Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Litwanja) fis-7 ta’ Ottubru 2019 – ZS “Plaukti” vs Lauku atbalsta dienests

(Kawża C-736/19)

Lingwa tal-kawża: il-Latvjan

Qorti tar-rinviju

Augstākā tiesa (Senāts)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: ZS «Plaukti»

Konvenut: Lauku atbalsta dienests

Domandi preliminari

It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 16(5) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 65/2011 tas-27 ta’ Jannar 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, dwar l-implimentazzjoni ta’ proċeduri ta’ kontroll kif ukoll kundizzjonalità fir-rigward ta’ miżuri ta’ appoġġ għall-iżvilupp rurali 1 huwa applikabbli meta r-rikorrent ma jkunx issodisfa l-kundizzjonijiet għall-ħsad taż-żona li għaliha ntalbet l-għajnuna għaż-żamma tal-bijodiversità fil-bwar (liema rekwiżit imur lil hinn mill-istandards obbligatorji previsti fl-Artikolu 39(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) 2 ), mingħajr ma tkun ġiet ikkonstatata ebda bidla fil-grupp ta’ għelejjel?

Ksur jista’ jagħti lok, fl-istess ħin, kemm għas-sanzjoni prevista fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 16(5) tar-Regolament Nru 65/2011 kif ukoll għal dik prevista fl-Artikolu 18(1)(a) tal-istess regolament?

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 4 u 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 3 flimkien mal-Artikolu 39(3) tar-Regolament Nru 1698/2005 jippermettu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-istess rekwiżit jista’ jikkostitwixxi kemm rekwiżit obbligatorju (standard) kif ukoll rekwiżit li jmur lil hinn mir-rekwiżiti obbligatorji (kundizzjoni għall-ħlas ta’ għajnuna agroambjentali)?

____________

1     ĠU 2011, L 25, p. 8, rettifika fil-ĠU 2011, L 201, p. 20.

2     ĠU 2010, L 286M, p. 26, rettifika fil-ĠU 2012, L 206, p. 23.

3     ĠU 2009, L 30, p. 16, rettifika fil-ĠU 2010, L 43, p. 7.