Language of document : ECLI:EU:F:2015:23

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

26 ta’ Marzu 2015

Kawża F‑124/13

CW

vs

Il‑Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Rikors għal annullament — Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal — Regoli interni dwar il-Kumitat konsultattiv dwar il-fastidju u l-prevenzjoni tiegħu fil-post tax-xogħol — Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal — Talba għal assistenza — Żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni — Assenza — Rwol u prerogattivi tal-Kumitat konsultattiv dwar il-fastidju u l-prevenzjoni tiegħu fil-post tax-xogħol — Possibbiltà għall-uffiċjal li jagħmel riferiment lil dan il-kumitat — Rikors għad-danni”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu CW titlob b’mod partikolari, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew, tat-8 ta’ April 2013, li tiċħad it-talba tagħha għal assistenza mressqa minħabba l-fastidju psikoloġiku min-naħa tas-superjuri diretti tagħha li hija tqis ruħha vittma tiegħu u, min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-Parlament sabiex iħallasha kumpens għad-danni.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Il-Parlament Ewropew għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati nofs l-ispejjeż sostnuti minn CW. CW għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Deċiżjoni ta’ ċaħda — Teħid inkunsiderazzjoni tal-motivazzjoni li tinsab fiha

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli90 u 91)

2.      Uffiċjali — Obbligu ta’ assistenza tal-amministrazzjoni — Kamp ta’ applikazzjoni — Portata — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 24)

3.      Uffiċjali — Fastidju psikoloġiku — Kunċett — Aġir li għandu bħala għan jew bħala effett l-iskreditar tal-persuna kkonċernata jew id-degradazzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha — Rekwiżit ta’ natura ripetittiva tal-aġir — Rekwiżit ta’ natura intenzjonali tal-aġir — Portata — Assenza ta’ rekwiżit ta’ intenzjoni doluża tal-persuna li tagħti fastidju

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 12a(3))

4.      Uffiċjali — Fastidju psikoloġiku — Kunċett — Ċaħda tat-talba għal parteċipazzjoni f’taħriġ lingwistiku — Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 12a(3))

5.      Uffiċjali — Fastidju psikoloġiku — Kunċett — Riorganizzazzjoni tal-kompiti fi ħdan unità — Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 12a(3))

6.      Uffiċjali — Fastidju psikoloġiku — Kunċett — Ton sarkastiku tas-superjur dirett f’komunikazzjoni indirizzata lill-persuna kkonċernata — Esklużjoni — Teħid inkunsiderazzjoni tal-aġir tal-uffiċjal

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 12a(3))

7.      Uffiċjali — Fastidju psikoloġiku — Kunċett — Kontroll tal-informazzjoni miġbura waqt laqgħat ta’ grupp ta’ ħidma mir-rappreżentant ta’ unità qabel ma tixxerred lill-unità — Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 12a(3))

8.      Uffiċjali — Fastidju psikoloġiku — Kunċett — Istruzzjonijiet lill-uffiċjal li jitlob apoloġija lill-kap ta’ unità tiegħu permezz ta’ posta elettronika indirizzata lill-unità kollha — Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 12a(3))

9.      Uffiċjali — Fastidju psikoloġiku — Kunċett — Evalwazzjoni tal-kompetenzi professjonali ta’ uffiċjal minn kollega li għamel dikjarazzjonijiet negattivi fir-rigward tiegħu — Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 12a(3))

10.    Uffiċjali — Fastidju psikoloġiku — Kunċett — Eżami globali ta’ diversi avvenimenti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 11, 12a(3) u 24)

11.    Uffiċjali — Obbligu ta’ assistenza tal-amministrazzjoni — Implementazzjoni fil-qasam ta’ fastidju psikoloġiku — Obbligu tal-persuna kkonċernata li tagħmel riferiment minn qabel lill-Kumitat konsultattiv dwar il-fastidju qabel ma tressaq talba għal assistenza — Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 12a u 24)

12.    Uffiċjali — Obbligu ta’ assistenza tal-amministrazzjoni — Implementazzjoni fil-qasam ta’ fastidju psikoloġiku — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Deċiżjoni li, mingħajr investigazzjoni amministrattiva, tiċħad talba għal assistenza — Teħid inkunsiderazzjoni tal-provi prodotti mill-persuna li tressaq it-talba u ta’ dawk magħrufa mill-amministrazzjoni — Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 12a u 24)

1.      Fid-dawl tan-natura evoluttiva tal-proċedura prekontenzjuża, il-motivazzjoni li tissemma’ fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment għandha wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni għall-eżami tal-legalità tal-att inizjali li jikkawża preġudizzju, peress li din il-motivazzjoni titqies li tissupplimenta dan l-att tal-aħħar.

(ara l-punt 33)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Mocová vs Il‑Kummissjoni, F‑41/11, EU:F:2012:82, punt 21

2.      F’dak li jirrigwarda l-miżuri li għandhom jittieħdu f’sitwazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, istituzzjoni tista’ tadotta sanzjonijiet dixxiplinari kontra uffiċjali kkonċernati minn ilment għal fastidju, irrispettivament minn jekk humiex superjuri diretti tal-allegata vittma jew le, jew tiddeċiedi li tassenjahom mill-ġdid biss jekk il-miżuri istruttorji ordnati jistabbilixxu b’ċertezza l-eżistenza, min-naħa tal-uffiċjali kkonċernati, ta’ aġir li jippreġudika l-funzjonament tajjeb tas-servizz jew id-dinjità u r-reputazzjoni ta’ uffiċjal ieħor.

(ara l-punt 40)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza Katsoufros vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, 55/88, EU:C:1989:409, punt 16

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenzi Dimitriadis vs Il‑Qorti tal-Awdituri, T‑294/94, EU:T:1996:24, punt 39, u Schmit vs Il‑Kummissjoni, T‑144/03, EU:T:2005:158, punt 108

3.      Il-fastidju psikoloġiku huwa ddefinit bħala “imġiba mhux xierqa” li, l-ewwel nett, tieħu l-forma ta’ aġir, lingwa mlissna jew miktuba, azzjonijiet jew atti oħra li jsiru “tul perjodu, hija ripetittiva [huma ripetittivi] jew sitematika [sistematiċi]”, li jfisser li l-fastidju psikoloġiku għandu jinftiehem bħala proċess li jseħħ neċessarjament tul perijodu ta’ żmien u jippreżupponi l-eżistenza ta’ aġir ripetut jew kontinwu u li huwa “intenzjonali”, għall-kuntrarju ta’ “aċċidentali”. It-tieni nett, sabiex jaqgħu taħt dan il-kunċett, tali aġir, lingwa mlissna jew miktuba, azzjonijiet jew atti oħra għandu jkollhom l-effett li jippreġudikaw il-personalità, id-dinjità jew l-integrità fiżika jew psikoloġika ta’ persuna.

Għalhekk ma huwiex neċessarju li jiġi stabbilit li l-aġir, il-lingwa mlissna jew miktuba, l-azzjonijiet jew l-atti l-oħra inkwistjoni jkunu twettqu bl-intenzjoni li jippreġudikaw il-personalità, id-dinjità, jew l-integrità fiżika jew psikoloġika ta’ persuna. Fi kliem ieħor, jista’ jkun hemm fastidju psikoloġiku mingħajr ma jiġi pprovat li l-persuna li tagħti fastidju kellha l-intenzjoni, permezz tal-aġir tagħha, li tiskredita lill-vittma jew li tiddegrada intenzjonalment il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha. Huwa suffiċjenti li dan l-aġir, ġaladarba jkun twettaq volontarjament, ikun oġġettivament ta lok għal tali konsegwenzi.

(ara l-punti 41 u 42)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi Cantisani vs Il‑Kummissjoni, F‑71/10, EU:F:2012:71, punt 89, u CQ vs Il‑Parlament, F‑12/13, EU:F:2014:214, punti 76 u 77, u l-ġurisprudenza ċċitata

4.      Ma jistax jikkostitwixxi fastidju psikoloġiku l-fatt li s-superjur dirett isostni t-talba mressqa minn wieħed mill-membri tal-persunal li jaqgħu taħtu sabiex jipparteċipa f’taħriġ lingwistiku u li sussegwentement din it-talba tiġi miċħuda mid-dipartiment kompetenti.

Fil-fatt, l-eżami tat-talbiet għal parteċipazzjoni f’taħriġ lingwistiku, organizzat parzjalment jew totalment waqt il-ħin tax-xogħol, barra mill-postijiet tax-xogħol u li jkun iffinanzjat mill-istituzzjoni, jaqa’ taħt id-dipartiment inkarigat mit-taħriġ professjonali li janalizza l-fajls tat-talbiet sabiex, fid-dawl tal-possibbiltajiet baġitarji, jagħżel il-persuni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-istituzzjoni fid-dawl tal-interess tas-servizz.

Minkejja li jista’ jiġi raġonevolment mistenni li kap ta’ unità jkun jaf, b’mod ġenerali, ir-regoli applikabbli f’dan il-qasam, ma jistax ikun meħtieġ minnu li jkun jista’ jiddetermina jew ibassar jekk talba għal taħriġ minn wieħed mill-membri tal-persunal li jaqgħu taħtu tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà.

(ara l-punti 51 u 52)

5.      Deċiżjoni ta’ kap ta’ unità li jitneħħa kompitu li kien assenjat lil wieħed mill-membri tal-persunal li jaqgħu taħtu tista’ titħabbar waqt laqgħa tal-unità, mingħajr ma din tista’ tikkostitwixxi, fiha nfisha, att li jista’ jiġi kklassifikat bħala fastidju psikoloġiku.

Bl-istess mod, deċiżjoni tal-ġerarkija li jiġu rtirati temporanjament uħud mill-kompiti professjonali sekondarji li kienu assenjati lil uffiċjal, ma tistax tikkostitwixxi, bħala tali, prova ta’ fastidju psikoloġiku u bl-ebda mod ma tista’ tiġi kklassifikata bħala abbuż ta’ poter.

(ara l-punti 64 u 105)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza K vs Il‑Parlament, F‑15/07, EU:F:2008:158, punt 38

6.      Il-kliem jew l-azzjonijiet aċċidentali, anki jekk jistgħu jidhru li ma humiex xierqa, huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal.

Għaldaqstant, laqgħa organizzata bejn uffiċjal u d-direttur tiegħu, miżmuma fil-preżenza tal-kap ta’ unità tiegħu, tista’ faċilment tidher, mill-perspettiva ta’ osservatur imparzjali u raġonevoli, bħala tentattiv aħħari tal-ġerarkija li ttemm sitwazzjoni diffiċli, bħal fil-każ ta’ żieda fil-fluss ta’ posta elettronika tal-uffiċjal ikkonċernat, b’mod partikolari meta din il-posta elettronika tintbagħat essenzjalment waqt il-ħinijiet li normalment huma ddedikati għax-xogħol jew meta kontroversji rikorrenti jfixklu l-funzjonament ta’ unità.

F’dak li jirrigwarda l-affermazzjoni tal-imsemmi uffiċjal li d-direttur indikalu oralment li kap ta’ unità dejjem għandu raġun u li wieħed għandu jisma’ minnu, minbarra n-neċessità li jiġu prodotti provi li jippermettu li jiġu stabbiliti l-veraċità, it-ton jew in-natura ta’ din id-dikjarazzjoni, huwa fi kwalunkwe każ inerenti fil-funzjonament ta’ amministrazzjoni li l-ġerarkija tkun tista’ tiddeċiedi kwistjonijiet bħalma huma dawk dwar l-adozzjoni ta’ minuti jew il-modalitajiet ta’ komunikazzjoni li għandhom jiġu ffavoriti bejn il-membri ta’ unità amministrattiva, b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet ta’ mġiba ħażina evidenti li tirriżulta minn kunflitti personali.

Barra minn hekk, anki f’każ fejn it-ton ta’ ċerta posta elettronika mibgħuta mill-ġerarkija lill-uffiċjal ikkonċernat jista’ jidher pjuttost aħrax, ir-reazzjonijiet eventwalment eżasperati ta’ superjuri jistgħu, f’ċerti ċirkustanzi, jitqiesu, fi kwalunkwe każ, li huma skużabbli fid-dawl tal-aġir tal-uffiċjal.

Barra minn hekk, il-fatt li kap ta’ unità jibgħat posta elettronika lil uffiċjal li l-kontenut tagħha jista’ jiġi pperċepit minn dan tal-aħħar bħala sarkastiku ma jeċċedix il-limiti tal-kritika raġonevoli, b’mod partikolari meta l-uffiċjal ikkonċernat juri aggressività u tendenza li jargumenta fir-rigward ta’ tilwima mas-superjur dirett tiegħu.

(ara l-punti 66, 72, 73, 94 u 97)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza Fonzi vs Il‑Kummissjoni, 27/64 u 30/64, EU:C:1965:73, p. 640

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi CW vs Il-Parlament, F‑48/13, EU:F:2014:186, punt 123, u CQ vs Il‑Parlament, EU:F:2014:214, punt 95

7.      Ma taqax taħt fastidju psikoloġiku deċiżjoni tal-kap ta’ unità li jsir jaf bil-kontenut tal-informazzjoni miġbura waqt il-laqgħat ta’ grupp ta’ ħidma mir-rappreżentant tal-unità qabel ma din tixxerred lill-unità kollha. Fil-fatt, tali deċiżjoni taqa’ taħt il-prerogattivi ta’ kap ta’ unità u hija għalkollox komprensibbli fid-dawl tar-riskju li t-tixrid ta’ informazzjoni żbaljata jista’ jfixkel il-funzjonament tajjeb tal-unità, riskju li iktar u iktar ikun kbir fil-każ ta’ persuna li tkun għadha kemm inħatret u li tkun għadha ġdida għal dan il-kompitu.

(ara l-punt 77)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza CQ vs Il‑Parlament, EU:F:2014:214, punti 102 sa 104

8.      F’dak li jirrigwarda l-fatti marbuta ma’ lment dwar fastidju psikoloġiku, meta l-persuna kkonċernata tkun, waqt laqgħa tal-unità, indebitament qiegħdet fid-dubju pubblikament l-awtorità u l-kredibbiltà tas-superjur dirett tagħha, jiġifieri l-kap ta’ unità u meta, f’posta elettronika indirizzata lill-kap ta’ unità u kkopjata lill-membri kollha tal-unità, hija tkun għamlet kritiki ġodda fil-konfront tal-kap ta’ unità, għandu jitqies li l-ordni tad-direttur li l-persuna kkonċernata titlob apoloġija lill-istess pubbliku ma teċċedix il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu fil-ġestjoni tad-dipartimenti tiegħu. B’mod partikolari, fid-dawl ta’ dan it-tqegħid fid-dubju infondat tal-kap ta’ unità fi ħdan l-unità u fil-konfront tas-superjur dirett tiegħu, jiġifieri d-direttur, dan tal-aħħar jista’ jeżiġi, b’mod analogu, li l-apoloġija li l-persuna kkonċernata kienet diġà talbet lill-kap ta’ unità tiġi indirizzata wkoll lill-membri tal-unità.

Fid-dawl ukoll tal-fatt li d-direttur, filwaqt li jissuġġerixxi t-test tal-posta elettronika ta’ apoloġija, iħalli f’idejn il-persuna kkonċernata sabiex tifformola l-apoloġija tagħha, osservatur imparzjali u raġonevoli, li jkollu sensittività normali u li jkun fl-istess ċirkustanzi, jista’ jqis li tali pass meħud mid-direttur ma huwiex eċċessiv u suġġett għal kritika u ma jarax fih att li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ fastidju psikoloġiku, iżda pjuttost tentattiv li jiġbed l-attenzjoni ta’ membru tal-persunal li l-aġir tiegħu jkun tali li jippreġudika l-funzjonament tajjeb tas-servizz.

(ara l-punti 91 u 93)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Nanopoulos vs Il‑Kummissjoni, F‑30/08, EU:F:2010:43, punt 247

9.      Ma jistax jitqies li huwa manifestazzjoni ta’ fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal il-fatt li kollega, li fil-passat kien għamel dikjarazzjonijiet li jiddeskrivu l-aġir tal-uffiċjal ikkonċernat b’mod negattiv, jifforma parti minn bord tal-għażla inkarigat jeżamina l-kompetenzi lingwistiċi tal-uffiċjal ikkonċernat.

(ara l-punt 114)

10. Wara li ġew eżaminati b’mod iżolat l-avvenimenti mressqa u wara li ġie konkluż li ma jistgħux jitqiesu li huma manifestazzjonijiet ta’ fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, dawn għandhom jiġu eżaminati wkoll b’mod globali.

Fiċ-ċirkustanzi tal-każ, meħuda globalment, l-avvenimenti mressqa ċertament jiżvelaw relazzjoni kunflittwali f’kuntest amministrattiv diffiċli, iżda ma jikkostitwixxux prova ta’ atti ta’ natura abbużiva jew volontarja, billi d-dikjarazzjonijiet u l-aġir iddokumentati l-iktar l-iktar juru ġestjoni goffa tas-sitwazzjoni kunflittwali mill-ġerarkija, u mhux intenzjoni deliberata li jitwettaq aġir abbużiv fil-konfront tar-rikorrenti.

B’mod partikolari, fil-preżenza ta’ aġir tal-uffiċjal, allegatament vittma, li huwa kkaratterizzat minn ras iebsa, intranżiġenza u, kultant, kważi insubordinazzjoni, il-persuna kkonċernata ma tistax issostni li ma tifhimx ir-raġunijiet għad-deċiżjonijiet adottati mis-superjuri diretti tagħha. F’dan ir-rigward, il-portata tal-kunċetti ta’ fastidju psikoloġiku u tal-obbligu ta’ assistenza, previsti fl-Artikoli 12a u 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, ma tistax tasal sal-punt li tippermetti lill-allegata vittma tqiegħed fid-dubju sistematikament kull awtorità ġerarkika jew saħansitra tqis ruħha ħielsa minn obbligi previst espliċitament mir-Regolamenti tal-Persunal, bħalma huma dawk dwar is-sistema tal-leave jew dwar l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali mas-superjuri tagħha.

Għandu jitfakkar ukoll li l-obbligu ta’ lealtà previst fl-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll, barra minn hekk, l-obbligu ta’ kull uffiċjal, skont l-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal, li joqgħod lura minn kull azzjoni jew imġiba li tista’ tirrifletti ħażin fuq il-pożizzjoni tiegħu, jimplikaw, għal kull membru tal-persunal li jaqa’ taħt superjur tiegħu, l-obbligu li huwa joqgħod lura milli jqiegħed fid-dubju, b’mod infondat, l-awtorità tas-superjuri tiegħu u, fi kwalunkwe każ, l-obbligu li juri moderazzjoni u prudenza meta jibgħat posta elettronika f’tali kuntest u meta jagħżel id-destinatarji tal-imsemmija posta elettronika.

F’sitwazzjoni fejn l-uffiċjal allegatament vittma b’ebda mod ma jiċċaħħad mill-kompiti prinċipali tiegħu, il-fatt li jiċċaħħad minn ċerti kompiti sekondarji, anki jekk ikunu kompiti li l-persuna kkonċernata tieħu gost twettaq, ma għandux l-effett oġġettiv, fil-kuntest iktar globali ta’ avvenimenti li juru aġir mhux adegwat tal-uffiċjal fil-konfront tas-superjuri tiegħu, li jippreġudika l-personalità, id-dinjità jew l-integrità fiżika jew psikoloġika tiegħu.

(ara l-punti 117, 118, 122 u 123)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza Lo Giudice vs Il‑Kummissjoni, T‑154/05, EU:T:2007:322, punti 104 u 105

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi Tzirani vs Il‑Kummissjoni, F‑46/11, EU:F:2013:115, punt 97, u CQ vs Il‑Parlament, EU:F:2014:214, punt 128

11. B’differenza mill-kliem u mill-għan tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jipprevedix speċifikament il-prevenzjoni tal-fastidju jew il-ġlieda kontrih, iżda jippermetti b’mod iktar ġenerali, lil kull persuna kkonċernata mir-Regolamenti tal-Persunal, li jitlob l-intervent tal-Awtorità tal-Ħatra sabiex tadotta kull miżura intiża li tassisti lill-uffiċjal, b’mod partikolari fi proċeduri kontra kull persuna li tagħmel theddid, atti jew kliem ta’ insult jew defamatorji, jew kull attakk fuq persuna jew proprjetà li għalihom huwa suġġett minħabba l-pożizzjoni jew id-dmirijiet tiegħu.

Għaldaqstant, it-tressiq ta’ talba għal assistenza skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jeżiġix, anki fil-każ ta’ talba għal assistenza relatata ma’ każ ta’ fastidju, li l-persuna kkonċernata tkun obbligata tagħmel riferiment, minn qabel, lill-Kumitat konsultattiv dwar il-fastidju ta’ istituzzjoni, stabbilit abbażi tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, qabel ma tkun tista’ tagħmel riferiment lill-Awtorità tal-Ħatra, li hija biss għandha l-kompetenza sabiex tittratta t-talba għal assistenza.

(ara l-punti 137 u 138)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Faita vs KESE, F‑92/11, EU:F:2013:130, punt 91

12. Affaċċjata b’talba għal assistenza mressqa abbażi tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, hija, bħala prinċipju, l-istituzzjoni li għandha tieħu l-miżuri xierqa, b’mod partikolari billi twettaq investigazzjoni sabiex jiġu stabbiliti l-fatti li wasslu għall-ilment, b’kollaborazzjoni mal-persuna li tressaq dan l-ilment.

Madankollu, fir-rigward tal-legalità ta’ deċiżjoni li tiċħad talba għal assistenza mingħajr ma tkun infetħet investigazzjoni amministrattiva, il-qorti tal-Unjoni għandha teżamina l-fondatezza ta’ dik id-deċiżjoni, fid-dawl tal-elementi li jkunu tressqu għall-konjizzjoni tal-amministrazzjoni, b’mod partikolari mill-uffiċjal ikkonċernat fit-talba tiegħu għal assistenza, meta din tal-aħħar tat id-deċiżjoni.

Għaldaqstant, l-Awtorità tal-Ħatra għandha dritt tieħu inkunsiderazzjoni, meta tittratta t-talba għal assistenza, l-elementi ta’ informazzjoni li hija diġà tkun taf bihom u li għalihom tirreferi direttament u/jew indirettament il-persuna li tressaq it-talba għal assistenza fit-talba tagħha.

Barra minn hekk, meta t-twettiq ta’ investigazzjoni ġdida jinvolvi l-interrogazzjoni tal-istess persuni li nkunu diġà nstemgħu fil-kuntest ta’ investigazzjoni oħra fuq fatti li, għall-inqas uħud minnhom, huma identiċi u mhux neċessarjament jista’ jagħti iktar kjarifiki mill-provi suffiċjentement eżawrjenti prodotti mill-persuna li tressaq l-ilment lill-Awtorità tal-Ħatra, l-istituzzjoni ma twettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-għażla tal-miżuri u tal-mezzi ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal li fir-rigward tagħhom hija għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa u, għalhekk, ma tiksirx din id-dispożizzjoni meta tirrifjuta li tordna l-ftuħ ta’ investigazzjoni ġdida fuq skala kbira. Fil-fatt, l-Awtorità tal-Ħatra tista’ validament tqis li għandha għarfien suffiċjenti tal-fatti li jippermettilha tiċħad it-talba għal assistenza bħala infondata, mingħajr ma tħoss il-bżonn li tinkariga lill-Kumitat konsultattiv dwar il-fastidju jew lil kwalunkwe awtorità oħra bit-twettiq ta’ investigazzjonijiet addizzjonali.

Madankollu, billi tiċħad l-ilment imressaq kontra din id-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ assistenza għal motiv ibbażat fuq in-natura allegatament prematura tiegħu sa fejn ir-rikorrenti allegatament messha għamlet riferiment minn qabel lill-Kumitat konsultattiv dwar il-fastidju, l-Awtorità tal-Ħatra tibbaża ruħha fuq motiv żbaljat li jista’ jkun tali li jiżgwida lill-uffiċjali u lill-membri tal-persunal fir-rigward tal-kompetenzi u tar-responsabbiltajiet rispettivi tal-Kumitat konsultattiv dwar il-fastidju u tal-Awtorità tal-Ħatra fil-qasam tal-fastidju psikoloġiku, billi hija biss din tal-aħħar li għandha kompetenza sabiex tittratta talba għal assistenza bbażata fuq l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 142, 143, 145, 147, 150 u 154)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Faita vs KESE, EU:F:2013:130, punt 98