Language of document : ECLI:EU:F:2009:105

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

10 ta’ Settembru 2009

Kawża F-139/07

Rinse van Arum

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ evalwazzjoni – Portata tal-ilment imsemmi fl-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal”

Suġġett: Rikors, ippreżentat abbażi tal-Artikoli 236 KE u 152 KEFA, li permezz tiegħu R. Van Arum jitlob, l-ewwel nett, prinċipalment, li jitneħħew ċerti rimarki mir-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu li sar fil-proċedura ta’ evalwazzjoni 2005 u li jiżdiedu punti oħra, kif ukoll, sussidjarjament, li jiġi annullat l-imsemmi rapport, u wara, b’mod iktar sussidjarju, li jiġi ordnat li l-provi kollha relatati mal‑kontenut tar-rapport ta’ evalwazzjoni jiġu kkomunikati lilu u li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jieħu pożizzjoni dwar il-fatti u l‑evalwazzjonijiet inkwistjoni mqajma minnu, u t-tieni nett, li l‑Parlament jiġi kkundannat iħallas id-danni li jammontaw għal EUR 1.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ evalwazzjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni – Obbligu għall-ewwel evalwatur li jimmotiva l-osservazzjonijiet jew l-evalwazzjonijiet tiegħu – Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

2.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ evalwazzjoni – Adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ attribuzzjoni tal-punti ta’ mertu fin-nuqqas ta’ verżjoni definittiva tar-rapport ta’ evalwazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

3.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ evalwazzjoni – Stħarriġ ġudizzjarju

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

4.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ evalwazzjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

5.      Uffiċjali – Fajl individwali – Obbligu li l-uffiċjal jiġi nnotifikat bid-deċiżjoni li r-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu ddaħħal fil-fajl individwali

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 26)

6.      Proċedura – Spejjeż – Talba għal deċiżjoni skont il-liġi

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 87(1))

1.      Huwa r-rapport ta’ evalwazzjoni u, konsegwentement, il-kummenti finali f’dan ir-rapport, li jistgħu jippreġudikaw uffiċjal u li, għalhekk, għandhom ikunu motivati, u mhux l-osservazzjonijiet jew evalwazzjonijiet ifformulati iktar b’mod partikolari mill-ewwel evalwatur. Għalhekk, nuqqas ta’ motivazzjoni eventwali tal-Kumitat tar-Rapporti ma jistax ikun ta’ natura li jivvizzja l-legalità tal-imsemmi rapport ta’ evalwazzjoni.

(ara l-punt 44)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 7 ta’ Marzu 2007, Sequeira Wandschneider vs Il‑Kummissjoni, T‑110/04, ĠabraFP p. I‑A‑2‑0000 u II‑A‑2‑0000, punt 108

2.      Meta l-Awtorità tal-Ħatra tadotta deċiżjoni ta’ attribuzzjoni ta’ punti ta’ mertu meta jkun għad ma għandhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-verżjoni definittiva tar‑rapport ta’ evalwazzjoni ta’ uffiċjal sempliċement minħabba l-fatt li dan tal‑aħħar ikun ippreżenta appell intern, l-imsemmija deċiżjoni għandha impliċitament tittieħed bla ħsara għar-riżultat definittiv tal-proċedura ta’ evalwazzjoni, wara li jiġu eżawriti l-mezzi kollha ta’ appell. Għaldaqstant, huwa possibbli għall-amministrazzjoni li timmodifika n-numru ta’ punti ta’ mertu attribwiti lil uffiċjal, jekk jiġri li, wara l-appell intern ippreżentat minnu jew, jekk ikun il-każ, wara l-ilment tiegħu, ir-rapport ta’ evalwazzjoni jkollu jinbidel. Il‑fatt li deċiżjoni ta’ attribuzzjoni tal-punti ta’ mertu tkun ġiet adottata qabel ma r-rapport ta’ evalwazzjoni jkun sar definittiv, ma huwiex biżżejjed għall-preżunzjoni li l‑imsemmija deċiżjoni kienet influwenzat ir-riżultat tal-appell intern li sar u, konsegwentement, ir-rapport ta’ evalwazzjoni, peress li d-deċiżjoni ta’ attribuzzjoni, adottata neċessarjament bla ħsara għar-riżultat definittiv tal-proċedura ta’ evalwazzjoni, seta’ jiġi modifikat kieku r-rapport ta’ evalwazzjoni definittiv kellu jkun differenti mill-verżjoni provviżorja tiegħu.

(ara l-punti 47, 48)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 10 ta’ Settembru 2009, Behmer vs Il‑Parlament, F‑47/07, ĠabraFP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punti 78 u 79

3.      Ir-rapport ta’ evalwazzjoni jesprimi l-opinjoni fformulata liberament mill‑evalwaturi. Għalhekk, dawn l-evlawazzjonijiet ma jistgħux, min-natura tagħhom, jiġu vverifikati b’mod oġġettiv mill-qorti Komunitarja, li ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-persuni inkarigati milli jevalwaw ix-xogħol tal-persuna evalwata bl-evalwazzjoni tagħha. Fil-fatt, l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jevalwaw ix-xogħol tal-uffiċjali tagħhom. Il-ġudizzji ta’ evalwazzjoni mogħtija lill-uffiċjali fir-rapporti ta’ evalwazzjoni huma esklużi mill-istħarriġ ġudizzjajru, li jista’ jiġi eżerċitat biss fuq irregolaritajiet eventwali ta’ forma, żbalji manifesti li jivvizzjaw l‑evalwazzjonijiet magħmula mill-evalwatur, kif ukoll dwar abbuż eventwali ta’ poter. L-Awtorità tal-Ħatra lanqas ma tista’ tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-evalwaturi responsabbli milli jevalwaw ix-xogħol ta’ uffiċjal bl-evalwazzjoni tagħha, peress li din tal-aħħar, bħall-Imħallef Komunitarju, mhux neċessajrament tkun taf is-sitwazzjoni preċiża ta’ kull uffiċjal. Konsegwentement, l-istħarriġ tal‑evalwazzjonijiet magħmula mill-evalwaturi fuq l-uffiċjali li saritilhom l‑evalwazzjoni għandu jkun limitat għal żball manifest. Barra minn hekk, din l‑awtorità ma tistax tiġi kkritikata, matul il-proċedura prekontenzjuża, li ma ssostitwietx l-evalwazzjoni tal-evalwatur dwar il-prestazzjonijiet tar-rikorrenti b’tagħha, li ma rrispondietx għall-punti kollha kkontestati mir-rikorrent, u li ma eżaminatx l-argumenti legali kollha tiegħu.

(ara l-punti 56 u 62)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 3 ta’ Lulju 1980, Grassi vs Il-Kunsill, 6/79 u 97/79, Ġabra p. 2141, punt 15

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 26 ta’ Ottubru 1994, Marcato vs Il-Kummissjoni, T‑18/93, ĠabraFP p. I‑A‑215 u II‑681, punt 45; 20 ta’ Mejju 2003, Pflugradt vs BĊE, T‑179/02, ĠabraFP p. I‑A‑149 u II‑733, punt 46; 13 ta’ Lulju 2006, Andrieu vs Il-Kummissjoni, T‑285/04, ĠabraFP p. I‑A‑2‑161 u II‑A‑2‑775, punt 99; 12 ta’ Settembru 2007, Combescot vs Il-Kummissjoni, T‑249/04, ĠabraFP p. I‑A‑2‑0000 u II‑A‑2‑0000, punt 78

4.      Il-motivazzjoni ta’ rapport ta’ evalwazzjoni tinsab, prinċipalment, fid‑diversi taqsimiet relatati mal-kompetenza, mal-effiċjenza u mal-kondotta fuq ix‑xogħol. Madankollu, il-motivazzjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni tista’ wkoll tirriżulta minn preċiżazzjonijiet li jsiru mill-amministrazzjoni barra mir-rapport stess, b’mod partikolari meta ssir proċedura interna prekontenzjuża relatata mal‑proċedura ta’ evalwazzjoni. Rapport ta’ evalwazzjoni għandu jiġi kkunsidrat bħala suffiċjentement motivat, minkejja t-tħassir eventwali ta’ ċerti rimarki li jinsabu fl-ewwel verżjoni tal-imsemmi rapport, peress li r-rikorrent seta’ jevalwa l-fondatezza tal-evalwazzjoni ġenerali tal-prestazzjonijiet tiegħu li saret mill‑evalwaturi.

Barra minn hekk, l-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jagħti l-ebda indikazzjoni dwar obbligu eventwali li l-kummenti li jinsabu fir-rapport ta’ evalwazzjoni jiġu ssupplimentati b’punti ta’ fatt. Bil-kontra, l-evalwatur għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jevalwa x-xogħol tal-persuni evalwati. L‑eżistenza ta’ tali setgħa diskrezzjonali tippreżupponi li l-evalwaturi ma għandhomx l-obbligu li jinkludu fir-rapport ta’ evalwazzjoni l-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha rilevanti insostenn tal-evalwazzjoni tagħhom, u lanqas li jeżaminaw u li jirrispondu għall-punti kollha kkontestati mill-persuna evalwata. Din il‑konklużjoni ma hijiex imminata mill-eżistenza ta’ gwida ta’ evalwazzjoni, li fiha regoli imperattivi li l-amministrazzjoni għalhekk tkun imponiet fuqha infisha u li għandha tikkonforma magħhom. Fil-fatt, ir-regola, stabbilita mill-imsemmija gwida, li tipprovdi li l-evalwazzjoni ta’ eċċellenza jew ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ xogħol mill-persuna evalwata għandha tiġi ssostanzjata b’kummenti fattwali, ma tinkisirx meta l-evalwatur, meta jqis li l-prestazzjonijiet tal-persuna evalwata ma kinux partikolarment eċċellenti, u lanqas partikolarment mhux sodisfaċjenti, ma żiedx tali kummenti.

(ara l-punti 80, 82, 88 sa 91 u 96)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 16 ta’ Lulju 1992, Della Pietra vs Il-Kummissjoni, T‑1/91, Ġabra p. II‑2145, punt 32; Marcato vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45 ; 12 ta’ Diċembru 1996, AIUFFASS u AKT vs Il-Kummissjoni, T‑380/94, Ġabra p. II‑2169, punt 57; Pflugradt vs BCE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46; 1 ta’ Marzu 2005, Mausolf vs Europol, T‑258/03, ĠabraSP p. I‑A‑45 u II‑189, punt 25; 10 ta’ Mejju 2005, Piro vs Il-Kummissjoni, T‑193/03, Ġabra SP p. I‑A‑121 u II‑547, punti 59; 25 ta’ Ottubru 2005, Micha vs Il-Kummissjoni, T‑50/04, ĠabraSP p. I‑A‑339 u II‑1499, punt 36, u l-ġurisprudenza ċċitata, u punti 39 u 40

5.      L-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal għandu biss l-għan li jippermetti lil uffiċjal li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fir-rigward ta’ kull parti li tinteressa s-sitwazzjoni amministrattiva tagħha u r-rapporti kollha li jikkonċernaw il-kompetenza, l-effiċjenza jew il-kondotta tagħha. Għalhekk, fl-ipoteżi fejn l‑amministrazzjoni tkun bagħtet lil uffiċjal ir-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu qabel ma dan jiddaħħal fil-fajl tiegħu u fejn il-persuna kkonċernata titqiegħed f’pożizzjoni li tinkludi l-osservazzjonijiet tagħha, ma jistax jiġi rrilevat, f’dan ir‑rigward, il-ksur tal-Artikolu 26 tal-imsemmija regolamenti. Barra minn hekk, għalkemm l-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal jimponi fuq l‑amministrazzjoni li tinforma lill-uffiċjal bil-kontenut tal-att li għandu jiġi kklassifikat, ma jimponilix fuqha li tinnotifikah bid-deċiżjoni tal-klassifikazzjoni bħala tali.

(ara l-punti 133 sa 135)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 28 ta’ Mejju 1998, W vs Il-Kummissjoni, T‑78/96 u T‑170/96, ĠabraSP p. I‑A‑239 u II‑745, punt 99; 6 ta’ Marzu 2001, Ojha vs Il‑Kummissjoni, T‑77/99, ĠabraSP p. I‑A‑61 u II‑293, punti 56 sa 61; 13 ta’ Diċembru 2005, Cwik vs Il-Kummissjoni, T‑155/03, T‑157/03 u T‑331/03, ĠabraSP p. I‑A‑411 u II‑1865, punti 50 sa 52 u 73

6.      Skont il-kliem tal-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas‑Servizz Pubbliku, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. It-talba li titlob li jiġi deċiż dwar l-ispejjeż skont il-liġi ma tistax titqies li hija talba għall-kundanna għall-ispejjeż tal-parti li tkun tilfet il-kawża.

(ara l-punti 146 u 148)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 9 ta’ Ġunju 1992, Lestelle vs Il-Kummissjoni, C‑30/91 P, Ġabra p. I‑3755, punt 38; 29 ta’ April 2004, Il-Parlament vs Ripa di Meana et, C‑470/00 P, Ġabra p. I‑4167, punt 86

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 10 ta’ Lulju 2008, Maniscalco vs Il‑Kummissjoni, F‑141/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punti 30 sa 33