KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA
ippreżentati fis-6 ta’ Lulju 2017 (1)
Kawża C-304/16
American Express Co.
vs
The Lords Commissioners of Her Majesty’s Treasury,
intervenjenti:
Diners Club International Ltd,
MasterCard Europe SA
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) (qorti għolja tal-Ingilterra u Wales, diviżjoni tar-Reġina — qorti kontenzjuża-amministrattiva, ir-Renju Unit)]
“Regolament (UE) 2015/751 — Tranżazzjonijiet ta’ ħlas permezz ta’ kard — Tariffi ta’ interkambju tat-tranżazzjonijiet ta’ ħlas permezz ta’ kard — Skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ erba’ partijiet — Skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet — Kunċett ta’ emittent ta’ kard — Kard ta’ ħlas ta’ tliet partijiet b’co-branding — Kard ta’ ħlas ta’ tliet partijiet b’aġent”
1. Wara tranżazzjoni tant komuni u, apparentement, tant sempliċi bħal ma hi dik tal-ħlas permezz ta’ kard tal-oġġetti u s-servizzi mixtrija, tinħeba xibka kumplessa ta’ relazzjonijiet ġuridiċi li l-konsumaturi diffiċli jimmaġinaw. Bħala minimu, f’kull tranżazzjoni permezz ta’ kard ta’ ħlas, minbarra il-konsumatur u n-negozjant, jintervjenu l-bank jew il-banek tat-tnejn li huma, kif ukoll l-istituzzjoni li tamministra l-kard.
2. Fost l-iktar elementi importanti ta’ din l-istorja hemm il-kummissjonijiet (2) li jitħallsu lill-istituzzjonijiet finanzjarji, bi skambju għas-servizzi offruti lill-konsumaturi u lin-negozjanti, sabiex jiffaċilitaw l-użu tal-kards ta’ ħlas. Wara li l-Kummissjoni Ewropea applikat ir-regoli dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni ħielsa għat-“tariffi multilaterali ta’ interkambju” (3) tas-sistema ta’ ħlas MasterCard, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tiddeċiedi dwarhom (4).
3. Il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tiffaċċja problema oħra, jiġifieri, id-distinzjoni bejn iż-żewġ mudelli kbar ta’ skemi (5) ta’ kards ta’ ħlas: dik ta’ erba’ partijiet (l-iktar waħda mifruxa, li tinkludi MasterCard u Visa) u dik ta’ tliet partijiet (rappreżentata, fost oħrajn, minn American Express u Diners Club).
4. Ir-Regolament (UE) 2015/751 (6) jillimita t-tariffi tal-interkambju fl-iskemi ta’ erba’ partijiet u jagħti libertà fl-istabbiliment tal-kummissjonijiet f’dawk ta’ tliet partijiet. Peress li d-differenzi bejn iż-żewġ sistemi ma humiex evidenti fid-dawl ta’ dak ir-regolament, il-Qorti tal-Ġustizzja qegħda tintalab tiċċarahom, fil-każ li d-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju hi ammissibbli.
I. Il-kuntest ġuridiku: id-dritt tal-Unjoni
5. It-tariffi tal-interkambju huma wieħed mill-ispejjeż l-iktar importanti fit-tranżazzjonijiet ta’ ħlas permezz ta’ kard. Ikkonfrontata bid-differenzi li jeżistu bejn l-Istati Membri, li affettwaw negattivament l-integrazzjoni tas-suq Ewropew tal-ħlas bl-imnut (mhux bi flus kontanti), l-Unjoni għażlet li tarmonizzahom, sabiex tnaqqas l-ammont tagħhom u ttejjeb il-kontroll tagħhom.
6. Ir-Regolament ġie approvat għal dan il-għan. Peress li hija dispożizzjoni ta’ applikazzjoni diretta, ma teħtieġx, fil-prinċipju, it-tfassil ta’ regoli nazzjonali ta’ implementazzjoni (bl-eċċezzjoni tas-sanzjonijiet, li d-determinazzjoni u l-applikazzjoni tagħhom hija fdata lill-Istati Membri, skont ir-referenza espliċita fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament).
7. Ir-Regolament ikkunsidra ż-żewġ mudelli ta’ skemi ta’ ħlas permezz ta’ kard: dawk ta’ erba’ partijiet u dawk ta’ tliet partijiet. Fir-rigward tagħhom, il-premessi li huma traskritti hawn taħt jipprovdu kif ġej:
“(28) It-transazzjonijiet permezz ta’ kard ta’ pagament ġeneralment isiru abbażi ta’ żewġ mudelli kummerċjali ewlenin, l-hekk imsejħa ‘skemi tal-kard ta’ pagament ta’ tliet partijiet’ (id-detentur tal-kard — l-iskema ta’ akkwist u ta’ ħruġ — in-negozjant) u ‘skemi tal-kard ta’ pagament ta’ erba’' partijiet’ (id-detentur tal-kard — il-bank emittenti — il-bank akkwirenti — in-negozjant). Ħafna skemi ta’ kards ta’ pagament ta’ erba’ partijiet jużaw tariffa espliċita tal-interkambju, li tkun, l-iżjed, multilaterali. Sabiex l-eżistenza ta’ tariffi impliċiti tal-interkambju tkun rikonoxxuta u jingħata kontribut għall-ħolqien ta’ kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni, l-iskemi ta’ kards ta’ pagament ta’ tliet partijiet li jużaw il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament bħala emittenti jew akkwirenti għandhom jiġu kkunsidrati bħala skemi ta’ kards ta’ pagament ta’ erba’ partijiet u għandhom isegwu l-istess regoli, filwaqt li t-trasparenza u miżuri oħra marbutin mar-regoli kummerċjali għandhom japplikaw għall-fornituri kollha. Madankollu, b’kont meħud tal-ispeċifiċitajiet li jeżistu għal dawn it-tipi ta’ skemi ta’ tliet partijiet, huwa xieraq li jiġi permess perijodu ta’ transizzjoni li matulu l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma japplikawx ir-regoli dwar il-limitu tat-tariffa tal-interkambju jekk dawn l-iskemi ikollhom sehem limitat ħafna mis-suq fl-Istat Membru kkonċernat.
(29) Is-servizz emittenti huwa bbażat fuq relazzjoni kuntrattwali bejn l-emittent tal-istrument tal-pagament u l-pagatur, irrispettivament minn jekk l-emittent hux qiegħed iżomm il-fondi f’isem il-pagatur. L-emittent jagħmel kards ta’ pagament għad-dispożizzjoni tal-pagatur, jawtorizza t-transazzjonijiet fit-terminals jew l-ekwivalenti tagħhom u jista’ jiggarantixxi l-pagament lill-akkwirent għal transazzjonijiet li huma f’konformità mar-regoli tal-iskema relevanti. Għalhekk, is-sempliċi distribuzzjoni ta’ kards ta’ pagament jew servizzi tekniċi, bħas-sempliċi proċessar u l-ħażna ta’ data, ma tikkostitwixxix ħruġ.
[...]
(32) Hemm it-tendenza li l-konsumaturi ma jkunux konxji tat-tariffi mħallsin min-negozjanti għall-istrument ta’ pagament li jużaw. Fl-istess waqt, serje ta’ prattiki ta’ inċentiv applikati minn emittenti (bħal vouchers tal-ivvjaġġar, bonuses, skontijiet, ħlasijiet lura, assigurazzjonijiet b’xejn, eċċ.) jistgħu jħajru lill-konsumaturi jużaw strumenti tal-pagament, biex b’hekk jiġġeneraw tariffi għoljin għall-emittenti. Sabiex jiġi evitat dan, il-miżuri li jimponu restrizzjonijiet fuq it-tariffi tal-interkambju għandhom japplikaw biss għal kards ta’ pagament li saru prodotti tal-massa u li n-negozjanti ġeneralment isibuha diffiċli biex jirrifjutaw minħabba l-ħruġ u l-użu mifrux tagħhom (jiġifieri kards ta’ debitu u ta’ kreditu tal-konsumatur). Sabiex jittejjeb il-funzjonament effettiv tas-suq fil-partijiet tas-settur li mhumiex regolati u sabiex jiġi limitat it-trasferiment tan-negozju mill-partijiet regolati tas-settur għal dawk mhux regolati, huwa meħtieġ li jiġu adottati serje ta’ miżuri, li jinkludu s-separazzjoni tal-iskema u l-infrastruttura, l-iggwidar tal-pagatur mill-benefiċjarju, u l-aċċettazzjoni b’mod selettiv tal-istrumenti ta’ pagament mill-benefiċjarju.
(33) Is-separazzjoni bejn l-iskema u l-infrastruttura għandha tippermetti li l-proċessuri kollha jikkompetu għall-klijenti tal-iskemi. Billi l-ispiża tal-ipproċessar hija parti sinifikanti mill-ispiża totali tal-aċċettazzjoni tal-kards, huwa importanti għal din il-parti tal-katina ta’ valur li tinfetaħ għal kompetizzjoni effettiva. Abbażi tas-separazzjoni tal-iskema mill-infrastruttura, l-iskemi ta’ kards u l-entitajiet li jipproċessaw għandhom ikunu indipendenti f’termini ta’ kontabbiltà, organizzazzjoni u proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.
[...]”
8. L-Artikolu 1, li jaqa’ taħt il-Kapitolu I (“Dispożizzjonijiet ġenerali”), jipprovdi:
“1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti uniformi tekniċi u tan-negozju għat-transazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ kards imwettqa fl-Unjoni, fejn kemm il-fornitur tas-servizzi ta’ pagament tal-pagatur kif ukoll il-fornitur tas-servizz ta’ pagament tal-benefiċjarju jinsabu hemmhekk.
[...]
3. Il-Kapitolu II ma japplikax għal dawn li ġejjin:
a) transazzjonijiet b’kards kummerċjali;
b) ġbid ta’ flus kontanti minn magni awtomatiċi għall-ġbid tal-flus jew mal-kaxxier tal-fornitur ta’ servizz ta’ pagament; u
c) transazzjonijiet b’kards ta’ pagament maħruġa minn skemi ta’ pagament permezz ta’ kard ta’ tliet partijiet.
4. L-Artikolu 7 ma japplikax għal skemi ta’ pagament permezz ta’ kard ta’ tliet partijiet.
5. Meta skema ta’ pagament permezz ta’ kard ta’ tliet partijiet tilliċenzja fornituri oħrajn ta’ servizzi ta’ pagament għall-ħruġ ta’ strumenti ta’ pagament permezz ta’ kards jew l-akkwist ta’ transazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ kards, jew it-tnejn, jew toħroġ strumenti ta’ pagament permezz ta’ kards flimkien ma’ sieħeb f’co-branding jew permezz ta’ aġent, hija titqies bħala skema ta’ pagament permezz ta’ kard ta’ erba’ partijiet. Madankollu, sad-9 ta’ Diċembru 2018 fir-rigward ta’ transazzjonijiet ta’ pagamenti domestiċi, tali skema ta’ pagament permezz ta’ kard ta’ tliet partijiet tista’ tiġi eżentata mill-obbligi skont il-Kapitolu II, dment li t-transazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ kard magħmulin fi Stat Membru taħt tali skema ta’ pagament permezz ta’ kard ta’ tliet partijiet ma jaqbżux, fuq bażi annwali, it-3 % tal-valur tat-transazzjonijiet kollha ta’ pagament permezz ta’ kard magħmula fl-istess Stat Membru.”
9. L-Artikolu 2 fih lista wiesgħa ta’ definizzjonijiet tat-termini użati. Għal dan il-każ japplikaw b’mod speċjali dawk tal-punti 2, 10 sa 12, 15 sa 18 u 32, li t-test tagħhom jipprovdi kif ġej:
“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[...]
2) ‘emittent’ tfisser fornitur ta’ servizzi ta’ pagament li jaqbel li jipprovdi lil pagatur bi strument ta’ pagament biex jibda u jipproċessa t-transazzjonijiet ta’ pagatur ta’ pagament permezz ta’ kard;
[...]
10) ‘tariffa tal-interkambju’ tfisser tariffa mħallsa għal kull transazzjoni direttament jew indirettament (jiġifieri permezz ta’ terza parti) bejn l-emittent u l-akkwirent involuti fi transazzjoni ta’ pagament permezz ta’ kard. Il-kumpens nett jew remunerazzjonijiet maqbula oħrajn jitqiesu bħala parti mit-tariffa tal-interkambju;
11) ‘kumpens nett’ tfisser l-ammont nett totali ta’ pagamenti, skontijiet jew inċentivi riċevuti minn emittent mill-iskema ta’ kards ta’ pagament, l-akkwirent jew kwalunkwe intermedjarju ieħor fir-rigward ta’ transazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ kard jew attivitajiet relatati;
12) ‘tariffa għas-servizzi tan-negozjant’ tfisser tariffa mħallsa mill-benefiċjarju lill-akkwirent b’rabta ma’ transazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ kard;
[...]
15) ‘kard ta’ pagament’ tfisser kategorija ta’ strument ta’ pagament li jippermetti lil pagatur jagħti bidu għal transazzjoni b’kard ta’ debitu jew ta’ kreditu;
16) ‘skema ta’ kards ta’ pagament’ tfisser sett wieħed ta’ regoli, prattiki, standards u/jew linji gwida għall-implimentazzjoni għall-eżekuzzjoni ta’ transazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ kard u li jkun separat minn kwalunkwe sistema ta’ infrastruttura jew ta’ pagament li tappoġġa l-operazzjoni tiegħu, u li jinkludi kwalunkwe korp, organizzazzjoni jew entità speċifika li tieħu d-deċiżjonijiet b’responsabbiltà għall-funzjonament tal-iskema;
17) ‘skema ta’ pagament permezz ta’ kard ta’ erba’ partijiet’ tfisser skema ta’ pagament permezz ta’ kard li fiha l-pagamenti jsiru mill-kont ta’ pagament ta’ pagatur fil-kont ta’ pagament ta’ benefiċjarju permezz tal-intermedjazzjoni tal-iskema, emittent (min-naħa tal-pagatur) u akkwirent (min-naħa tal-benefiċjarju);
18) ‘skema ta’ pagament permezz ta’ kard ta’ tliet partijiet’ tfisser skema ta’ kards ta’ pagament li fiha l-iskema stess tipprovdi servizzi akkwirenti u emittenti u t-transazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ kard isiru minn kont ta’ pagament ta’ pagatur fil-kont ta’ pagament ta’ benefiċjarju fl-iskema. Meta skema ta’ pagament permezz ta’ kard ta’ tliet partijiet tilliċenzja fornituri oħrajn ta’ servizzi ta’ pagament għall-ħruġ ta’ strumenti ta’ pagament permezz ta’ kards jew l-akkwist ta’ transazzjonijiet ta’ strumenti ta’ pagament permezz ta’ kard, jew it-tnejn, jew toħroġ strumenti ta’ pagament permezz ta’ kard flimkien ma’ sieħeb f’co-branding jew permezz ta’ aġent, hija titqies bħala skema ta’ pagament permezz ta’ kard ta’ erba’ partijie;
[...]
32) ‘co-branding’ tfisser l-inklużjoni ta’ mill-inqas marka [brand] waħda ta’ pagament u mill-inqas marka waħda mhux ta’ pagament fuq l-istess strument ta’ pagament permezz ta’ kard;
[...]”.
10. L-Artikolu 3(1) jistabbilixxi:
“Il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament ma għandhomx joffru jew jitolbu tariffa tal-interkambju fuq kull transazzjoni ta’ iktar minn 0.2 % tal-valur tat-transazzjoni għal kwalunkwe transazzjoni b’kard ta’ debitu.”
11. Skont l-Artikolu 4:
“Il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament ma għandhomx joffru jew jitolbu tariffa tal-interkambju fuq kull transazzjoni ta’ iktar minn 0.3 % tal-valur tat-transazzjoni għal kwalunkwe transazzjoni b’kard ta’ kreditu. Fir-rigward tat-transazzjonijiet domestiċi b’kard ta’ kreditu l-Istati Membri jistgħu jiddefenixxu limitu aktar baxx tat-tariffa tal-interkambju fuq kull transazzjoni.”
12. B’mod konformi mal-Artikolu 5:
“Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-limiti msemmija fl-Artikoli 3 u 4, kwalunkwe remunerazzjoni maqbula, inkluż il-kumpens nett, b’oġġett jew effett ekwivalenti għat-tariffa tal-interkambju, riċevut minn emittent mill-iskema ta’ kard ta’ pagament, l-akkwirent jew kwalunkwe intermedjarju ieħor fir-rigward tat-transazzjonijiet ta’ pagament jew attivitajiet relatati għandha tkun ittrattata bħala parti mit-tariffa tal-interkambju.”
13. L-Artikolu 7, li ma huwiex applikabbli għall-iskemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet, jirregola s-separazzjoni bejn l-iskema ta’ kards ta’ ħlas u l-entitajiet ta’ pproċessar ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas.
II. Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
14. American Express Company (iktar ’il quddiem, “Amex”) hija kumpannija internazzjonali ta’ servizzi, ibbażata fi New York, li, bl-appoġġ tas-sussidjarji tagħha, toffri servizzi ta’ ħlas, ivvjaġġar, u pjattaforma ta’ lealtà, filwaqt li twettaq attivitajiet ta’ ħruġ u akkwist ta’ kards madwar id-dinja kollha, inkluża l-Unjoni Ewropea.
15. Din il-kumpannija topera s-sistema ta’ kards ta’ ħlas American Express, li hija deskritta bħala ta’ tliet partijiet. Amex ikkonkludiet numru ta’ ftehimiet ta’ co-branding u ta’ provvista ta’ servizzi ma’ entitajiet oħra fl-Unjoni. Skont dawn il-ftehimiet, bla ħsara għall-interpretazzjoni tar-Regolament, l-operazzjonijiet tagħha huma suġġetti għar-restrizzjonijiet imposti minn dan għall-iskemi ta’ erba’ partijiet ta’ kards ta’ ħlas.
16. Diners Club International Limited, sussidjarja ta’ Discover Financial Services, tinsab f’sitwazzjoni simili, li topera l-iskema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet Diners Club u li tapoġġja l-argument ta’ Amex fil-każ quddiem il-qorti tar-rinviju.
17. F’dik il-kawża hija parti wkoll MasterCard Europe SA (iktar ’il quddiem, “MasterCard”), il-kumpannija sussidjarja Ewropea ewlenija ta’ MasterCard Incorporated. Din il-kumpannija topera skemi ta’ erba’ partijiet ta’ kards ta’ ħlas ta’ kreditu u ta’ debitu, fuq skala dinjija taħt l-isem MasterCard. Hija awtorizzata mill-qorti tar-rinviju sabiex tintervjeni, u topponi l-argumenti ta’ Amex.
18. Amex ressqet każ quddiem il-qorti tar-rinviju rigward l-obbligu jew l-intenzjoni ta’ Her Majesty’s Treasury (il-ministeru tal-ekonomija u l-finanzi tar-Renju Unit)(7) sabiex jeżegwixxi u japplika f’dak l-Istat Membru ċerti aspetti tal-Artikoli 1(5) u 2(18) tar-Regolament.
19. Il-fatt ikkontestat jirreferi, konkretament, għal tnejn mit-tliet każijiet previsti fl-Artikoli 1(5) u 2(18) tar-Regolament, li fihom jiġu kklassifikati bħala ta’ erba’ partijiet ċerti skemi ta’ tliet partijiet ta’ kards ta’ ħlas.
20. Il-qorti tar-rinviju tindika li hemm qbil bejn il-partijiet u ma hemm ebda dubju dwar l-applikazzjoni tal-ewwel każ kopert minn dawn ir-regoli: meta sistema ta’ tliet partijiet tagħti liċenzja lil fornituri oħra ta’ servizzi ta’ ħlas sabiex joħorġu kards ta’ ħlas jew sabiex jakkwistaw tranżazzjonijiet ta’ ħlas bil-kard, jew iż-żewġ azzjonijiet, ikun suġġett għar-Regolament fuq l-istess livell bħas-sistemi ta’ erba’ partijiet.
21. Id-dubji jikkonċernaw iż-żewġ każijiet l-oħra, jiġifieri, meta skema ta’ tliet partijiet toħroġ “strumenti ta’ ħlas bil-kards flimkien ma’ sieħeb f’co-branding jew permezz ta’ aġent”. Il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara jekk, f’dawn il-każijiet, l-attivitajiet ta’ skema ta’ tliet partijiet jistgħux jiġu mqabbla ma’ dawk tal-erba’ partijiet, għall-finijiet tar-Regolament, fi kwalunkwe każ (jiġifieri, biżżejjed li jkun sieħeb f’co-branding jew aġent) jew biss meta, barra minn hekk, dawn l-imsieħba jew aġenti jkunu fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas li joħorġu l-kards.
22. Fl-aħħar nett, jekk sistema ta’ tliet partijiet issir ta’ erba’ partijiet permezz tal-intervent ta’ sieħeb f’co-branding jew aġent, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-validità tal-Artikoli 1(5) u 2(18) tar-Regolament.
23. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, permezz ta’ digriet tat- 30 ta’ Mejju 2016, il-High Court of Justice of England & Wales, Queen’s Bench Division (Administrative Court) (qorti għolja tal-Ingilterra u Wales, diviżjoni tar-Reġina — qorti kontenzjuża-amministrattiva, ir-Renju Unit) tagħmel id-domandi li ġejjin quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) Ir-rekwiżit fl-Artikoli 1(5) u 2(18) tar-Regolament [...] 2015/751 [...] li skema tal-kard ta’ pagament ta’ tliet partijiet li toħroġ strumenti ta’ pagament bil-kards flimkien ma’ sieħeb f’co-branding jew permezz ta’ aġent, hija meqjusa bħala skema tal-kard ta’ pagament ta’ erba’ partijiet, japplika biss sa fejn dak is-sieħeb f’co-branding jew aġent jaġixxi bħala ‘emittent’ fis-sens tal-Artikolu 2(2) jew tal-premessa 29 tar-RTI (senjatament meta s-sieħeb jew l-aġent ikollu relazzjoni kuntrattwali mal-persuna li tħallas, li abbażi tagħha huwa jidħol f’kuntratti sabiex jipprovdi lill-persuna li tħallas bi strument ta’ pagament sabiex jiġu mibdija u pproċessati t-tranżazzjonijiet ta’ ħlas bil-kard tal-persuna li tħallas)?
2) F’każ li r-risposta għad-domanda l tkun ‘le’, l-Artikolu 1(5) u 2(18) tar-RTI huma invalidi sa fejn dawn jipprovdu li tali arranġamenti huma meqjusa bħala skemi tal-kard ta’ pagament ta’ erba’ partijiet, abbażi ta’:
a) nuqqas ta’ għoti ta’ raġunijiet skont l-Artikolu 296 TFUE,
b) żball manifest ta’ evalwazzjoni; u/jew
c) ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità?”
24. Fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja Amex, MasterCard, il-Gvern tar-Renju Unit, il-Gvern tal-Portugall, il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew issottomettew osservazzjonijiet bil-miktub. Waqt is-seduta li saret fis-27 ta’ April 2017, intervjenew Amex, MasterCard, il-Gvern tar-Renju Unit, il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew.
III. Analiżi
25. Il-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill jikkontestaw l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari. Jien se niddiskuti l-oġġezzjonijiet tagħhom qabel ma nibda, eventwalment, l-eżaminazzjoni tal-mertu. F’dan il-każ, direttament jew sussidjarjament, din l-eżaminazzjoni għandha tkun akkumpanjata minn spjegazzjoni preliminari tar-relazzjonijiet legali li jeżistu fi tranżazzjonijiet ta’ ħlas bil-kard sabiex ikun hemm ftehim aħjar.
A. L-ammissibbiltà tad-domandi preliminari
26. It-tliet istituzzjonijiet, li jaqblu mal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, jibbażaw rwieħhom fuq l-argumenti li ġejjin: a) ma hemmx tilwima reali bejn il-partijiet, peress li l-azzjoni intiża għall-istħarriġ tal-legalità (“judicial review”) tal-“intenzjoni u/jew tal-obbligu” tal-Gvern tar-Renju Unit li japplika Regolament tinvolvi, fir-realtà, mod biex tiġi evitata s-sistema ta’ kontestazzjoni stabbilita mit-TFUE; b) il-kwistjoni mqajma hija ipotetika; u ċ) il-qorti tar-rinviju ma tindikax il-fatti u l-liġi applikabbli, u lanqas ir-raġunijiet li jwasslu sabiex din tikkunsidra l-validità tal-Artikoli 1(5) u 2(18) tar-Regolament.
27. Ċertament, dan ir-rinviju preliminari huwa atipiku u fih numru ta’ anomaliji li jistgħu jiġġustifikaw l-inammissibbiltà tiegħu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 94 tar-Regoli ta’ Proċedura tagħha.
28. L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju ma tiddeskrivix il-kuntest tal-fatti tat-tilwima. Hija tiddikjara biss li l-azzjoni ta’ Amex hija għandha bħala suġġett “l-obbligu jew l-intenzjoni tal-konvenut [il-Ministeru tal-Ekonomija u l-Finanzi tar-Renju Unit] li japplika, fir-Renju Unit, ċerti aspetti tal-Artikoli 1(5) u 2(18) tar-Regolament”. Hija ma tipprovdix il-mod li bih l-awtoritajiet Brittaniċi għandhom l-intenzjoni li japplikaw id-dispożizzjonijiet ikkontestati, u lanqas jekk dik l-applikazzjoni amministrattiva saritx diġà.
29. It-tieni nett, id-digriet tar-rinviju jipprovdi li Amex, bħala r-rikorrenti u l-Ministeru tal-Ekonomija u l-Finanzi fir-Renju Unit, bħala l-konvenut, jaqblu dwar is-soluzzjoni għat-tilwima. Il-Ministeru konvenut, fil-fatt, ma joġġezzjonax għall-azzjoni tal-kumpannija rikorrenti. Għall-kuntrarju, huwa jikkoopera magħha sabiex jippromwovi r-rinviju preliminari.
30. It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju tillimita ruħha sabiex tippreżenta l-argumenti tal-partijiet u ma tispjegax ir-raġunijiet tagħha sabiex tagħmel ir-rinviju preliminari, u lanqas ma tipprovdi għaliex id-domandi tagħha huma essenzjali sabiex tinstab soluzzjoni għal din l-(allegata) tilwima. Fir-realtà, hija tibgħat lill-Qorti tal-Ġustizzja d-dokument imħejji mill-partijiet, li tinkorpora fid-digriet tagħha (8).
31. Domanda preliminari magħmula f’dawn il-kundizzjonijiet ma għandhiex tintlaqa’ mill-Qorti tal-Ġustizzja.
32. Madankollu, hemm ċirkustanza partikolari li forsi tista’ tispjega l-azzjonijiet tal-qorti tar-rinviju. Id-domandi qamu fil-kuntest ta’ azzjoni (“judicial review”) intiża għall-istħarriġ tal-legalità tal-“intenzjoni u/jew l-obbligu” tar-Renju Unit li japplika regola tad-dritt sekondarju tal-Unjoni. Din hija proċedura sui generis tad-dritt Brittaniku li, kif applikata fil-prattika, tippermetti lill-individwi jitolbu l-interpretazzjoni jew id-dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ att leġiżlattiv mingħajr ma jkun (għadu) ġie applikat.
33. Fl-opinjoni tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet pjuttost ġeneruża meta laqgħet id-domandi preliminari tal-qrati Brittaniċi promossi taħt dawn il-proċeduri, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni tal-validità tar-regoli tal-Unjoni (9). Naħseb li, billi taġixxi b’dan il-mod, toffri lill-individwi li jkollhom kawża fir-Renju Unit (b’kuntrast ma’ dawk ta’ Stati Membri oħra) possibbiltà li jikkontestaw il-validità ta’ atti leġiżlattivi tal-Unjoni ta’ portata ġenerali, anke qabel ma dawn jkun jista’ jkollhom effett legali fl-ordinament intern (10). Se nerġa’ nitkellem dwar dan il-punt iktar 'il quddiem.
34. Madankollu, hemm diversi raġunijiet favur l-ammissibbiltà. L-ewwel, il-preżunzjoni ta’ rilevanza li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi lid-domandi preliminari, minħabba s-setgħa diskrezzjonali tal-qorti nazzjonali dwar in-natura indispensabbli tar-rinviju tagħha. Madankollu, din hija preżunzjoni konfutabbli (11).
35. Huwa importanti, ukoll, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrispondiet domandi preliminari tal-qrati Brittaniċi magħmula f’dan it-tip ta’ proċeduri ta’ judicial review (12). Ċertament, il-maġġor parti ta’ dawk il-proċeduri jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-direttivi, iżda ma naħsibx li hemm diffikultajiet insormontabbli sabiex dawn jiġu estiżi għall-interpretazzjoni u l-validità ta’ regolament (13).
36. Regolament huwa direttament applikabbli (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE), li jimplika li dan ma jistax ikun suġġett għal implementazzjoni leġiżlattiva permezz tal-adozzjoni ta’ liġijiet jew regolamenti mill-Istati Membri, sakemm ir-regolament innifsu ma jipprovdix hekk (14). Madankollu, ir-regolamenti jeħtieġu, f’ħafna każijiet, l-applikazzjoni amministrattiva tagħhom mill-awtoritajiet nazzjonali u spiss, permezz ta’ dik l-applikazzjoni, iqumu dubji quddiem il-qrati nazzjonali dwar il-mod kif għandhom jiġu interpretati wħud mid-dispożizzjonijiet jew dwar il-validità tagħhom (15).
37. Dan huwa l-każ hawnhekk, minħabba li hemm żewġ modi, mill-inqas, kif jistgħu jiġu interpretati u applikati l-Artikoli 1(5) u 2(18) tar-Regolament għall-iskemi ta’ tliet partijiet ta’ kards ta’ ħlas, u jistgħu jiġu ppreżentati raġunijiet kontra l-validità tagħhom.
38. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma teħtiġx, għaldaqstant, li l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari tkun suġġetta għall-fatt li jkunu ġew attwalment adottati, fid-dritt nazzjonali, miżuri għall-implimentazzjoni ta’ att tal-Unjoni. Huwa biżżejjed li l-qorti tar-rinviju tkun ġiet adita b’tilwima reali li fiha jiġi diskuss, sussidjarjament, l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ tali att.
39. Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju ddikjarat l-azzjoni oriġinali ammissibbli, li jfisser li, skont hi, il-kawża saret b’mod konformi għar-regoli fis-seħħ fl-ordinament ġuridiku tagħha (16). Il-possibbiltà li tittieħed deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni u l-validità taż-żewġ artikoli msemmija iktar 'il fuq, qabel l-applikazzjoni amministrattiva tagħhom, jidher li ma toħloqx problemi proċedurali.
40. Fl-aħħar nett, it-teknika segwita mill-qorti nazzjonali fir-redazzjoni tad-digriet tar-rinviju tista’ manifestament tittejjeb, minħabba li dan sempliċement juża l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi tal-każ ipprovduti mill-partijiet, mingħajr ma jinkludi evalwazzjoni tal-qorti (17). Madankollu, meta tiġi kkunsidrata fit-totalità tiegħu, id-digriet jista’ jippermetti li tingħata idea adegwata ta’ dawk l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi (18) u pprovda opportunità lill-partijiet ikkonċernati (il-Kummissjoni, il-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Gvern Brittaniku, il-Gvern Portugiż, Amex u MasterCard) sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet, b’mod konformi għall-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
41. Minkejja s-saħħa ta’ dawn l-argumenti, nemmen li fil-bilanċ tal-inammissibbiltà huwa itqal tnejn minn dawk opposti.
42. Proċeduri bħal din joffru lill-partijiet quddiem il-qrati Brittaniċi l-possibbiltà li “jevitaw” ir-restrizzjonijiet fuq il-locus standi stabbilita għar-rikorsi għal annullament kontra atti leġiżlattivi tal-Unjoni ta’ portata ġenerali. L-użu tal-kawża preliminari, kif sar hawnhekk, tagħtihom vantaġġ proċedurali, mhux żgħir, li jattakkaw il-legalità ta’ dawk l-atti qabel l-implimentazzjoni amministrattiva tagħhom u rigward effetti futuri, mhux attwali, fis-sitwazzjoni legali tad-destinatarji tagħhom (19).
43. L-aċċettazzjoni ta’ rinviji b’dawn il-karatteristiċi tista’ twassal għal diskriminazzjoni fl-użu tal-mekkaniżmu tad-deċiżjoni preliminari, għad-detriment tal-Istati Membri l-oħra, li għandhom jistennew sakemm att amministrattiv jaffettwa lilhom qabel ikunu jistgħu jappellawh u, jekk applikabbli, jitolbu d-dikjarazzjoni ta’ invalidità kemm ta’ dak l-att uniku kif ukoll tar-regoli tal-Unjoni li jappoġġjawh.
44. Skont il-loġika tas-sistema tal-appelli tal-Unjoni, it-talbiet għal invalidità huma riżervati għall-applikanti li jgawdu locus standi ġenerali jew għall-individwi affettwati direttament u individwalment minn att partikolari. Filwaqt li dawn tal-aħħar huma meħtieġa li jużaw, f’terminu ta’ żmien, rikors (dirett) għal invalidità quddiem il-Qorti Ġenerali, ma jkollhomx il-possibbiltà li, qabel jew b’mod parallel, jistennew li l-qorti nazzjonali tagħmel domanda preliminari ta’ valutazzjoni tal-validità (20).
45. Din l-aħħar karatteristika tas-sistema ta’ rikorsi kontra atti tal-Unjoni, fl-opinjoni tiegħi, tista’ tiġi frammentata jekk jiġu aċċettati b’mod indiskriminat domandi preliminari bħal ma hi din. Li tiġi proposta l-inammissibbiltà tagħha ma huwiex l-istess bħall-kritika, lanqas b’mod indirett, tal-karatteristiċi tal-judicial review li nsib li l-flessibbiltà tagħha ta’ min ifaħħarha. L-awtonomija mogħtija lill-Istati Membri sabiex jistrutturaw il-liġi proċedurali nazzjonali tagħhom tawtorizzahom ifasslu s-sistema ta’ rikorsi tagħhom kif jaraw li hu l-iktar xieraq. Madankollu, meta jagħmlu domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja għandhom jiġu osservati, bilfors, l-Artikolu 267 TFUE u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kundizzjonijiet li taħthom tista’ tiġi kkontestata l-validità tal-atti tal-Unjoni, kemm b’mod dirett kif ukoll permezz ta’ referenza preliminari.
46. Barra minn hekk, —kif diġà semmejt— f’dan il-każ ma saritx, quddiem il-qorti nazzjonali, konfrontazzjoni reali bejn Amex u l-Awtorità Brittanika. It-tnejn li huma jiddefendu l-istess argument u, jmorru quddiem il-qorti, mhux sabiex issolvi tilwima reali li jixtiequ soluzzjoni differenti għaliha, iżda sabiex din tagħmel id-domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-partijiet infushom ippreparaw.
47. Karatterstika tipika (u essenzjali) ta’ kull kawża hija li jkun hemm żewġ pożizzjonijiet kontradittorji, u mhux li jaqblu bejniethom. Għall-kuntrarju, hawnhekk jirriżulta li huwa, pjuttost, proċedura falza maħluqa apposta, bi ftehim, bl-iskop uniku li tingħata deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr ma teżisti tilwima reali bejn ir-rikorrenti u l-konvenut. Fil-fatt, hija ekwivalenti għal talba għal opinjoni konsultattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tneħħi xi dubji dwar l-interpretazzjoni u l-validità tar-Regolament.
48. Taħt dawn il-kundizzjonijiet, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara d-domandi preliminari bħala inammissibbli. Iżda, jekk dan is-suġġeriment ma jintlaqax, ser niddiskuti l-mertu tad-domandi magħmula.
B. Kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar l-iskemi tal-kards ta’ ħlas
49. F’kull xirja permezz ta’ kard ta’ ħlas, ġeneralment ikun hemm dawn is-suġġetti: a) sid il-kard; b) l-istituzzjoni finanzjarja —ġeneralment, bank— li toħroġ din il-kard u tipprovdiha lill-klijenti tagħha (iktar ’il quddiem, il-“bank emittenti”) (21); il-kummerċjant li jbigħ l-oġġetti jew jipprovdi s-servizzi tiegħu, imħallas bil-kard; d) l-istituzzjoni finanzjarja li tipprovdi s-servizzi lil dan il-kummerċjant sabiex ikun jista’ jaċċetta l-kard, l-istituzzjoni li normalment hija wkoll bank u tissejjaħ, fil-lingwaġġ ta’ dawn it-tranżazzjonijiet, “bank ta’ akkwist” jew “bank akkwirent”; u e) l-iskemi ta’ ħlas bil-kard, bħal ma huma Visa, MasterCard, American Express u Diners Club. Jistgħu jintervjenu wkoll, in-netwerks lokali li jipproċessaw it-tranżazzjonijiet ta’ ħlas bil-kard.
50. Il-ħlas bil-kard jiġġenera xibka kumplessa ta’ relazzjonijiet ġuridiċi bejn dawk is-suġġetti (22). L-ewwel, hemm kuntratt ta’ ħruġ tal-kard ta’ ħlas bejn is-sid tagħha u l-bank emittenti, li għaliha normalment is-sid iħallas kummissjoni lill-bank. Il-banek emittenti japprovaw l-ordni tal-konsumatur u jikkonfermaw li għandu biżżejjed bilanċ fil-kont tiegħu (kard ta’ debitu) jew li l-ammont ta’ ħlas huwa kopert mil-limitu ta’ kreditu disponibbli (kard ta’ kreditu).
51. It-tieni nett, jeżisti kuntratt ta’ affiljazzjoni bejn il-kummerċjant u l-bank akkwirent, li permezz tiegħu dan jipprovdi s-servizzi essenzjali sabiex il-kards jiġu aċċettati bħala mezz ta’ ħlas. Il-kummerċjant ikollu skont fuq il-prezz finali tal-bejgħ tal-oġġetti jew is-servizzi tiegħu (li jinkludu fihom ir-rati tal-kambju), bħala korrispettiv għall-appoġġ li jagħtih il-bank (permezz ta’ terminal ta’ punt tal-bejgħ jew portal ta’ ħlas marbut mas-sit internet tal-kummerċ) għar-riċeviment tal-ordni ta’ ħlas tal-konsumatur u sabiex jitħallsu t-tranżazzjonijiet tax-xiri li jippreżenta l-istabbiliment kummerċjali. Barra minn hekk, il-banek akkwirenti jżommu l-informazzjoni tat-tranżazzjoni, jibagħtuha lill-entitajiet ta’ pproċessar u jibagħtu l-fondi lill-kummerċ, wara li jinżammu r-rati tal-kambju u ta’ skont.
52. L-iskemi ta’ ħlas bil-kard jipprovdu l-kumpens u l-bilanċ tal-ordnijiet ta’ ħlas, u għal dak il-kompitu jirċievu kummissjoni mill-banek (emittenti u akkwirenti) li għandhom liċenzja għad-ditti tagħhom.
53. Fl-aħħar nett, l-intervent tal-entitajiet ta’ pproċessar tal-ħlasijiet iwassal għall-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ liċenzja u ta’ użu ta’ ditta bejnhom u bejn l-iskemi ta’ ħlas bil-kard. Dawn l-entitajiet ta’ pproċessar jaġixxu bħala strument ta’ parteċipazzjoni kollettiva tal-istituzzjonijiet finanzjarji fi ħdanhom u normalment jiddeċiedu dwar ir-rati tal-kambju kollettivament.
54. Abbażi tal-parteċipanti, l-iskemi tal-kards ta’ ħlas jwettqu l-azzjonijiet tagħhom skont żewġ mudelli: l-iskemi ta’ erba’ partijiet jew miftuħin jew dawk ta’ tliet partijiet jew magħluqin.
55. Dawk ta’ erba’ partijiet (Visa u MasterCard) huma dominanti fis-suq. F’dawn, il-ħlasijiet isiru mill-kont ta’ min iħallas (konsumatur) lejn dak ta’ benefiċjarju (kummerċjant) permezz ta’ intermedjazzjoni tal-iskema tal-kards ta’ ħlas. Jintervjeni l-bank li joħroġ il-kard tal-konsumatur u l-bank akkwirent, li jipprovdi l-appoġġ tekniku sabiex il-kummerċjant jirċievi l-ħlas (23).
56. L-iskemi tal-erba’ partijiet huma msemmijin hekk minħabba li huma involuti fihom erba’ partijiet (is-sid tal-kard u l-bank emittent, kif ukoll min jirċievi l-ħlas u l-bank akkwirenti tiegħu) flimkien mal-kumpannija ta’ ġestjoni tas-sistema ta’ ħlas. Dawn huma miftuħin, għax, minbarra l-kumpannija ta’ ġestjoni tal-iskema tal-kards ta’ ħlas, jintervjenu żewġ istituzzjonijiet finanzjarji.
57. F’dawn l-iskemi l-bank emittent iħallas kummissjoni lill-bank akkwirent (“tariffa tal-interkambju”) li permezz tagħha jipprovdi kumpens għall-ispejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati permezz tat-tariffi imposti fuq id-detentur (bħal, b’mod partikolari, dawk għall-konsenja tal-kard jew għall-manutenzjoni annwali tagħha.
58. Din it-tariffa tal-interkambju hija, imbagħad, mgħoddija mill-bank akkwirenti lill-kummerċjant, bħala spiża oħra marbuta ma’ spejjeż oħrajn li jirriżultaw mis-servizzi finanzjarji pprovduti, li jiffurmaw l-hekk imsejħa tariffa ta’ skont. It-tariffa tal-interkambju tirrappreżenta limitu minimu u komponent importanti tal-ispejjeż finanzjarji imposti mill-bank akkwirenti fuq il-kummerċjant, li, imbagħad, tipikament jittrasferihom fil-prezzijiet tal-bejgħ lill-konsumaturi.
59. Il-mudell l-ieħor ta’ sistemi tal-kards ta’ ħlas huwa dak tal-iskemi ta’ tliet partijiet jew magħluqin, bħal American Express jew Diners Club, fejn hemm relazzjoni diretta bejn il-konsumatur (sid il-kard) u l-kummerċjant mal-iskema li toħroġ il-kard. Għalhekk huma kklassifikati bħala ta’ tliet partijiet, għaliex ma tipparteċipa ebda istituzzjoni finanzjarja oħra: dawn huma sistemi magħluqin.
60. Fi transazzjoni f’sistema ta’ tliet partijiet jintervjeni biss fornitur wieħed ta’ servizzi finanzjarji, li jaġixxi bħala emittent u bħala akkwirent. U, billi ma jkunx hemm bank li joħroġ il-kard u lanqas bank li jirċievi l-ħlasijiet, ma teżistix tariffa tal-interkambju. L-iskema ta’ tliet partijiet hija libera li tistabbilixxi b’mod individwali t-tariffi jew kummissjonijiet imposti fuq il-kummerċjanti mis-servizzi finanzjarji li jipprovduhom.
61. Fl-Unjoni Ewropea, l-iskemi ta’ tliet partijiet iwettqu ammont ta’ tranżazzjonijiet żgħir ħafna meta mqabbel ma’ dawk ta’ erba’ partijiet u huma mmirati lejn kategoriji speċifiċi ta’ konsumaturi. Minħabba li ma għandhomx pożizzjoni dominanti fis-suq tal-kards ta’ ħlas, il-kummerċjanti għandhom libertà effettiva sabiex jaċċettaw l-użu tal-iskemi ta’ tliet partijiet jew le.
62. Madankollu, hemm skemi ta’ tliet partijiet li ma humiex ġenwini u ma jużawx il-funzjoni deskritta iktar 'il fuq. Dan jiġri meta jiġu konklużi kuntratti ta’ liċenzja ta’ użu u sfruttament ta’ ditta ma’ istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn, b’tali mod li dawn tal-aħħar jaġixxu bħala emittenti tal-kards ta’ ħlas tagħhom. F’dan il-każ, it-tariffi miftiehma huma ekwivalenti għat-tariffi ta’ interkambju.
63. Hemm ukoll dawk li jissejħu “skemi ta’ tliet partijiet b’estensjonijiet”, li jidhru meta l-iskema tespandi l-attivitajiet tagħha billi tikkollabora ma’ partijiet terzi, jew tagħmel użu mill-ħruġ ta’ kards “b’co-branding ma’ sieħeb” (“estensjoni permezz ta’ co-branding” (24) jew “permezz ta’ aġent” (“estensjoni permezz ta’ aġent”). Fit-tnejn li huma, il-kwantitajiet li jaqsmu bejn l-iskema ta’ tliet partijiet u d-ditti jew l-aġenti l-oħrajn jistgħu jikkostitwixxu tariffi ekwivalenti għat-tariffi tal-interkambju tal-iskemi ta’ erba’ partijiet. Il-kjarifika ta’ din il-kwistjoni hija dak li qegħda titlob il-qorti tar-rinvijulill-Qorti tal-Ġustizzja.
64. It-tariffi tal-interkambju għollew il-prezz, għad-detriment tal-konsumaturi, tas-servizzi tal-ħlasijiet bil-kard u, barra minn hekk, l-ammont tagħhom kien ivarja ħafna minn Stat Membru għal ieħor (25). Għal dawn ir-raġunijiet, l-Unjoni ppruvat, l-ewwel, timmodera l-ammont tagħhom billi timplimenta r-regoli tal-kompetizzjoni, u, imbagħad, irrikorriet għall-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni fil-kuntest tal-iżvilupp tar-regoli komuni dwar ħlas.
65. Il-Kummissjoni applikat ir-regoli tal-kompetizzjoni għat-TMI ta’ Visa (26) u ta’ MasterCard (27). Dawn it-tariffi kienu jirrappreżentaw spiża komuni mħallsa mill-banek akkwirenti kollha inklużi fi skema ta’ erba’ partijiet, li l-livell tagħha kien iservi bħala “prezz minimu” meta dawk il-banek kienu jiffirmaw il-ftehim mal-klijenti tagħhom (il-kummerċjanti) dwar il-prezz tas-servizzi li kienu joffrulhom.
66. Il-Kummissjoni ddikjarat li l-ftehimiet dwar it-TMI tal-iskemi ta’ erba’ partijiet kienu jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, minħabba li l-banek kienu jimponu prezz minimu b’mod kollettiv fuq il-kummerċjanti, li wara ġie kkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja (28).
67. B’dan il-mod, il-Kummissjoni kisbet ftehimiet għal tnaqqis sostanzjali fit-TMI ta’ Visa u ta’ MasterCard, li laħaq 0.3 % għat-transazzjonijiet bil-kards ta’ kreditu u 0.2 % għat-tranżazzjonijiet bil-kards ta’ debitu.
68. Madankollu, din l-azzjoni ma kinitx biżżejjed sabiex tikkontrolla t-tariffi tal-interkambju (29). Il-kompetizzjoni bejn l-iskemi tal-kards ta’ ħlas, li għandhom l-għan li jikkonvinċu lill-istituzzjonijiet finanzjarji fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas joħorġu kards tagħhom, paradossalment, twassal għal tariffi tal-interkambju ogħla iktar milli iktar baxxi fis-suq, b’kuntrast mal-effett dixxiplinari fuq il-prezzijiet li s-soltu jkollha l-kompetizzjoni f’ekonomija tas-suq (30). Din iċ-ċirkustanza ġġustifikat l-adozzjoni tar-Regolament, li jistabbilixxi l-kontroll exlege tal-limiti massimi tat-tariffi tal-interkambju, flimkien ma’ miżuri regolatorji oħrajn tar-relazzjonijiet bejn l-individwi li jaġixxu fit-tranżazzjonijiet ta’ ħlas bil-kard. L-għan tiegħu huwa li t-tariffi ta’ interkambju ma jirrappreżentawx ostakolu għall-iżvilupp ta’ suq integrat ta’ servizzi ta’ ħlas fl-Unjoni.
C. L-ewwel domanda: l-applikazzjoni tar-Regolament għas-sistemi ta’ tliet partijiet b’estensjonijiet
69. Diġà indikajt li la l-qorti tar-rinviju u lanqas il-partijiet ma għandhom dubji dwar il-fatt li, skont l-Artikolu 1(5) u 2(18) tar-Regolament, skema ta’ tliet partijiet li tagħti liċenzja lil fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas oħra sabiex joħorġu l-kards tagħhom, sabiex jiksbu tranżazzjonijiet ta’ ħlas bil-kards tagħhom, jew għaż-żewġ kompiti (31) tiġi kklassifikata bħala ta’ erba’ partijiet.
70. Id-dubji tal-qorti tar-rinviju u l-opinjonijiet tal-partijiet jikkonċernaw iż-żewġ każijiet l-oħra previsti fl-Artikoli 1(5) u 2(18) tar-Regolament, jiġifieri, meta skema ta’ tliet partijiet toħroġ “strumenti ta’ pagament permezz ta’ kards flimkien ma’ sieħeb f’co-branding jew permezz ta’ aġent”. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddetermina jekk, f’dawn iż-żewġ każijiet, is-sistema ta’ tliet partijiet b’estensjonijiet għandhiex tiġi kklassifikata bħala ta’ erba’ partijiet jew jekk ikunx il-każ biss meta s-sieħeb jew l-aġent jassumi l-ħruġ tal-kard u/jew l-akkwist tal-ħlas.
71. Il-kliem tal-Artikolu 1(5) u 2(18) tar-Regolament ma huwiex kompletament ċar, u l-ambigwità tiegħu ma tistax tiġi ċċarata b’sempliċi qari ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.
72. Amex u l-Gvern Brittaniku huma favur interpretazzjoni restrittiva ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Huma jargumentaw li l-klassifikzzjoni bħala ta’ erba’ partijiet għall-iskemi ta’ tliet partijiet hija applikabbli biss meta s-sieħeb jew l-aġent li jaġixxu fuq estensjoni ma’ dawn tal-aħħar joħorġu jew jakkwistaw ħlas. Għall-kuntrarju, MasterCard, il-Gvern Portugiż u l-Kummissjoni huma favur interpretazzjoni wiesgħa ta’ dawn l-istess artikoli, skont liema huma kklassifikati bħala ta’ erba’ partijiet il-każijiet kollha ta’ estensjonijiet ta’ skema ta’ tliet partijiet permezz ta’ co-branding jew aġent.
73. L-għażla ta’ interpretazzjoni waħda jew oħra ta’ din id-dispożizzjoni għandha implikazzjonijiet importanti. Dik restrittiva tinvolvi li ma jiġux applikati għal din il-kategorija ta’ skemi ta’ tliet partijiet (b’estensjonijiet ta’ co-branding jew aġent) diversi limitazzjonijiet tar-Regolament, skont l-Artikolu 1(3) u (4). B’mod partikolari, it-tariffi li għandhom jiġu miftiehma fi ħdan dawn l-iskemi ma għandhomx ikunu kkunsidrati bħala tariffi ta’ interkambju, li jwassal sabiex dawn ikunu eżenti milli josservew il-limiti diġà esposti (ta’ 0.2 % għall-kards ta’ debitu u 0.3 % għall-dawk ta’ kreditu). Lanqas ma għandhom ikunu affettwati mill-projbizzjoni li jevitaw dawk il-limiti permezz ta’ tal-iffissar ta’ tariffi b’effett ekwivalenti għal dawk it-tariffi. Barra minn hekk, ma humiex suġġetti għall-obbligu ta’ separazzjoni bejn l-iskemi tal-kards ta’ ħlas u l-entitajiet ta’ pproċessar (Artikolu 7 tar-Regolament).
74. Minn issa nistqarr li ser niddefendi l-interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 1(5) u 2(18) tar-Regolament. Bħas-soltu, ser nuża l-kriterji interpretattivi litterali, sistematiċi u teleoloġiċi sabiex niddeċifra s-sens tagħhom.
1. Il-kriterju ta’ interpretazzjoni litterali
75. Il-kliem litterali tal-Artikolu 1(5) u 2(18) tar-Regolament huwa identiku u minnu jirriżulta li t-tqabbil bejn l-iskemi ta’ erba’ partijiet u dawk ta’ tliet partijiet iseħħ fi tliet sitwazzjonijiet:
– l-iskemi ta’ tliet partijiet li jagħtu liċenzji lil fornituri oħrajn ta’ servizzi ta’ ħlas għall-ħruġ tal-kards tagħhom jew għall-akkwist ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas imwettqa permezz tagħhom (skemi ta’ tliet partijiet mhux ġenwini) (32);
– l-iskemi ta’ tliet partijiet li joħorġu strumenti ta’ ħlas marbuta ma’ kard b’co-branding (skema ta’ tliet partijiet b’estensjoni permezz ta’ co-branding jew ditta flimkien) (33); u
– l-iskemi ta’ tliet partijiet li joħorġu strumenti ta’ ħlas permezz ta’ aġent (skema ta’ tliet partijiet b’estensjoni permezz ta’ aġent).
76. L-aħħar żewġ kategoriji huma l-iktar komuni fis-suq. Fihom, il-kumpannija sid tal-co-branding jew l-aġent ma humiex jew ma jaġixxux bħala istituzzjonijiet finanzjarji. Għalhekk, huma ma joħorġux il-kards u lanqas ma jakkwistaw il-ħlas u joffru biss lill-iskema ta’ tliet partijiet l-aċċess għall-bażi ta’ klijenti tagħhom.
77. Id-dispożizzjonijiet analizzati ma jipprovdu xejn dwar il-ħtieġa li l-partijiet terzi li jiffirmaw dawn il-ftehimiet mal-iskema ta’ tliet partijiet għandhom “[joħorġu] strumenti ta’ pagament permezz ta’ kards jew l-akkwist ta’ transazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ kards, jew it-tnejn.” Din iċ-ċirkustanza hija, preċiżament, dik ikkontemplata fil-każ ta’ skemi ta’ tliet partijiet mhux ġenwini. Jekk il-ftehim ta’ co-branding jew aġenzija jimplika li s-sieħeb li huwa parti terza jaġixxi bħala emittent(34) jew akkwirent (35), ma jkollniex ftehimiet ta’ estensjoni, iżda ftehimiet ta’ għoti ta’ liċenzja.
78. Il-Gvern Portugiż josserva, ġustament, li ma tkun tagħmel sens ebda interpretazzjoni oħra, peress li dan ikun ifisser li l-aħħar żewġ każijiet imsemmija fl-Artikoli 1(5) u 2(18) tar-Regolament huma inklużi fl-ewwel wieħed.
79. L-interpretazzjoni litterali ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, għalhekk, timmilita favur li jiġu assmilati fl-iskemi ta’ erba’ partijiet l-iskemi kollha ta’ tliet partijiet b’estensjonijiet ta’ co-branding u ta’ aġent, irrispettivament minn jekk l-imsieħba jew l-aġenti jkunux fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas jew le (36), u jekk dawn jaġixxux bħala emittenti ta’ kards u/jew akkwirenti ta’ ħlasijiet jew le.
80. Il-Gvern Brittaniku u Amex ma jaqblux ma’ din l-interpretazzjoni. Għalihom, l-Artikoli 1(5) u 2(18) tar-Regolament jitkellmu dwar skema ta’ tliet partijiet li “toħroġ [...] flimkien ma’ sieħeb f’co-branding” u li “toħroġ [...] permezz ta’ aġent”. Fil-fehma tagħhom, l-espressjonijiet “flimkien ma’” u “permezz ta’” juru li s-sieħeb f’co-branding jew l-aġent għandhom ikunu involuti fil-ħruġ tal-kard, u għalhekk huwa wieħed mir-rabiet tagħhom ma’ regoli oħra tal-istess regolament.
81. Kif għadni kemm għidt, jiena ma naqbilx ma’ dan l-argument li, fir-realtà, ma huwiex ibbażat fuq l-analiżi terminoloġika attwali, iżda fuq approċċ sistematiku, li ser nirreferi għalih iktar 'il quddiem.
2. Il-kriterji ta’ interpretazzjoni sistematika u teleoloġika
82. Il-Gvern Brittaniku u Amex jibbażaw ruħhom, tabilħaqq, fuq interpretazzjoni sistematika, peress li jirreferu għall-kunċetti ta’ emittent u ta’ ħruġ ta’ kard tal-ħlas, li jinsabu fl-Artikolu 2(2), u fil-premessa 29 (37) tar-Regolament. Minn dawn il-kunċetti jiddeduċu li, meta l-imsieħba f’co-branding u l-aġenti ma jipprovdux kards tal-ħlas lil pagatur, ma jawtorizzawx tranżazzjonijiet fit-terminals ta’ ħlas jew fil-punti ekwivalenti tagħhom u ma jiggarantux il-ħlas lill-akkwirent tat-tranżazzjonijiet imwettqa, ma jistgħux ikunu kklassifikati bħala partijiet li magħhom (jew permezz tagħhom) sistema ta’ tliet partijiet toħroġ strumenti ta’ ħlas ibbażati fuq kard.
83. Bl-istess mod, Amex u l-Gvern Brittaniku jipprovdu li jekk is-sieħeb f’co-branding jew l-aġent jillimitaw l-attività tagħhom għad-distribuzzjoni tal-kards, għas-servizzi tekniċi ta’ ħlas jew għas-sempliċi pproċessar u l-ħażna ta’ data, ma jaġixxux bħala emittenti, b’tali mod li l-ftehimiet tal-estensjoni tal-iskemi ta’ tliet partijiet ma jkunux koperti bl-Artikolu 1(5) u 2(18) tar-Regolament, li jipprevjeni li dawn jiġu kklassifikati bħala dawk ta’ erba’ partijiet.
84. Skont il-Gvern Brittaniku u Amex, dan l-approċċ huwa kkorroborat mill-premessa 28 tar-Regolament (38), li tqabbel l-iskemi ta’ tliet partijiet ma’ dawk ta’ erba’ partijiet biss meta dawk tal-ewwel jużaw fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ieħor bħala emittent jew bħala akkwirent. In-nuqqas ta’ riferiment għall-ftehim ma’ msieħba f’co-branding jew ma’ aġenti li ma jaġixxux bħala emittenti jew akkwirenti tal-kards iwassalna biex naħsbu li, f’dawn il-każijiet, ma hemmx tariffi impliċiti paragunabbli għat-tariffa tal-interkambju. Għalhekk, ma huwiex iġġustifikat it-tqabbil tagħhom mal-iskemi ta’ erba’ partijiet.
85. Amex iżżid li l-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 1(5) hija konsistenti mal-loġika tad-dispożizzjoni, minħabba li, fit-tliet każijiet previsti, hija meħtieġa l-prestazzjoni ta’ fornitur tas-servizzi ta’ ħlas addizzjonali għall-iskema ta’ tliet partijiet, li jirċievi kummissjonijiet u jinvolvi pproċessar ta’ dawn il-każijiet b’mod identiku għal dak applikat għall-iskemi ta’ erba’ partijiet.
86. Fil-fehma tiegħi, għall-kuntrarju, din l-interpretazzjoni tat-termini “ħruġ” (ta’ kard ta’ ħlas), “co-branding” u “aġent” twassal għal riżultati li ma humiex konformi mal-kuntest, is-sistema jew l-għanijiet tar-Regolament. B’differenza minn oħrajn, dawk it-termini ma humiex definiti minn din id-dispożizzjoni u, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni kollha, peress li ma fihomx riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġi ddeterminat is-sens u l-ambitu tagħhom (39).
87. Kif diġà indikajt, l-Artikolu 1(5) u 2(18) tar-Regolament ma jiddistingwux bejn il-każijiet ta’ estensjoni (permezz ta’ co-branding jew permezz ta’ aġent) li fihom is-sieħeb jew l-aġent huma fornituri tas-servizzi ta’ ħlas li joħorġu kards u/jew jirċievu ħlasijiet bil-kards, minn naħa waħda, u dawk li fihom l-imsieħeb jew l-aġent huma llimitati li jwettqu tipi ta’ attivitajiet oħrajn, min-naħa l-oħra. Il-Kummissjoni għandha raġun meta tenfasizza li din id-differenza hija r-riżultat tal-interpretazzjoni magħmula minn Amex, iżda fejn ir-regola ma tagħmilx distinzjoni, ma għandhiex issir distinzjoni minn min jinterpretaha.
88. Il-fatt li l-kunċett ta’ “co-branding” fl-Artikolu 2(32) tar-Regolament ma jikkontemplax din id-distinzjoni ma huwiex favorevoli għal din id-distinzjoni (40). Dik id-dispożizzjoni tistabbilixxi, madankollu, li l-użu ta’ co-branding jinvolvi l-inklużjoni tal-brands ta’ ħlas (pereżempju Amex) u, mill-inqas, ta’ “marka [brand] waħda mhux ta’ pagament”, li jappartjenu lil kumpannija esterna mill-forniment ta’ servizzi finanzjarji (41).
89. Barra minn hekk, id-distinzjoni bejn iż-żewġ tipi ta’ estensjonijiet, skont jekk is-sieħeb f’co-branding jew l-aġent jaġixxux jew le bħala istituzzjonijiet finanzjarji, tiddependi minn qari flimkien tal-Artikoli 1(5) u 2(18), u tal-premessa 29 kollha tar-Regolament, li lili lanqas ma tikkonvinċini.
90. Dawn l-artikoli jitkellmu, litteralment, dwar skemi ta’ tliet partijiet li “[joħorġu] strumenti ta’ pagament permezz ta’ kards flimkien ma’ sieħeb f’co-branding jew permezz ta’ aġent”. Għalhekk, huma l-iskemi ta’ tliet partijiet l-emittenti tal-istrumenti ta’ ħlas. Ma hemm xejn fiż-żewġ dispożizzjonijiet li jissuġġerixxi li għandhom ikunu l-imsieħba f’co-branding jew l-aġenti li joħorġu l-kards ta’ ħlas u/jew jaċċettaw il-ħlasijiet imwettqa magħhom.
91. Kif tispjega l-qorti tar-rinviju fil-punti 29 sa 31 tad-digriet tagħha, l-iskemi ta’ tliet partijiet b’estensjonijiet ta’ co-branding jew ta’ aġent iktar frekwenti huma dawk konklużi ma’ kumpanniji li jipprovdu servizzi finanzjarji (42). Dawn l-estensjonijiet jikkostitwixxu eżerċizzju ta’ kummerċjalizzazzjoni flimkien, li permezz tiegħu ż-żewġ entitajiet jaqsmu reċiprokament il-bażi tal-klijenti tagħhom u jinkoraġġixxu l-konsum ta’ oġġetti u servizzi li joffru. Għall-iskemi ta’ tliet partijiet ta’ kards ta’ ħlas, l-użu ta’ dan it-tip ta’ estensjonijiet huwa mezz importanti għall-aċċess għal klijenti ġodda, peress li, għall-kuntrarju ta’ dawk b’erba’ partijiet, ma jgawdux mill-kollaborazzjoni ta’ istituzzjonijiet finanzjarji oħra.
92. L-użu tal-interpretazzjoni sistematika jimponi wkoll, kif tenfasizza l-Kummissjoni, li wieħed jikkunsidra l-kunċetti ta’ “kumpens nett” u “tariffa tal-interkambju”, definiti fl-Artikolu 2(10) u (11) tar-Regolament, u t-tariffi tal-interkambju impliċiti kkwotati fil-premessa 31 (43), flimkien mal-projbizzjoni li jiġu evitati l-limiti stabbiliti (l-Artikolu 5).
93. L-interpretazzjoni sistematika ta’ dawn id-dispożizzjonijiet twassal sabiex jiġi propost komprensjoni wiesa’ tal-kunċett tat-tariffa tal-interkambju. Altrimenti, l-evażjoni tar-regoli li jillimitaw l-ammont tagħha tkun faċli għall-iskemi ta’ tliet partijiet, li jistgħu jinħarbu minnhom billi jintużaw remunerazzjonijiet u kumpensi indiretti. L-Artikolu 5 tar-Regolament jirreferi għal din l-evażjoni, fejn jimplimenta interpretazzjoni estensiva tal-kunċett: it-tariffa tal-interkambju tinkludi kull remunerazzjoni miftiehma, kif ukoll il-kumpens nett, li jkollu għan jew effett ekwivalenti u li jkun wasal għand l-akkwirent jew permezz ta’ kwalunkwe intermedjarju ieħor fit-tranżazzjonijiet ta’ ħlas jew attivitajiet relatati.
94. Il-kunċett tat-tariffi tal-interkambju għandu, għalhekk, jinkludi l-ammont nett totali tal-ħlas, skontijiet jew inċentivi mħallsa mill-iskema lill-kumpannija ta’ co-branding u/jew l-aġent (kumpens nett). Dan ifisser li għandu jkopri kwalunkwe kummissjoni jew remunerazzjoni mħallsa, direttament jew indirettament. Il-premessa 31 tar-Regolament issemmi kemm ir-remunerazzjonijiet diretti (bbażati fuq il-volum jew speċifiċi għat-tranżazzjoni) kif ukoll dawk indiretti (inċentivi tal-kummerċjalizzazzjoni, bonuses, skontijiet talli jintlaħqu ċerti volumi ta’ tranżazzjonijiet). Hija tkopri, b’mod partikolari, il-profitti mill-emittenti li ġejjin minn programmi speċjali mwettqa flimkien ma’ dawn il-kumpanniji u mill-iskemi ta’ kards ta’ ħlas.
95. Il-kummissjonijiet li tista’ tħallas sistema ta’ tliet partijiet, direttament jew indirettament, lill-kumpanniji jew lill-aġenti li magħhom tiftiehem dwar l-estensjoni, fil-fehma tiegħi, għandu jkollhom għan u/jew effett ekwivalenti għall-kumpens li huwa konformi mat-tariffi tal-interkambju fil-każijiet ta’ dawk ta’ erba’ partijiet (44).
96. Skont il-loġika u l-għan tar-Regolament, meta jkun hemm kumpens tal-iskema ta’ tliet partijiet lil parti terza li tgħin fl-attività tagħha (hekk jiġri f’kumpanniji ta’ co-branding jew mal-aġenti), l-ammont tiegħu jgħaddi fil-prezz tas-servizz u jitħallas mill-konsumaturi. Huma, ċertament, kumpensi indiretti, li jippremjaw il-possibbiltà li jkun hemm aċċess għall-bażi ta’ klijenti ta’ dawn il-kumpanniji msieħba, iżda ma jieqfux ikunu tariffi b’effett ekwivalenti għat-tariffi tal-interkambju applikati fl-iskemi ta’ erba’ partijiet jew f’dawk ta’ tliet partijiet mhux ġenwini.
97. Barra minn hekk, l-iskemi ta’ tliet partijiet b’estensjonijiet ta’ co-branding u aġent ma jikkonformawx mar-raġunijiet li jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-limiti tat-tariffi tal-interkambju għal dawk bi tliet partijiet ġenwini.
98. Meta jittieħdu azzjonijiet bl-appoġġ ta’ intermedjarji fil-konfront tal-konsumaturi ta’ servizzi ta’ ħlas bil-kard (b’differenza mill-iskemi ta’ tliet partijiet ġenwini), ikun jeżisti r-riskju li jiġu stabbiliti kummissjonijiet għoljin, li l-imsieħba f’co-branding u l-aġenti jistgħu jgħaddu fuq il-konsumaturi u b’hekk jgħollu l-prezz tas-servizzi tal-kards ta’ ħlas. Dawn huwa l-istess riskju li jeżisti fl-iskemi ta’ erba’ partijiet li joperaw f’kollaborazzjoni ma’ istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn.
99. Ir-raġunament sabiex jitnaqqsu dawn it-tariffi tal-interkambju impliċiti, fil-fehma tiegħi, huwa l-istess fiż-żewġ każijiet. Hija meħtieġa, għalhekk, interpretazzjoni tal-Artikolu 1(5) u 2(18) tar-Regolament skont liema l-iskemi ta’ tliet partijiet b’estensjonijiet ta’ co-branding u ta’ aġent għandhom ikunu mqabbla ma’ dawk ta’ erba’ partijiet.
100. L-istess riżultat jintlaħaq bil-ħtieġa li tiġi żgurata kompetizzjoni leali bejn l-iskemi differenti tal-kards tal-ħlas, li huwa element siewi ieħor ta’ interpretazzjoni, sistematika u teleoloġika, tar-Regolament.
101. L-applikazzjoni ta’ limiti biss għat-tariffi tal-interkambju tal-iskemi ta’ erba’ partijiet, filwaqt li titħalla libertà sħiħa għal dawk ta’ tliet partijiet b’estensjonijiet ta’ co-branding jew aġent sabiex jimponu kummissjonijiet, tagħti vantaġġ lil dawn tal-aħħar, peress li tippermettilhom jinvolvu partijiet terzi sabiex jifirxu l-kards tagħhom f’kundizzjonijiet iktar favorevoli.
102. L-iskemi ta’ tliet partijiet b’estensjonijiet, peress li huma eżentati mil-limiti stabbiliti għal dawk ta’ erba’ partijiet, għandhom vantaġġ indebitu, minħabba li għandhom iktar possibbiltà li jipprovdu remunerazzjoni lill-kumpanniji li jikkollaboraw magħhom fil-kummerċjalizzazzjoni tal-kards tagħhom (45). Huwa konċepibbli, ukoll, li bank jaġixxi bħala aġent ta’ skema ta’ tliet partijiet, mingħajr ma jintervjeni la fil-ħruġ tal-kard u lanqas fir-riċeviment tal-ħlas, bil-għan li jirċievi kummissjonijiet iktar għoljin (46).
103. L-użu inqas wiesa’ tal-iskema ta’ tliet partijiet jiġġustifika trattament favorevoli meta dawn jaġixxu mingħajr ma jużaw intermedjarju. Jekk ir-Regolament jagħtihom dan it-trattament preferenzjali, li jawtorizzawhom sabiex jinnegozjaw il-kummissjonijiet mal-kummerċjanti mingħajr ir-restrizzjonijiet imposti fuq l-iskemi ta’ erba’ partijiet, dan isir preċiżament sabiex tiżdied il-kompetizzjoni fil-qasam tal-ħlas bil-kards. Dan il-vantaġġ kompetittiv ma huwiex ġustifikat, madankollu, fl-iskemi ta’ tliet partijiet mhux ġenwini jew f’dawk li jinvolvi sieħeb f’co-branding jew aġent (47), peress li fihom hemm intermedjarju li l-iskema għandha tagħtih remunerazzjoni u għandu japplika l-limitu tat-tariffi tal-interkambju jew kummissjonijiet ekwivalenti. Il-karatteristiċi taż-żewġ skemi huma simili (48) f’dan l-aspett, u għalhekk ma jagħmilx sens li jingħata vantaġġ lil wieħed għad-detriment tal-ieħor.
104. Fil-qosor, l-Artikoli 1(5) u 2(18) tar-Regolament għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-iskemi ta’ tliet partijiet li joħorġu strumenti ta’ ħlas ibbażati fuq kard b’co-branding ma’ sieħeb jew permezz ta’ aġent għandhom jiġu kklassifikati bħala skemi ta’ erba’ partijiet, indipendentement minn jekk is-sieħeb jew l-aġent jipparteċipawx jew le fil-ħruġ tal-kards u/jew fir-riċeviment tal-ħlas.
D. It-tieni domanda: il-validità tal-Artikoli 1(5) u 2(18) tar-Regolament
105. Il-paragun li għadni kif iddefendejt jiftaħ il-bieb għat-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju, magħmula preċiżament għal din l-eventwalità. L-argumenti tagħha li jikkonċernaw il-validità ta’ dawk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament għandhom x’jaqsmu mal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Artikolu 296 TFUE, mal-prinċipju tal-proporzjonalità u mal-eżistenza possibbli ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni.
106. Minn issa ngħid li ebda waħda minn dawn ir-raġunijiet ma nħoss li huma fondati. Se ngħaddi għall-analiżi tagħhom filwaqt li nipprova ma nirrepetix wisq dak li diġà għidt sa issa.
1. Nuqqas ta’ motivazzjoni
107. Il-qorti tar-rinviju, filwaqt li tittraskrivi l-allegazzjonijiet ta’ Amex, għandha dubji dwar il-motivazzjoni tal-Artikoli 1(5) u 2(18) tar-Regolament. La fil-formulazzjoni ta’ dan ir-regolament u lanqas fil-premessi tiegħu ma hemm ir-raġunijiet sabiex l-iskemi ta’ tliet partijiet b’estensjonijiet ta’ co-branding u aġent jiġu mqabblin ma’ dawk ta’ erba’ partijiet.
108. B’mod partikolari, xi wħud minn dawn il-premessi jispjegaw għaliex ġew stabbiliti limiti massimi fuq it-tariffi tal-interkambju, iżda mhux għaliex dawn l-istess limiti għandhom japplikaw għall-ftehimiet ta’ co-branding jew ta’ aġenzija użati mill-iskemi ta’ tliet partijiet. Il-premessa 28 tiġġustifika l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tar-Regolament dwar l-iskemi ta’ erba’ partijiet lil dawk ta’ tliet partijiet f’ċerti ċirkustanzi, iżda ma ssemmix (lanqas b’mod impliċitu) il-ftehimiet ta’ co-branding jew ta’ aġenzija li jiġu konklużi.
109. Skont id-digriet tar-rinviju, la l-proposta għal Regolament u lanqas il-valutazzjoni tal-impatt (49) li takkumpanjah ma fihom ir-raġunijiet għal din l-estensjoni. Barra minn hekk, il-ħidmiet preparatorji kienu jipprovdu li ma jiġux imposti l-limiti regolatorji pprovduti fir-Regolament għas-sistemi ta’ erba’ partijiet għal dawk ta’ tliet partijiet b’estensjonijiet, fid-dawl ta’ fatturi bħas-sehem tas-suq baxx ta’ dawn tal-aħħar, il-prospetti ta’ tkabbir ristretti tagħhom u l-orjentazzjoni tagħhom lejn klijenti speċifiċi (50).
110. L-obbligu li jiġu mmotivati l-atti leġiżlattivi tal-Unjoni li jinsab fl-Artikolu 296(2) TFUE, ġie interpretat b’mod eżawrjenti mill-Qorti tal-Ġustizzja. Skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm il-motivazzjoni ta’ att għandha tkun ċara u mhux ekwivoka, ma huwiex meħtieġ li jiġu speċifikati r-raġunijiet kollha ta’ fatt jew ta’ liġi rilevanti. Barra minn hekk, sabiex tiġi evalwata l-konformità mal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jitqies mhux biss il-kliem tal-att, iżda wkoll il-kuntest tiegħu, kif ukoll ir-regoli legali kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (51).
111. Meta att ikun ta’ applikazzjoni ġenerali, il-motivazzjoni tista’ tkun limitata sabiex tindika, minn naħa waħda, is-sitwazzjoni sħiħa li wasslet għall-adozzjoni tiegħu u, min-naħa l-oħra, l-għanijiet ġenerali li jipproponi jilħaq. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod partikolari, f’ħafna okkażjonijiet, li jekk att ta’ portata ġenerali juri essenzjalment l-għan imfittex mill-istituzzjoni, ikun eċċessiv li tintalab motivazzjoni speċifika għal kull waħda mid-deċiżjonijiet tekniċi adottati (52).
112. Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, ma narax li hemm nuqqas ta’ motivazzjoni fir-Regolament li tista’ taffettwa l-validità tiegħu, fir-rigward tat-trattament tal-iskemi ta’ tliet partijiet b’estensjonijiet. Il-premessi (speċjalment, il-premessa 28) li kkwotajt fl-analiżi tal-ewwel domanda preliminari jippermettu li tinftiehem il-loġika tat-trattament ugwali tal-iskemi ta’ tliet partijiet b’estensjonijiet ma’ dawk ta’ erba’ partijiet. Dan huwa rikonoxxut mill-Gvern Portugiż, il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament fl-osservazzjonijiet tagħhom.
113. Jekk ix-xogħol preparatorju (studju tal-impatt u l-proposta tal-Kummissjoni) tar-Regolament ma jkunx fihom referenzi għal dan it-trattament ugwali, dan huwa minħabba li kien inkluż iktar tard, fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew, matul l-iżvilupp tal-proċedura ta’ adozzjoni tagħha, li huwa totalment legali.
114. Dawk il-premessi jipprovdu, b’mod motivat, il-ħtieġa li jiġu armonizzati u stabbiliti l-livelli tal-kummissjonijiet ta’ interkambju applikati fit-tranżazzjonijiet bil-kards, minħabba d-differenzi fl-Istati Membri u l-inabbilità li dawn jiġu kkontrollati permezz tal-applikazzjoni tar-regoli tal-antitrust.
115. B’mod speċifiku, il-premessa 28, li ġiet introdotta mill-Parlament Ewropew matul il-proċedura għall-adozzjoni tar-Regolament, flimkien mal-aħħar sentenza tal-Artikoli 1(5) u 2(18), tispjega b’mod suffiċjenti d-differenza bejn l-iskemi ta’ erba’ partijiet u dawk ta’ tliet partijiet. Wara li rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ tariffi tal-interkambju impliċiti, hija żżid li dawn tal-aħħar għandhom jiġu mqabbla ma’ dawk tal-ewwel meta jużaw fornituri ta’ servizzi oħra sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ekwi.
116. Il-ċirku tal-ġustifikazzjoni jingħalaq bil-premessa 31, li tirreferi għall-importanza tal-prevenzjoni tal-evażjoni tar-restrizzjonijiet fuq it-tariffi tal-interkambju. Din tindika li din l-evażjoni tista’ sseħħ jekk ma jitqisux bħala tariffi ta’ interkambju l-ħlasijiet kollha, diretti jew indiretti, li tista’ twettaq sistema ta’ kards fuq l-entitajiet li jikkollaboraw magħha fit-twettiq tal-ħlas bil-kards.
117. Dawn il-ġustifikazzjonijiet mogħtija fir-Regolament naħseb li huma adegwati u jissodisfaw sew ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għal atti ta’ portata ġenerali definiti mill-Qorti tal-Ġustizzja. Huma jispjegaw is-sitwazzjoni sħiħa li wasslet għall-adozzjoni tiegħu u l-għanijiet li jimmira li jikseb. Barra minn hekk, dawn jirreferu għal ħafna mid-deċiżjonijiet tekniċi inklużi, mingħajr ma jkun neċessarju li jkunu koperti kollha kemm huma.
118. B’mod partikolari, id-deċiżjoni li jiġu mqabbla l-iskemi ta’ erba’ partijiet ma’ dawk ta’ tliet partijiet b’estensjoni ta’ co-branding u ta’ aġent hija dedotta, b’mod speċjali, mill-premessi 28 u 31. Għalhekk, ma hemmx nuqqas ta’ motivazzjoni fir-Regolament li jista’ jagħmlu invalidu.
2. Żball manifest ta’ evalwazzjoni
119. Il-qorti tar-rinviju, għal darb’oħra permezz tal-argumenti ta’ Amex, tesprimi dubji dwar il-validità tar-Regolament, li fl-adozzjoni tiegħu l-istituzzjonijiet tal-Unjoni setgħu wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni fit-trattament ugwali tal-iskemi inkwistjoni.
120. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu jingħata diskrezzjoni wiesgħa f’oqsma li jinvolvu għażliet politiċi, ekonomiċi u soċjali, u li fir-rigward tagħhom jissejjaħ sabiex iwettaq evalwazzjonijiet kumplessi. Għalhekk, hija biss in-natura manifestament mhux xierqa ta’ miżura adottata f’dawn l-oqsma, meta pparagunata mal-għan li l-istituzzjoni kompetenti tixtieq tilħaq, li tista’ taffettwa l-legalità tagħha (53).
121. Fl-opinjoni tiegħi, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma wettqux żball (wisq inqas żball manifest) ta’ evalwazzjoni meta inkludew fir-Regolament l-Artikoli 1(5) u 2(18). L-argumenti ta’ Amex (54) għall-kuntrarju tal-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jqabbel l-iskemi ta’ tliet partijiet b’estensjonijiet ta’ co-branding u aġent ma’ skemi ta’ erba’ partijiet jirriflettu l-interess tagħha sabiex ma jsirx tali trattament ugwali, minħabba li tnaqqas il-possibbiltà tagħha li tikkompeti ma’ Visa u MasterCard.
122. Madankollu, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni debitament ikkunsidraw, matul il-proċess leġiżlattiv, xi raġunijiet, u finalment ippreferew dawk li huma favur l-approċċ ta’ trattament ugwali. Din hija għażla ta’ politika leġiżlattiva li, b’mod li jikkorrispondi għal ambjent ekonomiku kumpless (bħal dak tal-kummissjonijiet ta’ interkambju fil-ħlas bil-kards) tista’ tiġi, mingħajr dubju, adottata b’mod leġittimu jekk l-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni jemmnu li din hija prevalenti kontra dik opposta.
123. Fil-fatt, l-istituzzjonijiet fehmu, kif jispjegaw il-Kunsill u l-Parlament Ewropew, li n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-limiti tar-Regolament għall-iskemi ta’ tliet partijiet b’estensjonijiet ta’ co-branding jew ta’ aġent kien jagħtihom vantaġġ kompetittiv inġust fuq dawk ta’ erba’ partijiet, f’każijiet bħal dawn fejn id-differenza bejniethom hija mċajpra. Barra minn hekk, dan jiffavorixxi evażjoni tal-limiti fuq it-tariffi tal-interkambju.
124. Din id-deċiżjoni ta’ politika leġiżlattiva tista’, ovvjament, tiġi kkritikata mid-destinatarji tagħha. Iżda jekk, kif jiġri hawn, tkun ġiet adottata ġewwa l-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, wara valutazzjoni xierqa tal-interessi involuti, ma humiex biżżejjed l-argumenti li tagħmel Amex sabiex tkun miċħuda l-plawżibbiltà, u minn dan ma jirriżultax, fi kwalunkwe mod, li din hija milquta minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.
3. Ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità
125. Il-qorti tar-rinviju, għal darb’oħra b’repetizzjoni tal-allegazzjonijiet ta’ Amex, esprimiet dubji dwar it-trattament ugwali tal-iskemi ta’ tliet partijiet b’estensjonijiet ta’ co-branding u ta’ aġent u dawk ta’ erba’ partijiet, issa mill-perspettiva tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
126. Skont Amex, dawn l-estensjonijiet, innegozjati mill-iskemi ta’ tliet partijiet ma’ msieħba u aġenti, jikkostitwixxu mezz raġonevoli u proporzjonali sabiex jintlaħqu l-għanijiet tar-Regolament. It-trattament ugwali bħall-iskemi ta’ erba’ partijiet twassal għal restrizzjoni esaġerata tal-prezzijiet għall-iskemi ta’ tliet partijiet, mingħajr ebda raġuni tajba. Fil-fehma tagħha, dan l-oneru huwa manifestament sproporzjonat u ma huwiex xieraq, jew indispensabbli, sabiex jintlaħqu l-għanijiet tar-Regolament, u għalhekk jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità (l-Artikolu 5 TUE u l-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 2). Għalhekk, huwa invalidu.
127. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeħtieġ li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu adattati sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet, filwaqt li jkun mifhum li, meta tiġi offruta għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u li l-iżvantaġġi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet segwiti (55).
128. L-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konformità tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ proporzjonalità huwa limitat. Skont il-ġurisprudenza stabbilita sew tagħha, il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu jingħata setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’oqsma li fihom ikollu jieħu deċiżjonijiet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u jwettaq evalwazzjonijiet kumplessi. Konsegwentement, ma hijiex kwistjoni dwar jekk miżura adottata mil-leġiżlatur f’tali qasam hijiex l-unika jew l-aħjar waħda possibbli, peress li hija biss in-natura manifestament inadegwata tagħha meta mqabbla mal-għan li l-istituzzjonijiet kompetenti jixtiequ jilħqu li tista’ taffettwa l-legalità ta’ din il-miżura (56).
129. Fl-opinjoni tiegħi, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni lanqas ma kisru r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif interpretat bil-mod li tagħmel il-Qorti tal-Ġustizzja, fit-trattament ugwali tal-iskemi ta’ tliet partijiet b’estensjonijiet ta’ co-branding u ta’ aġent ma’ dawk ta’ erba’ partijiet.
130. Fir-riskju li nerġa’ nirrepeti dak li diġà għidt, infakkar li r-Regolament kien maħsub sabiex inaqqas l-impatt fuq il-konsumaturi tal-ispejjeż imġarrba minn ħlas bil-kard, fejn it-tariffi tal-interkambju kienu dawk ewlenin fosthom. Meta jkun impossibbli li dawn jitnaqqsu permezz tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, u minħabba d-differenzi fl-ammont tagħhom bejn l-Istati Membri, il-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li jimponi ammonti massimi exlege. It-tariffi tal-interkambju huma identifikabbli faċilment fil-ħlas bil-kards magħmul minn skemi ta’ erba’ partijiet, li għalihom japplika r-Regolament b’mod sħiħ, u ma jeżistux fl-iskemi ta’ tliet partijiet, u għalhekk ma imponiex limitazzjoni fuq dawn tal-aħħar, iżda biss il-konformità ta’ kundizzjonijiet oħrajn stabbiliti f’dak ir-Regolament.
131. Madankollu, din l-esklużjoni kienet limitata għall-iskemi ta’ tliet partijiet ġenwini, jiġifieri, dawk fejn l-iskema ma jkollhiex kollaborazzjoni ma’ parti terza, ipoteżi fejn ma hemm l-ebda tariffi tal-interkambju jew imposti ekwivalenti. Madankollu, il-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li, meta jintervjeni operatur terz, l-iskema ta’ tliet partijiet għandha toffrilu remunerazzjoni li jista’ jkollha effett ekwivalenti għat-tariffi tal-interkambju. Dan huwa l-każ fit-tliet ipoteżi identifikati mill-Artikoli 1(5) u 2(18) tar-Regolament, jiġifieri, meta l-iskema ta’ tliet partijiet topera ma’ partijiet terzi permezz ta’ liċenzja ta’ ħruġ jew riċeviment ta’ ħlasijiet, estensjoni ta’ co-branding u estensjoni ta’ aġenzija.
132. Kif sostnew il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Parlament fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, billi aġixxa b’dan il-mod il-leġiżlatur tal-Unjoni ma adottax miżura manifestament mhux xierqa fir-rigward tal-għan imfittex. It-trattament ugwali, ipprovdut fit-termini diġà pprovduti, jirrispetta l-prinċipju ta’ proporzjonalità, minħabba li huwa miżura rilevanti sabiex jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni paragunabbli bejn mudelli ta’ skemi ta’ ħlas bil-kard li jużaw partijiet terzi sabiex jespandu n-negozju tagħhom u li huma remunerati (57) permezz tat-tariffi ta’ interkambju jew kummissjonijiet b’effett ekwivalenti. Bl-istess mod, naħseb li hija miżura xierqa, meħtieġa u proporzjonali għall-prevenzjoni tal-evażjoni tal-limiti fuq it-tariffi tal-interkambju.
133. Amex tissuġġerixxi, finalment, li dan it-trattament ugwali huwa miżura sproporzjonata, peress li jikser id-dritt għal-libertà ta’ intrapriża protett mill-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, “il-Karta”). L-argument tagħha, madankollu, ma jidhirx aċċettabbli.
134. Il-libertà ta’ intrapriża, interpretata fid-dawl tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, ma huwiex inkompatibbli mar-Regolament. L-eżerċizzju tiegħu jista’ jiġi llimitat sakemm dan isir bil-liġi, jiġi rrispettat il-kontenut sostanzjali tiegħu, il-limitazzjonijiet ikunu meħtieġa u jikkorrispondu realment għall-għanijiet ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew għall-protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet tal-oħrajn (58).
135. L-impożizzjoni ta’ limiti fuq l-ammonti tat-tariffi tal-interkambju, ipprovduta mir-Regolament, għandha l-għan li tipproteġi l-interessi tal-konsumaturi, jiġifieri, li timpedixxi li l-ħlas bil-kards jinvolvu żidiet mhux iġġustifikati fil-prezzijiet, kif diġà pprovdejt.
136. Din il-limitazzjoni, bħal oħrajn preżenti fl-istess regolament, ma taffettwax il-kontenut essenzjali tal-libertà ta’ intrapriża sempliċiment għax hija estiża għal ċerta kategorija ta’ skemi ta’ tliet partijiet, meta mqabbla ma’ dawk ta’ erba’ partijiet. Ma jagħmilx sens li tiġi rrispettata l-libertà ta’ intrapriża fil-każ ta’ dawn tal-aħħar u mhux fil-każ ta’ dawk tal-ewwel.
137. Din hija, sempliċement, miżura regolatorja f’settur ikkaratterizzat mill-intervent tal-awtoritajiet pubbliċi, sabiex jinżamm l-aqwa funzjonament tas-suq u jiġu protetti l-utenti tal-kards ta’ ħlas. Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni li l-livelli massimi tat-tariffi tal-interkambju ġew ikkalkulati mil-leġiżlatur tal-Unjoni bl-applikazzjoni ta’ dak li jissejjaħ “test tal-indifferenza tan-negozjant” (59), preċiżament sabiex ma tiġix affettwata l-vijabbiltà ekonomika tal-iskemi ta’ ħlas bil-kard.
138. Għandu jitfakkar, fi kwalunkwe każ, li l-Artikoli 1(5) u 2(18) tar-Regolament jipprovdu għal perijodu tranżizzjonali ta’ adattament għall-iskemi ta’ tliet partijiet, sad-9 ta’ Diċembru 2018.
139. Fil-qosor, l-analiżi ta’ hawn fuq ma wriet ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-Artikoli 1(5) u 2(18) tar-Regolament.
IV. Konklużjoni
140. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikkjara inammissibbli d-domandi preliminari tal-High Court of Justice England & Wales, Queen’s Bench Division (Administrative Court) (qorti għolja tal-Ingilterra u Wales, diviżjoni tar-Reġina — qorti kontenzjuża-amministrattiva, ir-Renju Unit) u, sussidjarjament, li tirrispondi kif ġej:
“1) L-Artikoli 1(5) u 2(18) tar-Regolament (UE) 2015/751 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2015, dwar it-tariffi tal-interkambju għat-transazzjonijiet ta’ ħlas permezz ta’ kard, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-iskemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet li joħorġu strumenti ta’ ħlas ibbażati fuq kard ta’ co-branding ma’ imsieħeb jew permezz ta’ aġent għandhom jitqiesu bħala skemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ erba’ partijiet, irrispettivament minn jekk l-imsieħeb jew aġent jipparteċipawx jew le fil-ħruġ tal-kard u/jew fl-aċċettazzjoni tal-ħlas.
2) Ma rriżulta ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-Artikoli 1(5) u 2(18) tar-Regolament 2015/751”.