Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Woli w Warszawie (il-Polonja) fit-12 ta’ Mejju 2020 – G.W., E.S. vs “A.” Towarzystwu Ubezpieczeń na Życie S.A.

(Kawża C-213/20)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Rejonowy dla Warszawy-Woli w Warszawie

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: G.W., E.S.

Konvenuta: “A.” Towarzystwo Ubezpieczeń na Życie S.A.

Domandi preliminari

L-Artikolu 36(1) moqri flimkien mal-punt 12 tas-Sezzjoni A tal-Anness III tad-Direttiva 2002/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Novembru 2002 li tikkonċerna l-assigurazzjoni fuq il-ħajja 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu ta’ provvista tal-informazzjoni msemmi f’din id-direttiva jinkludi wkoll lill-persuna assigurata, jekk din ma tkunx fl-istess waqt titolari tal-polza u li minn naħa taġixxi bħala persuna li tidħol fil-kapaċità tagħha bħala konsumatur f’kuntratt kollettiv ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja u ta’ fond ta’ tfaddil b’fond ta’ kapital assigurat, konkluż bejn kumpannija tal-assigurazzjoni u l-imprenditur assigurat u min-naħa l-oħra taġixxi bħala investitur effettiv fil-fondi monetarji mħallsa mill-premium tal-assigurazzjoni?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-Artikolu 36(1) moqri flimkien mal-punti 11 u 12 tas-Sezzjoni A tal-Anness III tad-Direttiva 2002/83 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Novembru 2002 li tikkonċerna l-assigurazzjoni fuq il-ħajja, għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-kuntest ta’ relazzjoni legali bħal dik imsemmija fl-ewwel domanda, l-obbligu ta’ informazzjoni dwar il-karatteristiċi tal-assi kapitali relatati mal-fond ta’ kapital assigurat ifisser ukoll li l-konsumatur – il-persuna assigurata – għandu jiġi informat b’mod eżawrjenti u li jinftiehem dwar ir-riskji kollha, in-natura u l-iskala tagħhom, konnessi mal-investiment f’assi ta’ fond ta’ kapital (bħal obbligazzjonijiet strutturati jew strumenti dderivati), jew jista’ jiġi interpretat, skont it-tifsira tal-imsemmija dispożizzjonijiet, li huwa suffiċjenti li l-konsumatur – il-persuna assigurata – jingħata sempliċement informazzjoni bażika dwar it-tipi prinċipali ta’ riskji marbuta mal-fond ta’ investiment permezz ta’ fond ta’ kapital assigurat?

L-Artikolu 36(1) moqri flimkien mal-punti 11 u 12 tas-Sezzjoni A tal-Anness III tad-Direttiva 2002/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-kuntest ta’ relazzjoni legali bħal dik imsemmija fl-ewwel u fit-tieni domandi, jeżisti obbligu li meta konsumatur, inkwantu persuna assigurata, jikkonkludi kuntratt ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja dan għandu jkun ġie informat dwar ir-riskji kollha marbuta mal-investiment u l-kundizzjonijiet relatati miegħu, li fir-rigward tagħhom l-emittent tal-assi (obbligazzjonijiet strutturati jew strumenti dderivati) li jikkomponu l-fond ta’ kapital assigurat ikun informa lill-assiguratur?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domandi preċedenti, l-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2002/83 li tikkonċerna l-assigurazzjoni fuq il-ħajja, għandu jiġi interpretat fis-sens li konsumatur, inkwantu persuna assigurata, li jikkonkludi kuntratt kollettiv ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja u ta’ fond ta’ tfaddil b’fond ta’ kapital assigurat għandu jikseb informazzjoni dwar il-karatteristiċi tal-assi kapitali u tar-riskji marbuta mal-investiment f’dawn l-assi qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, fil-kuntest ta’ proċedura prekuntrattwali separata, u għaldaqstant dan jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali bħall-Artikolu 13(4) tal-ustawy o działalności ubezpieczeniowej [il-Liġi dwar is-Settur tal-Assigurazzjonijiet] tat-22 ta’ Mejju 2003, (Dz.U. Nru 124, poż. 11510; test ikkonsolidat tas-16 ta’ Ottubru 2009, Dz.U. 2010 Nru 11, poż. 66) li skontu huwa biżżejjed li din l-informazzjoni tiġi żvelata biss fil-kontenut tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni fil-mument tal-konklużjoni tiegħu, u l-mument tal-kisba tal-informazzjoni ma jkunx inekwivokabbilment u kjarament separat u distint fil-proċedura ta’ adeżjoni għall-kuntratt?

Fil-każ ta’ risposti fl-affermattiv għall-ewwel tliet domandi, l-Artikolu 36(1) moqri flimkien mal-punti 11 u 12 tas-Sezzjoni A tal-Anness III tad-Direttiva 2002/83 li tikkonċerna l-assigurazzjoni fuq il-ħajja, għandu jiġi interpretat ukoll fis-sens li l-implimentazzjoni korretta tal-obbligu ta’ informazzjoni speċifikat fih għandu jitqies bħala element essenzjali oġġettiv tal-kuntratt kollettiv ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja u ta’ fond ta’ tfaddil b’fond ta’ kapital assigurat u konsegwentement, il-konstatazzjoni li dan l-obbligu ma twettaqx korrettament tista’ tirriżulta fl-għoti lill-konsumatur assigurat tad-dritt li jitlob ir-rimbors tal-premiums tal-assigurazzjoni kollha mħallsa minħabba l-eventwali konstatazzjoni ta’ invalidità tal-kuntratt jew in-nuqqas ta’ effettività ab initio jew saħansitra minħabba l-eventwali konstatazzjoni ta’ invalidità jew ta’ nuqqas ta’ effettività tad-dikjarazzjoni eventwali ta’ adeżjoni għal dan il-kuntratt?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 6, p. 3.