Language of document : ECLI:EU:T:2019:292

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

7 ta’ Mejju 2019 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Applikazzjoni għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea figurattiva li tirrappreżenta karozza f’bużżieqa tal-komiks – Ammissibbiltà tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell – Artikolu 49(1) tar-Regolament (UE) 2017/1001 – Restrizzjoni tal-lista tal-prodotti jew tas-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni – Artikolu 27(5) tar-Regolament Delegat (UE) 2018/625 – Portata tal-eżami li għandu jitwettaq mill-Bord tal-Appell – Obbligu li tingħata deċiżjoni fuq talba għal restrizzjoni”

Fil-Kawża T‑629/18,

mobile.de GmbH, stabbilita f’Dreilinden (il-Ġermanja), irrappreżentata minn T. Lührig, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn M. Fischer, bħala aġent,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO tas-7 ta’ Awwissu 2018 (Każ R 2653/2017‑4), dwar applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ sinjal figurattiv li jirrappreżenta karozza f’bużżieqa tal-komiks bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President, P. Nihoul u J. Svenningsen (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Ottubru 2018,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Diċembru 2018,

wara li rat li ma kienx hemm talba għall-iffissar ta’ seduta mressqa mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat mid-data tan-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara li ddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-30 ta’ Ġunju 2016, ir-rikorrenti, mobile.de GmbH ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat (issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)).

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv li ġej:

Image not found

3        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 9, 12, 16, 25, 28, 35 sa 38, 41, 42 u 45 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat.

4        Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Lulju 2016, l-eżaminatur tal-EUIPO qajjem oġġezzjonijiet fir-rigward tar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkonċernata għal parti mill-prodotti u mis-servizzi inkwistjoni abbażi tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001), għar-raġuni li din kienet nieqsa minn karattru distintiv.

5        Fil-25 ta’ Novembru 2016, b’risposta għall-imsemmija ittra tal-eżaminatur, ir-rikorrenti fformulat osservazzjonijiet li jikkontestaw l-oġġezzjonijiet kollha tal-eżaminatur.

6        Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Marzu 2017, l-eżaminatur irtira l-oġġezzjonijiet tiegħu parzjalment għal parti mill-prodotti u servizzi inizjalment koperti mill-ittra tiegħu tat-22 ta’ Lulju 2016. Ir-rikorrenti ġiet mistiedna tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha jew li tipproduċi provi oħra sabiex jiġi stabbilit il-karattru distintiv miksub permezz tal-użu tat-trade mark ikkonċernata għall-prodotti u għas-servizzi li għalihom l-eżaminatur kien żamm l-oġġezzjonijiet tiegħu. Dawn l-osservazzjonijiet addizzjonali ġew ippreżentati mir-rikorrenti fl-24 ta’ Lulju 2017.

7        Permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Ottubru 2017, l-eżaminatur irrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkonċernata għall-prodotti u għas-servizzi msemmija fl-ittra tiegħu tat-23 ta’ Marzu 2017, b’applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(b) u l-Artikolu 42(2) tar-Regolament 2017/1001.

8        Fil-15 ta’ Diċembru 2017, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-EUIPO, intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-eżaminatur sa fejn dan kien ċaħad l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkonċernata.

9        Fis-16 ta’ Frar 2018, ir-rikorrenti ppreżentat quddiem l-EUIPO żewġ dokumenti, fejn wieħed minnhom kien fih talba sabiex issir restrizzjoni tal-lista tal-prodotti u tas-servizzi li għalihom inizjalment kienet intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark. Din it-talba għal restrizzjoni kienet tkopri l-prodotti u servizzi kollha li għalihom ir-reġistrazzjoni kienet ġiet irrifjutata mill-eżaminatur.

10      Fl-istess jum, ir-rikorrenti ppreżentat dokument ieħor intitolat “Stqarrija tar-raġunijiet tal-appell/komunikazzjoni dwar ir-restrizzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark”, li kien jinkludi, f’anness, it-talba għar-restrizzjoni mressqa preċedentement.

11      Fis-6 ta’ April 2018, wara talba tal-EUIPO, ir-rikorrenti kellha għal darba oħra tressaq it-talba tagħha għar-restrizzjoni tal-lista tal-prodotti u tas-servizzi li għalihom kienet saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkonċernata, f’format ieħor (PDF) u f’forma emendata, iżda dejjem bl-istess kontenut.

12      Fl-10 ta’ Mejju 2018, ir-reġistru tal-bordijiet tal-appell ikkonferma li rċieva żewġ talbiet għal restrizzjoni mressqa fis-16 ta’ Frar u fis-6 ta’ April 2018 rispettivament.

13      Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Ġunju 2018, l-EUIPO informa lir-rikorrenti li l-appell kien ġie rrinvijat lir-Raba’ Bord tal-Appell, skont l-Artikolu 69(2) tar-Regolament 2017/1001, peress li l-eżaminatur ma laqgħux.

14      Permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Awwissu 2018 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell bħala inammissibbli, skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 68(1) tar-Regolament Nru 2017/1001, moqri flimkien mal-Artikolu 23(1)(d) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/625 tal-5 ta’ Marzu 2018 li jissupplimenta r-Regolament 2017/1001 u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) 2017/1430 (ĠU 2018, L 104, p. 1), għar-raġuni li t-tieni dokument ippreżentat mir-rikorrenti fis-16 ta’ Frar 2018, intitolat “Stqarrija tar-raġunijiet tal-appell/komunikazzjoni dwar ir-restrizzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark”, ma kienx jissodisfa l-kriterji meħtieġa sabiex jikkostitwixxi stqarrija tar-raġunijiet tal-appell skont l-Artikolu 22(1)(b) tar-Regolament Delegat.

15      Il-Bord tal-Appell ippreċiża li, fl-imsemmi dokument tas-16 ta’ Frar 2018, ir-rikorrenti sempliċement irreferiet għall-anness li jinkludi t-talba għar-restrizzjoni tal-lista tal-prodotti u tas-servizzi li għalihom kienet ġiet ippreżentata applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkonċernata sabiex tispjega li din it-talba għal restrizzjoni kienet tirrigwarda l-prodotti u s-servizzi kollha li r-reġistrazzjoni tagħhom kienet ġiet irrifjutata mill-eżaminatur u li kienu l-uniku suġġett tal-appell u li, għal din ir-raġuni, hija kienet iddeċidiet li tressaq talba għall-konstatazzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni. Fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Bord tal-Appell qies li dan id-dokument ma kien jinkludi ebda element li jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni tal-eżaminatur u li, konsegwentement, l-appell kellu jiġi ddikjarat inammissibbli. Konsegwentement, peress li ebda stqarrija tar-raġunijiet tal-appell valida ma ġiet ippreżentata qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ erba’ xhur min-notifika tad-deċiżjoni tal-eżaminatur, il-Bord tal-Appell ikkonstata li din id-deċiżjoni kienet saret definittiva.

 Talbiet tal-partijiet

16      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

17      L-EUIPO jaderixxi mat-talbiet bħar-rikorrenti, inkluż fir-rigward tal-ispejjeż.

 Id-dritt

18      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, f’dak li għandu x’jaqsam mal-pożizzjoni proċedurali tal-EUIPO, dan ma jistax ikun obbligat li jiddefendi sistematikament kull deċiżjoni kkontestata ta’ bord tal-appell jew li neċessarjament jikkonkludi li kull appell ippreżentat kontra tali deċiżjoni għandu jiġi miċħud, u xejn ma jipprekludi lill-EUIPO milli jaderixxi ma’ talba tar-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Peek & Cloppenburg vs UASI (Cloppenburg), T‑379/03, EU:T:2005:373, punt 22).

19      F’dan il-każ, it-talbiet tal-UASI huma ammissibbli sa fejn huma u l-argumenti mressqa insostenn tagħhom ma joħorġux mill-ambitu tat-talbiet u tal-motivi mressqa mir-rikorrenti.

20      Minkejja l-konkordanza tal-pożizzjonijiet tal-partijiet dwar il-mertu tal-kawża preżenti, ir-rikors ma tilifx l-iskop tiegħu. Fil-fatt, minkejja l-qbil bejn il-partijiet, fl-istat preżenti tal-proċess id-deċiżjoni kkontestata la ġiet emendata u lanqas irtirata mill-Bord tal-Appell, peress li l-EUIPO ma għandux is-setgħa li jagħmel dan u lanqas is-setgħa li jagħti struzzjonijiet f’dan is-sens lill-bordijiet tal-appell, li l-indipendenza tagħhom hija sanċita fl-Artikolu 166(7) tar-Regolament 2017/1001. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma hijiex eżentata milli teżamina l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tal-motivi fformulati fir-rikors promotur u għad hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq il-mertu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Cloppenburg, T‑379/03, EU:T:2005:373, punti 28 u 29).

21      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 49(1) tar-Regolament 2017/1001, it-tieni wieħed, fuq il-ksur tat-tieni sentenza tal-Artikolu 71(1) tal-istess regolament, it-tielet wieħed, fuq il-ksur tar-raba’ sentenza tal-Artikolu 68(1) tar-Regolament Nru 2017/1001, moqri flimkien mal-Artikolu 23(1)(d) tar-Regolament Delegat 2018/625, u, ir-raba’ wieħed, fuq il-ksur tar-raba’ sentenza tal-Artikolu 68(1) tar-Regolament 2017/1001, moqri flimkien mal-Artikolu 23(1)(e) u l-Artikolu 22(1)(b) tar-Regolament Delegat 2018/625.

22      Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell naqas milli jirrispetta d-dritt tagħha li tirrestrinġi l-lista tal-prodotti u tas-servizzi li tinsab fl-applikazzjoni tagħha għat-trade mark skont l-Artikolu 49(1) tar-Regolament 2017/1001. Issa, skont ir-rikorrenti, dan id-dritt għal restrizzjoni japplika tul il-proċedura kollha, inkluż matul il-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell. Peress li t-talba tagħha ġiet introdotta meta d-deċiżjoni tal-eżaminatur kien għadha taħt l-effett sospensiv tal-appell, il-Bord tal-Appell allegatament kien obbligat jeżerċita l-kompetenzi tal-istanza li kienet ħadet id-deċiżjoni oriġinali, jiġifieri l-eżaminatur, u “jieħu kont” tar-restrizzjoni tal-prodotti u tas-servizzi li għalihom ġiet ippreżentata applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkonċernata. Dan kien imissu wassal lill-Bord tal-Appell sabiex jikkonkludi li, bħala riżultat ta’ din ir-restrizzjoni, li kienet konformi mal-prodotti u mas-servizzi li fir-rigward tagħhom l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni kienet ġiet miċħuda mill-eżaminatur, id-deċiżjoni inizjali ma kienet għadha tipproduċi ebda effett u li ma kienx fadal lok li tingħata deċiżjoni fuq l-appell.

23      L-EUIPO jippreċiża, billi jappoġġja, essenzjalment, l-argumenti tar-rikorrenti, li hija r-responsabbiltà tal-Bord tal-Appell li jiddeċiedi fuq talba għar-restrizzjoni tal-lista tal-prodotti u tas-servizzi koperti, imressqa minn applikant għal trade mark matul il-proċedura ta’ appell, skont l-Artikolu 49(1) tar-Regolament 2017/1001, sa mhux iktar tard mid-deċiżjoni tiegħu dwar l-appell, skont l-Artikolu 27(5) tar-Regolament Delegat 2018/625.

24      Fuq dan il-punt għandu jiġi osservat li, wara l-preżentata ta’ appell, il-Bord tal-Appell isir l-istanza kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark. Peress li r-rikorrenti, bħala applikant għal trade mark, ressqet talba għar-restrizzjoni tal-lista tal-prodotti u tas-servizzi koperti mill-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkonċernata f’mument meta d-deċiżjoni tal-eżaminatur dwar rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark kienet ikkontestata quddiem il-Bord tal-Appell, l-imsemmi bord sar kompetenti sabiex jiddeċiedi fuq din it-talba għal restrizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2017, Capella vs EUIPO – Abus (APUS), T‑473/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:174, punt 36).

25      Fir-rigward tad-dritt tal-applikant għal trade mark li jirrestrinċi l-lista tal-prodotti u tas-servizzi koperti mill-applikazzjoni għal trade mark tiegħu, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 49(1) tar-Regolament Nru 2017/1001, l-applikant għal trade mark “jista’ f’kull ħin jirtira l-applikazzjoni tiegħu għal trademark tal-UE jew jirrestrinġi l-lista ta’ prodotti jew servizzi li jkunu jinsabu fiha”.

26      B’hekk, skont l-Artikolu 49(1) tar-Regolament 2017/1001, restrizzjoni tal-lista tal-prodotti jew tas-servizzi koperti minn applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea tista’ ssir f’kull mument u, konsegwentement, anki matul il-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2017, APUS, T‑473/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:174, punt 37).

27      F’dan il-każ, huwa paċifiku li ż-żewġ dokumenti ppreżentati mir-rikorrenti fis-16 ta’ Frar 2018 ġew ippreżentati wara l-preżentata tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell u sal-iskadenza għat-tressiq ta’ stqarrija tar-raġunijiet ta’ dan kif preskritt fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 68(1) tar-Regolament 2017/1001. Għaldaqstant, it-talba għal restrizzjoni tressqet matul il-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell b’mod konformi mal-Artikolu 49(1) tal-istess regolament.

28      Issa, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 27(5) tar-Regolament Delegat 2018/625 jipprevedi li huwa l-Bord tal-Appell li għandu jiddeċiedi fuq tali talba għal restrizzjoni, imressqa b’mod konformi mal-Artikolu 49 tar-Regolament 2017/1001, sa mhux iktar tard mid-deċiżjoni tiegħu dwar l-appell. Dan l-obbligu li tingħata deċiżjoni fuq tali talba għal restrizzjoni jaqa’ fir-responsabbilta tal-Bord tal-Appell indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk tkunx ġiet ippreżentata stqarrija tar-raġunijiet tal-appell skont l-Artikolu 22(1)(b) tar-Regolament Delegat 2018/625.

29      Konsegwentement, peress li r-rikorrenti ppreżentat talba għar-restrizzjoni tal-lista tal-prodotti jew tas-servizzi msemmija fl-applikazzjoni tagħha għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkonċernata, skont l-Artikolu 49(1) tar-Regolament 2017/1001, qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni ta’ stqarrrija tar-raġunijiet tal-appell tagħha tagħha kif previst fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 68(1) tal-istess regolament, il-Bord tal-Appell kien obbligat li jeżaminaha.

30      Issa, peress li ċaħad l-appell bħala inammissibbli, għar-raġuni li d-dokument tas-16 ta’ Frar 2018 intitolat “Stqarrija tar-raġunijiet tal-appell/komunikazzjoni dwar ir-restrizzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark”, ippreżentat mir-rikorrenti, ma kienx jissodisfa l-kriterji sabiex dan ikun jista’ jikkwalifika bħala stqarrija tar-raġunijiet tal-appell, il-Bord tal-Appell naqas milli jiddeċiedi dwar it-talba għar-restrizzjoni tal-lista tal-prodotti u tas-servizzi mressqa, bi ksur tal-Artikolu 49(1) tar-Regolament 2017/1001, moqri flimkien mal-Artikolu 27(5) tar-Regolament Delegat 2018/625.

31      Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jintlaqa’ u, konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata fl-intier tagħha, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati t-tliet motivi l-oħra mqajma mir-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

32      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-EUIPO tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti u mill-EUIPO.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tas-7 ta’ Awwissu 2018 (Każ R 2653/20174) hija annullata.

2)      L-EUIPO huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Pelikánová

Nihoul

Svenningsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-7 ta’ Mejju 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.