Language of document : ECLI:EU:F:2007:178

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

18 ta’ Ottubru 2007

Kawża F-112/06

Erika Krcova

vs

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjal bi prova – Artikolu 34 tar-Regolamenti tal-Persunal – Tkeċċija ta’ uffiċjal bi prova – Setgħa diskrezzjonali – Obbligu ta’ motivazzjoni – Dmir ta’ premura – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba”

Suġġett : Rikors, ippreżentat skond l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li bih E. Krcova titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-17 ta’ Ottubru 2005, ta’ tkeċċija tagħha fi tmiem il-perijodu ta’ prova tagħha u, safejn huwa meħtieġ, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-16 ta’ Settembru 2005, li jiġi mtawwal il-perijodu ta’ prova tagħha għal tul ta’ żmien ta’ xahrejn, mill-1 ta’ Awwissu 2005, kif ukoll tat-tielet rapport dwar il-perijodu ta’ prova tagħha, tat-12 ta’ Settembru 2005, li kkonkluda li kien impossibbli li tiġi proposta l-ħatra tagħha lill-Awtorità tal-Ħatra.

Deċiżjoni : Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Reklutaġġ – Perijodu ta’ prova – Rapport dwar il-perijodu ta’ prova – Dewmien fir-redazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 34)

2.      Uffiċjali – Reklutaġġ – Perijodu ta’ prova – Suġġett – Kundizzjonijiet ta’ żvolġiment

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 34)

3.      Uffiċjali – Reklutaġġ – Perijodu ta’ prova – Evalwazzjoni tar-riżultati

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 34)

4.      Uffiċjali – Reklutaġġ – Perijodu ta’ prova – Evalwazzjoni negattiva tal-kapaċitajiet tal-persuna kkonċernata – Estensjoni tal-perijodu ta’ prova u trasferiment

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 34)

1.      Peress li l-uffiċjal bi prova kien f’pożizzjoni li jressaq l-osservazzjonijiet tiegħu fuq l-evalwazzjonijiet li jinsabu fir-rapport tal-perijodu ta’ prova tiegħu, id-dewmien fir-redazzjoni ta’ dan ta’ l-aħħar, jew fil-konsultazzjoni tal-kumitat tar-rapporti ma jistax, minkejja li hija spjaċevoli l-irregolarità fir-rigward tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 34 tar-Regolamenti tal-Persunal li huwa jikkostitwixxi, ikun tali li jqiegħed fid-dubju l-validità tiegħu jew, jekk ikun il-każ, dik tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija.

(ara l-punt 35)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 8 ta’ Ottubru 1981, Tither vs Il-Kummissjoni, 175/80, Ġabra p. 2345, punt 13 ; 25 ta’ Marzu 1982, Munk vs Il-Kummissjoni, 98/81, Ġabra p. 1155, punt 8

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 1 ta’ April 1992, Kupka-Floridi vs ESC, T‑26/91, Ġabra p. II‑1615, punt 20 ; 5 ta’ Marzu 1997, Rozand-Lambiotte vs Il‑Kummissjoni, T‑96/95, ĠabraSP p. I‑A‑35 u II‑97, punt 68 ; 21 ta’ Settembru 1999, Trigari-Venturin vs Ċentru ta’ Traduzzjoni, T‑98/98, ĠabraSP p. I‑A‑159 u II‑821, punt 74

2.      Għalkemm il-perijodu ta’ prova previst fl-Artikolu 34 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jistax jiġi kkunsidrat bħala perijodu ta’ taħriġ, huwa madankollu obbligatorju li l-persuna kkonċernata tkun tista’, matul dan il-perijodu, iġġib prova tal-kwalitajiet tagħha. Din il-kundizzjoni tissodisfa r-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ trattament ugwali, kif ukoll ta’ l-obbligu ta’ premura, li jirrifletti l-ekwilibriju tad-drittijiet u l-obbligi reċiproki li r-Regolamenti tal-Persunal ħoloq fir-relazzjonijiet bejn l-awtorità pubblika u l-membri tal-persunal tas-servizz pubbliku. Hija tfisser, fil-prattika, li l-uffiċjal bi prova m’għandux biss igawdi minn kundizzjonijiet materjali xierqa, iżda wkoll minn istruzzjonijiet u pariri adattati, fid-dawl tan-natura tal-funzjonijiet eżerċitati, sabiex ikun jista’ jadatta ruħu għall-bżonnijiet speċifiċi ta’ l-impjieg tiegħu.

(ara l-punt 48)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 12 ta’ Diċembru 1956, Mirossevich vs L-Awtorità Għolja, 10/55, Ġabra p. 365, 387 et seq ; 15 ta’ Mejju 1985, Patrinos vs ESC, 3/84, Ġabra p. 1421, punti 20 u 21

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Kupka-Floridi vs ESC, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44 ; 30 ta’ Novembru 1994, Correia vs Il-Kummissjoni, T‑568/93, ĠabraSP p. I‑A‑271 u II‑857, punt 34 ; Rozand-Lambiotte vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 95 ; 27 ta’ Ġunju 2002, Tralli vs BĊE, T‑373/00, T‑27/01, T‑56/01 u T-69/01, ĠabraSP p. I‑A‑97 u II‑453, punt 69

3.      L-amministrazzjoni għandha marġni wiesa’ għall-evalwazzjoni tal-kapaċitajiet u l-prestazzjoni ta’ uffiċjal bi prova fid-dawl ta’ l-interess tas-servizz. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistax għalhekk jissostitwixxi l-evalwazzjoni tiegħu minflok dik ta’ l-istituzzjonijiet f’dak li jirrigwarda r-riżultat ta’ perijodu ta’ prova u l-kapaċitajiet ta’ kandidat għal ħatra definittiva fis-servizz pubbliku Komunitarju, peress li l-kontroll tiegħu huwa limitat għan-nuqqas ta’ żball manifest jew ta’ abbuż ta’ poter.

(ara l-punt 62)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: Munk vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16 ; 17 ta’ Novembru 1983, Tréfois vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, 290/82, Ġabra p. 3751, punt 29 ; 5 ta’ April 1984, Alvarez vs Il-Parlament, 347/82, Ġabra p. 1847, punt 16 ; Patrinos vs ESC, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25 ; 13 ta’ Diċembru 1989, Patrinos vs ESC, C‑17/88, Ġabra p. 4249, punt 33

Il-Qorti tal-Prim’Istanza : Kupka-Floridi vs ESC, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52 ; Rozand-Lambiotte vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 112 ; Tralli vs BCE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 76

4.      Il-proċedura stabbilita mill-Artikolu 34 tar-Regolamenti tal-Persunal mhijiex intiża sabiex tagħti lill-uffiċjal bi prova l-opportunità li jkun jista’ jesprimi ruħu dwar id-deċiżjoni li għandha tittieħed minħabba n-natura negattiva tar-rapport dwar il-perijodu ta’ prova li sar fir-rigward tiegħu. Barra minn dan, bl-ebda mod ma jirriżulta mit-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 34(3) tar-Regolamenti tal-Persunal li, meta uffiċjal bi prova ma jkunx wera l-kwalitajiet professjonali suffiċjenti sabiex ikun maħtur bħala uffiċjal stabbilit, l-Awtorità tal-Ħatra għandha l-obbligu li tipprovdi ghal estensjoni tal-perijodu ta’ prova tiegħu bi trasferiment f’servizz ieħor. Bil-kontra, l-użu tal-kliem “f’ċirkostanzi eċċezzjonali” fl-imsemmija dispożizzjoni juri b’mod ċar li din l-awtorità għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddetermina, skond il-fatti tal-każ u ċ-ċirkostanzi individwali, f’liema sitwazzjoni huwa xieraq li ssir estensjoni tal-perijodu ta’ prova. Dan jgħodd iktar u iktar fil-każ ta’ estensjoni tal-perijodu ta’ prova, tat-trasferiment innifsu, li huwa ppreżentat bħala sempliċi eventwalità, bil-premessa li t-tul totali tal-perijodu ta’ prova ma jistax jaqbeż 15 il-xahar, skond l-Artikolu 34(4).

(ara l-punti 75 u 77)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 12 ta’ Lulju 1973, Di Pillo vs Il-Kummissjoni, 10/72 u 47/72, Ġabra p. 763, punt 16