoni, bit-terminu “introduire”. Bil-lingwa Maltija t-terminu baqa’ “tippreżenta”. Ara t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2013/32.


43      Fuq il-kwistjoni dwar jekk id-dritt li tagħmel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandux ikun jista’ jiġi eżerċitat mingħajr ebda terminu, anki fil-każ ta’ dħul massiv ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jippreżentaw tali applikazzjoni, ara l-Kawża C‑808/18, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


44      Il-verżjoni bil-lingwa Franċiża tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32 tuża l-verb “présenter” (“għamel”). Verżjonijiet lingwistiċi oħra jużaw termini ekwivalenti. Ara, b’mod partikolari, il-verżjonijiet bil-lingwa Spanjola (“formule”), Ġermaniża (“stellt”), Ingliża (“makes”), Taljana (“presenti”), Pollakka (“występuje”), Portugiża (“apresenta”), u Rumena (“înaintată”).


45      Korsiv miżjud minni.


46      KUMM(2011) 319 finali, punt 8. F’dan ir-rigward, ara wkoll l-anness ta’ din il-proposta, p. 3: “Skont il-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom jagħtu opportunità effettiva li kull persuna li tkun tixtieq tagħmel applikazzjoni biex tippreżentha mill-iktar fis, minkejja xi restrizzjonijiet prattiċi konformi mal-paragrafu 1”. Korsiv miżjud minni.


47      Skont id-duttrina, jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32 ma jirreferix għad-dritt nazzjonali għall-fatt li ssir fil-veru sens tal-kelma l-applikazzjoni, dan huwa minħabba li l-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li l-azzjoni li tesprimi x-xewqa li ssir applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali “ma [t]eħtieġ l-ebda formalità amministrattiva”. Ara, b’mod partikolari, Vedsted-Hansen, J., “Asylum Procedures Directive 2013/32/EU”, f’K. Hailbronner u D. Thym (edituri), EU Immigration and Asylum Law: A Commentary, it-tieni edizzjoni, C.H. Beck/Hart/Nomos, 2016, p. 1281 sa 1381, b’mod partikolari, p. 1305.


48      KUMM(2011) 319 finali, Anness, p. 3. Dwar is-sostituzzjoni fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża tat-terminu “déposer” bit-terminu “introduire”, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


49      L-ekwivalenti tat-terminu “enregistrer” (“reġistrazzjoni”), użat fil-verżjoni Franċiża tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32, jintuża wkoll fil-verżjonijiet bil-lingwa Spanjola (“registro”), Ġermaniża (“Registrierung”), Ingliża (“registering”), Taljana (“registrare”), Pollakka (“rejestracja”), Portugiża (“registo”), u Rumena (“înregistreze”).


50      Ara, rispettivament, l-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32. Infakkar li, skont l-Artikolu 6(5) ta’ din id-direttiva, dawn it-termini ta’ tliet jew sitt ijiem għandhom jiġu estiżi għal għaxart ijiem meta, minħabba n-numru għoli ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li simultanjament japplikaw għal protezzjoni internazzjonali, ikun fil-prattika diffiċli ħafna li jiġi osservat it-terminu previst fl-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva.


51      KUMM(2011) 319 finali, punt 8. Ara l-Artikolu 6 tal-proposta emendata tal-Kummissjoni, p. 28.


52      Għandu jingħad ukoll li r-reġistrazzjoni prevista fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32 għandha tkun marbuta mal-obbligi tal-Istati Membri, previsti fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/33, li jinħareġ lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, f’terminu ta’ tlett ijiem mill-preżentata tal-applikazzjoni, dokument f’isimhom li jiċċertifika, b’mod partikolari, l-istatus tagħhom ta’ applikanti. Għalhekk, ir-reġistrazzjoni meħtieġa fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32 tiffaċilita, fir-rigward tal-Istati Membri, l-osservanza tal-obbligu li jinħareġ l-imsemmi ċertifikat fit-terminu previst ta’ tlett ijiem stabbilit fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/33.


53      Il-verżjoni bil-lingwa Franċiża tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2013/32 tuża l-verb “introduire” (“tippreżentaha”). Verżjonijiet lingwistiċi oħra jidhru li jużaw termini ekwivalenti, ara, f’dan ir-rigward, il-verżjonijiet bil-lingwa Spanjola (“presentarla”), Ġermaniża (“förmlich zu stellen”), Ingliża (“to lodge”), Taljana (“inoltrarla”), Pollakka (“złożyć”) u Rumena (“a depune”). Ara t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva 2013/32.


54      Għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2013/32 jagħmel eċċezzjoni għar-regola stabbilita fl-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva, jiġifieri l-possibbiltà għall-Istati Membri li jeżiġu li l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali jiġu ppreżentati fiżikament u/jew f’post magħżul.


55      Korsiv miżjud minni.


56      Sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab (C‑670/16, EU:C:2017:587, punt 103). Għandi nippreċiża, kif għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 101 ta’ din is-sentenza, li l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2013/32 u l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 604/2013 jaqgħu taħt żewġ proċeduri differenti, li għandhom rekwiżiti proprji u li huma suġġetti, b’mod partikolari fil-qasam tat-terminu, għal sistemi distinti, kif jipprevedi l-Artikolu 31(3) ta’ din id-direttiva.


57      Ara wkoll, il-premessa 27 tad-Direttiva 2013/32.


58      Korsiv miżjud minni.


59      Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 83 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


60      Sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2018, Hasan (C‑360/16, EU:C:2018:35, punt 76).


61      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑10 ta’ April 1984, von Colson u Kamann (14/83, EU:C:1984:153, punt 26); tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 110), kif ukoll tal‑14 ta’ Mejju 2019, CCOO (C‑55/18, EU:C:2019:402, punt 68).


62      Ara l-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


63      Direttiva tal-Kunsill tal‑1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ rifuġjat (ĠU 2006, L 175M, p. 168).


64      B’mod partikolari, għandu jiġi rrilevat li fil-verżjoni bil-ingwa Franċiża t-terminu “introduite”, użat fl-Artikolu 2(b) u fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2005/85, ġie ssostitwit bit-terminu “présentée”, fl-Artikolu 2(b) u fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/32. Ara l-punti 78 sa 89 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


65      Sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, Arslan (C‑534/11, EU:C:2013:343, punt 49).


66      Ara l-premessa 60 tad-Direttiva 2013/32 u l-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


67      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi (C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 51), u tas‑26 ta’ Settembru 2018, Belastingdienst/Toeslagen (Effett sospensiv tal-appell) (C‑175/17, EU:C:2018:776, punt 31).


68      Ara wkoll, l-Artikolu 19(2) tal-Karta u l-punti 38 sa 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


69      Dwar il-prinċipju ta’ non-refoulement, ara l-kunsiderazzjonijiet tiegħi fil-punti 38 sa 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


70      Ara, fir-rigward tad-Direttiva 2005/85, is-sentenzi tat‑30 ta’ Novembru 2009, Kadzoev (C‑357/09 PPU, EU:C:2009:741, punt 45), u tat‑30 ta’ Mejju 2013, Arslan (C‑534/11, EU:C:2013:343, punt 52). Hemm lok li jitfakkar li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2008/115 jipprovdi li din id-direttiva “m’għandha tippreġudika ebda dispożizzjoni li tista’ tkun aktar favorevoli għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz stabbilita fl-acquis Komunitarju fil-qasam ta’ l-immigrazzjoni u l-asil”.


71      Ara l-punti 90 sa 99 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


72      Ara l-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva.


73      Sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, K. (C‑18/16, EU:C:2017:680, punt 44).


74      Fil-fatt, minkejja li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33 jistabbilixxi li r-raġunijiet għad-detenzjoni għandhom jiġu ddefiniti mid-dritt nazzjonali, għandu jitfakkar li, meta d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jħallu lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddefinixxu miżuri ta’ traspożizzjoni li jkunu adegwati għad-diversi sitwazzjonijiet possibbli, huma għandhom, fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri, mhux biss jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod konformi mad-direttiva inkwistjoni, iżda għandhom jiżguraw ukoll li ma jistriħux fuq interpretazzjoni tagħha li tidħol f’kunflitt mad-drittijiet fundamentali jew mal-prinċipji ġenerali l-oħra tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).


75      Sentenzi tal‑15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 59), u tal‑14 ta’ Settembru 2017, K. (C‑18/16, EU:C:2017:680, punt 42).


76      Sentenzi tal‑15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 61), u tal‑14 ta’ Settembru 2017, K. (C‑18/16, EU:C:2017:680, punt 44).


77      Ara l-punti 63 sa 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


78      Sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, Arslan (C‑534/11, EU:C:2013:343, punt 62).


79      F’din il-linja, ara, b’mod partikolari, Peek, M., u Tsourdi, E., “Asylum Reception Conditions Directive 2013/33/EU», f’EU Immigration and Asylum Law: A Commentary, op. cit., p. 1381 sa 1477, b’mod partikolari, p. 1415.


80      Sentenzi tal‑15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 56), u tal‑14 ta’ Settembru 2017, K. (C‑18/16, EU:C:2017:680, punt 40).