Language of document : ECLI:EU:C:2018:805

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

tal-4 ta’ Ottubru 2018(*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali – Ġurisdizzjonijiet speċjali – Artikolu 7(1)(a) – Kunċett ta’ “kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt” – Actio pauliana”

Fil-Kawża C-337/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Szczecinie (Qorti Reġjonali ta’ Szczecin, Il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Mejju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Ġunju 2017, fil-proċedura

Feniks sp. z o.o.

vs

Azteca Products & Services SL,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Rosas, C. Toader (Relatur), A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali : M. Bobek,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ April 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Feniks sp. z o.o., minn P. Zimmerman u B. Sierakowski, radcowie prawni,

–        għal Azteca Products & Services SL, minn M. Świrgoń, adwokat,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u M. Nowak kif ukoll minn K. Majcher, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Żvizzeru, minn M. Schöll, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin kif ukoll minn M. Heller u A. Stobiecka-Kuik, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Ġunju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012 L 351, p. 1).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Feniks sp. z o.o. u Azteca Products & Services SL (iktar ’il quddiem “Azteca”) dwar kuntratt ta’ bejgħ, konkluż bejn Azteca u d-debitur ta’ Feniks u li jirrigwarda proprjetà immobbli, allegatament ta’ ħsara għad-drittijiet ta’ din ta’ Feniks.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament Nru 1215/2012

3        Il-premessi 15, 16 u 34 tar-Regolament Nru 1215/2012 huma redatti kif ġej:

“(15)      Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom ikunu prevedibbli ħafna u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut. Il-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq il-bażi ta’ din ir-raġuni ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tat-tilwima jew ta’ awtonomija tal-partijiet ikunu jeħtieġu fattur ta’ konnessjoni differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

(16)      Barra d-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm raġunijiet alternattivi ta’ ġurisdizzjoni bbażati fuq konnessjoni mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. L-eżistenza ta’ konnessjoni mill-qrib għandha tiżgura ċ-ċertezza legali u tevita l-possibbiltà li l-konvenut jiġi mħarrek f’qorti ta’ Stat Membru li dan il-konvenut ma setax raġonevolment jipprevedi. Dan hu importanti b’mod partikolari fir-rigward ta’ tilwim li jirriżulta minn obbligi mhux kuntrattwali li jirriżultaw minn ksur tal-privatezza u tad-drittijiet relatati mal-personalità, inkluża l-malafama.

[...]

(34)      Għandha tiġi żgurata l-kontinwità bejn il-Konvenzjoni ta’ Brussel [tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32)], ir-Regolament [tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42),] u dan ir-Regolament, u għal dan il-għan għandhom jitfasslu dispożizzjonijiet tranżitorji. L-istess ħtieġa għal kontinwità tapplika għall-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tal-1968 u r-Regolamenti li jissostitwixxieha.”

4        Taħt il-Kapitolu I ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kamp ta’ Applikazzjoni u Definizzjonijiet”, l-Artikolu 1 ta’ dan tal-aħħar jipprovdi:

“1.      Dan ir-Regolament għandu japplika fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. [...]

2.      Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal:

[...]

b)      falliment, proċedimenti relatati mal-istralċ ta’ kumpanniji insolventi jew ta’ persuni ġuridiċi oħra, arranġamenti ġudizzjarji, ftehimiet u proċedimenti analogi;

[...]”

5        Il-Kapitolu II, intitolat “Ġurisdizzjoni”, tal-imsemmi regolament jinkludi b’mod partikolari Taqsima 1 “Dispożizzjonijiet ġenerali” u Taqsima 2 “Ġurisdizzjoni speċjali”. L-Artikolu 4(1), li jinsab taħt it-Taqsima 1, jipprovdi:

“Soġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

6        L-Artikolu 7, li jinsab taħt it-Taqsima 2 tal-Kapitolu II tal-istess regolament, huwa redatt kif ġej:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor:

1)      a)      fi kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettiq tal-obbligazzjoni in kwistjoni;

b)      għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni u sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettiq tal-obbligi f’dak il-każ għandu jkun:

–        fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, il-post fl-Istat Membru fejn, skont il-kuntratt, l-oġġetti ġew ikkonsenjati jew suppost li kienu kkonsenjati,

–        fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, il-post fl-Istat Membru fejn, skont il-kuntratt, l-oġġetti ġew ikkonsenjati jew suppost li kienu kkonsenjati;

[...]”

 Ir-Regolament (KE) Nru 1346/2000

7        L-Artikolu 1, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar proċedimenti ta’ falliment (ĠU 2000, L 160, p. 1) fil-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għal proċedimenti kollettivi ta' falliment li jinvolvu t-tneħħija tal-assi parzjali jew totali ta' debitur u l-ħatra ta' likwidatur.”

 Id-dritt Pollakk

8        L-Artikoli 527 et seq. tal-ustawa Kodeks cywilny (liġi li tsitabbilixxi l-Kodiċi Ċivili), tat-23 ta’ April 1964 (Dz. U. de 1964, Nru 16, pożizzjoni 93), fil-verżjoni applikabbli tagħha għall-kawża prinċipali (Dz. U. de 2017, posżizzjoni 459) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”) jirregolaw l-azzjoni imsejħa “pauliana”, intiża sabiex tirrendi ineffettiv, fil-konfront tal-kreditur li jistitwixxiha, att ta’ trasferiment eżegwit mid-debitur tiegħu bi frodi tad-drittijiet tiegħu. Skont l-Artikolu 527 tal-Kodiċi Ċivili:

“§1.            Jekk, bħala riżultat ta’ att legali ta’ debitur magħmul għad-detriment ta’ kredituri, terza persuna tkun kisbet vantaġġ partimonjali, kull wieħed mill-kredituri jista’ jitlob li dak l-att jiġi ddikjarat ineffettiv fir-rigward tiegħu, meta d-debitur konxjament ikun aġixxa b’detriment għall-kreditur, u t-terza persuna kienet taf jew, fl-eżerċizzju ta’ diliġenza dovuta, setgħet kienet taf bih.

§2.      Att legali ta’ debitur isir b’detriment għal kredituri jekk, b’riżultat ta’ tali att, id-debitur isir insolventi jew insolventi fi grad ogħla milli kien qabel ma jkun sar l-att.

§3.      Jekk, bħala riżultat ta’ att legali ta’ debitur (li jippreġudika l-kredituri tiegħu), persuna li jkollha rabta mill-qrib mad-debitur tkun kisbet vantaġġ partimonjali, għandu jkun hemm preżunzjoni li dik il-persuna kienet taf li d-debitur konxjament aġixxa b’detriment għall-kredituri tiegħu.

§4.      Jekk, b’riżultat ta’ att legali ta’ debitur (li jippreġudika l-kredituri tiegħu) impriża b’rabta kummerċjali permanenti mad-debitur tkun kisbet vantaġġ partimonjali, għandu jkun hemm preżunzjoni li hija kienet taf li d-debitur konxjament aġixxa b’detriment għall-kredituri tiegħu”.

9        L-Artikolu 528 ta’ dan il-kodiċi huwa redatt kif ġej:

“Jekk, minħabba att legali tad-debitur li jippreġudika l-kreduturi tiegħu, terza persuna tikseb vantaġġ partimonjali mingħajr ebda korrispettiv, il-kreditur jista’ jitlob li dan l-att jiġi ddikjarat ineffettiv, u dan anki jekk it-terza persuna ikkonċernata ma kellhiex konjizzjoni u ma kinitx f’pożizzjoni li tikseb konjizzjoni, anki jekk din tagħti prova ta’ diliġenza, tal-fatt li d-debitur kien qiegħed xjentement jippreġudika l-kredituri tiegħu.”

10      L-Artikolu 530 tal-imsemmi kodiċi jipprovdi:

“Id-dispożizzjonijiet tal-artikoli preċedenti japplikaw mutatis mutandis meta d-debitur ikun aġixxa bl-intenzjoni li jippreġudika lill-kredituri futuri tiegħu. Madankollu, meta terza persuna tkun kisbet vantaġġ partimonjali b’titolu oneruż, il-kreditur jista’ jitlob li dan l-att jiġi ddikjarat ineffettiv biss jekk it-terza persuna kkonċernata kellha konjizzjoni tal-intenzjonijiet tad-debitur.”

11      L-Artikolu 531 tal-istess kodiċi jipprovdi:

“§1.      L-att legali tad-debitur (li jippreġudika l-kredituri tiegħu) jista’ jiġi ddikjarat ineffettiv permezz ta’ azzjoni jew ta’ eċċezzjoni fil-konfront ta’ terza persuna li kisbet vantaġġ partimonjali bis-saħħa tal-att ikkonċernat.

§2.      Meta t-terza persuna tkun ittrasferixxiet il-vantaġġ partimonjali miksub, il-kreditur jista’ jaġixxi direttament kontra l-persuna li tkun gawdiet mit-trasferiment li sar, jekk dik il-persuna kellha konjizzjoni taċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-ineffettività tal-att legali tad-debitur jew jekk it-trasferiment isir mingħajr ebda korrispettiv.”

12      Skont l-Artikolu 532 tal-Kodiċi Ċivili:

“Il-kreditur li fir-rigward tiegħu l-att legali eżegwit mid-debitur ikun ġie ddikjrat ineffettiv jista’ jipproċedi bl-irkupru tal-kreditu tiegħu, bi prijorità fuq il-kredituri tat-terza persuna, fuq l-elementi tal-patrimonju li, permezz tal-att legali ddikjarat ineffettiv, ma baqgħux fil-patrimonju tad-debitur jew ma’ daħlux fih.”

13      L-Artikolu 533 ta’ dan il-kodiċi huwa redatt kif ġej:

“It-terza persuna li kisbet vantaġġ partimonjali permezz tal-att legali tad-debitur (li jippreġudika lill-kredituri tiegħu) tista’ tevita l-obbligu li tissodisfa t-talba tal-kreditur (li titlob li l-att ikkonċernat jiġi ddikjarat ineffettiv) jew billi tħallas lill-imsemmi kreditur jew billi tindikalu attivi tad-debitur li jkunu suffiċjenti sabiex huwa jitħallas.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14      Coliseum 2101 sp. z o.o. (iktar ’il quddiem “Coliseum”), li s-sede tagħha qiegħed fil-Polonja, fil-vesti tagħha ta’ impriża ġenerali, ikkonkludiet ma’ Feniks, li wkoll hija stabbilita fil-Polonja, fil-vesti tagħha ta’ investitur, kuntratt ta’ xogħol tal-kostruzzjoni fil-kuntest ta’ proġett ta’ investiment immobiljari, f’Gdańsk (il-Polonja). Sabiex teżegwixxi dan il-kuntratt, Coliseum ikkonkludiet diversi subkuntratti.

15      Peress li Coliseum baqgħet inadempjenti fl-obbligi tagħha fil-konfront ta’ parti minn dawn is-subkuntratturi, Feniks kienet obbligata tħallas somom lil dawn tal-aħħar skont id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili li jirrigwardaw ir-responsabbiltà in solidum tal-investitur u b’hekk saret kreditur ta’ Coliseum, għal ammont totali ta’ PLN 1 396 495,48 (madwar EUR 336 174).

16      Permezz ta’ kuntratti konklużi fit-30 u fil-31 ta’ Jannar 2012 f’Szczecin (il-Polonja), Coliseum biegħet lil Azteca, li għandha s-sede soċjali tagħha f’Alcora (Spanja), proprjetà immobbli li tinsab f’Szczecin, għal somma ta’ PLN 6 079 275 (madwar EUR 1 463 445), billi tat kumpens parzjali għall-krediti preċedenti li kellha ma’ Azteca. Din tal-aħħar kienet madankollu għadha obbligata tħallas lil Coliseum is-somma ta’ PLN 1 091 413,70 PLN (madwar EUR 262 732 euros). Skont l-indikazzjonijiet ta’ Feniks, fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ li kienet it-30 ta’ Jannar 2012, il-president tal-korp amministrattiv ta’ Coliseum kien ukoll ir-rappreżentant tal-kumpannija Horkios Gestion SA, li kellha s-sede soċjali tagħha f’Alcora (Spanja), u din tal-aħħar kienet l-unika membru tal-korp amministrativ ta’ Azteca.

17      Minħabba nuqqas ta’ attivi fil-patrimonju ta’ Coliseum, fil-11 ta’ Lulju 2016, Feniks, abbażi tal-Artikoli 527 et seq. tal-Kodiċi Ċivili, fetħet kawża kontra Azteca quddiem is-Sąd Okręgowy w Szczecinie (Qorti Reġjonali ta’ Szczecin, il-Polonja), il-qorti tar-rinviju, intiża sabiex tiġi ddikjarata l-ineffettività fil-konfront tagħha tal-kuntratt ta’ bejgħ imsemmi fil-punt preċedenti, fid-dawl tal-fatt li dan tal-aħħar ġie eżegwit mid-debitur tagħha bi frodi għad-drittijiet tagħha.

18      Sabiex tiġġustifika l-ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti, Feniks tagħmel riferiment għall-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012.

19      Azteca eċċepixxiet in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni. Fl-opinjoni tagħha, il-ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex tinstema’ kawża għal ineffettività ta’ att legali għandha tiġi stabbilita skont ir-regola ġenerali, prevista fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, favur qrati Spanjoli. Tali kawża ma setgħetx tiġi kklassifikata bħala kawża “relatat[a] ma’ kuntratt”, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(a) ta’ dan l-istess regolament.

20      Fil-kuntest tal-analiżi ta’ din l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali, il-qorti tar-rinviju tiddeskrivi l-karatteristiċi prinċipali tal-actio pauliana fid-dritt Pollakk, naxxenti mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili ċċitati fil-punti 8 sa 13 ta’ din is-sentenza, u tispeċifika li din l-azzjoni tikkostitwixxi eċċezzjoni għall-prinċipju li l-kreditur jista’ jdur biss lejn il-patrimonju tad-debitur tiegħu. Hija żżid li l-Artikolu 527(3) tal-Kodiċi Ċivili, mill-eżistenza ta’ relazzjoni stretta bejn id-debitur u t-terza persuna, jislet preżunzjoni ta’ konjizzjoni, tat-terza persuna, tal-fatt li, permezz tal-att li qiegħda tintalab l-ineffettività tiegħu, id-debitur xjentement ippreġudika lill-kreditur tiegħu. Tali preżunzjoni timplika li l-kreditur għandu sempliċiment juri, f’tali każ, l-eżistenza ta’ relazzjoni stretta bejn id-debitur u t-terza persuna.

21      Il-qorti tar-rinviju tqis li l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Pollakki sabiex tisma’ azzjoni bħal dik li hija adita biha tista’ tkun iġġustifikata biss abbażi tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012. B’konnessjoni ma’ dan, hija ssostni li, għalkemm, ċertament, din il-vertenza ma hijiex bejn il-partijiet fil-kuntratt ta’ xogħol tal-kostruzzjoni, jiġifieri Feniks u Coliseum, u ma tirrigwardax l-eżami tal-validità ta’ dan il-kuntratt, hija xorta waħda l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk il-kuntratt konkluż bejn Azteca u Coliseum huwiex jew le effettiv fil-konfront ta’ Feniks.

22      Il-qorti tar-rinviju tqis li l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012 jikkonċerna l-vertenzi kollha li jkunu marbuta ma’ kuntratt. Issa, fir-rigward tal-kawża li hija adita biha, is-soluzzjoni tagħha kienet tippreżenta rabta mal-kuntratt konkluż bejn Azteca u Coliseum li qiegħda tiġi allegata l-ineffettività tiegħu fil-konfront ta’ Feniks.

23      Filwaqt li tfakkar, addizzjonalment, in-natura dejqa tal-interpretazzjoni li għandu jkun suġġett għaliha l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012, il-qorti tar-rinviju, madankollu tenfasizza l-inkonvenjenti li fl-opinjoni tagħha jirriżultaw mill-applikazzjoni tar-regola ġenerali tal-ġurisdizzjoni sanċita fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament li kieku r-rikorrent, fil-kuntest ta’ azzjoni għal ineffettività ta’ diversi atti legali konklużi mid-debitur tiegħu ma’ kontraenti stabbiliti fi Stati Membri differenti, kien obbligat li jiftaħ quddiem il-qrati ta’ kull wieħed minn dawk l-Istati Membri azzjoni separata u li b’hekk jbati spejjeż sproporzjonati mal-għan tal-proċedura.

24      Skont dik il-qorti, minkejja li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1992, Handte (C-26/91, EU:C:1992:268), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt” ma jistax jinftiehem bħala li jirreferi għal sitwazzjoni li fiha ma jeżisti l-ebda impenn assunt liberament ta’ parti favur l-oħra, il-kuntest fattwali marbuta ma’ din il-kawża kien partikolari, sa fejn kien jikkonċerna katina ta’ kuntratti internazzjonali, li skonthom l-obbligi kuntrattwali tal-partijiet setgħu ivarjaw minn kuntratt għal ieħor.

25      Madankollu, fil-kawża odjerna, waħda mill-ispeċifikazzjonijiet tal-actio pauliana fid-dritt Pollakk tikkonsisti fil-perċezzjoni li t-terza persuna għandha jew jista’ jkollha dwar il-fatt li d-debitur qiegħed xjentement jippreġudika l-kredituri tiegħu u, konsegwentement, li l-kredituri tiegħu jistgħu jduru kontra tiegħu.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi s-Sąd Okręgowy w Szczecinie (il-Qorti Reġjonali ta’ Szczecin) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“1)      Kawża li tirriżulta minn azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ ineffettività, diretta kontra xerrej stabbilit fi Stat Membru, inkonnessjoni ma’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli li tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, minħabba l-ħsara kkawżata lill-kredituri tal-bejjiegħ, liema kuntratt ġie konkluż u eżegwit fl-intier tiegħu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor, tikkostitwixxi kawża ‘fi kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt’, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(a) tar- [Regolament Nru 1215/2012]?

2)      Ir-risposta għad-domanda preċedenti għandha tingħata billi jiġi applikat il-prinċipju ta’ ‘acte éclairé’, billi jsir riferiment għas-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1992, Handte (C-26/91, EU:C:1992:268), minkejja li din is-sentenza tikkonċerna r-responsabbiltà ta’ produttur għal difetti tal-oġġett, liema produttur ma kienx f’pożizzjoni jipprevedi lil minn dan l-oġġett seta’ sussegwentement jinbiegħ u, konsegwentement, min seta’ jipproċedi kontra tiegħu, filwaqt li l-azzjoni mressqa kontra xerrej għal dikjarazzjoni ta’ ineffettività u li tirrigwarda kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli minħabba l-ħsara kkawżata lill-kredituri tal-bejjiegħ, tirrikjedi (bil-għan li tirnexxi) li x-xerrej kien konsapevoli tal-fatt li l-att legali (il-kuntratt ta’ bejgħ) kien qiegħed isir bi ħsara għall-kredituri u li, konsegwentement, ix-xerrej għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-possibbiltà li titressaq tali azzjoni mill-kreditur personali tal-bejjiegħ?”

 Fuq id-domandi preliminari

27      Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-actiopauliana, li permezz tagħha l-proprjetarju ta’ drittijiet ta’ kreditu jitlob li jiġi ddikjarat ineffettiv fil-konfront tiegħu dak l-att, allegatament ta’ ħsara għal dawn id-drittijiet, li bih id-debitur tiegħu ttrasferixxa beni lil terz persuna, taqax taħt ir-regola ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali prevista fl-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012.

 Fuq l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1215/2012

28      Kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni mibdija fil-konfront ta’ Coliseum ġew magħluqa minħabba insuffiċjenza ta’ attivi, peress li din il-kumpannija kienet attwalment insolventi.

29      Għaldaqstant, tqum il-mistoqsija dwar jekk l-azzjoni fil-kawża prinċipali taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012 jew inkella taqax fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza rregolata mir-Regolament Nru 1346/2000, applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali.

30      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-Regolamenti Nri 1215/2012 u 1346/2000 għandhom jiġu interpretati b’mod li tiġi evitata kull sovrappożizzjoni bejn ir-regoli tad-dritt stabbiliti minn dawn it-testi u kull lakuna legali. Għalhekk, l-azzjonijiet esklużi, abbażi tal-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012, mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar, sa fejn dawn jaqgħu taħt “falliment, proċedimenti li għandhom x’jaqsmu ma’ għeluq ta’ kumpanija falluti jew ta’ persuni ġuridiċi oħra, arranġamenti ġuridiki, komposizzjoni jew proċedimenti analogi”, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000. B’mod simmetriku, l-azzjonijiet li ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000 jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012 (sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Valach et, C-649/16, EU:C:2017:986, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li azzjoni tkun marbuta ma’ proċedimenti ta’ falliment fil-każ fejn din toriġina direttament mill-falliment u tkun tidħol strettament fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ likwidazzjoni tal-assi jew ta’ amministrazzjoni mill-qorti (sentenza tat-12 ta’ Frar 2009, Seagon, C-339/07, EU:C:2009:83, punt 19 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32      Madankollu, fil-każ odjern, l-azzjoni mressqa minn Feniks bl-ebda mod ma tidher li taqa’ fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ likwidazzjoni tal-assi jew ta’ amministrazzjoni mill-qorti. Barra minn hekk, waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ingħatat tweġiba għal mistoqsija magħmula minn din tal-aħħar li ma kienet infetħet l-ebda proċedura ta’ insolvenza kontra Coliseum, fatt li għandu madankollu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

33      Sa fejn l-azzjoni fil-kawża prinċipali, ibbażata fuq l-Artikolu 527 et seq. tal-Kodiċi Ċivili, hija intiża li tippreżerva l-interessi proprji tal-kreditur u mhux sabiex issaħħaħ l-attiv ta’ Coliseum, hija taqa’ taħt il-kunċett ta’ “kwistjonijiet ċivili u kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012.

 Fuq il-mertu

34      Hemm lok li jitfakkar li r-Regolament Nru 1215/2012 huwa intiż li jiġbor ir-regoli dwar il-kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali permezz ta’ regoli dwar il-ġurisdizzjoni li jippreżentaw livell għoli ta’ prevedibbilà. Dan ir-regolament għalhekk isegwi għan ta’ ċertezza legali li jikkonsisti fit-tisħiħ tal-protezzjoni legali tal-persuni stabbiliti fl-Unjoni Ewropea, billi jippermetti kemm lir-rikorrent jidentifika faċilment il-qorti li jista’ jersaq quddiemha u lill-konvenut jipprevedi raġonevolment dik li quddiemha jista’ jitressaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Lilju 2016, Granarolo, C-196/15, EU:C:2016:559, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sistema tal-attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni komuni prevista fil-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012 hija bbażata fuq ir-regola ġenerali, stabbilita fl-Artikolu 4(1) tiegħu, li l-persuni ddomiċiljati fit-territorju ta’ Stat Membru għandhom jitressqu quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat, irrispettivament min-nazzjonalità tal-partijiet. Huwa biss b’deroga minn din ir-regola ġenerali tal-ġurisdizzjoni li jagħti ġurisdizzjoni lill-qrati tad-domiċilju tal-konvenut li t-Taqsima 2 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012 tipprevedi ċertu numru ta’ regoli speċjali dwar il-ġurisdizzjoni, bħal dawk stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(a) ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2016, Granarolo, C-196/15, EU:C:2016:559, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      L-imsemmija ġurisdizzjoni tal-qrati tad-domiċilju tal-konvenut għandha, kif mistqarr fil-premessa 16 tal-imsemmi regolament, tiġi kkompletata minn fori oħra awtorizzati minħabba r-rabta bejn il-qorti u l-kawża jew bil-għan li tiġi ffaċilitata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

37      Ir-regoli speċjali dwar il-ġurisdizzjoni li jipprevedu fori oħra għandhom jiġu interpretati b’mod strett u ma jippermettux interpretazzjoni li tmur lil hinn mill-każijiet imsemmija b’mod espliċitu mill-imsemmi regolament (sentenza tal-14 ta’ Lulju 2016, Granarolo, C-196/15, EU:C:2016:559, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Fir-rigward tal-ġurisdizzjoni speċjali prevista fl-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012 għall-vertenzi fil-qasam kuntrattwali, hemm lok li jitfakkar li l-kunċett ta’ “kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt” għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu bil-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi ta’ dan tal-aħħar fl-Istati Membri kollha (sentenza tas-7 ta’ Marzu 2018, flightright et, C-274/16, C-447/16 u C-448/16, EU:C:2018:160, punt 58 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39      Kif ġie deċiż diversi drabi mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-applikazzjoni ta’ din ir-regola ta’ ġursidizzjoni speċjali tippreżumi l-eżistenza ta’ obbligu ġuridiku assunt liberament minn persuna fil-konfront ta’ persuna oħra u li fuqha hija bbażata l-azzjoni tal-applikant (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Jannar 2005, Engler, C-27/02, EU:C:2005:33, punt 51; tat-18 ta’ Lulju 2013, ÖFAB, C-147/12, EU:C:2013:490, punt 33, kif ukoll tal-21 ta’ Jannar 2016, ERGO Insurance u Gjensidige Baltic, C-359/14 u C-475/14, EU:C:2016:40, punt 44).

40      L-actio pauliana hija msejsa fuq id-dritt tal-kreditu, dritt personali tal-kreditur fil-konfront tad-debitur tiegħu, u għandha l-għan li tipproteġi d-dritt ta’ garanzija li l-ewwel wieħed jista’ jkollu fuq il-partimonju tat-tieni wieħed (sentenzi tal-10 ta’ Jannar 1990, Reichert u Kockler, C-115/88, EU:C:1990:3, punt 12, kif ukoll tas-26 ta’ Marzu 1992, Reichert u Kockler, C-261/90, EU:C:1992:149, punt 17).

41      Din tippreżerva wkoll l-interessi tal-kreditur, invista, b’mod partikolari, ta’ eżekuzzjoni forzata ulterjuri tal-obbligi tad-debitur (sentenza tas-26 ta’ Marzu 1992, Reichert u Kockler, C-261/90, EU:C:1992:149, punt 28).

42      Għalkemm jirriżulta, fil-każ odjern, mid-deċiżjoni tar-rinviju preliminari li Feniks ħallset lis-subkuntratturi li ġew imqabbda minn Coliseum sabiex jitwettqu x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni minħabba dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tistabbilixxi r-responsabbiltà in solidum tal-investitur u tal-persuna li teżegwixxi x-xogħlijiet, xorta jibqa’ l-fatt li kemm id-dritt ta’ garanzija li għandha Feniks fuq il-patrimonju tad-debitur tagħha kif ukoll l-azzjoni għal ineffettività tal-bejgħ konkluż minn din tal-aħħar ma’ terzi joriġinaw mill-obbligi assunti liberament minn Coliseum fir-rigward ta’ Feniks bil-konklużjoni tal-kuntratt marbut mal-imsemmija xogħlijiet ta’ kostruzzjoni.

43      Fil-fatt, b’din l-azzjoni, il-kreditur jintendi li jiġi kkonstatat li t-trasferiment, mid-debitur, ta’ attivi lil terz sar bi ħsara għad-drittijiet tal-kreditur naxxenti mill-forza obbligatorja tal-kuntratt u li jikkorrispondu għall-obbligi assunti liberament mid-debitur tiegħu. Għaldaqstant, il-kawża ta’ din l-azzjoni essenzjalment tinsab fil-ksur tal-obbligi li ġew assunti mid-debitur fir-rigward tal-kreditur.

44      Minn dan isegwi li l-actio pauliana, meta titressaq abbażi ta’ drittjiet ta’ kreditu naxxenti minn obbligi assunti bil-konklużjoni ta’ kuntratt, taqa’ taħt “kwistjonijiet ċivili u kummerċjali”, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 39 ts-sentenza odjerna. Għaldaqstant, jeħtieġ li forum tad-domiċilju tal-konvenut jiġi kkompletat minn dak awtorizzat mill-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012, peress li tali forum jissodisfa, fir-rigward tal-oriġini kuntrattwali tar-relazzjonijiet bejn il-kreditur u d-debitur, kemm ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali u ta’ prevedibbiltà kif ukoll l-għan ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

45      Kieku kien mod ieħor, il-kreditur kien ikun kostrett iressaq l-azzjoni tiegħu quddiem il-qorti tad-domiċilju tal-konvenut, meta dan il-forum, previst mill-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, jista’ f’ċerti każijiet ma jkollu l-ebda rabta mal-post tal-obbligi tad-debitur favur il-kreditur tiegħu.

46      Konsegwentement, huwa kkonsentit li l-proprjetarju tad-drittijiet ta’ kreditu naxxenti minn kuntratt, li jkollu l-intenzjoni li jressaq l-actio pauliana, li jressaqha quddiem il-qorti tal-“post tat-twettiq tal-obbligazzjoni in kwistjoni”, billi dan il-forum huwa dak li huwa awtorizzat mill-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012. Fil-kawża odjerna, peress li l-azzjoni tal-kreditur maħsuba li tippreżerva l-interessi tiegħu fl-eżekuzzjoni tal-obbligi naxxenti mill-kuntratt ta’ xogħlijiet tal-kostruzzjoni, isegwi li l-“post tat-twettiq tal-obbligazzjoni in kwistjoni” huwa, skont l-Artikolu 7(1)(b) ta’ dan ir-regolament, dak li fih ġew ipprovduti dawn ix-xogħlijiet, bis-saħħa ta’ dak il-kuntratt, jiġifieri fil-Polonja.

47      Tali konklużjoni tissodisfa iktar u iktar l-għan ta’ prevedibbiltà tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni peress li professjonist li jkun ikkonkluda kuntratt ta’ xiri ta’ proprjetà immobbli jista’, meta kreditur tal-kontraent tiegħu jilmenta li dan il-kuntratt jostakola indebitament l-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ dan il-kontraenti fir-rigward ta’ dan il-kreditur, jistenna li jiġi mħarrek quddiem il-qorti tal-post tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija obbligi.

48      Il-konklużjoni stabbilita fil-punt preċedenti bl-ebda mod ma hija kkonfutata miċ-ċirkustanza, naxxenti f’dan il-każ mill-Artikolu 531(1) tal-Kodiċi Ċivili, li l-azzjoni tressqet kontra t-terza persuna u mhux kontra d-debitur. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li r-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali fil-qasam kuntrattwali, prevista fl-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012 hija bbażata fuq il-kawża tal-azzjoni u mhux fuq l-identità tal-partijiet (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2018, flightright et, C-274/16, C-447/16 u C-448/16, EU:C:2018:160, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Għaldaqstant jeħtieġ li tingħata risposta għad-domandi preliminari li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, actio pauliana, li permezz tagħha l-proprjetarju ta’ dritt ta’ kreditu naxxenti minn kuntratt jitlob li jiġi ddikjarat ineffettiv fil-konfront tiegħu l-att legali, allegatament ta’ ħsara għad-drittijiet tiegħu, li permezz tiegħu d-debitur tiegħu ttrasferixxa beni lil terza persuna, taqa’ taħt ir-regola ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali prevista fl-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012.

 Fuq l-ispejjeż

50      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, actio pauliana, li permezz tagħha l-proprjetarju ta’ dritt ta’ kreditu naxxenti minn kuntratt jitlob li jiġi ddikjarat ineffettiv fil-konfront tiegħu l-att legali, allegatament ta’ ħsara għad-drittijiet tiegħu, li permezz tiegħu d-debitur tiegħu ttrasferixxa beni lil terza persuna, taqa’ taħt ir-regola ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali prevista fl-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.