Language of document : ECLI:EU:F:2008:168

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

11 ta’ Diċembru 2008

Kawża F-136/06

Enzo Reali

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Reklutaġġ – Klassifikazzjoni fi grad – Esperjenza professjonali – Diploma – Ekwivalenza”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu E. Reali essenzjalment jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti li kklassifikatu fil-grad 14, skala 1, tal-grupp tal-funzjoni IV, hekk kif jirriżulta mill-kuntratt ta’ ingaġġ tiegħu bħala membru tal-persunal bil-kuntratt.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Reklutaġġ – Rekwiżit ta’ diplomi universitarji – Kunċett ta’ diploma universitarja

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 82(2)(ċ)(i))

2.      Uffiċjali – Reklutaġġ – Klassifikazzjoni fi grad – Rekwiżit ta’ diplomi universitarji – Paragun tad-diplomi u tal-awtorizzazzjonijiet professjonali maħruġa fl-Istati Membri differenti

(Direttiva tal-Kunsill 89/48)

1.      Fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni kuntrarja, għandu jiġi kkunsidrat li r-rekwiżit ta’ diploma universitarja, li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 82(2)(ċ)(i), tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, għandu neċessarjament jiġi interpretat fis-sens mogħti lil din l-espressjoni mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru fejn il-kandidat studja, liema studji qiegħed jagħmel użu minnhom.

(ara l-punt 34)

Referenza: Il-Qorti tal‑Ġustizzja 13 ta’ Lulju 1989, Jaenicke Cendoya vs Il‑Kummissjoni, 108/88, Ġabra p. 2711, punt 14; Il‑Qorti Ġenerali 7 ta’ Frar 1991, Ferreira de Freitas vs Il‑Kummissjoni, T‑2/90, Ġabra p. II‑103, punt 32; 3 ta’ Marzu 1994, Cortes Jimenez et vs Il‑Kummissjoni, T‑82/92, ĠabraSP p. I‑A‑69 u II‑237, punt 34

2.      L-armonizzazzjoni li saret mid-Direttiva 89/48, dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin, ma għandhiex bħala effett li tillimita s-setgħa diskrezzjonali li għandha istituzzjoni fil-paragun tal-valur rispettiv tad-diplomi fil-kuntest tal-politika tagħha ta’ reklutaġġ. Fis-sistema tad-Direttiva 89/48, il-paragun tad-diplomi jsir għall-finijiet tal-aċċess għal ċerti attivitajiet irregolati fl-Istati Membri differenti. Evalwazzjoni bħal din ma tistax tkun konfuża mal-evalwazzjoni kumplessa tal-valur universitarju rispettiv tal-kwalifiki miksuba fl-Istati Membri differenti għall-finijiet li jiġi stabbilit il-grad marbut ma’ għal impjieg fi ħdan istituzzjoni tal-Komunitajiet Ewropej.

(ara l-punt 85)

Referenza: Il-Qorti Ġenerali 9 ta’ Diċembru 1999, Alonso Morales vs Il‑Kummissjoni, T‑299/97, ĠabraSP p. I‑A‑249 u II‑1227, punti 35 u 36; 11 ta’ Mejju 2005, De Stefano vs Il‑Kummissjoni, T‑25/03, ĠabraSP p. I‑A‑125 u II‑573, punt 53