Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski rayonen sad (il-Bulgarija) fid-9 ta’ Settembru 2020 – Proċeduri kriminali kontra HN

(Kawża C-420/20)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Sofiyski rayonen sad

Parti fil-kawża prinċipali

HN

Domandi preliminari

Id-dritt tal-persuni akkużati li jkunu preżenti fil-proċess tagħhom, kif previst fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali 1 , jista’ jiġi limitat minn dispożizzjoni legali nazzjonali li tippermetti li l-persuni barranin li jkunu kisbu l-kwalità proċedurali ta’ persuni akkużati jkunu pprojbiti, permezz ta’ miżura amministrattiva, milli jidħlu u milli jirrisjedu fl-Istat fejn tkun qiegħda titmexxa l-proċedura kriminali?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2)(a) u/jew (b) tad-Direttiva 2016/343 għall-iżvolġiment tal-proċess fl-assenza tal-persuna akkużata li tkun ċittadina barranija jkunu ssodisfatti jekk din tal-aħħar tkun ġiet debitament informata dwar il-proċess u dwar il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ dehra u tkun irrappreżentata minn avukat imqabbad sabiex jiddefendiha, li jkun magħżul minnha stess jew mill-Istat, iżda l-preżenza tagħha tkun prekluża minn miżura amministrattiva li tipprojbixxiha milli tidħol u milli tirrisjedi fl-Istat fejn tkun qiegħda titmexxa l-proċedura kriminali?

Id-dritt tal-persuna akkużata li tkun preżenti fil-proċess, kif previst fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343, jista’ jikkostitwixxi obbligu proċedurali b’tali mod li b’hekk l-Istati Membri jiżguraw livell ogħla ta’ protezzjoni fis-sens tal-premessa 48, jew tali approċċ imur kontra l-premessa 35 tal-istess direttiva, li tiddikjara li d-dritt tal-persuna akkużata li tkun preżenti fil-proċess ma huwiex assolut u jista’ jkun irrinunzjat?

Rinunzja minn qabel mill-persuna akkużata għad-dritt li tkun preżenti fil-proċess, previst fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343, espressa b’mod inekwivoku fil-kuntest tal-investigazzjoni preliminari, hija permessa jekk il-persuna akkużata tkun ġiet informata bil-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ dehra tagħha?

____________

1     ĠU 2016, L 65, p. 1.