Language of document : ECLI:EU:F:2011:52

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tielet Awla)

11 ta’ Mejju 2011

Kawża F-53/09

J

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku —Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol — Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal — Rifjut ta’ rikonoxximent li marda hija kkaġunata mix-xogħol — Obbligu li l-proċedura titmexxa f’terminu raġonevoli”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu r-rikorrent jitlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-31 ta’ Lulju 2008, li tirrifjuta li tirrikonoxxi bħala marda kkaġunata mix-xogħol il-marda li huwa għandu u, min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-Kummissjoni biex tħallsu EUR 1 simboliku għal danni, bħala kumpens għad-dannu morali li huwa jqis li ġarrab.

Deċiżjoni:      Il-Kummissjoni hija kkundannata tħallas lir-rikorrent is-somma ta’ EUR 1 bħala danni. Il-kumplament tat-talbiet tar-rikors huma miċħuda. Il-Kummissjoni għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, kwart tal-ispejjeż tar-rikorrent. Ir-rikorrent għandu jbati tliet kwarti tal-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol — Invalidità — Skemi distinti — Kunċett waħdieni ta’ marda kkaġunata mix-xogħol

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 73 u 78; Regoli dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol, Artikoli 3(2) u 25)

2.      Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol — Determinazzjoni li l-mard huwa kkaġunat mix-xogħol — Oneru tal-prova tal-uffiċjal

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 73; Regoli dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol, Artikolu 3)

3.      Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol — Perizja medika — Setgħa diskrezzjonali tal-Kumitat Mediku — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 73; Regoli dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol, Artikolu 23)

4.      Dritt tal-Unjoni — Prinċipji — Osservanza ta’ terminu raġonevoli — Ksur fi proċedura amministrattiva — Effetti

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(1))

1.      Bla ħsara għal indikazzjoni kuntrarja fir-Regolamenti tal-Persunal, il-kunċett ta’ marda kkaġunata mix-xogħol ma jistax ikollu, fi ħdan it-test, kontenut differenti skont jekk jiġix applikat l-Artikolu 73 jew l-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, anki jekk kull waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tirrigwarda skema li għandha l-partikolaritajiet proprji tagħha.

Madankollu, il-fatt li l-kunċett ta’ marda kkaġunata mix-xogħol għandu l-istess kontenut legali, kemm jekk jiġi applikat l-Artikolu 73 jew l-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, ma jfissirx li l-Kumitat Mediku previst mir-Regoli komuni dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol tal-uffiċjali tal-Unjoni huwa marbut bil-kunsiderazzjonijiet fattwali u mediċi tal-Kumitat tal-Invalidità kkostitwit skont l-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal u reċiprokament. Għalhekk, il-proċedura ta’ rikonoxximent ta’ invalidità permanenti totali jew parzjali, skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, u l-proċedura ta’ għoti ta’ pensjoni tal-invalidità, skont l-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, jistgħu leġittimament iwasslu għal riżultati differenti fir-rigward tal-istess sitwazzjoni fattwali, u b’mod partikolari fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-marda li jbati minnha l-istess uffiċjal hijiex ikkaġunata mix-xogħol.

Fil-fatt, fl-ewwel lok, il-benefiċċji previsti mill-Artikoli 73 u 78 tar-Regolamenti tal-Persunal huma differenti u indipendenti minn xulxin, minkejja li jistgħu jiġu akkumulati; bl-istess mod, dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu żewġ proċeduri differenti li jistgħu jagħtu lok għal deċiżjonijiet distinti, indipendenti waħda mill-oħra. Fit-tieni lok, għalkemm huwa xieraq li, jekk ikun il-każ, iż-żewġ proċeduri jitmexxew flimkien u li l-istess awtoritajiet mediċi jintalbu jagħtu d-deċiżjoni tagħhom dwar id-diversi aspetti tal-invalidità li jbati minnha l-uffiċjal, dan ma huwiex madankollu fatt li jaffettwa l-legalità ta’ xi waħda minn dawn il-proċeduri u, f’dan ir-rigward, l-Awtorità tal-Ħatra għandha, skont iċ-ċirkustanzi, setgħa diskrezzjonali. Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, l-Artikolu 25 tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol espliċitament jistabbilixxi li, skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal u dawn l-istess regoli, ir-rikonoxximent ta’ invalidità permanenti totali jew parzjali ma jippreġudika bl-ebda mod l-applikazzjoni tal-Artikolu 78 u reċiprokament.

Tali sitwazzjoni ta’ dritt tista’ titqies bħala li ma hijiex kompletament sodisfaċenti. Madankollu, dan ir-riskju ta’ kuntrast apparenti huwa inerenti għall-koeżistenza, mixtieqa mil-leġiżlatur, ta’ żewġ skemi li jeħtieġu l-intervent ta’ żewġ istanzi mediċi differenti, li jsegwu regoli proċedurali differenti. B’mod partikolari, il-Kumitat Mediku jiddeċiedi fid-dawl tar-riżultati ta’ investigazzjoni amministrattiva, filwaqt li dan ma huwiex il-każ għall-Kumitat tal-Invalidità. Fl-istat preżenti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, ma jistax għalhekk jiġi eskluż li dawn iż-żewġ kumitati jaslu għal konklużjonijiet differenti meta jikkunsidraw l-istess sitwazzjoni fattwali.

(ara l-punti 55 sa 60)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 4 ta’ Ottubru 1991, Il‑Kummissjoni vs Gill, C‑185/90 P, punti 13 sa 16; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 14 ta’ Mejju 1998, Lucaccioni vs Il‑Kummissjoni, T‑165/95, punt 150; 1 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs D, T‑262/06 P, punt 73, u l-ġurisprudenza ċċitata, u punt 74

2.      L-Artikolu 3 tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni ta’ riskji ta’ inċidenti u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol tal-uffiċjali tal-Unjoni jistabbilixxi skema doppja ta’ assigurazzjoni għal mard ikkaġunat mix-xogħol.

Fil-paragrafu (1) tiegħu, l-Artikolu 3 tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol jistabbilixxi li, meta l-marda tkun inkluża fil-“lista Ewropea ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol” mehmuża mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 90/326, jew fl-emendi eventwali, din titqies bħala marda kkaġunata mix-xogħol. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi preżunzjoni legali, li tidderoga mid-dritt komuni tal-prova, sabiex jiġu salvagwardati d-drittijiet tal-uffiċjali kkonċernati, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet li dwarhom huwa xjentifikament stabbilit li huma bħala regola ġenerali marbuta mal-eżerċizzju ta’ ċerti attivitajiet professjonali. Għalhekk, huwa biżżejjed li l-uffiċjal kkonċernat juri li kien ġie espost, fil-kuntest tal-funzjonijiet tiegħu, għar-riskju li jibla’ din il-marda. L-inċertezza eventwali dwar ir-rabta kawżali bejn l-eżerċizzju tal-funzjonijiet u l-marda ma tippermettix li tiġi kkonfutata din il-preżunzjoni.

Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-Artikolu 3(2) tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol, rabta kawżali bejn l-eżerċizzju tal-funzjonijiet u l-marda għandha tiġi stabbilita. Għalkemm il-ħtieġa li tiġi stabbilita tali rabta kawżali tista’ twassal għal nuqqas ta’ rikonoxximent li ċertu mard multifattorjali huwa kkaġunat mix-xogħol, fil-kuntest ta’ din l-istess dispożizzjoni, is-sempliċi prova ta’ effett potenzjali tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet fuq il-bidu, l-aggravazzjoni jew l-aċċelerazzjoni ta’ marda multifattorjali ma tippermettix li jiġi kkunsidrat li l-fatt li din il-marda hija kkaġunata mix-xogħol huwa suffiċjentement stabbilit. F’dan ir-rigward, il-qorti ma tistax tissostitwixxi lil-leġiżlatur sabiex jiġi aċċettat li, fil-każ ta’ ċertu mard multifattorjali, id-dubju għandu jkun ta’ benefiċċju għall-uffiċjal kkonċernat meta jkun oġġettivament impossibbli li jiġi ddeterminat, minn naħa, jekk l-eżerċizzju ta’ dawn il-funzjonijiet kellux fil-verità effett fuq id-deterjorament tal-istat ta’ saħħa tal-persuna kkonċernata u, min-naħa l-oħra, sa fejn dan l-eżerċizzju kkontribwixxa — meta mqabbel ma’ fatturi eventwali mhux relatati ma’ xogħol — għal dan id-deterjorament.

Għalhekk l-Artikolu 3(2) tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol jiggarantixxi l-assigurazzjoni ta’ każijiet individwali, bil-kundizzjoni madankollu li jiġi pprovat b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-marda kkunsidrata hija kkaġunata mix-xogħol. F’dan il-kuntest legali, il-fatt li tiġi rrinunċjata, f’dak li jirrigwarda ċertu mard multifattorjali, il-ħtieġa ta’ tali prova, anki preżunta, billi sempliċiment tiġi aċċettata prova ta’ rabta kawżali potenzjali, imur kontra mhux biss il-kliem tal-Artikolu 3(2) tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol, iżda wkoll l-għan u l-finalità ta’ dan l-artikolu, li huwa intiż li jiżgura assigurazzjoni speċifika għar-riskji ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol, skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal.

Barra minn hekk, fis-sitwazzjonijiet kumplessi li fihom il-marda tal-uffiċjal hija kkaġunata minn numru ta’ kawżi, relatati ma’ xogħol u mhux relatati ma’ xogħol, fiżiċi jew psikoloġiċi, li kull waħda minnhom ikkontribwixxiet sabiex titfaċċa l-marda, huwa l-Kumitat Mediku li għandu jistabbilixxi jekk l-eżerċizzju tal-funzjonijiet għas-servizz tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandux relazzjoni diretta mal-marda tal-uffiċjal, pereżempju, bħala element li wassal għal din il-marda. F’każ bħal dan, ma huwiex meħtieġ, sabiex il-marda tkun irrikonoxxuta li hija kkaġunata mix-xogħol, li l-kawża unika, essenzjali, preponderanti jew predominanti tagħha tkun tinsab fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet.

(ara l-punti 64 sa 69)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 26 ta’ Frar 2003, Latino vs Il‑Kummissjoni, T‑145/01, punti 83, 84, 86 sa 89; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 14 ta’ Settembru 2010, AE vs Il‑Kummissjoni, F‑79/09, punt 83, u l-ġurisprudenza ċċitata

3.      Il-kompitu tal-Kumitat Mediku previst fl-Artikolu 23 tar-Regoli komuni dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċident u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol tal-uffiċjali tal-Unjoni li jevalwa b’mod oġġettiv u indipendenti kwistjonijiet ta’ natura medika jeħtieġ, minn naħa, li dan il-kumitat jiddisponi mill-elementi kollha li jista’ jkollu bżonn u, min-naħa l-oħra, li jkollu l-libertà totali ta’ evalwazzjoni. Il-kunsiderazzjonijiet mediċi fformulati mill-Kumitat Mediku għandhom jitqiesu li huma definittivi meta jinħarġu f’kundizzjonijiet normali. Il-qorti għandha s-setgħa li tivverifika biss, minn naħa, jekk l-imsemmi kumitat ġiex stabbilit u ħadimx b’mod regolari u, min-naħa l-oħra, jekk l-opinjoni tiegħu hijiex regolari, b’mod partikolari jekk fihiex motivazzjoni li tippermetti li jiġu evalwati l-kunsiderazzjonijiet li fuqhom hija bbażata u jekk tistabbilixxix rabta li tinftiehem bejn il-konstatazzjonijiet mediċi li huwa jwettaq u l-konklużjonijiet li wasal għalihom.

Fid-dawl tal-istħarriġ ġudizzjarju ristrett li l-qorti għandha, argument ibbażat fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kumitat Mediku ma jistax jintlaqa’.

Meta l-Kumitat Mediku huwa meħtieġ li jirrispondi għal domandi mediċi kumplessi li jirrigwardaw dijanjożi diffiċli jew rabta kawżali bejn il-marda li tkun qed tbati minnha l-persuna kkonċernata u l-eżerċizzju tal-attività professjonali tagħha fi ħdan istituzzjoni, huwa għandu jindika b’mod partikolari fl-opinjoni tiegħu, l-elementi tal-fajl li fuqhom huwa bbaża ruħu u jippreċiża, f’każ ta’ diverġenza sinjifikattiva, ir-raġunijiet li għalihom huwa jvarja minn ċerti rapporti mediċi, preċedenti u rilevanti, iktar favorevoli għall-persuna kkonċernata.

(ara l-punti 70, 91, 92 u 104)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku AE vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 64 u 65 u l-ġurisprudenza ċċitata, u punt 89

4.      L-obbligu li jiġi osservat terminu raġonevoli fl-iżvolġiment tal-proċeduri amministrattivi jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-osservanza tiegħu hija żgurata mill-qorti u li huwa kkunsidrat bħala komponent tad-dritt għal amministrazzjoni tajba mill-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Madankollu, il-ksur tal-prinċipju ta’ osservanza tat-terminu raġonevoli, bħala regola ġenerali, ma jiġġustifikax l-annullament tad-deċiżjoni meħuda wara proċedura amministrattiva li tkun ivvizzjata minn dewmien. Fil-fatt, huwa biss meta l-mogħdija eċċessiva taż-żmien tkun tista’ jkollha effett fuq il-kontenut stess tad-deċiżjoni adottata sussegwentement għal proċedura amministrattiva li n-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli jaffettwa l-validità tal-proċedura amministrattiva. B’hekk, terminu eventwali eċċessiv għall-ipproċessar tat-talba għar-rikonoxximent li l-marda hija kkaġunata mix-xogħol la għandu, bħala regola ġenerali, effett fuq il-kontenut stess tal-opinjoni adottata mill-Kumitat Mediku u lanqas fuq dak tad-deċiżjoni finali adottata mill-istituzzjoni. Fil-fatt, terminu bħal dan, ħlief f’każ ta’ sitwazzjoni eċċezzjonali, ma jistax ibiddel l-evalwazzjoni, mill-Kumitat Mediku, ta’ jekk il-marda hijiex ikkaġunata jew le mix-xogħol. Il-fatt, għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li d-deċiżjoni meħuda fid-dawl tal-evalwazzjoni tal-Kumitat Mediku tiġi annullata jkollu bħala konsegwenza prattika prinċipali l-effett pervers li jtawwal iktar il-proċedura minħabba l-fatt li din kienet diġà twila wisq.

Madankollu, il-qorti tal-Unjoni għandha l-possibbiltà li tikkundanna ex officio lill-amministrazzjoni għall-ħlas ta’ kumpens fil-każ li jinqabeż it-terminu raġonevoli, billi tali kumpens jirrappreżenta l-aħjar forma ta’ riżarċiment għall-uffiċjal, bil-kundizzjoni li l-partijiet kienu f’qagħda li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din is-soluzzjoni.

(ara l-punti 113 sa 115 u 120)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 17 ta’ Diċembru 2009, C‑197/09 RX‑II, punt 41; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 11 ta’ April 2006, Angeletti vs Il‑Kummissjoni, T‑394/03, punti 162 sa 167; Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea 12 ta’ Mejju 2010, Bui Van vs Il‑Kummissjoni, T‑491/08 P, punt 88; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 21 ta’ Ottubru 2009, V vs Il‑Kummissjoni, F‑33/08, punt 211, li hija s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑510/09 P