Language of document : ECLI:EU:C:2015:366

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fl-4 ta’ Ġunju 2015 (1)

Kawża C‑299/14

Vestische Arbeit Jobcenter Kreis Recklinghausen

vs

Jovanna García-Nieto,

Joel Peña Cuevas,

Jovanlis Peña García,

Joel Luis Peña Cruz

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landessozialgericht Nordrhein-Westfalen (il-Ġermanja)]

“Regolament (KE) Nru 883/2004 – Direttiva 2004/38/KE – Ċittadinanza tal-Unjoni – Ugwaljanza fit-trattament – Ċittadini tal-Unjoni li qed ifittxu xogħol li jgħixu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi l-esklużjoni ta’ dawn il-persuni minn benefiċċji speċjali ta’ natura mhux kontributorja – Eżistenza ta’ rabta reali bejn l-imsemmi ċittadin u s-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ta’ residenza”





I –    Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tqajjem, essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk Stat Membru jistax jeskludi mit-tgawdija ta’ benefiċċji għall-għajxien ta’ natura mhux kontributorja, fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (2), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1244/2010, tad-9 ta’ Diċembru 2010 (3) (iktar ’il quddiem ir “Regolament Nru 883/2004”), ċittadini ta’ Stati Membri oħra matul l-ewwel tliet xhur tar-residenza tagħhom li jkunu għadhom ma humiex ekonomikament attivi u li jkunu jinsabu fil-bżonn.

2.        Din il-kawża hija parti minn serje ta’ kawżi li joriġinaw fil-Ġermanja li fihom il-qrati tar-rinviju jistaqsu dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni, b’mod iktar partikolari mal-prinċipju ta’ ugwaljanza stabbilit minn diversi dispożizzjonijiet tad-dritt primarju u tad-dritt sekondarju, tal-esklużjoni ta’ ċerti ċittadini tal-Unjoni Ewropea mit-tgawdija ta’ benefiċċji soċjali previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

3.        L-ewwel waħda minn dawn il-kawżi, li wasslet għas-sentenza Dano (C‑333/13, EU:C:2014:2358), kienet tirrigwarda l-każ ta’ ċittadin tal Unjoni li jasal fit-territorju ta’ Stat Membru mingħajr ma jkun irid isib xogħol hemmhekk u li ma jkunx jista’ jipprovdi għall-għajxien tiegħu bil-mezzi tiegħu stess. It-tieni kawża, li fiha jiena ppreżentajt konklużjonijiet fis-26 ta’ Marzu 2015 (kawża Alimanovic, C‑67/14, EU:C:2015:210), pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, tirrigwarda ċittadin tal-Unjoni li, wara li ħadem inqas minn sena fit-territorju ta’ Stat Membru li ma kienx ċittadin tiegħu, talab li jkun jista’ jibbenefika mill-benefiċċji għall-għajxien tal-Istat Membru ospitanti.

4.        Din il-kawża tirrigwarda t-tielet sitwazzjoni: dik ta’ ċittadin tal-Unjoni li, matul l-ewwel tliet xhur tar-residenza tiegħu fit-territorju tal-Istat ospitanti, ma jkunx ħaddiem impjegat jew li jaħdem għal rasu u li lanqas ma jista’ jitqies li żamm dan l-istatus skont l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (4).

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      It-Trattat FUE

5.        Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE, “[f]il-kamp ta’ l-applikazzjoni tat-Trattati, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċjali inklużi hemm kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza għandha tiġi projbita”.

6.        L-Artikolu 45 TFUE jiżgura b’mod iktar speċifiku l-moviment liberu tal-ħaddiema fl-Unjoni. Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, dan il-moviment liberu “jimplika l-abolizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza bejn il-ħaddiema ta’ l-Istati Membri dwar l-impjieg, il-paga u l-kondizzjonijiet l-oħra tax-xogħol”.

2.      Ir-Regolament Nru 883/2004

7.        Il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 883/2004 huwa deskritt fl-Artikolu 3 tiegħu kif ġej:

“1.      Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-fergħat li ġejjin tas-sigurtà soċjali:

[...]

h)      benefiċċji mogħtija lil persuni li ma jkunux impjegati;

[...]

2.      Sakemm l-Anness XI ma jgħidx mod ieħor, dan ir-Regolament għandu japplika għal skemi ġenerali u speċjali ta’ sigurtà soċjali, kemm jekk kontributorji u kemm jekk le, u għal skemi marbutin ma’ l-obbligi ta’ min iħaddem jew ta’ sid il-vapur.

3.      Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għal benefiċċji speċjali, li mhumiex kontributorji, li jingħataw fi flus u li huma koperti mill-Artikolu 70.

[...]

5.      Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal:

(a)      assistenza soċjali u medika [...];

[...]”

8.        Skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Trattament ugwali”:

“Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom igawdu l-istess benefiċċji u għandhom ikunu suġġetti għall-istess obbligi taħt il-leġislazzjoni ta’ kull Stat Membru daqs li kieku kienu ċittadini ta’ dak l-Istat Membru”.

9.        Il-Kapitolu 9 tat-Titolu III tar-Regolament Nru 883/2004 huwa ddedikat għal “[b]enefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus”. Huwa kkostitwit mill-Artikolu 70 waħdu, li huwa intitolat “Disposizzjoni ġenerali” u jipprevedi li:

“1.      Dan l-Artikolu għandu japplika għal benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus taħt il-leġislazzjoni li, minħabba l-ambitu personali, objettivi u/jew kondizzjonijiet dwar l-intitolar, għandha karatteristiċi kemm tal-leġislazzjoni dwar is-sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 3(1) u kemm ta’ assistenza soċjali.

2.      Għall-għanijiet ta’ dan il-Kapitolu, ‘benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus’ tfisser dawn il-benefiċċji li:

(a)      huma maħsuba biex jagħtu jew:

(i)      protezzjoni supplimentari, sostituta jew sekondarja kontra r-riskji koperti mill-fergħat ta’ sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 3(1), u li jiggarantixxu lill-persuni konċernati dħul minimu għall-għajxien fil-waqt li jikkunsidraw is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-Istat Membru konċernat; jew

(ii)      protezzjoni speċifika biss għal persuni b’diżabilità, liema protezzjoni hija marbuta ma’ l-ambjent soċjali tal-persuna konċernata fl-Istat Membru konċernat,

u

(b)      meta l-iffinanzjar jiġi b’mod esklużiv minn taxxi obbligatorji maħsubin biex ikopru l-ispiża pubblika ġenerali u l-kondizzjonijiet biex jingħataw u biex ikunu ikkalkulati l-benefiċċji ma jiddependux fuq xi kontribuzzjoni fir-rigward tal-benefiċjarju. Madanakollu, benefiċċji mogħtija biex jissupplimentaw benefiċċju kontributorju ma għandhomx jitqiesu bħala benefiċċji kontributorji minħabba din ir-raġuni biss,

u

(ċ)      huma elenkati fl-Anness X.

3.      L-Artikolu 7 [u] l-kapitoli l-oħra ta’ dan it-Titolu ma għandhomx japplikaw għall-benefiċċji msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

4.      Il-benefiċċji msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jingħataw biss fl-Istat Membru fejn il-persuni konċernati għandhom ir-residenza tagħhom u skond il-leġislazzjoni ta’ dan l-Istat Membru. Dawn il-benefiċċji għandhom jingħataw u għandhom jitħallsu mill-istituzzjoni tal-post ta’ residenza”.

10.      L-Anness X tar-Regolament Nru 883/2004, li jirregola il “[b]enefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji mogħtija fi flus” jinkludi, taħt “Il-Ġermanja”, id-deskrizzjoni li ġejja:

“[...]

b)      Benefiċċji li jkopru spejjeż ta’ sussistenza taħt id-dispożizzjoni bażika għal min ikun qed ifittex impjieg sakemm, fir-rigward ta’ dawn il-benefiċċji, il- ħtiġiet ta’ eliġibbiltà għal suppliment temporanju wara li jkunu rċivew il-benefiċċju tal-qgħad (l-Artikolu 24(1) tal-Ktieb II tal-Kodiċi Soċjali) ma jkunux ġew sodisfatti.”

3.      Id-Direttiva 2004/38

11.      Il-premessi 10, 16 u 21 tad-Direttiva 2004/38 jaqraw kif ġej:

“(10)      Dawk il-persuni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ residenza m’għandhomx, madankollu, ikunu ta’ piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu inizjali ta’ residenza. Għalhekk, id-dritt ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom għal perjodi li jaqbżu t-tliet xhur għandu jkun bla ħsara għal kondizzjonijiet.

[...]

(16)      Sakemm il-benefiċjarji tad-dritt ta’ residenza ma jsirux piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti, dawn m’għandhomx jitkeċċew. Għalhekk, miżura ta’ tkeċċija m’għandhiex tkun il-konsegwenza awtomatika jekk iduru għas-sistema ta’ l-għajnuna soċjali. L-Istat Membru ospitanti għandu jeżamina jekk hux każ ta’ diffikultajiet temporanji u jqis id-dewma [dewmien] tar-residenza, iċ-ċirkostanzi personali u l-ammont ta’ għajnuna awtorizzat qabel jikkunsidra lill-benefiċjarju piż mhux raġonevoli fuq is-sistema tiegħu ta’ għajnuna soċjali u jipproċiedi għat-tkeċċija tiegħu. Fl-ebda każ m’għandha tiġi adotatta miżura ta’ tkeċċija kontra ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom jew persuni li qed ifittxu xogħol kif imfissra mill-Qorti tal-Ġustizzja ħlief minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika.

[...]

(21)      Madankollu, għandu jkun l-Istat Membru ospitanti li jiddeċiedi jekk jagħtix [benefiċċji ta’] għajnuna soċjali matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza, jew għal perjodu itwal f’każ ta’ dawk li qed ifittxu xogħol, liċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għajr dawk li huma ħaddiema jew persuni li jaħdmu għal rashom jew li jżommu dan l-istatus jew lill-membri tal-familja tagħhom, jew manteniment għall-istudji, inkluż it-taħriġ professjonali, qabel l-akkwist tad-dritt ta’ residenza permanenti minn dawn l-istess persuni”.

12.      L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Dritt ta’ residenza sa tliet xhur”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ mhux aktar minn tliet xhur mingħajr xi kondizzjonijiet jew formalitajiet għajr il-ħtieġa li jkollhom karta ta’ l identità jew passaport li huma validi”.

13.      L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Dritt ta’ residenza ta’ aktar minn tliet xhur” jipprevedi li:

“1.      Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

(a)      ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti; jew

(b)      għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti; […]

[...]

3.      Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1(a), ċittadin ta’ l-Unjoni li m’għadux jaħdem jew li m’għadux jaħdem għal rasu għandu jżomm l-istatus ta’ ħaddiem jew ta’ persuna li taħdem għal rasha fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

[...]

(b)      il-persuna kkonċernata, wara li tkun spiċċat involontarjament bla xogħol wara li ħadmet għal aktar minn sena, tirreġistra bħala persuna li qed tfittex xogħol ma’ l-uffiċċju ta’ l-impjieg rilevanti;

(ċ)      il-persuna kkonċernata spiċċat involontarjament bla xogħol wara li lestiet kuntratt ta’ xogħol għal żmien fiss ta’ anqas minn sena jew wara li spiċċat involontarjament bla xogħol matul l-ewwel tnax-il xahar u rreġistrat bħala persuna li qed tfittex xogħol ma’ l-uffiċċju ta’ l-impjieg rilevanti. F’dan il-każ, l-istatus ta’ ħaddiem għandu jinżamm għal perjodu li mhux inqas minn sitt xhur;

[...]”

14.      L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/38 huwa ddedikat għaż-“[ż]amma tad-dritt ta’ residenza”. Skont din id-dispożizzjoni:

“1.      Ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt ta’ residenza kif previst fl-Artikolu 6, sakemm ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti.

[...]

3.      Miżura ta’ tkeċċija m’għandhiex tkun konsegwenza awtomatika meta ċittadin ta’ l-Unjoni jew membru tal-familja tiegħu jirrikorru għas-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti.

4.      Permezz ta’ deroga mill-paragrafi 1 u 2 u mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet tal-Kapitolu VI, m’għandha fl-ebda każ tiġi adotatta miżura ta’ tkeċċija kontra ċittadini ta’ l-Unjoni jew kontra membri tal-familja tagħhom jekk:

(a)      iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni huma ħaddiema jew persuni li jaħdmu għal rashom, jew

(b)      iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni daħlu fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti sabiex ifittxu impjieg. F’dan il-każ, iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom m’għandhomx jitkeċċew sakemm iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni jistgħu jipprovdu evidenza li qed ikomplu jfittxu xogħol u li għandhom ċans ġenwin li jsibuh.”

15.      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 24 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Trattament ugwali”, jistabbilixxi:

“1.      Bla ħsara għal disposizzjonijiet speċifiċi kif previsti b’mod ċar fit-Trattat u fil-liġi sekondarja, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jgħixu skond din id-Direttiva fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti għandhom igawdu trattament ugwali bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru fl-iskop tat-Trattat. Il-benefiċċju ta’ dan id-dritt għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru u li għandhom id-dritt ta’ residenza jew għandhom residenza permanenti.

2.      B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istat Membru ospitanti m’għandux ikun obbligat li jattribwixxi d-dritt [għal benefiċċju] ta’ għajnuna soċjali matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza jew, fejn xieraq, matul il-perjodu itwal previst fl-Artikolu 14(4)(b), lanqas mhu obbligat, qabel il-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti, li jawtorizza għajnuna ta’ manteniment għall-istudji, inkluż taħriġ professjonali, li jikkonsisti f’konċessjonijiet ta’ l-istudenti jew f’self għal studenti lill-persuni li mhumiex ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom, persuni li jżommu t-tali status u membri tal-familja tagħhom.”

B –    Id-dritt Ġermaniż

1.      Il-Kodiċi Soċjali

16.      L-Artikolu 19a(1) tal-Ktieb I tal-Kodiċi Soċjali (Sozialgesetzbuch Erstes Buch, iktar ’il quddiem is-“SGB I”), jiddeskrivi ż-żewġ tipi ta’ benefiċċji tal-assigurazzjoni bażika għal dawk li jfittxu xogħol kif ġej:

“(1)      Taħt id-dritt għall-assigurazzjoni bażika għal dawk li jkunu qegħdin ifittxu xogħol jistgħu jintalbu:

1.      benefiċċji li jinvolvu d-dħul f’xogħol,

2.      benefiċċji li jinvolvu li jiġi żgurat l-għajxien.

[...]”

17.      Fil-Ktieb II tal-Kodiċi Soċjali (Sozialgesetzbuch Zweites Buch, iktar ’il quddiem is-“SGB II”), l-Artikolu 1 tiegħu, intitolat “Funzjoni u għan tal-assigurazzjoni bażika għal dawk li jkunu qegħdin ifittxu xogħol”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu, li:

“(1)      L-assigurazzjoni bażika [(“Grundsicherung”)] għal dawk li jkunu qegħdin ifittxu xogħol hija intiża li tippermetti lill-benefiċjarji tagħha jgħixu ħajja li tixraq lid-dinjità tal-bniedem.

[...]

(3)      L-assigurazzjoni bażika għal dawk li jkunu qegħdin ifittxu xogħol tinvolvi benefiċċji

1.      intiżi li jtemmu jew li jnaqqsu l-istat ta’ bżonn, b’mod partikolari billi jinstab ix-xogħol u

2.      intiżi li jiżguraw l-għajxien.”

18.      L-Artikolu 7 tas-SGB II, intitolat “Benefiċjarji”, jistabbilixxi li:

“(1)      Il-benefiċċji skont dan il-ktieb huma intiżi għall-persuni li

1.      laħqu l-età ta’ 15-il sena u għadhom ma laħqux il-limitu tal-età msemmi fl-Artikolu 7a,

2.      huma kapaċi jaħdmu,

3.      jinsabu fil-bżonn u

4.      jirrisjedu abitwalment [...] [fil-]Ġermanja (benefiċjarji li kapaċi jaħdmu). Huma esklużi

1.      il-barranin, nisa u rġiel, li ma humiex impjegati jew ħaddiema li jaħdmu għal rashom [...] [fil-]Ġermanja u li ma għandhomx id-dritt għall-moviment liberu skont l-Artikolu 2(3) tal-liġi dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni [(Freizügigkeitsgesetz/EU, iktar ’il quddiem il-‘FreizügG/EU’)], u l-membri tal-familja tagħhom, matul l-ewwel tliet xhur tar-residenza tagħhom,

2.      il-barranin, nisa u rġiel, li d-dritt ta’ residenza tagħhom huwa ġġustifikat biss minħabba li qegħdin ifittxu xogħol, u l-membri tal-familja tagħhom,

[...]

Il-punt 1 tat-tieni sentenza ma japplikax għall-barranin, nisa u rġiel, li jirrisjedu [...] [fil-]Ġermanja taħt permess ta’ residenza maħruġ skont it-Taqsima 2 tal-Kapitolu 5 tal-Liġi dwar id dritt ta’ residenza. Id-dispożizzjonijiet fil-qasam tad-dritt ta’ residenza jibqgħu japplikaw.

[...]”

19.      L-Artikolu 8 tas-SGB II, iddedikat għall-kunċett ta’ “kapaċità li taħdem”, jipprevedi li:

“(1)      Hija kapaċi li taħdem kull persuna li, fil-futur prevedibbli, ma hijiex inkapaċi, minħabba mard jew diżabbiltà, li teżerċita attività professjonali tal-inqas tliet sigħat kuljum fil-kundizzjonijiet abitwali tas-suq tax-xogħol.

[...]”

20.      L-Artikolu 9 tas-SGB II jipprevedi li:

“(1)      Hija fil-bżonn kull persuna li ma tistax tiżgura l-għajxien tagħha, jew li tiżgurah b’mod suffiċjenti, abbażi tad-dħul jew tal-patrimonju li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni u ma tirċevix l-għajnuna neċessarja minn persuni oħra, b’mod partikolari mill-membri tal-familja tagħha jew minn korpi oħra ta’ benefiċċji soċjali. [...]

[...]”

21.      L-Artikoli 14 sa 18e tas-SGB II, li jikkostitwixxu l-ewwel taqsima tal-Kapitolu III, jirrigwardaw il-benefiċċji għad-dħul fis-suq tax-xogħol.

22.      L-Artikolu 20 tas-SGB II jistabbilixxi dispożizzjonijiet komplementari dwar il-bżonnijiet bażiċi għall-għajxien, l-Artikolu 21 tas-SGB II jirrigwarda l-bżonnijiet supplimentari u l-Artikolu 22 tas-SGB II jikkonċerna l-bżonnijiet ta’ akkomodazzjoni u l-provvista ta’ tisħin. Fl-aħħar nett, l-Artikoli 28 sa 30 tas-SGB II jirrigwardaw il-benefiċċji ta’ taħriġ u ta’ parteċipazzjoni.

23.      Fil-Ktieb XII tal-Kodiċi Soċjali (Sozialgesetzbuch Zwölftes Buch, iktar ’il quddiem is-“SGB XII”), l-Artikolu 1 tiegħu, li jittratta l-għajnuna soċjali, jipprevedi li:

“Il-funzjoni tal-għajnuna soċjali hija dik li tippermetti lill-benefiċjarji tagħha li jgħixu ħajja li tixraq lid-dinjità tal-bniedem. […]”

24.      L-Artikolu 21 tas-SGB XII jipprevedi li:

“Il-benefiċċji għall-għajxien ma jingħatawx lill-persuni li huma benefiċjarji ta’ benefiċċji skont il-Ktieb II sa fejn dawn ikunu kapaċi jaħdmu jew minħabba r-rabta familjari tagħhom. […]”

2.      Il-FreizügG/EU

25.      Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-FreizügG/EU huwa ppreċiżat fl-Artikolu 1 ta’ din il-liġi:

“Din il-liġi tirregola d-dħul u r-residenza taċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea (ċittadini tal-Unjoni) u tal-membri tal-familja tagħhom.”

26.      L-Artikolu 2 tal-FreizügG/EU jipprevedi, għal dak li jikkonċerna d-dritt tad-dħul u ta’ residenza, li:

“(1)      Iċ-ċittadini tal-Unjoni li jibbenefikaw mill-moviment liberu u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt li jidħlu u li jirrisjedu fit-territorju federali skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi.

(2)      Għandhom jibbenefikaw mill-moviment liberu taħt id-dritt Komunitarju:

1.      iċ-ċittadini tal-Unjoni li jkunu jixtiequ jirrisjedu bħala ħaddiema, sabiex ifittxu impjieg jew biex jieħdu taħriġ professjonali.

[...]

5.      iċ-ċittadini tal-Unjoni mingħajr attività professjonali, b’mod konformi għall-kundizzjonijiet tal-Artikolu 4,

6.      il-membri tal-familja, skont il-kundizzjonijiet tal-Artikoli 3 u 4,

[...]

(3)      Għall-impjegati jew ħaddiema li jaħdmu għal rashom, id-dritt previst fil-paragrafu 1 huwa bla ħsara

[...]

2.      għall-qgħad involontarju kkonfermat mill-aġenzija kompetenti jew għat-tmiem ta’ attività indipendenti wara ċirkustanzi indipendenti mir-rieda tal-ħaddiem li jaħdem għal rasu, wara perijodu ta’ iktar minn sena ta’ attività,

[...]

Id-dritt li jirriżulta mill-paragrafu 1 għandu jinżamm għal sitt xhur fil-każ ta’ qgħad involontarju kkonfermat mill-aġenzija għax-xogħol kompetenti wara perijodu ta’ xogħol ta’ inqas minn sena.

[...]”

27.      L-Artikolu 4 tal-FreizügG/EU jipprevedi, fir-rigward tal-persuni li jibbenefikaw mill-moviment liberu li ma jeżerċitawx attività professjonali, li:

“Iċ-ċittadini tal-Unjoni mingħajr attività professjonali u l-membri tal-familja tagħhom li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom, għandhom jibbenefikaw mid-dritt previst fl-Artikolu 2(1) jekk huma jkollhom assigurazzjoni ta’ mard suffiċjenti u mezzi ta’ għajxien suffiċjenti. Jekk ċittadin tal-Unjoni jirrisjedi fit-territorju federali taħt l-istat ta’ student, għandhom jibbenefikaw minn dan id-dritt biss il-konjuġi jew sieħeb/sieħba tiegħu/tagħha u t-tfal tiegħu/tagħha, li l-għajxien tagħhom ikun żgurat.”

3.      Il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Assistenza Soċjali u Medika

28.      L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Assistenza Soċjali u Medika (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar l-Assistenza”) jipprevedi l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

29.      Madankollu, skont l-Artikolu 16(b) tal-imsemmija Konvenzjoni, il-Gvern Ġermaniż ħareġ riżerva (iktar ’il quddiem ir-“riżerva”) fid-19 ta’ Diċembru 2011, li tipprevedi li “l-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma għandux jagħti liċ-ċittadini tal-partijiet kontraenti l-oħra, bl-istess mod bħaċ-ċittadini tiegħu stess u taħt l-istess kundizzjonijiet, il-benefiċċji previsti fit-Tieni Ktieb tal-Kodiċi Ġermaniż tas-Sigurtà Soċjali – Protezzjoni soċjali bażika għal dawk li qed ifittxu xogħol fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ rispettivament”.

III – Il-fatti tal-kawża prinċipali

30.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma ċittadini Spanjoli. Jovanna García-Nieto u Joel Peña Cuevas għexu għal diversi snin bħala koppja fi Spanja, mingħajr ma żżewġu u mingħajr ma daħlu f’unjoni rreġistrata, flimkien ma’ Jovanlis Peña García, it-tifla tagħhom it-tnejn, kif ukoll mat-tifel li għadu minuri ta’ Joel Peña Cuevas, Joel Luis Peña Cruz.

31.      F’April 2012, J. García-Nieto daħlet fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja mat-tifla tagħha, Jovanlis Peña García. Hija ddikjarat ruħha bħala persuna li qed tfittex xogħol fl-1 ta’ Ġunju 2012. Hija bdiet taħdem bħala assistenta fi kċina xi għaxart ijiem wara. B’effett mill-1 ta’ Lulju 2012, hija rċeviet remunerazzjoni mensili netta ta’ EUR 600 (suġġetta għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali).

32.      Ftit wara, fit-23 ta’ Ġunju 2012, J. Peña Cuevas u t-tifel tiegħu, Joel Luis Peña Cruz, ingħaqdu magħhom. Sal-1 ta’ Novembru 2012, l-erbgħa li huma rrisjedew fid-dar ta’ omm J. García-Nieto u għexu mid-dħul ta’ din tal-aħħar.

33.      J. Peña Cuevas ħadem għal żmien qasir mit-2 sat-30 ta’ Novembru 2012. Sussegwentement huwa rċieva, mill-1 ta’ Diċembru 2012 sal-1 ta’ Jannar 2013, allowance tal-qgħad skont it-Tielet Ktieb tal Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali Ġermaniż abbażi tal-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fi Spanja. F’Jannar 2013, huwa kellu xogħol ta’ persuna mqabbda biex tnaddaf. Wara t-tmiem ta’ din l-attività, huwa reġa’ rċieva allowance tal-qgħad. B’effett mix-xahar ta’ Ottubru 2013, huwa okkupa xogħol ġdid li, skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, kellu jintemm fit-30 ta’ Settembru 2014.

34.      J. García-Nieto u J. Peña Cuevas ilhom jirċievu allowances tal-familja għaż-żewġ ulied tagħhom sa minn Lulju 2012. Barra minn hekk, dawn tal-aħħar bdew jattendu l-iskola fit-22 ta’ Awwissu 2012.

35.      Fit-30 ta’ Lulju 2012, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu wkoll talba quddiem il-Vestiche Arbeit Jobcenter Kreis Recklinghausen (iktar ’il quddiem il-“Jobcenter”) sabiex jibbenefikaw mill-benefiċċji għall-għajxien previsti mis-SGB II.

36.      Madankollu, il-Jobcenter irrifjuta li jagħti l-imsemmija benefiċċji lil J. Peña Cuevas u lit-tifel tiegħu, Joel Luis Peña Cruz, għax-xhur ta’ Awwissu u ta’ Settembru 2012. Id-deċiżjoni tal-Jobcenter kienet ibbażata fuq il-punt 1 tat-tieni sentenza tal-Artikolu 7(1) tas-SGB II, peress li J. Peña Cuevas u t-tifel tiegħu kienu għexu għal inqas minn tliet xhur fil-Ġermanja u, barra minn hekk, J. Peña Cuevas ma kienx ħaddiem impjegat jew li jaħdem għal rasu. Skont il-Jobcenter, l-esklużjoni tal-għoti tal-imsemmija benefiċċji kienet tapplika wkoll għat-tifel ta’ J. Peña Cuevas. Wara r-riżerva maħruġa mill-Gvern Ġermaniż, il-Konvenzjoni dwar l-Assistenza ma setgħetx tnissel iktar drittijiet.

37.      Wara dan ir-rifjut, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem is-Sozialgericht Gelsenkirchen (qorti kompetenti fil-qasam tal-kawżi dwar is-sigurtà soċjali ta’ Gelsenkirchen, il-Ġermanja) li ntlaqa’. Madankollu, il-Jobcenter appella minn din is-sentenza quddiem il-Landessozialgericht Nordrhein-Westfalen (qorti superjuri tal-kontenzjuż soċjali ta’ Nordrhein-Westfalen).

38.      Huwa f’dan il-kuntest li din il-qorti esprimiet dubji dwar l-ammissibbiltà, fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, tal-esklużjoni sħiħa tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali mit-tgawdija ta’ benefiċċji għall-għajxien.

IV – It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

39.      Permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Mejju 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Ġunju 2014, il-Landessozialgericht Nordrhein-Westfalen, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 267 TFUE, id-domandi preliminari segwenti:

“1)      Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni previst fl-Artikolu 4 tar-Regolament [Nru 883/2004] japplika wkoll – bl-eċċezzjoni tal-esklużjoni tal-esportazzjoni tal-benefiċċji prevista fl-Artikolu 70(4) tal-imsemmi regolament – għall-benefiċċji speċjali li ma humiex kontributorji u li jingħataw fi flus fis-sens tal-Artikolu 70(1) u (2) tar-Regolament [Nru 883/2004]?

2)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, restrizzjonijiet għall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni previst fl-Artikolu 4 tar-Regolament [Nru 883/2004] permezz ta’ dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva [2004/38] li bis-saħħa tagħhom l-aċċess għal dawn il-benefiċċji ma jeżisti taħt l-ebda cirkustanza matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza meta ċ-ċittadini tal-Unjoni fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja la għandhom l-istatus ta’ ħaddiem impjegat jew ta’ ħaddiem li jaħdem għal rasu u lanqas id-dritt ta’ moviment liberu taħt l-Artikolu 2(3) tal-[FreizügG/EU], huma possibbli u skont il-każ sa liema estent?

3)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni stabbiliti fid-dritt primarju – b’mod partikolari fid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 45(2) [TFUE] u tal-Artikolu 18 TFUE – jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali li tirrifjuta, mingħajr eċċezzjoni, lil ċittadini tal-Unjoni, matul l-ewwel tliet xhur tar-residenza tagħhom, benefiċċju soċjali li jservi sabiex jiġu ggarantiti l-mezzi tal-għajxien u fl-istess waqt jiffaċilita wkoll l-aċċess għas-suq tax-xogħol, meta dawn iċ-ċittadini tal-Unjoni fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja la għandhom l-istatus ta’ ħaddiem impjegat jew ta’ ħaddiem li jaħdem għal rasu u lanqas id-dritt ta’ moviment liberu taħt l-Artikolu 2(3) tal-FreizügG/EU, iżda li jistgħu jinvokaw rabta reali mal-Istat [Membru] ospitanti u, b’mod partikolari, mas-suq tax-xogħol tal-Istat [Membru] ospitanti?”

40.      Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Marzu 2015, hija ddeċidiet madankollu li ma kienx hemm lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda peress li din kienet saret bl-istess mod fil-kawża li wasslet għas-sentenza Dano (C‑333/13, EU:C:2014:2358) u li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet irrisponditha b’mod pożittiv billi ddeċidiet li “r-Regolament Nru 883/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-‘benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus’ fis-sens tal-Artikoli 3(3) u 70 ta’ dan ir-regolament jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4 tar-regolament imsemmi” (5).

41.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, mill-Gvern tal-Ġermanja, tal-Polonja u tar-Renju Unit, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

42.      Barra minn hekk, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Pollakk, dawn il-partijiet kollha esprimew ruħhom waqt is-seduta li nżammet fit-22 ta’ April 2015. Il-Gvern Franċiż, li ma kienx ippreżenta l-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, esprima l-argumenti tiegħu wkoll waqt din is-seduta.

V –    Analiżi

A –    Osservazzjonijiet preliminari dwar il-klassifikazzjoni tal-benefiċċji għall-għajxien previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali

43.      Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk restrizzjonijiet imposti fuq il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament previst fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 humiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u, jekk ikun il-każ, sa liema punt.

44.      Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tqabbel l-punt 1 tat-tieni sentenza tal-Artikolu 7(1) tas-SGB II mal-Artikolu 24(2) tad Direttiva 2004/38, li jipprevedi deroga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn iċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti u ċ-ċittadini tal-Unjoni fl-għoti ta’ “benefiċċji ta’ għajnuna soċjali”.

45.      L-analiżi ta’ konformità tar-regola nazzjonali mal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 ma hijiex għalhekk rilevanti ħlief jekk il-benefiċċji inkwistjoni jistgħu jiġu kklassifikati bħala “benefiċċji ta’ għajnuna soċjali” fis-sens ta’ din id-direttiva.

46.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tispeċifika li benefiċċju speċjali fi flus ta’ natura mhux kontributorja fis-sens tar-Regolament Nru 883/2004 jista’ jaqa’ wkoll fil-kunċett ta’ “sistema ta’ għajnuna soċjali”, li jinsab fl-Artikolu 7(1)(b) tad Direttiva 2004/38 (6). Madankollu, jekk tali benefiċċji finanzjarji huma intiżi sabiex jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq tax-xogħol, huma ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala “benefiċċji ta’ għajnuna soċjali”, fis-sens tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 (7). F’dan il-każ, huma jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE, li fuqu hija bbażata t-tielet domanda preliminari.

47.      Konsegwentement, skont in-natura tal-benefiċċji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija biss it-tieni jew it-tielet domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju li għandha tingħata risposta.

48.      Jiena diġà espremejt ruħi fit-tul dwar din il-kwistjoni fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Dano (8) u Alimanovic (9) u wasalt għall-konklużjoni li l-benefiċċji għall-għajxien previsti mis-SGB II jaqgħu fid-definizzjoni ta’ benefiċċji ta’ għajnuna soċjali fis-sens tad-Direttiva 2004/38 (10).

49.      Jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja stess irrikonoxxiet il-benefiċċji għall-għajxien tas-SGB II bħala benefiċċji ta’ għajnuna soċjali fis-sens tad-Direttiva 2004/38. Fil-fatt, fil-punt 69 tas-sentenza Dano (C‑333/13, EU:C:2014:2358), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li “ċittadin tal Unjoni, f’dak li jirrigwarda l-aċċess għal benefiċċji soċjali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jista’ biss jinvoka ugwaljanza fit-trattament maċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti jekk ir-residenza tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti tosserva l-kundizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38” (11). Issa, il-benefiċċji inkwistjoni f’dik il-kawża kienu identiċi għal dawk li ġew irrifjutati lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali mill-Jobcenter.

50.      Għaldaqstant, ħlief sabiex nerġa’ nirreferi għall-prinċipju tas-sentenza Vatsouras u Koupatantze (12) li jipprevedi li benefiċċji finanzjarji intiżi sabiex jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq tax-xogħol ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala benefiċċji ta’ għajnuna soċjali fis-sens tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 (13), jiena ser nikkonċentra l-analiżi tiegħi fuq din l-aħħar dispożizzjoni u mhux fuq l-Artikolu 45(2) TFUE.

51.      Madankollu, sabiex inkun eżawrjenti, ser neżamina wkoll din id-dispożizzjoni u ser nissuġġerixxi r-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda preliminari fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tħalli f’idejn il-qorti nazzjonali sabiex tikklassifika l-benefiċċji inkwistjoni bħala benefiċċji ta’ għajnuna soċjali jew bħala benefiċċji intiżi sabiex jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq tax-xogħol jew inkella bħala benefiċċji li għandhom iż-żewġ għanijiet.

52.      F’dan il-kuntest, jekk il-qorti nazzjonali tikkonstata li l-benefiċċji mitluba għandhom għan doppju, jiġifieri, minn naħa, li jiggarantixxu l-bżonnijiet bażiċi u, min-naħa l-oħra, li jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq tax-xogħol, jiena nqis li hija għandha tibbaża ruħha fuq il-funzjoni predominanti tal-benefiċċji, li, f’dan il-każ, hija deċiżament li jiggarantixxu l-mezzi ta’ għajxien neċessarji sabiex persuna tkun tista’ tgħix ħajja li tixraq lid-dinjità tal-bniedem.

B –    Fuq it-tieni domanda preliminari

53.      Skont l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, “[S]tat Membru ospitanti m’għandux ikun obbligat li jattribwixxi d-dritt [għal benefiċċju] ta’ għajnuna soċjali matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza jew, fejn xieraq, matul il-perjodu itwal previst fl-Artikolu 14(4)(b)”, jiġifieri matul il-perijodu ta’ tfittxija ta’ impjieg għaċ-ċittadini tal-Unjoni li jkunu daħlu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti għal dan il-għan u li “[għalhekk] m’għandhomx jitkeċċew sakemm [huma] jistgħu jipprovdu evidenza li qed ikomplu jfittxu xogħol u li għandhom ċans ġenwin li jsibuh”.

54.      Għaldaqstant, għalkemm “l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38 u l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 jfakkru l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, l-Artikolu 24(2) tad-direttiva msemmija jinkludi deroga mill-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni” (14).

55.      Għal dak li jirrigwarda l-ewwel tliet xhur previsti minn din id-dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat, fis-sentenza Dano (C‑333/13, EU:C:2014:2358), ġurisprudenza preċedenti li tipprevedi li, “abbażi tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, l-Istat Membru ospitanti ma [kienx] marbut li jagħti d-dritt għal benefiċċju soċjali lil ċittadin ta’ Stat Membru ieħor jew lill-membri tal-familja tiegħu matul dan il-perijodu” (15). Din il-ġurisprudenza tista’ titqies bħala stabbilita (16).

56.      Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda d-dritt taċ-ċittadini tal-Istati Membri li qegħdin ifittxu xogħol fi Stat Membru ieħor, jiġifieri t-tieni perijodu temporanju previst fl-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-eżami tagħha fir-rigward tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ma kien “żvela l-ebda element li jista’ jaffettwa l-validità [tiegħu]” (17).

57.      Fir-realtà, l-eżistenza ta’ inugwaljanza fit-trattament bejn iċ-ċittadini tal-Unjoni li jkunu użaw il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza tagħhom u ċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti fir-rigward tal-għoti tal-benefiċċji soċjali hija “konsegwenza inevitabbli tad-Direttiva 2004/38 [minħabba] ir-relazzjoni li stabbilixxa l-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 7 tad-direttiva msemmija bejn, minn naħa, il-ħtieġa ta’ riżorsi suffiċjenti bħala kundizzjoni ta’ residenza, u, min-naħa l-oħra, ix-xewqa li ma jinħoloqx piż għas-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istati Membri” (18).

58.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-prinċipju ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jeskludi mit-tgawdija ta’ benefiċċju speċjali ta’ natura mhux kontributorja, fis-sens tar-Regolament Nru 883/2004 (li barra minn hekk jikkostitwixxi benefiċċju ta’ għajnuna soċjali fis-sens tad-Direttiva 2004/38), il-persuni li jmorru fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru bl-iskop li jfittxu xogħol, ma jidhirlix li jmur kontra l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004, u lanqas is-sistema implementata mid-Direttiva 2004/38.

59.      Il-kuntest ġuridiku globali li fih tidħol id-Direttiva 2004/38 ma jqegħidx inkwistjoni din il-konklużjoni.

60.      Fis-sentenza Dano (C‑333/13, EU:C:2014:2358), il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar “li l-Artikolu 20(1) TFUE jagħti lil kull persuna li għandha n-nazzjonalità ta’ Stat Membru l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni (sentenza N., C‑46/12, EU:C:2013:97, punt 25)” (19).

61.      Hija kompliet bil-ġurisprudenza stabbilita tagħha li tipprevedi li “l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni huwa intiż sabiex ikun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri li permezz tiegħu dawk fosthom li jinsabu fl-istess sitwazzjoni jistgħu jiksbu l-istess trattament ġuridiku fil-qasam ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-Trattat FUE, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom u bla ħsara għall-eċċezzjonijiet espressament previsti f’dan ir-rigward (sentenzi Grzelczyk, C‑184/99, EU:C:2001:458, punt 31; D’Hoop, C‑224/98, EU:C:2002:432, punt 28, kif ukoll N., C‑46/12, EU:C:2013:97, punt 27)” (20).

62.      Minn dan jirriżulta li “[k]ull ċittadin tal-Unjoni jista’ għalhekk jinvoka l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità stabbilita fl-Artikolu 18 TFUE fis-sitwazzjonijiet kollha li jifformaw parti mill-qasam ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni. Dawn is-sitwazzjonijiet jinkludu dawk li jidħlu fl-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri kkonferiti mill-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikoli 20(2) TFUE u 21 TFUE (ara s-sentenza N., EU:C:2013:97, punt 28, u l ġurisprudenza ċċitata)” (21).

63.      Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet ukoll li, “[f]’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 18(1) TFUE jipprekludi kull diskriminazzjoni eżerċitata minħabba n-nazzjonalità ‘[f]il-kamp ta’ l-applikazzjoni tat-Trattati, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċjali inklużi hemm’. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 20(2) TFUE jippreċiża espressament li d-drittijiet li jikkonferixxi dan l-artikolu liċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom jiġu eżerċitati ‘skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti definiti fit-Trattati u permezz tal-miżuri adottati għall-applikazzjoni tagħhom’. Barra minn hekk, l-Artikolu 21(1) TFUE jissuġġetta, ukoll, id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċirkolaw u li jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri għall-osservanza tal-‘limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u d-dispożizzjonijiet meħuda sabiex dan jitwettaq’ (ara s-sentenza Brey, C‑140/12, EU:C:2013:565, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata)” (22).

64.      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li “il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, stabbilit b’mod ġenerali fl-Artikolu 18 TFUE, huwa ppreċiżat fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni li […] jeżerċitaw il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza tagħhom fit-territorju tal-Istati Membri. Dan il-prinċipju huwa barra minn hekk ippreċiżat fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni […] li jinvokaw fl-Istat Membru ospitanti, benefiċċji msemmija fl-Artikolu 70(2) tar-regolament imsemmi” (23).

65.      Fi kliem ieħor, l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 li jawtorizza trattament differenzjat bejn iċ-ċittadini tal-Unjoni u ċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti huwa “deroga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 18 TFUE, u [...] l-Artikolu 24(1) ta[l-istess] [d]irettiva […] jikkostitwixxi biss espressjoni speċifika tiegħu” (24). Konsegwentement, dan “għandu jiġi interpretat […] b’mod strett u b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, inklużi dawk dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni u l-moviment liberu tal-ħaddiema”.

66.      Barra minn hekk, ir-restrizzjonijiet għall-għoti ta’ benefiċċji soċjali lil ċittadini tal-Unjoni, li ma għandhomx, jew ma għadx għandhom, l-istatus ta’ ħaddiema, u li huma stabbiliti abbażi tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 għandhom ikunu leġittimi (25).

67.      Din il-perspettiva u dawn ir-regoli li jitolbu, minn naħa, li l-eċċezzjoni tiġi interpretata b’mod strett u, min-naħa l-oħra, li l-limiti li jirriżultaw minnha jkunu leġittimi, wasluni sabiex fil-kawża Alimanovic (C‑67/14, EU:C:2015:210), pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, nipproponi distinzjoni bejn tliet każijiet:

–        dak taċ-ċittadin ta’ Stat Membru li jkun mar fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u li jkun ilu jirrisjedi fih għal inqas minn tliet xhur jew għal iktar minn tliet xhur iżda mingħajr l-għan li jfittex xogħol (l-ewwel każ);

–        dak taċ-ċittadin ta’ Stat Membru li jkun mar fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor sabiex hemmhekk ifittex xogħol (it-tieni każ), u

–        dak taċ-ċittadin ta’ Stat Membru li jkun ilu jirrisjedi għal iktar minn tliet xhur fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u li fih kellu impjieg (it-tielet każ).

68.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jistgħu jsibu ruħhom fis-sitwazzjoni msemmija fl-ewwel parti tal-ewwel każ (jiġifieri dik ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li jkun mar fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u li jkun ilu jirrisjedi fih għal iktar minn tliet xhur) u f’dik deskritta fit-tieni każ (dak ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li jkun mar fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor sabiex hemmhekk ifittex xogħol).

69.      Kif diġà indikajt preċedentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat fis-sentenza Dano (C‑333/13, EU:C:2014:2358) li, “abbażi tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, l-Istat Membru ospitanti ma [kienx] marbut li jagħti d-dritt għal benefiċċju soċjali lil ċittadin ta’ Stat Membru ieħor jew lill-membri tal-familja tiegħu [għal residenza ta’ mhux iktar minn tliet xhur]” (26).

70.      Din l-interpretazzjoni hija konformi mal-għan taż-żamma tal-bilanċ finanzjarju tas-sistema ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri li trid tilħaq id-Direttiva 2004/38 (27). Peress li l-Istati Membri ma jistgħux jeżiġu li ċ-ċittadini tal-Unjoni jkollhom mezzi ta’ għajxien suffiċjenti u assigurazzjoni medika personali għal residenza ta’ tul ta’ tliet xhur, huwa leġittimu li l-Istati Membri ma jkunux responsabbli għalihom matul dan il-perijodu.

71.      Fil-fatt, fil-każ kuntrarju, jekk id-dritt għal benefiċċji ta’ għajnuna soċjali jinfetaħ għal ċittadini tal-Unjoni li ma għandhomx mezzi ta’ għajxien suffiċjenti, dan jista’ jwassal għal ċaqliq massiv li jista’ jikkawża piż mhux raġonevoli fuq is-sistemi nazzjonali ta’ sigurtà soċjali.

72.      Barra minn hekk, għalkemm il-persuni li jaslu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti jista’ jkollhom rabtiet personali ma’ ċittadini oħra tal-Unjoni li diġà jirresjedu f’dan l-Istat Membru, ir-rabta mal-Istat Membru innifsu xorta waħda hija probabbilment limitata matul dan l-ewwel perijodu.

73.      Barra minn hekk, jiena osservajt ukoll, fil-kuntest tal-analiżi tat-tieni każ imsemmi fil-konklużjonijiet ippreżentati fil-kawża Alimanovic (C‑67/14, EU:C:2015:210), pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li “iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri li jiċċaqalqu biex ifittxu impjieg jibbenefikaw mill-prinċipju tat-trattament ugwali biss fir-rigward ta’ l-aċċess għall-istess impjieg, [filwaqt li] dawk li jkunu diġà daħlu fis-suq tax-xogħol jistgħu jitolbu, abbażi ta’ l-Artikolu 7(2) tar-Regolament [(KEE) Nru 1612/68 tal-Kunsill, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (28), issostitwit bl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2011, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (29)], l-istess benefiċċji soċjali u fiskali bħall-ħaddiema nazzjonali” (30).

74.      Fid-dawl tal-motivazzjoni tas-sentenza Dano (C‑333/13, EU:C:2014:2358) dwar l-ekwilibriju tad-Direttiva 2004/38 (31) u d-distinzjoni magħmula mid-dritt tal-Unjoni u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja bejn il-ħaddiem li jasal fit-territorju ta’ Stat Membru u dak li jkun diġà aċċeda għal dan is-suq tax-xogħol, il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi mit-tgawdija ta’ benefiċċju speċjali fi flus ta’ natura mhux kontributorja, fis-sens tar-Regolament Nru 883/2004 (li barra minn hekk jikkostitwixxi benefiċċju fis-sens tad-Direttiva 2004/38), matul l-ewwel tliet xhur tar-residenza tagħhom jew għal perijodu itwal, il-persuni li jmorru fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru bil-għan li jfittxu xogħol, ma jidhirlix li tmur kontra l-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament u lanqas kontra s-sistema implementata mill-imsemmija direttiva.

75.      Din l-esklużjoni mhux biss hija konformi mal-formulazzjoni tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 inkwantu tawtorizza lill-Istati Membri jirrifjutaw it-tgawdija ta’ benefiċċji ta’ għajnuna soċjali lil ċittadini ta’ Stati Membri oħra matul l-ewwel tliet xhur u għal perijodu itwal jekk dawn ikunu daħlu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti sabiex ifittxu xogħol, iżda wkoll mad-differenza oġġettiva tas-sitwazzjoni – stabbilita mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll, b’mod partikolari, mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 – bejn iċ-ċittadini li jkunu qed ifittxu l-ewwel xogħol fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti u dawk li jkunu diġà aċċedew għal dan is-suq (32).

76.      Il-qari tad-duttrina ddedikata għall-interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/38 u tar-Regolament Nru 883/2004 lanqas jidhirli li jqiegħed inkwistjoni din il-konklużjoni, anki jekk jitqiegħed fil-kuntest iktar globali taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, kif stabbilita fl-Artikoli 18 TFUE, 20 TFUE u 21 TFUE (33).

77.      L-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), li jistabbilixxi d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, tad-dar u tal-komunikazzjonijiet, lanqas ma jidhirli li jista’ jbiddel l-analiżi u l-konklużjoni li wasalt għaliha.

78.      Fil-fatt, minbarra n-natura ġenerali tal-Artikolu 7, jista’ jiġu imposti limitazzjonijiet fuq id-drittijiet li huwa jippreteġi bil-kundizzjoni, b’mod partikolari, tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, u dan skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta. Bl-istess mod li l-prinċipju ta’ ugwaljanza ma huwiex ippreġudikat fis-sustanza tiegħu mid-deroga prevista fl-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, dan japplika wkoll għad-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta.

C –    Fuq it-tielet domanda preliminari

79.      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, jekk l-Artikoli 45(2) TFUE u 18 TFUE, b’mod partikolari, jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi mingħajr eċċezzjoni liċ-ċittadini tal-Unjoni, li d-dritt ta’ residenza tagħhom huwa ġġustifikat biss mit-tfittxija ta’ xogħol, mill-għoti ta’ benefiċċji soċjali intiżi, minn naħa, sabiex jipprovdu mezzi ta’ għajxien u, min-naħa l-oħra, sabiex jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq tax-xogħol.

80.      Għalkemm l-ewwel domanda preliminari ngħatat risposta affermattiva, it-tielet domanda tibqa’ rilevanti jekk il-Qorti tal Ġustizzja tħalli f’idejn il-qorti tar-rinviju l-obbligu li tikklassifika l-benefiċċji ta’ assigurazzjoni bażika taħt id-dritt tal-Unjoni u jekk din tal-aħħar tqis li l-imsemmija benefiċċji huma essenzjalment intiżi sabiex jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq tax-xogħol.

81.      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod stabbilit li ma huwiex “iktar possibbli li jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu [45(2) TFUE], li huwa dikjarazzjoni tal-prinċipju fundamentali ta’ ugwaljanza fit-trattament iggarantit mill-Artikolu [18 TFUE], benefiċċju ta’ natura finanzjarja intiż sabiex jiffaċilita l-aċċess għall-impjieg fis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru” (34).

82.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, fis-sentenza Vatsouras u Koupatantze (C‑22/08 u C 23/08, EU:C:2009:344), li kien “leġittimu li Stat Membru jagħti tali għajnuna biss wara li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta reali bejn il-persuna li qed tfittex ix-xogħol u s-suq tax-xogħol ta’ dak l-Istat” (35).

83.      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ tali rabta tista’ tiġi vverifikata, b’mod partikolari, permezz tal-konstatazzjoni li l-persuna inkwistjoni, matul perijodu ta’ tul raġonevoli, kienet effettivament u realment qed tfittex impjieg fl-Istat Membru inkwistjoni (36).

84.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, “[i]ċ-ċittadini tal-Istati Membri li qegħdin ifittxu impjieg fi Stat Membru ieħor li stabbilixxew rabtiet reali mas-suq tax-xogħol ta’ dan l-Istat jistgħu jinvokaw l-Artikolu [45(2) TFUE] sabiex jibbenifikaw minn benefiċċju ta’ natura finanzjarja intiż sabiex jiffaċilita l-aċċess għas-suq tax-xogħol” (37).

85.      Madankollu, ma jistax jiġi injorat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li kundizzjoni unika ta’ natura wisq ġenerali u esklużiva, peress li hija tiffavorixxi indebitament element li ma huwiex neċessarjament rappreżentattiv tal-livell reali u effettiv ta’ rabta bejn l-applikant tal-allowances u s-suq ġeografiku inkwistjoni, bl-esklużjoni ta’ kull element rappreżentattiv ieħor, tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan segwit (38).

86.      Minn dawn iż-żewġ approċċi niddeduċi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll elementi oħra minbarra dak tat-tfittxija ta’ xogħol sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ rabta reali mas-suq ġeografiku inkwistjoni.

87.      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, elementi li jirriżultaw mill-kuntest tal-familja, bħall-eżistenza ta’ rabtiet stretti ta’ natura personali, jikkontribwixxu wkoll sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta fit-tul bejn l-applikant u l-Istat Membru ospitanti ġdid tiegħu (39). F’dawn iċ-ċirkustanzi, leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi kundizzjoni li “tipprekludi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi oħra potenzjalment rappreżentattivi tal-livell reali ta’ rabta tal-applikant mal-allowances tal-istennija fis-suq ġeografiku tax-xogħol inkwistjoni […] teċċedi dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan li hija ssegwi” (40).

88.      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li d-dritt tal-Unjoni, u b’mod iktar preċiż il-prinċipju ta’ ugwaljanza kif stabbilit mill-Artikolu 45(2) TFUE, jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi awtomatikament ċittadin tal-Unjoni mit-tgawdija ta’ benefiċċju speċjali ta’ natura mhux kontributorja fis-sens tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 883/2004 u li jiffaċilita l-aċċess għas-suq tax-xogħol, matul il-perijodu tal-ewwel tliet xhur tar-residenza tiegħu mingħajr ma tawtorizza lil dan iċ-ċittadin juri l-eżistenza ta’ rabta reali mal-Istat Membru ospitanti.

89.      F’dan ir-rigward, l-elementi li jirriżultaw mill-kuntest tal-familja (bħall-edukazzjoni tat-tfal jew rabtiet stretti, b’mod partikolari ta’ natura personali, maħluqa mill-applikant mal-Istat Membru ospitanti) (41) jew anki t-tfittxija ta’ xogħol, b’mod effettiv u reali, matul perijodu ta’ tul raġonevoli, huma elementi li jistgħu juru l-eżistenza tal-imsemmija rabta mal-Istat Membru ospitanti (42). L-eżistenza ta’ xogħol fil-passat, jew anki l-fatt li nstab xogħol ġdid wara l-introduzzjoni tat-talba għall-għoti ta’ benefiċċji soċjali, għandhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni għal dan il-għan (43).

90.      Madankollu, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tikkonstata l-eżistenza ta’ tali rabta fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari iżda l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, li minnhom il-qrati nazzjonali jagħmlu parti.

VI – Konklużjoni

91.      Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mil‑Landessozialgericht Nordrhein-Westfalen kif ġej:

“1)      L-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teskludi mit-tgawdija ta’ ċerti ‘benefiċċji speċjali ta’ natura mhux kontributorja’ fis-sens tal Artikolu 70(2) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 1244/2010 tal-Kummissjoni, tad-9 ta’ Diċembru 2010, u li jikkostitwixxu wkoll ‘benefiċċju ta’ għajnuna soċjali’ fis-sens tad-Direttiva 2004/38, liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra matul l-ewwel tliet xhur tar-residenza tagħhom fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti.

2)      L-Artikolu 45(2) TFUE jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teskludi mit-tgawdija ta’ ċerti ‘benefiċċji speċjali ta’ natura mhux kontributorja’ fis-sens tal-Artikolu 70(2) tar Regolament Nru 883/2004, kif emendat bir-Regolament Nru 1244/2010, u li jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq tax-xogħol, liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra matul l-ewwel tliet xhur tar-residenza tagħhom fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti mingħajr ma tagħtihom il-possibbiltà li juru l-eżistenza ta’ rabta reali mas-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72.


3 – ĠU L 338, p. 35.


4 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46.


5 – Punt 55 kif ukoll il-punt 1 tad-dispożittiv.


6 – Sentenza Brey (C‑140/12, EU:C:2013:565, punt 58).


7 – Sentenza Vatsouras u Koupatantze (C‑22/08 u C‑23/08, EU:C:2009:344, punt 45).


8 – C‑333/13, EU:C:2014:341.


9 – C‑67/14, EU:C:2015:210, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


10 – Ara l-punti 65 sa 72 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Dano (C‑333/13, EU:C:2014:341) u l-punti 54 sa 58 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Alimanovic (C‑67/14, EU:C:2015:210), pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


11 – Enfasi miżjuda minni.


12 – C‑22/08 u C‑23/08, EU:C:2009:344.


13Ibidem (punt 45).


14 – Sentenza Dano (C‑333/13, EU:C:2014:2358, punt 64). Enfasi miżjuda minni.


15 – Punt 70.


16 – Ara s-sentenzi Vatsouras u Koupatantze (C‑22/08 u C‑23/08, EU:C:2009:344, punti 34 u 35) kif ukoll Brey (C‑140/12, EU:C:2013:565, punt 56).


17 – Sentenza Vatsouras u Koupatantze (C‑22/08 u C‑23/08, EU:C:2009:344, punt 46). Huwa minnu li din il-konstatazzjoni ta’ validità saret fir-rigward tal-Artikoli 12 KE u 39(2) KE (illum l-Artikoli 18 TFUE u 45(2) TFUE). Madankollu, peress li “[k]ull ċittadin tal-Unjoni jista’ […] jinvoka l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità stabbilita fl-Artikolu 18 TFUE fis-sitwazzjonijiet kollha li jifformaw parti mill-qasam ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni” [ara s-sentenza Dano, C‑333/13, EU:C:2014:2358, punt 59 (enfasi miżjuda minni)], jidhirli li l-konstatazzjoni ta’ validità tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex limitata għas-sitwazzjoni ta’ “ħaddiem” biss, fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE.


18 – Sentenza Dano (C‑333/13, EU:C:2014:2358, punt 77).


19 – Punt 57.


20 – Sentenza Dano (C‑333/13, EU:C:2014:2358, punt 58).


21Ibidem (punt 59).


22 – Sentenza Dano (C‑333/13, EU:C:2014:2358, punt 60).


23Ibidem (punt 61). Enfasi miżjuda minni.


24 – Sentenza N. (C‑46/12, EU:C:2013:97, punt 33).


25 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Brey (C‑140/12, EU:C:2013:565, punt 57).


26 – Punt 70.


27 – Ara l-premessa 10 ta’ din id-direttiva.


28 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15.


29 – ĠU L 141, p. 1.


30 – Sentenza Collins (C‑138/02, EU:C:2004:172, punti 31 u 58 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


31 – Punti 67 sa 79.


32 – Sentenza Collins (C‑138/02, EU:C:2004:172, punti 30 u 31).


33 – Skont Herwig Verschueren, “[d]an l-approċċ ekwilibrat jidher rifless ukoll mil-leġiżlazzjoni tal-[Unjoni Ewropea] fid-Direttiva 2004/38. Din id-direttiva tipprevedi fil-fatt fl-Artikolu 24(2) tagħha deroga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-għajnuna soċjali matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza [...]” [traduzzjoni libera] (Verschueren, H., “La libre circulation des personnes à l’intérieur de l’UE et les allocations sociales minimales des États membres: en quête d’équilibre”, Revue belge de sécurité sociale, l-ewwel trimestru 2013, p. 127 sa 133, speċjalment p. 127; ara wkoll p. 117). Marc Morsa jikkonferma wkoll li “[g]ħalkemm id-dritt ta’ residenza jingħata għal massimu ta’ tliet xhur liċ-ċittadini tal-Unjoni kollha mingħajr ebda kundizzjoni jew rekwiżit ieħor ħlief għall-pussess ta’ karta tal identità jew passaport validu (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 [tad Direttiva 2004/38], l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 jippermetti madankollu lill-Istat Membru ospitanti ma jagħtix id-dritt għall-benefiċċji ta’ għajnuna soċjali matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza lill-persuni ekonomikament inattivi, u dan, sabiex dawn ma jsirux piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ dan l-Istat Membru” [traduzzjoni libera] (Morsa, M., “Les migrations internes à l’Union européenne sont-elles motivées par un accès à des prestations sociales? Citoyenneté européenne, liberté de circulation et de séjour des inactifs et droits sociaux, la relation entre la coordination européenne et la directive 2004/38”, Journal des tribunaux du travail, 2014, p. 245 sa 253, speċjalment p. 251). Elaine Fahey tinsisti fuq l-għażla tal-kliem tal-Artikolu 24, billi tippreċiża li “[i]t will be recalled that Art. 24 of the Directive [2004/38], whilst providing for equal treatment of Union citizens to social assistance, expressly states that Member States do not have to extend the value of equal treatment to social assistance for work-seekers. This important derogation is contained in Art. 24(2) […] The language used in the derogation consists of mandatory legislative language: ‘shall’, as opposed to discretionary terminology such as ‘may’, underscoring the fact that states are not under an obligation to provide assistance” (Fahey, E., “Interpretive legitimacy and distinction between ‘social assistance’ and ‘work seekers allowance’: Comment on Cases C‑22/08 and C‑23/08 Vatsouras and Koupatantze”, E.L. Rev., 2009, 34(6), p. 933 sa 949, speċjalment p. 939 u 940, ara wkoll p. 946). Kay Hailbronner jikkonferma wkoll dan il-qari tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 mingħajr ebda ambigwità meta huwa jikteb li “the article 24 unequivocally excludes job-seekers from social assistance for the first three months of residence or where appropriate for a longer period of job-seeking. No exception is made for a genuine link to the employment market” (enfasi miżjuda minni, Hailbronne, K., “Union citizenship and access to social benefits”, CML Rev., 2005(42), p. 1245 sa 1267, speċjalment p. 1263, ara wkoll l-argumenti żviluppati fil-p. 1259 u 1260).


34 – Sentenza Prete (C‑367/11, EU:C:2012:668, punt 25). Ara wkoll, f’dan is-sens, il-punt 49 tal-istess sentenza; is-sentenzi Collins (C‑138/02, EU:C:2004:172, punt 63); Ioannidis (C‑258/04, EU:C:2005:559, punt 22), kif ukoll Vatsouras u Koupatantze (C‑22/08 u C‑23/08, EU:C:2009:344, punt 37).


35 – Punt 38.


36 – Ara f’dan is-sens, is-sentenzi Collins (C‑138/02, EU:C:2004:172, punt 70); Vatsouras u Koupatantze (C‑22/08 u C‑23/08, EU:C:2009:344, punt 39), kif ukoll Prete (C‑367/11, EU:C:2012:668, punt 46).


37 – Sentenza Vatsouras u Koupatantze (C‑22/08 u C‑23/08, EU:C:2009:344, punt 40).


38 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Prete (C‑367/11, EU:C:2012:668, punt 34 u l ġurisprudenza ċċitata).


39Ibidem (punt 50).


40Ibidem (punt 51).


41 –      Ara f’dan is-sens is-sentenzi Prete (C‑367/11, EU:C:2012:668, punt 50) u Stewart (C‑503/09, EU:C:2011:500, punt 100).


42 – Għall-inqas mas-suq tax-xogħol tiegħu. Ara f’dan is-sens, is-sentenzi Collins (C‑138/02, EU:C:2004:172, punt 70); Vatsouras u Koupatantze (C‑22/08 u C‑23/08, EU:C:2009:344, punt 39), kif ukoll Prete (C‑367/11, EU:C:2012:668, punt 46).


43 – Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawżi Vatsouras u Koupatantze (C‑22/08 u C‑23/08, EU:C:2009:150), li jirrigwardaw il-fatt li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu eżerċitaw attività ekonomika matul l-ewwel tliet xhur wara d-dħul fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti. Minħabba din iċ-ċirkustanza partikolari, l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer kkunsidra li r-rikorrenti “diffiċli li jitqiesu li huma ‘persuni li qed ifittxu x-xogħol’ ordinarji jekk wara baqgħu bla xogħol” (punt 63).