Language of document : ECLI:EU:F:2013:115

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

11 ta’ Lulju 2013

Kawża F‑46/11

Marie Tzirani

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Fastidju psikoloġiku — Kunċett ta’ fastidju — Talba għal assistenza — Investigazzjoni amministrattiva dwar allegazzjonijiet ta’ fastidju — Deċiżjoni li tingħalaq l-investigazzjoni amministrattiva mingħajr ma tittieħed azzjoni ulterjuri — Żmien raġonevoli sabiex tiġi konkluża investigazzjoni amministrattiva — Obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni li tagħlaq l-investigazzjoni amministrattiva — Portata”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEFA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu r-rikorrenti titlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li ma tittiħidx azzjoni ulterjuri fir-rigward tat-talba għal assistenza tagħha u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tikkumpensa d-dannu allegatament imġarrab.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tas-7 ta’ Ġunju 2010 hija annullata sa fejn ma tiħux azzjoni ulterjuri dwar it-talba għal assistenza ta’ M. Tzirani għal fastidju psikoloġiku li hija allegatament ġarrbet mill-1 ta’ Ottubru 2004. Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tħallas lil M. Tzirani s-somma ta’ EUR 6 000. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha u hija kkundannata għall-ispejjeż imġarrba minn M. Tzirani.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Drittijiet u obbligi — Investigazzjoni interna dwar allegat fastidju psikoloġiku — Dritt ta’ aċċess tal-lanjant għall-fajl tal-investigazzjoni — Limiti — Obbligu ta’ kunfidenzjalità tal-amministrazzjoni

2.      Uffiċjali — Fastidju psikoloġiku — Kunċett — Aġir intiż li jiskredita lill-persuna kkonċernata jew li jiddegrada l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha — Rekwiżit ta’ natura intenzjonali tal-aġir — Portata — Assenza ta’ rekwiżit ta’ intenzjoni malizzjuża tal-persuna li tagħti fastidju

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 12a(3))

3.      Uffiċjali — Fastidju psikoloġiku — Kunċett — Deċiżjonijiet amministrattivi u nuqqas ta’ qbil mal-amministrazzjoni dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw l-organizzazzjoni tad-dipartimenti — Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 12a)

4.      Uffiċjali — Fastidju psikoloġiku — Kunċett — Aġir ta’ superjur ġerarkiku li jikkonċerna diversi persuni — Inklużjoni

5.      Uffiċjali — Fastidju psikoloġiku — Kunċett — Aġir ta’ superjur ġerarkiku li jikkonsisti fl-għoti ta’ istruzzjonijiet diretti lill-persunal taħt ir-responsabbiltà tal-kap tad-diviżjoni mingħajr ma dan tal-aħħar ikun ġie avżat u fit-trażmissjoni ta’ messaġġi li jinkludu kritika manifesta kontrih — Inklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 12a)

6.      Uffiċjali — Obbligu ta’ assistenza tal-amministrazzjoni — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 24)

7.      Uffiċjali — Obbligu ta’ assistenza tal-amministrazzjoni — Kamp ta’ applikazzjoni — Portata — Dmir tal-amministrazzjoni li teżamina l-ilmenti fil-qasam tal-fastidju — Rekwiżiti ta’ premura u ta’ ħeffa — Nuqqas — Konsegwenzi

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(1); Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 24)

8.      Uffiċjali — Miżuri dixxiplinari — Investigazzjoni li ssir qabel il-ftuħ tal-proċedura dixxiplinari — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Anness IX)

9.      Uffiċjali — Obbligu ta’ assistenza tal-amministrazzjoni — Implementazzjoni fir-rigward ta’ fastidju psikoloġiku — Deċiżjoni li tingħalaq investigazzjoni amministrattiva, li saret bħala risposta għal talba għal assistenza, mingħajr ma tittieħed azzjoni ulterjuri — Obbligu li jiġi trażmess lil-lanjant ir-rapport finali tal-investigazzjoni jew il-minuti tas-seduti li nżammu f’dan ir-rigward — Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 24 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 25)

10.    Uffiċjali — Deċiżjoni li tingħalaq investigazzjoni amministrattiva, li saret bħala risposta għal talba għal assistenza fir-rigward ta’ fastidju psikoloġiku, mingħajr ma tittieħed azzjoni ulterjuri — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 24 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 25)

1.      Fil-kuntest ta’ lment dwar fastidju psikoloġiku, hemm lok, ħlief f’ċirkustanzi partikolari, li tiġi ggarantita l-kunfidenzjalità tax-xhieda li tkun inġabret, inkluż matul il-proċedura kontenzjuża, sa fejn il-prospett li din il-kunfidenzjalità titneħħa fl-istadju kontenzjuż jista’ jipprekludi t-twettiq ta’ investigazzjonijiet newtrali u oġġettivi li jinkludu l-kollaborazzjoni llimitata tal-membri tal-persunal li jintalbu jagħtu x-xhieda tagħhom.

(ara l-punt 41)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 12 ta’ Diċembru 2012, Cerafogli vs BĊE, F‑43/10, punt 222, li hija s-suġġett ta’ appell quddiem il-Qorti Ġenerali, Kawża T‑114/13 P

2.      L-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal ma jeżiġix li intenzjoni malizzjuża min-naħa tal-persuna li allegatament tagħti fastidju tkun element neċessarju għall-kwalifikazzjoni ta’ fastidju psikoloġiku.

Fil-fatt, jista’ jkun hemm fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal mingħajr ma l-persuna li tagħti fastidju jkollha l-intenzjoni, permezz tal-aġir tagħha, li tiskredita lill-vittma jew li deliberatament tiddegrada l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha. Huwa biżżejjed li l-aġir tagħha, sa fejn dan ikun twettaq volontarjament, ikun oġġettivament wassal għal tali konsegwenzi. Il-karatterizzazzjoni tal-fastidju hija suġġetta għall-kundizzjoni li dan ikun oġġettivament u suffiċjentement realistiku, fis-sens li osservatur imparzjali u raġonevoli, ta’ sensittività normali u li jitqiegħed fl-istess kundizzjonijiet, iqis li tali fastidju huwa eċċessiv u kritikabbli.

F’dan ir-rigward, il-fatt li uffiċjal ikollu relazzjonijiet diffiċli jew saħansitra kunfliġġenti mal-kollegi jew mal-kapijiet tiegħu ma jikkostitwixxix fih innifsu prova ta’ fastidju psikoloġiku. Anki osservazzjonijiet negattivi indirizzati lil uffiċjal ma jikkostitwixxux attakk kontra l-personalità, id-dinjità, jew l-integrità fiżika jew psikoloġika tiegħu, sa fejn dawn ikunu ġew ifformulati f’termini meqjusa u ma jkunux ibbażati fuq akkużi abbużivi mingħajr ebda konnessjoni ma’ fatti oġġettivi.

(ara l-punti 52, 54, 56, 71 u 74)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim Istanza: 16 ta’ April 2008, Michail vs Il-Kummissjoni, T‑486/04, punt 61

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 9 ta’ Diċembru 2008, Q vs Il-Kummissjoni, F‑52/05, punti 133 u 135; 10 ta’ Novembru 2009, N vs Il-Parlament, F-93/08, punt 93; 24 ta’ Frar 2010, Menghi vs ENISA, F-2/09, punt 110; 16 ta’ Mejju 2012, Skareby vs Il-Kummissjoni, F-42/10, punt 65; 26 ta’ Frar 2013, Labiri vs CESE, F-124/10, punti 65 u 67

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 12 ta’ Lulju 2011, Il-Kummissjoni vs Q, T‑80/09 P

3.      Fid-dawl tad-diskrezzjoni wiesgħa li għandhom l-istituzzjonijiet fl-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħhom, la d-deċiżjonijiet amministrattivi, anki jekk ikun diffiċli li jiġu aċċettati, u lanqas in-nuqqas ta’ qbil mal-amministrazzjoni dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw l-organizzazzjoni tad-dipartimenti, ma jistgħu fihom infushom jipprovaw l-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku. Is-sempliċi fatt li l-amministrazzjoni la tkun implementat is-suġġerimenti ta’ uffiċjal u lanqas issodisfat it-talbiet tiegħu għal persunal addizzjonali, ma jistax fih innifsu juri nuqqas ta’ kunsiderazzjoni, jew a fortiori fastidju psikoloġiku, min-naħa tal-kapijiet tiegħu, iżda l-iktar l-iktar jista’ juri diverġenza ta’ opinjoni.

(ara l-punt 82)

4.      Fil-kuntest ta’ lment dwar fastidju psikoloġiku, ma jistax jiġi kkonstatat li ċertu aġir ta’ superjur ġerarkiku ma jikkostitwixxix fastidju psikoloġiku peress li ma jikkonċernax speċifikament persuna waħda, iżda numru indefinit ta’ persuni. Fil-fatt, tali aġir jista’ jaggrava l-ksur tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, li l-ewwel paragrafu tiegħu jipprekludi lil kull uffiċjal milli jagħti fastidju psikoloġiku.

(ara l-punt 89)

5.      Aġir ta’ superjur ġerarkiku li jikkonsisti fl-għoti dirett u repetittiv ta’ istruzzjonijiet lil persunal taħt ir-responsabbiltà ta’ kap ta’ diviżjoni u mingħajr ma dan tal-aħħar ikun ġie avżat, meta dan ma jkunx iġġustifikat minn ċirkustanzi partikolari, jista’ jtellef kull kredibbiltà ta’ kap ta’ diviżjoni fir-rigward tal-persunal tiegħu u għalhekk jista’ jiġi kkwalifikat bħala fastidju psikoloġiku. Dan japplika wkoll fir-rigward tat-trażmissjoni minn superjur ġerarkiku ta’ messaġġi li jinkludu kritika manifesta kontra uffiċjal, u fejn dan is-superjur iqiegħed f’kopja lil diversi kollegi mingħajr ma jkun hemm interess tas-servizz li jiġġustifika tali prattika. Għalkemm il-kritika tax-xogħol ta’ persuna subordinata għandha tiġi aċċettata, jaqgħu taħt il-qafas normali ta’ relazzjoni ġerarkika messaġġi li ma jkun fihom ebda kliem defamatorju jew malizzjuż, u li jintbagħtu biss lill-persuna kkonċernata jew li jiġu kkopjati lil ħaddieħor biss meta dan ikun iġġustifikat bl-interess tas-servizz.

(ara l-punti 94, 95, 97 u 98)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 25 ta’ Ottubru 2007, Lo Giudice vs Il-Kummissjoni, T‑154/05, punti 104 u 105

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Skareby vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 80

6.      Skont id-dmir ta’ assistenza previst fl-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-amministrazzjoni għandha, meta tiġi kkonfrontata b’inċident li huwa inkompatibbli mal-ordni u mas-serenità tas-servizz, tintervjeni bl-enerġija kollha neċessarja u twieġeb bil-ħeffa u bil-premura meħtieġa miċ-ċirkustanzi tal-każ sabiex tistabbilixxi l-fatti u tadotta, fid-dawl ta’ din l-informazzjoni, il-konsegwenzi adatti. Għal dan il-għan, huwa biżżejjed li l-uffiċjal li jitlob il-protezzjoni tal-istituzzjoni tiegħu jressaq provi, minn tal-inqas prima facie, li ġenwinament juru li kien hemm l-attakki li huwa jsostni li kien is-suġġett tagħhom. Fil-każ ta’ tali provi, hija l-istituzzjoni inkwistjoni li għandha tieħu l-miżuri adatti, b’mod partikolari billi tipproċedi għal investigazzjoni amministrattiva, sabiex tistabbilixxi l-fatti li taw lok għall-ilment, u skont il-każ, billi tadotta miżuri provviżorji sabiex tipproteġi, fuq bażi preventiva, is-saħħa u s-sigurtà tal-uffiċjal li jkun preżunt li huwa vittma ta’ wieħed mill-atti msemmija f’dik id-dispożizzjoni.

Madankollu, motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dmir ta’ assistenza minħabba n-nuqqas ta’ teħid ta’ miżuri kawtelatorji ma jistax jiġi invokat utilment insostenn tat-talbiet għall-finijiet ta’ annullament ta’ deċiżjoni li tingħalaq, mingħajr ma tittieħed azzjoni ulterjuri, investigazzjoni li tikkonċerna fastidju li fir-rigward tiegħu membru tal-persunal iqis li jkun vittma, peress li tali ksur tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal ma għandu ebda effett fuq il-legalità tal-imsemmija deċiżjoni.

(ara l-punti 108 sa 110)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 17 ta’ Lulju 2012, BG vs Médiateur, F-54/11, punt 83, li hija s-suġġett ta’ appell quddiem il-Qorti Ġenerali, Kawża T-406/12 P; Cerafogli vs BĊE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 210

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: Il-Kummissjoni vs Q, iċċitata iktar ’il fuq, punti 84 u 92, u l-ġurisprudenza ċċitata

7.      L-obbligu li jiġi osservat terminu raġonevoli fl-iżvolġiment tal-proċeduri amministrattivi jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti għandha tiżgura r-rispett tiegħu u li, barra minn hekk, jagħmel parti mid-dritt għal amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Meta l-istituzzjonijiet ikunu kkonfrontati bi kwistjoni daqstant serja bħal ma huwa l-fastidju psikoloġiku, huma għandhom obbligu li, b’ħeffa u bi premura, iwieġbu lill-uffiċjal li jagħmel talba fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal.

Madankollu, il-fatt li, bi ksur tad-dmir ta’ premura, l-Awtorità tal-Ħatra ma tkunx wieġbet bil-ħeffa meħtieġa għal talba għal assistenza fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, ma jistax, fih innifsu, jaffettwa l-legalità tad-deċiżjoni li li tingħalaq, mingħajr ma tittieħed azzjoni ulterjuri, investigazzjoni li tikkonċerna fastidju, u li tkun twettqet abbażi tal-imsemmija talba għal assistenza. Fil-fatt, kieku tali deċiżjoni jkollha tiġi annullata għas-sempliċi raġuni li kienet tardiva, id-deċiżjoni l-ġdida li tissostitwixxiha ma tistax fi kwalunkwe każ tkun inqas tardiva mid-deċiżjoni annullata.

(ara l-punti 116, 117 u 119)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 11 ta’ April 2006, Angeletti vs Il-Kummissjoni, T-394/03, punt 162

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 18 ta’ Mejju 2009, Meister vs UASI, F-138/06 u F-37/08, punt 76; 11 ta’ Mejju 2011, J. vs Il-Kummissjoni, F-53/09, punt 113

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 6 ta’ Diċembru 2012, Füller-Tomlinson vs Il-Parlament, T-390/10 P, punt 115

8.      L-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni amministrattiva, li għandha tinvestiga l-fajls sottomessi lilha b’mod proporzjonat, għandha diskrezzjoni wiesgħa fl-iżvolġiment tal-investigazzjoni u b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kwalità u tal-utilità tal-kooperazzjoni mogħtija minn xhieda.

(ara l-punt 124)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Skareby vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38

9.       Fir-rigward ta’ deċiżjoni li tingħalaq investigazzjoni amministrattiva dwar fastidju psikoloġiku, li saret bħala risposta għal talba għal assistenza mressqa fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, mingħajr ma tittieħed azzjoni ulterjuri, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jimponi ebda obbligu li jintbagħat lil-lanjant ir-rapport finali tal-investigazzjoni amministrattiva jew il-minuti tas-seduti li nżammu f’dan ir-rigward.

Madankollu, u bla ħsara għall-protezzjoni tal-interessi tal-persuni involuti u ta’ dawk li xehdu matul l-investigazzjoni, ebda dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal ma tipprekludi li r-rapport finali tal-investigazzjoni jintbagħat lil terz li jkollu interess li jieħu konjizzjoni tiegħu, bħal fil-każ tal-persuna li ressqet talba abbażi tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 132 u 133)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Lo Giudice vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 163

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Cerafogli vs BĊE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 108

10.    Interpretazzjoni stretta tal-obbligu stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal hija neċessarja meta d-deċiżjoni li tikkawża preġudizzju tkun deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li tingħalaq investigazzjoni, mingħajr ma tittieħed azzjoni ulterjuri, li twettqet abbażi ta’ talba għal assistenza dwar allegazzjonijiet ta’ fastidju psikoloġiku.

Fil-fatt, għall-kuntrarju tal-ġeneralità ta’ atti amministrattivi li jistgħu jikkawżaw preġudizzju lil uffiċjal, deċiżjoni li tikkonċerna talba għal assistenza hija adottata f’kuntest fattwali partikolari. L-ewwel nett, tali kuntest jista’ jkun diġà fis-seħħ għal diversi xhur, jew saħansitra snin. Barra minn hekk, atti ta’ fastidju psikoloġiku jista’ jkollhom effetti partikolarment dannużi fuq is-saħħa tal-vittma. It-tieni nett, sitwazzjoni ta’ fastidju, jekk tiġi stabbilita, ma taffettwax prinċipalment l-interessi finanzjarji jew il-karriera tal-uffiċjal, li fir-rigward tagħhom l-istituzzjoni tista’ tirrimedja malajr bl-adozzjoni ta’ att jew bil-ħlas ta’ somma ta’ flus lill-persuna kkonċernata, iżda tikkawża dannu lill-personalità, lid-dinjità u lill-integrità fiżika jew psikoloġika tal-vittma, dannu li ma jistax jiġi rrimedjat kompletament b’kumpens finanzjarju. Fl-aħħar nett, irrispettivament minn jekk l-allegazzjonijiet ta’ fastidju jkunux fondati jew le, dawn jitqiesu hekk mil-lanjant u, skont id-dmir ta’ premura, l-istituzzjoni hija obbligata timmotiva ċ-ċaħda tagħha ta’ talba għal assistenza bl-iktar mod eżawrjenti possibbli, mingħajr ma l-lanjant ikollu jistenna r-risposta għal ilment sabiex ikun il-motivazzjoni taċ-ċaħda, risposta li l-istituzzjoni tista’ tagħżel li ma tipprovdix.

Deċiżjoni li sempliċement tipprovdi, fiha nnifisha, motivazzjoni bażika, ma tistax titqies li tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal. Is-soluzzjoni kuntrarja jkollha l-effett li l-uffiċjal li jkun ressaq talba għal assistenza fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal għal fastidju psikoloġiku jkun obbligat iressaq ilment sabiex ikollu motivazzjoni għad-deċiżjoni li tingħalaq mingħajr ma tittieħed azzjoni ulterjuri l-investigazzjoni amministrattiva skont ir-rekwiżiti tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal. Minn dan jirriżulta li, fil-każ ta’ deċiżjoni li tingħalaq investigazzjoni miftuħa b’risposta għal talba għal assistenza fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal minħabba atti ta’ fastidju psikoloġiku, l-istituzzjonijiet ma jistgħux validament jipprovdu lill-persuna kkonċernata b’motivazzjoni kompluta għall-ewwel darba fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, mingħajr ma jiksru l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħhom skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal. Madankollu, tali soluzzjoni la tippreġudika l-possibbiltà tal-istituzzjonijiet li jintroduċu, fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, spjegazzjonijiet dwar il-motivi applikati mill-amministrazzjoni, u lanqas dik tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jieħu inkunsiderazzjoni dawn l-ispjegazzjonijiet waqt l-evalwazzjoni ta’ motiv invokat kontra l-legalità tad-deċiżjoni.

Barra minn hekk, filwaqt li huwa minnu li motivazzjoni li tirreferi għal rapport jew għal opinjoni li huma stess immotivati u kkomunikati hija ammissibbli, huwa madankollu neċessarju li tali rapport jew opinjoni jiġu effettivament ikkomunikati lill-persuna kkonċernata flimkien mal-att li jikkawża preġudizzju.

(ara l-punti 141, 142, 152 u 165 sa 167)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Lo Giudice vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 163 u 164

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Skareby vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 32 u 53; Cerafogli vs BĊE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 108, u l-ġurisprudenza ċċitata