Language of document : ECLI:EU:F:2012:114

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

17 ta’ Lulju 2012

Kawża F‑54/11

BG

vs

L-Ombudsman Ewropew

“Servizz pubbliku — Proċedura dixxiplinari — Sanzjoni dixxiplinari — Revoka — Eżistenza ta’ investigazzjoni preliminari quddiem il-qrati kriminali nazzjonali fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ revoka — Ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa — Projbizzjoni ta’ tkeċċija ta’ impjegata tqila matul il-perijodu bejn il-bidu tat-tqala u tmiem il-leave tal-maternità tagħha”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat abbażi tal-Artikolu 270 TFUE, li japplika għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu BG titlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew li tapplika kontra tagħha s-sanzjoni tar-revoka mingħajr telf ta’ drittijiet għall-pensjoni u, min-naħa l-oħra, il-kumpens għad-dannu li hija tqis li ġarrbet minħabba din id-deċiżjoni.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrenti għandha tħallas l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tħallas l-ispejjeż tal-Ombudsman.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikors — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Konkordanza bejn l-ilment u r-rikors — Eżami ex officio mill-qorti tal-Unjoni — Portata tar-regola

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali — Sistema dixxiplinari — Proċedura dixxiplinarja — Proċeduri dixxiplinari u kriminali mibdija fl-istess ħin fir-rigward tal-istess fatti — Għan tas-sospensjoni tal-proċedura dixxiplinarja — Obbligu li jiġu osservati l-konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-qorti kriminali — Adozzjoni ta’ sanzjoni dixxiplinarja qabel l-għeluq tal-proċedimenti kriminali abbażi ta’ fatti ammessi mill-uffiċjal — Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Anness IX, Artikolu 25)

3.      Uffiċjali — Rikors — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Deċiżjoni li tordna s-sospensjoni ta’ uffiċjal — Illegalità — Konsegwenzi għas-sanzjoni dixxiplinarja — Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

4.      Uffiċjali — Sistema dixxiplinari — Proċeduri dixxiplinari — Bord Dixxiplinari — Kompożizzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Anness IX, Artikolu 5(1))

5.      Uffiċjali — Deċiżjoni li tikkawża preġudizzju — Sanzjoni dixxiplinari — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Anness IX, Artikolu 25)

6.      Uffiċjali — Sistema dixxiplinari — Sanzjoni — Setgħa diskrezzjonali tal-Awtorità tal-Ħatra — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Anness IX, Artikolu 10)

7.      Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Stħarriġ tal-ġurisdizzjoni sħiħa ta’ sanzjoni dixxiplinarja

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)

8.      Uffiċjali — Sistema dixxiplinari — Sanzjoni — Ċirkustanza attenwanti — Assenza ta’ reċidiva tal-att jew tal-aġir li jikkostitwixxi nuqqas — Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Anness IX, Artikolu 10(h))

9.      Uffiċjali — Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa — Uffiċjali tqal, li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu — Projbizzjoni ta’ tkeċċija — Eċċezzjoni — Revoka wara proċedura dixxiplinarja

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 47; Direttiva tal-Kunsill 92/85, Artikolu 10)

1.      Il-konkordanza bejn l-ilment u r-rimedju hija kwistjoni ta’ ordni pubbliku li l-qorti għandha teżamina ex officio. Din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà madankollu tapplika biss għall-każijiet meta r-rikors kontenzjuż jemenda s-suġġett tat-talba jew il-kawża tagħha. Dan l-aħħar kunċett ta’ “kawża” għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’. B’mod partikolari, fir-rigward ta’ talbiet għal annullament, b’“kawża tat-tilwima” għandu jinftiehem il-kontestazzjoni tar-rikorrent dwar il-legalità sostantiva tal-att ikkontestat jew, alternattivament, il-kontestazzjoni tal-legalità esterna tagħha, distinzjoni li ġiet rikonoxxuta fil-ġurisprudenza.

(ara l-punti 57 u 58)

Referenza:

Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 11 ta’ Lulju 2007, B vs Il-Kummissjoni, F-7/06, punt 26, u l-ġurisprudenza ċċitata; 1 ta’ Lulju 2010, Časta vs Il-Kummissjoni, F-40/09, punt 83, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      Is-sospensjoni tal-proċedura dixxiplinari sakemm jingħalqu l-proċedimenti kriminali msemmija fl-Artikolu 25 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal għandha għan doppju.

Minn naħa, hija tissodisfa l-ħtieġa li ma tiġix affettwata l-pożizzjoni tal-uffiċjal inkwistjoni fil-kuntest tal-proċeduri kriminali li jiġu miftuħa kontrih minħabba fatti li huma barra minn hekk is-suġġett ta’ proċeduri dixxiplinari fi ħdan l-istituzzjoni tiegħu.

Min-naħa l-oħra, tali sospensjoni tippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri dixxiplinari, konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-qorti kriminali meta d-deċiżjoni tagħha tkun saret finali. Għaldaqstant, fil-każ fejn l-istess fatti jistgħu jammontaw għal reat kriminali u għal ksur tal-obbligi statutorji tal-uffiċjal, l-amministrazzjoni hija marbuta mill-konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-qorti kriminali fil-kuntest tal-proċeduri kriminali. Meta din il-qorti tkun ikkonstatat l-eżistenza tal-fatti tal-każ, l-amministrazzjoni tkun tista’ sussegwentement tikklassifikahom legalment fid-dawl tal-kunċett ta’ nuqqas dixxiplinari billi, b’mod partikolari, tivverifika jekk dawn jikkostitwixxux nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi statutorji.

Barra minn hekk, huwa l-uffiċjal inkwistjoni li għandu jipprovdi lill-Awtorità tal-Ħatra l-provi li jistgħu jwasslu għad-deċiżjoni jekk il-fatti miġjuba kontra tiegħu fil-kuntest tal-proċedura dixxiplinari humiex fl-istess waqt is-suġġett ta’ proċeduri kriminali miftuħa kontrih. Sabiex jissodisfa dan l-obbligu, l-uffiċjal involut għandu bħala regola ġenerali juri li proċeduri kriminali kienu miftuħa kontrih waqt li huwa kien għaddej proċedura dixxiplinari.

Fir-rigward tal-prinċipju, stabbilit fl-Artikolu 25 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprovdi li “il-proċeduri kriminali jżommu sospiżi dawk dixxiplinari”, meta dan il-prinċipju għandu jiġi applikat fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet sempliċi anki qabel ma jkunu nfetħu proċeduri kriminali, dan għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv, mingħajr ma jirrendi l-proċeduri dixxiplinari ineffettivi. B’mod partikolari, tali prinċipju ma jistax jimpedixxi l-amministrazzjoni milli tadotta sanzjoni dixxiplinari meta hija tibbaża ruħha fuq fatti li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha, ma jkunux ikkontestati mill-uffiċjal ikkonċernat.

(ara l-punti 60 sa 63, 71 u 74)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 19 ta’ Marzu 1998, Tzoanos vs Il-Kummissjoni, T-74/96, punti 34 u 38; 30 ta’ Mejju 2002, Onidi vs Il-Kummissjoni, T-197/00, punt 81; 10 ta’ Ġunju 2004, François vs Il-Kummissjoni, T-307/01, punt 75

Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 13 ta’ Jannar 2010, A u G vs Il-Kummissjoni, F-124/05 u F-96/06, punt 323

3.      Deċiżjoni li tordna s-sospensjoni ta’ uffiċjal hija att li jikkawża preġudizzju, li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għall-annullament taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti bl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.

Madankollu, tali deċiżjoni ma tikkostitwixxix att ta’ proċedura indispensabbli, preparatorju għad-deċiżjoni finali li tippronunzja s-sanzjoni li għandha tiġi imposta, imma deċiżjoni awtonoma, li l-Awtorità tal-Ħatra tista’ tadotta u li l-applikazzjoni tagħha hija suġġetta għall-allegazzjoni ta’ nuqqas serju. Minn dan isegwi li l-possibbiltà illegalità tad-deċiżjoni ma għandha l-ebda effett fuq il-validità tad-deċiżjoni dixxiplinari.

(ara l-punti 82 u 83)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 19 ta’ Mejju 1999, Connolly vs Il-Kummissjoni, T-203/95, punt 33 u 36; 16 ta’ Diċembru 2004, De Nicola vs BEI, T-120/01 u T-300/01, punt 113

4.      L-Artikolu 5(1) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, billi jillimita ruħu sabiex jistabbilixxi li tal-inqas membru tal-Bord tad-Dixxiplina għandu jintgħażel minn barra l-istituzzjoni kkonċernata, bl-ebda mod ma jipprojbixxi li numru ikbar, jew anki l-membri kollha tal-Bord tad-Dixxiplina, jistgħu jintgħażlu minn barra l-istituzzjoni.

(ara l-punt 87)

5.      Il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni li toħloq preġudizzju għandha tippermetti li l-qorti teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha dwar il-legalità tagħha u li tagħti lill-persuna kkonċernata l-indikazzjonijiet neċessarji sabiex ikun magħruf jekk id-deċiżjoni hijiex fondata.

Il-kwistjoni jekk il-motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li timponi sanzjoni tissodisfax dawn ir-rekwiżiti għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha, imma wkoll tal-kuntest tagħha u l-intier tar-regoli ġuridiċi li jirregolaw il-materja kkonċernata. F’dan ir-rigward, għalkemm il-Bord tad-Dixxiplina u l-imsemmija awtorità huma marbuta li jsemmu l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom tiddependi l-ġustifikazzjoni legali tad-deċiżjonijiet tagħhom u l-kunsiderazzjonijiet li jkunu wassluhom sabiex jadottawhom, ma huwiex meħtieġ li huma jiddiskutu l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi li jkunu tqajmu mill-persuna kkonċernata matul il-proċedura.

Barra minn hekk, jekk is-sanzjoni imposta mill-Awtorità tal-Ħatra hija iktar severa minn dik issuġġerita mill-Bord tad-Dixxiplina, id-deċiżjoni għandha tispeċifika fid-dettall ir-raġunijiet li jkunu wasslu lill-imsemmija awtorità sabiex tiskarta l-parir li jkun ta l-Bord tad-Dixxiplina.

(ara l-punti 96 sa 98)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 29 ta’ Jannar 1985, F vs Il-Kummissjoni, 228/83, punt 35

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 19 ta’ Mejju 1999, Connolly vs Il-Kummissjoni, T-34/96 u T-163/96, punt 93, u l-ġurisprudenza ċċitata; 5 ta’ Diċembru 2002, Stevens vs Il-Kummissjoni, T-277/01, punt 71, u l-ġurisprudenza ċċitata.

6.      Id-determinazzjoni tas-sanzjoni hija bbażata fuq evalwazzjoni globali mill-Awtorità tal-Ħatra tal-fatti kollha konkreti u taċ-ċirkustanzi partikolari għal kull każ individwali billi r-Regolamenti tal-Persunal ma jipprovdux relazzjoni fissa bejn is-sanzjonijiet indikati u x-xorta differenti ta’ nuqqas imwettaq mill-uffiċjali u ma jippreċiżawx sa fejn l-eżistenza ta’ ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti għandha tinfluwixxi l-għażla tas-sanzjoni.

(ara l-punt 116)

7.      L-osservanza tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jinsab iddikjarat fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma teskludix li, fi proċedura ta’ natura amministrattiva, tkun imposta sanzjoni mill-ewwel minn awtorità amministrattiva. Madankollu huwa jippresupponi li deċiżjoni ta’ awtorità amministrattiva li ma tissodisfax hija stess il-kundizzjonijiet ta’ dan l-artikolu għandha tkun suġġetta għall-istħarriġ sussegwenti ta’ “organu ġudizzjarju b’ġurisdizzjoni sħiħa”.

F’dan ir-rigward, sabiex ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala organu ġudizzjarju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, organu ġudizzjarju għandu b’mod partikolari jkollu l-kompetenza sabiex jindaga fuq il-kwistjonijiet kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti għall-kawża li tinġab quddiemu, u dan jimplika, fil-każ ta’ sanzjoni dixxiplinari, li huwa jkollu, b’mod partikolari, il-poter li jevalwa l-proporzjonalità bejn in-nuqqas u s-sanzjoni, mingħajr ma jillimita ruħu sabiex ifittex żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni jew ta’ użu ħażin tal-poter.

(ara l-punt 117)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 15 ta’ Mejju 2012, Nijs vs Il-Qorti tal-Awdituri, T-184/11 P, punti 85 u 86

8.      L-Artikolu 10(h) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, jindika li, sabiex jiddetermina s-serjetà tan-nuqqas, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tieħu inkunsiderazzjoni r-reċidiva tal-att jew tal-imġiba ħażina, b’mod li possibbli reċidiva tista’ tiġġustifika sanzjoni iktar ħarxa. Għall-kuntrarju, l-assenza ta’ reċidiva ma jikkostitwixxix ċirkustanza attenwanti b’mod li, bħala regola ġenerali, uffiċjal huwa obbligat li jastjeni minn kull att u kull imġiba li tista’ tippreġudika d-dinjità tal-funzjoni tiegħu.

(ara l-punt 127)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 30 ta’ Novembru 2011, Quinn Barlo et vs Il-Kummissjoni, T-208/06, punti 255 u 264

9.      L-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu, ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi għal kollox it-tkeċċija ta’ impjegata tqila. Fil-fatt, deċiżjoni ta’ tneħħija meħuda matul il-perijodu mill‑bidu tat-tqala sa tmiem il-leave tal-maternità għal raġunijiet mhux marbuta mal-istat ta’ tqala ma hijiex kuntrarja għall-imsemmi Artikolu 10, bil-kundizzjoni illi l-persuna li timpjega tagħti raġunijiet bil-miktub li jiġġustifikaw it-tkeċċija u li t-tkeċċija tal-persuna kkonċernata tkun permissibbli mil-leġiżlazzjoni u/jew mill-prassi nazzjonali kkonċernati, skont id-dispożizzjonijiet tal‑punti 1 u 2 tal-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva.

F’dan ir-rigward, għalkemm ir-Regolamenti tal-Persunal ma fihomx dispożizzjoni partikolari li tipprovdi espressament eċċezzjoni għall-projbizzjoni stabbilita bl-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva, huma għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jippermettu tali eċċezzjoni, bl-Artikolu 47(e) li jipprovdi tali possibbiltà, eċċezzjonali għal kollox, ta’ tmiem definittiv tal-funzjonijiet ta’ uffiċjal f’każ ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija adottata wara proċedura dixxiplinari.

(ara l-punti 139 u 142)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 11 ta’ Novembru 2010, Danosa, C-232/09, punt 63