Language of document : ECLI:EU:C:2019:24

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

16 ta’ Jannar 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet ta’ obbligi ta’ manteniment – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Artikolu 5(2) – Artikolu 27 – Artikolu 35(3) – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Artikolu 19 – Lis pendens – Artikolu 22(a) – Artikolu 23(a) – Nuqqas ta’ rikonoxximent tas-sentenzi fil-każ ta’ kuntrarjetà manifesta għall-ordni pubbliku – Artikolu 24 – Projbizzjoni ta’ stħarriġ tal-ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ oriġini – Raġuni għan-nuqqas ta’ rikonoxximent ibbażata fuq ksur tar-regoli dwar il-lis pendens – Assenza”

Fil-Kawża C‑386/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Ottubru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Ġunju 2017, fil-proċedura

Stefano Liberato

vs

Luminita Luisa Grigorescu,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, Viċi President, li qegħda taġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, E. Regan u C.G. Fernlund (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal S. Liberato, minn F. Ongaro u A. Castellani, avvocati,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Pucciariello, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u A. Kasalická, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Montaguti u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑6 ta’ Settembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar- Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas‑27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243, rettifika fil-ĠU 2013, L 82, p. 63).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Stefano Liberato u Luminita Luisa Grigorescu dwar talba għar-rikonoxximent fl-Italja ta’ sentenza fi kwistjonijiet matrimonjali, ta’ responsabbiltà tal-ġenituri u ta’ obbligi ta’ manteniment mogħtija fir-Rumanija.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament Nru 2201/2003

3        Il-premessi 11 u 21 tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprovdu:

“(11)      L-obligazzjonijiet ta’ manteniment huma esklużi mill-iskop ta’ dan ir-Regolament peress li dawn huma diġà koperti mir-Regolament [tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42)]. Il-qrati li għandhom il-ġurisdizzjoni taħt dan ir-Regolament ġeneralment għandhom il-ġurisdizzjoni biex jiddeċiedu dwar l-obbliġazzjonijiet ta’ manteniment billi japplikaw l-Artikolu 5(2) tar-Regolament [Nru 44/2001].

[…]

(21)      Ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi mogħtija fi Stat Membru għandu jiġi bbażat fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka u l-bażi għal nuqqas ta’ rikonoxximent għandu jinżamm għall-minimu neċessarju.”

4        L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 2201/2003, bit-titolu “Il-Proroga ta’ l-ġurisdizzjoni”, jistabbilixxi, fil-paragrafu (1) tiegħu:

“Il-qrati ta’ xi Stat Membru li jeżerċitaw l-ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3 dwar l-applikazzjoni għad-divorzju, għas-separazzjoni legali jew għall-annullament taż-żwieg għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni dwar kwalsijasi kwistjoni dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri li għandha x’taqsam ma’ dik l-applikazzjoni fejn:

(a)      mill-inqas wieħed mill-konjuġi għandu jew għandha r-responsabbilità bħala ġenituri fir-rigward tal-minuri

u

(b)      il-ġurisdizzjoni ta’ l-qrati ġiet aċċettata espressament jew xort’oħra f’mod inekwivokabbli mill-konjuġi u bejn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità, fil-ħin li l-qorti tieħu pussess ta’ dan, u tkun fl-aqwa nteressi ta’ l-minuri.”

5        L-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament bit-titolu “L-Eżaminazzjoni nkwantu għall-ġurisdizzjoni”, jipprovdi:

“Fejn qorti ta’ Stat Membru għandha l-pussess dwar każ li m’għandiex il-ġurisdizzjoni taħt dan ir-Regolament u dwar liema xi qorti ta’ Stat Membru ieħor għandha l-ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ dan ir-Regolament, għandha tiddikjara b’mozzjoni proprja li m’għandhiex ġurisdizzjoni.”

6        L-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“1.      Fejn il-proċedimenti dwar id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieg bejn l-istess partijiet jinġiebu quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, it-tieni qorti li tkun ħadet il-pussess għandha b’mozzjoni proprja żżomm il-proċedimenti sakemm il-ġurisdizzjoni ta’ l-qorti li tkun ħadet il-pussess l-ewwel tigi stabbilita.

2.      Fejn il-proċedimenti dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar l-istess minuri u li tinkludi l-istess kawża se jidħru quddiem qrati fi Stati Membri differenti, it-tieni qorti li ħadet il-pussess għandha b’mozzjoni tagħha stess żżomm il-proċedimenti sakemm il-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti tiġi stabbilita.

3.      Fejn il-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti li ħadet il-pussess tiġi stabbilita, it-tieni qorti bil-pussess għandha iċċedi l-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti.

F’dak il-każ, il-parti li tkun ġabet il-kawza relevanti quddiem il-qorti li ħadet il-ta’ l-pussess wara, tista’ ġġib dik il-kawza quddiem il-qorti li ħadet ita’ l-pussess l-ewwel.”

7        L-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 2201/2003, bit-titolu “Ir-Raġunijiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ sentenzi dwar id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieġ”, jipprovdi:

“Sentenza dwar id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieg m’għandhiex tiġi rikonoxxuta:

(a)      jekk jidher ċar li l-imsemmi rikonoxximent huwa kuntrarju għall-politika pubblika ta’ l-Istat Membru fejn ir-rikonoxximent qiegħed jiġi mitlub;

[…]

(ċ)      jekk hija rrekonċiljabbli ma’ sentenza mogħtija fi proċedimenti bejn l-istess partijiet fl-Istat Membru li fih qiegħed jiġi mitlub r-rikonoxximent; […]

[…]”

8        L-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “Ir-Raġunijiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent tas-sentenzi dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri”, huwa fformulat kif ġej:

“Sentenza dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri m’għandhiex tiġi rikonoxxuta:

(a)      Jekk l-imsemmi rikonoxximent jidħer ċar li huwa kuntrarju għall-politika pubblika ta’ l-Istat Membru li fih r-rikonoxximent qiegħed jiġi mitlub wara li jiġu kkunsidrati l-aħjar interessi ta’ l-minuri;

[…]

(e)      jekk hija rrekonċiljabbli ma’ xi sentenza dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri mogħtija aktar tard fi Stat Membru fejn hemm it-talba ta’ rikonoxximent;

[…]”

9        L-Artikolu 24 tal-imsemmi regolament, bit-titolu “Il-Projbizzjoni ta’reviżjoni ta’ ġurisdizzjoni fil-qrati ta’ l-oriġini”, jipprovdi:

“Il-ġurisdizzjoni ta’ l-qorti ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini ma tistax tiġi riveduta. Il-prova ta’ l-politika pubblika imsemmija fl-Artikoli 22(a) u 23(a) ma tistax ssir fuq ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni imsemmija fl-Artikolu 3 sa 14.”

 Ir-Regolament Nru 44/2001

10      L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

[…]

2.      f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ manteniment, fil-qrati tal-post ta’ fejn il-kreditur tal-manteniment ikollu d-domiċilju jew ir-residenza abitwali tiegħu jew, jekk il-materja tagħmel parti minn proċedimenti li jikkonċernaw l-istatus ta’ persuna, fil-qorti li, skond il-liġi tagħha, jkollha l-ġurisdizzjoni li tilqa’ dawk il-proċedimenti, sa kemm dik il-ġurisdizzjoni tkun ibbażata biss fuq in-nazzjonalità ta’ wieħed mill-partijiet;

[…]”

11      L-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament huwa redatt kif ġej:

“1.      Meta proċedimenti jinvolvu l-istess kawża ta’ azzjoni u bejn l-istess partijiet ikunu miġjuba quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, xi qorti apparti mil-ewwel qorti li jkollha quddiema l-każ għandha bl-inizjattiva tagħha stess tissosspendi l-proċedimenti ta’ quddiemha sa dak iż-żmien li fih tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti invokata.

2.      Meta tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti invokata, xi qorti oħra apparti mill-ewwel qorti invokata għandha tastieni mill-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti.”

12      L-Artikolu 34 tal-istess regolament jipprevedi:

“Sentenza m’għandhiex tiġi rikonoxxuta:

1.      jekk dak ir-rikonoxximent ikun manifestament kontra l-istrateġija pubblika ta’ l-Istat Membru li fih ġie mfittex ir-rikonoxximent;

[…]

3.      jekk ikun irrikonċiljabbli ma’ sentenza mogħtija fi kwistjoni bejn l-istess partijiet fl-Istat Membru li fih ġie mfittex ir-rikonoxximent;;

4.      jekk ikun irrikonċiljabbli ma’ sentenza mogħtija aktar kmieni fi Stat Membru ieħor jew fi Stat terz li jinvolvi l-istess kawża ta’ azzjoni u bejn l-istess partijiet, basta illi dik is-sentenza aktar kmieni twettaq il-kondizzjonijiet meħtieġa għar-rikonoxximent tagħha fl-Istat Membru indirizzat.”

13      L-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi:

“1.      Aktar minn hekk, sentenza m’għandhiex tiġi rikonoxxuta jew tmur kontra s-Sezzjonijiet 3, 4 jew 6 ta’ Kapitolu II, jew fil-każ li hemm disposizzjoni dwaru fl-Artikolu 72.

2.      Fl-eżami tal-bażi tas-sentenza msemmija fil-paragrafu ta’ qabel, il-qorti jew l-awtorità għandha tkun marbuta bis-sejbiet dwar il-fatt li fuqhom il-qorti ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini tkun ibbażat il-ġurisdizzjoni tagħha.

3.      Suġġett għal paragrafu 1, il-ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini ma tistax tiġi reveduta. It-test ta’ strateġija pubblika msemmija f’punt 1 ta’ l-Artikolu 34 ma’ jistax jiġi applikat għal regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ ġurisdizzjoni.”

 Id-dritt Taljan

14      L-Artikolu 150 tal-codice civile (il-Kodiċi Ċivili), bit-titolu “Separazzjoni legali”, jipprovdi:

“Is-separazzjoni legali tal-konjuġi hija possibbli.

Is-separazzjoni tista’ tkun ġudizzjarja jew bonarja.

Huma biss il-konjuġi li għandhom id-dritt jitolbu s-separazzjoni legali jew l-approvazzjoni tal-ftehim ta’ separazzjoni.”

15      L-Artikolu 151 tal-Kodiċi Ċivili, bit-titolu, “Separazzjoni ġudizzjarja”, jipprevedi:

“Is-separazzjoni tista’ tintalab meta jkun hemm, anki indipendentement mir-rieda ta’ wieħed mill-konjuġi jew tat-tnejn, fatti li jirrendu intollerabbli t-tkomplija tal-ħajja flimkien jew li jippreġudikaw serjament l-edukazzjoni tat-tfal.

L-imħallef li jiddikjara s-separazzjoni għandu jiddikjara jekk il-kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti u jekk tkun tressqet talba f’dan is-sens, lil liema mill-konjugi għandha tiġi imputata s-separazzjoni, billi jieħu inkunsiderazzjoni l-imġieba ta’ dak il-konjugi kuntrarja għad-doveri li jirriżzultaw miż-żwieġ.”

16      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li r-responsabbiltà tal-ġenituri u l-obbligu ta’ manteniment tat-tfal huma rregolati bl-istess mod, fil-każ ta’ seperazzjoni u ta’ divorzju, mill-Artikoli 337a sa 337g tal-Kodiċi Ċivili.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17      S. Liberato u L. Grigorescu żżewwġu f’Ruma (l-Italja) fit‑22 ta’ Ottubru 2005, u għexu flimkien f’dan l-Istat Membru sat-twelid tal-wild tagħhom fl‑20 ta’ Frar 2006. Peress li r-rapport taż-żwieġ progressivament mar għall-agħar, l-omm ħadet lill-wild ir-Rumanija u minn dak iż-żmien qatt ma rritornat l-Italja.

18      Permezz ta’rikors tat‑22 ta’ Mejju 2007, S. Liberato ppreżenta quddiem it-Tribunale di Teramo (il-Qorti Distrettwali ta’ Teramo, l-Italja) talba intiża għas-separazzjoni legali u għall-kustodja tal-wild. L. Grigorescu, li dehret quddiem din il-qorti, talbet li din it-talba tiġi miċħuda fuq il-mertu u ressqet kontrotalba intiża sabiex S. Liberato jiġi ordnat iħallasha kontribuzzjoni għall-manteniment tal-wild. Permezz ta’ sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2012, din il-qorti ddikjarat is-separazzjoni legali tal-konjuġi imputabbli lil L. Grigorescu u, b’digriet separat, bagħtet lura l-kawża għal deċiżjoni għal dak li jirrigwarda t-talbiet reċiproċi tal-partijiet dwar l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri.

19      Filwaqt li l-proċedura dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri mressqa quddiem it-Tribunale di Teramo (il-Qorti Distrettwali ta’ Teramo) kienet għadha pendenti, fit‑30 ta’ Settembru 2009, L. Grigorescu ressqet proċeduri quddiem il-Judecătoria București (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Bukarest, ir-Rumanija) u talbet id-divorzju, il-kustodja esklussiva tal-wild u kontribuzzjoni għall-manteniment tal-wild mingħand il-missier.

20      S. Liberato deher quddiem din il-qorti u qajjem eċċezzjoni ta’ lis pendens, billi sostna li huwa kien diġà beda proċedura għal separazzjoni legali u għal responsabbiltà tal-ġenituri fl-Italja. Madankollu, permezz ta’ sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2010, din il-qorti ddikjarat id-divorzju tal-konjuġi, attribwixxiet il-kustodja tal-wild lill-omm, stabbilixxiet il-modalitajiet għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess tal-missier u ffissat l-ammont tal-manteniment li huwa kellu jħallas favur il-wild.

21      Din is-sentenza kisbet l-awtorità ta’ res judicata wara sentenza tal-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija) tat‑12 ta’ Ġunju 2013 li kkonfermat is-sentenza tat-Tribunalul București (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest, ir-Rumanija) tat‑3 ta’ Diċembru 2012, li permezz tagħha din il-qorti kienet ċaħdet l-appell ippreżentat minn S. Liberato kontra s-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2010.

22      Sussegwentement, il-proċedura ta’ separazzjoni fl-Italja ġiet konkluża permezz ta’ sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2013 tat-Tribunale di Teramo (il-Qorti Distrettwali ta’ Teramo). Din il-qorti attribwixxiet il-kustodja esklussiva tal-wild lill-missier u ordnat ir-ritorn immedjat tiegħu fl-Italja. L-imsemmija qorti stabbilixxiet ukoll il-modalitajiet għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess tal-omm fl-Italja u imponiet fuq din tal-aħħar kontribuzzjoni għall-manteniment tal-wild.

23      B’mod partikolari, it-Tribunale di Teramo (il-Qorti Distrettwali ta’ Teramo) ċaħdet it-talba inċidentali li permezz tagħha L. Grigorescu kienet talbet, abbażi tar-Regolament Nru 2201/2003, ir-rikonoxximent fl-Italja tas-sentenza ta’ divorzju mogħtija mit-Tribunalul București (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest) fit‑3 ta’ Diċembru 2012. It-Tribunale di Teramo (il-Qorti Distrettwali ta’ Teramo) fil-fatt osservat li l-proċedura ta’ divorzju kienet inbdiet fir-Rumanija wara t-tressiq fl-Italja tal-proċedura ta’ separazzjoni legali u li, sussegwentement, il-qrati Rumeni kienu kisru l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2201/2003 billi ma ssopendewx il-proċeduri quddiemhom.

24      L. Grigorescu appellat minn din is-sentenza u ressqet, b’mod preliminari, talba inċidentali intiża għar-rikonoxximent tas-sentenza tal-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest) tat‑12 ta’ Ġunju 2013, li kienet ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ lis pendens minħabba li ż-żewġ kawżi ma kellhomx suġġett identiku skont id-dritt proċedurali Rumen.

25      Permezz ta’ sentenza tal‑31 ta’ Marzu 2014, il-Corte d’appello di L’Aquila (il-Qorti tal-Appell ta’ L’Aquila, l-Italja) bidlet is-sentenza tat-Tribunale di Teramo (il-Qorti Distrettwali ta’ Teramo) tat‑8 ta’ Lulju 2013 u laqgħat l-eċċezzjoni dwar l-awtorità ta’ res judicata miksuba mis-sentenza ta’ divorzju mogħtija mill-qrati Rumeni, li kienet tirrigwarda wkoll il-kustodja tal-wild u l-kontribuzzjoni għall-manteniment ta’ dan tal-aħħar. Din il-qorti tal-appell qieset li l-ksur, mill-korpi ġudizzjarji tal-Istat Membru aditi t-tieni, f’dan il-każ ir-Rumanija, tar-regoli dwar il-lis pendens fid-dritt tal-Unjoni ma kienx rilevanti għall-finijiet tal-eżami tal-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent tal-miżuri definittivi adottati minn dan l-Istat Membru u li ma kienet teżisti l-ebda raġuni, partikolarment ta’ ordni pubbliku, li tostakola r-rikonoxximent tas-sentenza Rumena.

26      S. Liberato appella fil-kassazzjoni minn din is-sentenza tal-Corte d’appello di L’Aquila (il-Qorti tal-Appell ta’ L’Aquila).

27      Il-qorti tar-rinviju tindika li s-sentenza mogħtija fir-Rumanija tirregola il-kwistjoni tar-rabta matrimonjali, dik tar-responsabbiltà tal-ġenituri u dik tal-obbligu ta’ manteniment. Fil-proċedura ta’ separazzjoni legali mibdija fl-Italja, kienu ġew ifformolati l-istess talbiet, ħlief f’dak li jirrigwarda t-talba dwar ir-rabta matrimonjali, li ma kinitx identika, peress li l-ordinament ġuridiku Taljan jeżiġi li jiġi stabbilit, qabel id-divorzju, li l-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi għas-separazzjoni legali bejn il-konjuġi ġew issodisfatti.

28      Din il-qorti tindika li ma jeżistux raġunijiet bbażati fuq l-Artikolu 22(ċ) tar-Regolament Nru°2201/2003, fuq l-Artikolu 23(e) ta’ dan ir-regolament jew fuq l-Artikolu 34(4) tar-Regolament Nru°44/2001, li jostakolaw ir-rikonoxximent tas-sentenza Rumena f’dak li jirrigwarda rispettivament l-istatus matrimonjali, ir-responsabbiltà tal-ġenituri u l-obbligi ta’ manteniment.

29      Skont din il-qorti, għandu madankollu jiġi eżaminat jekk ksur, skont hija manifest, tad-dispożizzjonijiet relattivi għal-lis pendens fid-dritt tal-Unjoni, previsti fl-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2201/2003 u fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001, mill-qrati li taw is-sentenza li r-rikonoxximent tagħha qiegħed jiġi mitlub, jistax jitqies bħala raġuni li tostakola r-rikonoxximent ta’ din is-sentenza minħabba l-kuntrarjetà tagħha għall-ordni pubbliku.

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-ksur tar-regoli dwar il-lis pendens, li jinsabu fl-Artikolu 19(2) u (3) tar-Regolament [Nru 2201/2003], għandu impatt esklużivament fuq l-istabbiliment tal-ġurisdizzjoni, bil-konsegwenti applikazzjoni tal-Artikolu 24 [ta’ dan ir-regolament], jew, għall-kuntrarju, jista’ jikkostitwixxi raġuni li tipprekludi r-rikonoxximent fl-Istat Membru li fih ġiet adita l-qorti inizjali, tas-sentenza mogħtija fl-Istat Membru li fih ġiet adita l-qorti sussegwenti, mill-perspettiva ta’ ordni pubbliku proċedurali, peress li [dan l-Artikolu 24] jirreferi biss għar-regoli li jiddeterminaw il-ġurisdizzjoni inklużi fl-Artikoli 3 sa 14, u mhux fis-sussegwenti Artikolu 19?

2)      L-interpretazzjoni tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2201/2003, intiż biss bħala kriterju determinattiv tal-ġurisdizzjoni, tmur kontra l-kunċett tad-dritt tal-Unjoni tal-lis pendens kif ukoll il-funzjoni u l-iskop tar-regola, intiża li tistabbilixxi sett ta’ regoli vinkolanti, ta’ ordni pubbliku proċedurali, li jiggarantixxi l-ħolqien ta’ spazju komuni kkaratterizzat mill-fiduċja u mill-lealtà proċedurali reċiproka bejn l-Istati Membri, li fih ikun jista’ jitwettaq ir-rikonoxximent awtomatiku u l-moviment liberu ta’ deċiżjonijiet [sentenzi]?”

 Fuq id-domandi preliminari

31      Għandu jiġi osservat, b’mod preliminari, li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003 biss. Madankollu, filwaqt li, hekk kif tistabbilixxi l-premessa 11 ta’ dan ir-regolament, l-obbligi ta’ manteniment ma humiex koperti minn dan ir-regolament, iżda mir-Regolament Nru 44/2001, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kawża prinċipali tirrigwarda r-rikonoxximent ta’ sentenza li tirrigwarda mhux biss kwistjonijiet matrimonjali u ta’ responsabilità tal-ġenituri iżda wkoll kwistjonijiet ta’ obbligi ta’ manteniment. Għaldaqstant, hemm lok li r-risposta għad-domandi magħmula tingħata fid-dawl tar-Regolamenti Nri 2201/2003 u 44/2001.

32      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-regoli ta’ lis pendens stabbiliti fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001 u fl-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2201/2003 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, meta, fil-kuntest ta’ tilwima dwar kwistjonijiet matrimonjali, kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri jew kwistjonijiet ta’ obbligi ta’ manteniment, il-qorti adita t-tieni tagħti, bi ksur ta’ dawn ir-regoli, sentenza li tkun saret definittiva, il-qrati tal-Istat Membru li fih tinsab il-qorti adita l-ewwel jistgħu jirrifjutaw li jirrikonoxxu din is-sentenza minħabba l-kuntrarjetà manifesta tagħha għall-ordni pubbliku.

33      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fit‑30 ta’ Settembru 2009, qorti Rumena ġiet adita minn L. Grigorescu b’talba għal divorzju bejnha u bejn S. Liberato, b’talba li tirrigwarda l-kustodja tal-wild tagħhom u b’talba għal kontribuzzjoni għall-manteniment ta’ dan tal-aħħar, filwaqt li qorti Taljana kienet ġiet adita, qabel din id-data, b’talba għal separazzjoni legali bejn il-konjuġi kif ukoll b’talba li tirrigwarda l-kustodja tal-wild, imressqa minn S. Liberato, u b’kontrotalba għal kontribuzzjoni għall-manteniment tal-wild, imressqa minn L. Grigorescu.

34      Huwa fuq il-bażi ta’ din id-differenza fir-rigward tas-suġġett tat-talbiet relatati ma’ kwistjonijiet matrimonjali, waħda intiża għad-divorzju u l-oħra intiża għas-separazzjoni legali, li l-qorti Rumena qieset li ma kienx hemm lis pendens fis-sens tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2201/2003 u li hija kellha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikors ippreżentat minn L. Grigorescu.

35      Issa, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet preċedentement, għalkemm huwa importanti fi kwistjonijiet matrimonjali, skont il-kliem tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, li t-talbiet ikunu jirrigwardaw l-istess partijiet, dawn jista’ jkollhom suġġett differenti, sakemm dawn ikunu jirrigwardaw separazzjoni legali, divorzju jew annullament ta’ żwieġ. Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li sitwazzjoni ta’ lis pendens jew ta’ azzjoni dipendenti tista’ teżisti, fis-sens tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2201/2003, meta żewġ qrati ta’ Stati Membri differenti jiġu aditi bi proċedura ta’ separazzjoni legali fil-każ ta’ waħda u bi proċedura ta’ divorzju fil-każ tal-oħra. F’tali ċirkustanzi u fil-każ ta’ identiċità tal-partijiet, il-qorti adita t-tieni għandha tissospendi l-proċeduri ex officio sakemm il-ġurisdizzjoni tal-qorti adita l-ewwel tiġi stabbilita (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, A, C‑489/14, EU:C:2015:654, punti 33 u 34).

36      Barra minn hekk, u hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 56 u 57 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk, waqt l-istanza relattiva għar-rabta matrimonjali, ikunu tressqu xi talbiet dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, ir-regoli tal-lis pendens relattivi għas-separazzjoni għandhom japplikaw. Dan huwa minnu wkoll fi kwistjonijiet relatati mal-manteniment, meta t-talbiet ikunu anċillari għall-azzjoni relatata mal-istatus tal-persuni, skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 44/2001. Minn dan isegwi li l-ewwel talbiet jaqgħu taħt l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, filwaqt li t-tieni talbiet huma rregolati mill-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001.

37      F’dan il-każ, il-qorti adita l-ewwel b’talba għal separazzjoni legali qieset li kellha ġurisdizzjoni abbażi tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 sabiex tiddeċiedi dwar it-talbiet relatati mar-responsabbiltà tal-ġenituri u mal-obbligi ta’ manteniment fir-rigward tal-wild, peress li L. Grigorescu kienet ikkostitwixxiet ruħha parti fil-kawża quddiemha u kienet għalhekk aċċettat il-ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti.

38      Minn dan jirriżulta li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti adita t-tieni b’talba għal divorzju kif ukoll b’talbiet relatati mar-responsabbiltà tal-ġenituri u mal-obbligi ta’ manteniment li tirrifjuta li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tqis li hija għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar dawn it-talbiet tikser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2201/2003 u tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001.

39      Sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2201/2003 huwa redatt f’termini simili għal dawk użati fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001 u jistabbilixxi mekkaniżmu ekwivalenti għal dak previst f’dan l-aħħar artikolu sabiex jiġu ttrattati każijiet ta’ lis pendens. Għaldaqstant għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan l-aħħar regolament għall-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, A, C‑489/14, EU:C:2015:654, punt 27).

40      Sussegwentement għandhom jitfakkru l-karatteristiċi tal-mekkaniżmu stabbilit mir-Regolament Nru 2201/2003.

41      Dan ir-regolament huwa bbażat fuq il-kooperazzjoni u l-fiduċja reċiproka bejn il-qrati, li għandhom iwasslu għar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, il-bażi tal-ħolqien ta’ żona ġudizzjarja ġenwina (sentenza tal-15 ta’ Frar 2017, W u V, C-499/15, EU:C:2017:118, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42      F’dan il-kuntest, ir-regoli ta’ lis pendens għandhom rwol importanti.

43      Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet preċedentement, dawn ir-regoli huma intiżi, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni, sabiex jevitaw proċeduri paralleli quddiem il-qrati ta’ Stati Membri differenti u deċiżjonijiet kunfliġġenti li jistgħu jirriżultaw minn dan. Għal dan il-għan, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jistabbilixxi mekkaniżmu ċar u effettiv sabiex jiġu riżolti l-każijiet ta’ lis pendens, ibbażat fuq l-ordni kronoloġiku li fih il-qrati ġew aditi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, A, C‑489/14, EU:C:2015:654, punti 29 u 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u, b’analoġija, fir-rigward tar-Regolament Nru 44/2001, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Cartier parfums-lunettes u Axa Corporate Solutions assurances, C‑1/13, EU:C:2014:109, punt 40).

44      Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tar-Regolament Nru 2201/2003 u skont il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka li fuqu dan huwa bbażat, għandu jiġi enfasizzat, l-ewwel nett, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, li hija kull qorti, skont l-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament, li għandha tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 2010, Purrucker, C‑256/09, EU:C:2010:437, punt 73; tat‑12 ta’ Novembru 2014, L, C‑656/13, EU:C:2014:2364, punt 58, kif ukoll tal‑15 ta’ Frar 2017, W u V, C‑499/15, EU:C:2017:118, punt 54).

45      It-tieni nett, skont l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 2201/2003, ma jistax isir stħarriġ tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini (sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2010, Purrucker, C‑296/10, EU:C:2010:665, punt 85). L-istess japplika fir-rigward tar-Regolament Nru 44/2001, skont l-Artikolu 35(3) tiegħu.

46      It-tielet nett, skont il-premessa 21 tar-Regolament Nru 2201/2003, dan huwa bbażat fuq il-kunċett li r-rikonoxximent u l-infurzar tas-sentenzi mogħtija fi Stat Membru għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka u li r-raġunijiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent għandhom jinżammu għall-minimu neċessarju (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2015, P, C‑455/15 PPU, EU:C:2015:763, punt 35).

47      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk il-fatt li sentenza li saret definittiva ngħatat bi ksur tar-regoli ta’ lis pendens stabbiliti fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001 u fl-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2201/2003 jikkostitwixxix raġuni ta’ ordni pubbliku li tostakola, abbażi tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001 u tal-Artikolu 22(a) u tal-Artikolu 23(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, li din is-sentenza tista’ tiġi rrikonoxxuta mill-qrati tal-Istat Membru li fih tinsab il-qorti adita l-ewwel.

48      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il-kliem stess tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 2201/2003, il-kriterju tal-ordni pubbliku li għalih isir riferiment fl-Artikolu 22(a) u fl-Artikolu 23(a) ta’ dan ir-regolament ma jistax jiġi applikat fir-rigward tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti fl-Artikoli 3 sa 14 ta’ dan ir-regolament.

49      Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk ir-regoli ta’ lis pendens jikkostitwixxux regoli ta’ ġurisdizzjoni bl-istess mod bħal dawk li jsir riferiment għalihom fl-Artikoli 3 sa 14 ta’ dan ir-regolament.

50      F’dan ir-rigward, għalkemm huwa veru li r-regoli ta’ lis pendens previsti fl-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2201/2003 ma humiex inklużi fost ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni espressament imsemmija fl-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament, dan l-istess Artikolu 19 jifforma parti mill-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “Il-Ġurisdizzjoni”.

51      Barra minn hekk, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 77 tal-konklużjonijiet tiegħu, meta, bħal fil-kawża prinċipali, il-qorti adita l-ewwel, li tkun qegħda tiddeċiedi fuq talba inċidentali għal rikonoxximent, tivverifika jekk ir-regoli ta’ lis pendens ġewx applikati korrettament mill-qorti adita t-tieni u, għaldaqstant, tevalwa r-raġunijiet li għalihom din tal-aħħar ma ċaħditx il-ġurisdizzjoni tagħha, il-qorti adita l-ewwel tkun qegħda għaldaqstant neċessarjament tistħarreġ il-ġurisdizzjoni tal-qorti adita t-tieni. Issa, hekk kif tfakkar fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 2201/2003 ma jippermettilhiex twettaq tali stħarriġ.

52      Għalhekk, minkejja l-fatt li l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament ma tirreferix b’mod espliċitu għall-Artikolu 19 tal-imsemmi regolament, ksur allegat ta’ dan l-aħħar artikolu ma jippermettix lill-qorti adita l-ewwel, taħt piena li tistħarreġ il-ġurisdizzjoni tal-qorti adita tieni, tirrifjuta li tirrikonoxxi sentenza mogħtija minn din tal-aħħar bi ksur tar-regola ta’ lis pendens li tinsab f’din id-dispożizzjoni (ara, b’analoġija, fir-rigward tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2015, P, C‑455/15 PPU, EU:C:2015:763, punt 45).

53      Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw ukoll fir-rigward tar-regoli ta’ lis pendens stabbiliti fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001, fi kwistjonijiet relatati ma’ obbligi ta’ manteniment, peress li l-Artikolu 35(3) ta’ dan ir-regolament jipprevedi wkoll li ma jistax isir stħarriġ tal-ġuriżdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini.

54      Għandu jingħad li l-qorti tal-Istat mitlub ma tistax, taħt piena li tikkontesta l-għan tar-Regolamenti Nri 2201/2003 u 44/2001, tirrifjuta li tirrikonoxxi sentenza mogħtija minn Stat Membru ieħor minħabba s-sempliċi raġuni li hija tqis li, f’din is-sentenza, id-dritt nazzjonali jew id-dritt tal-Unjoni ġie applikat b’mod żbaljat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2015, Diageo Brands, C‑681/13, EU:C:2015:471, punt 49, u tad‑19 ta’ Novembru 2015, P, C‑455/15 PPU, EU:C:2015:763, punt 46).

55      Din l-analiżi hija kkorroborata mill-fatt li r-raġunijiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ sentenza minħabba l-kuntrarjetà manifesta tagħha għall-ordni pubbliku, stabbiliti fl-Artikolu 22(a) u fl-Artikolu 23(a) tar-Regolament Nru 2201/2003 kif ukoll fl-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001, għandhom jiġu interpretati b’mod strett inkwantu dawn jikkostitwixxu ostakolu għat-twettiq ta’ wieħed mill-għanijiet fundamentali ta’ dawn ir-regolamenti, kif imfakkar fil-punt 46 ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2015, P, C‑455/15 PPU, EU:C:2015:763, punt 36).

56      Konsegwentement, hemm lok li r-risposta għad-domandi magħmula tkun li r-regoli ta’ lis pendens stabbiliti fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001 u fl-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2201/2003 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta, fil-kuntest ta’ tilwima dwar kwistjonijiet matrimonjali, kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri jew kwistjonijiet ta’ obbligi ta’ manteniment, il-qorti adita t-tieni tagħti, bi ksur ta’ dawn ir-regoli, sentenza li tkun saret definittiva, dawn jipprekludu li l-qrati tal-Istat Membru li fih tinsab il-qorti adita l-ewwel jirrifjutaw, għal din ir-raġuni biss, li jirrikonoxxu din is-sentenza. B’mod partikolari dan il-ksur ma jistax, waħdu, jiġġustifika n-nuuqas ta’ rikonoxximent ta’ din is-sentenza minħabba l-kuntrarjetà manifesta tagħha għall-ordni pubbliku ta’ dan l-Istat.

 Fuq l-ispejjeż

57      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Ir-regoli ta’ lis pendens stabbiliti fl-Artikolu 27 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, u fl-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta, fil-kuntest ta’ tilwima dwar kwistjonijiet matrimonjali, kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri jew kwistjonijiet ta’ obbligi ta’ manteniment, il-qorti adita t-tieni tagħti, bi ksur ta’ dawn ir-regoli, sentenza li tkun saret definittiva, dawn jipprekludu li l-qrati tal-Istat Membru li fih tinsab il-qorti adita l-ewwel jirrifjutaw, għal din ir-raġuni biss, li jirrikonoxxu din is-sentenza. B’mod partikolari dan il-ksur ma jistax, waħdu, jiġġustifika n-nuuqas ta’ rikonoxximent ta’ din is-sentenza minħabba l-kuntrarjetà manifesta tagħha għall-ordni pubbliku ta’ dan l-Istat.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.