Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Audiencia Provincial de Zaragoza (Spanja) fid-9 ta’ Jannar 2019 – Ibercaja Banco, S.A. vs TJ u UK

(Kawża C-13/19)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Audiencia Provincial de Zaragoza (Spanja)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Ibercaja Banco, S.A.

Konvenuti: TJ u UK

Domandi preliminari

Fid-dawl tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13 1 , l-emenda tal-klawżola ta’ rata minima fil-forma stabbilita fil-ftehim, hekk kif inhu indikat fil-fatti li wasslu għall-kawża, tista’ tiġi kklassifikata bħala kundizzjoni ġenerali tal-kuntratt?

Fl-istess ċirkustanzi, ir-rununzja mill-preżentata ta’ rikors kontra l-bank tista’ tiġi kklassifikata bħala kundizzjoni ġenerali tal-kuntratt, jiġifieri, kundizzjoni kuntrattwali redatta mill-bejjiegħ jew fornitur offerenti li tkun ta’ natura ġenerali, u li l-kontenut tagħha ma jipprovdi ebda spjegazzjoni lill-konsumatur aderenti, tista’ tiġi kklassifikata bħala kundizzjoni ġenerali tal-kuntratt?

F’dawn iċ-ċirkustanzi, meta l-konsegwenzi tal-imsemmija kundizzjoni ġenerali jkollhom importanza rilevanti għall-konsumatur, ikunu ġew issodisfatti l-obbligi ta’ ċarezza, ta’ trasparenza, ta’ komprensibbiltà reali tal-oneru ekonomiku, ta’ informazzjoni prekuntrattwali u ta’ nnegozzjar individwali hekk kif inhu rikjest mill-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 93/13?

L-obbligu ta’ informazzjoni prekuntrattwali għad-determinazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali (Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva) għandu jkun ugwali jew saħansitra ogħla meta jkun hemm ftehim dwar il-moderazzjoni ta’ kundizzjoni li probabbilment tkun nulla (konsegwenzi ekonomiċi konkreti tal-moderazzjoni, riferiment għall-ġurisprudenza relatata mal-effett u l-effetti konkreti tagħha, etc.).

Il-kopja bil-miktub redatta mill-konsumatur li ttenni mill-ġdid il-moderazzjoni tal-klawżola potenzjalment nulla hija suffiċjenti biex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti ta’ informazzjoni prekuntrattwali u ta’ ċarezza rikjesti mill-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva, biex tiġi mmoderata klawżola li probabbilment tkun nulla?

Il-fatt li l-inzjattiva ta’ moderazzjoni jew ta’ tranżazzjoni ssir mill-entità bankarja kif ukoll il-projbizzjoni li jinħareġ id-dokument mill-binja tal-bank, sakemm il-konsumatur ma jkunx iffirma f’dan is-sens, għandhom rilevanza speċjali fl-evalwazzjoni tan-natura tan-natura possibbilment inġusta tal-klawżola ta’ moderazzjoni (Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva)?

Klawżola li probabbilment tkun nulla peress li tkun ta’ natura inġusta tista’ tkun suġġetta għal moderazzjoni (prinċipju tal-assenza ta’ natura vinkolanti)?

Il-konsumatur jista’ jirrinunzja milli jippreżenta azzjoni fil-preżenza ta’ klawżola li probabbilment tkun nulla peress li tkun ta’ natura inġusta (Artikolu 3 tad-Direttiva b’rabta mal-punt 1(q) tal-Anness tad-Direttiva 93/13 u mal-prinċipju tal-assenza ta’ natura vinkolanti msemmi fl-Artikolu 6 tad-Direttiva)?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, l-obbligu ta’ informazzjoni prekuntrattwali għandu jkun ugwali jew ogħla minn dak applikabbli fil-mument tal-ftehim inizjali?

Fid-dawl tal-obbligu ta’ informazzjoni prekuntrattwali (Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva) il-klawżola ta’ rinunzja għall-preżentata ta’ azzjonijiet tista’ titqies li hija dokument sekondarju u aċċessorju (Artikoli 3, 4 u 5 tad-Direttiva)?

Il-validità tal-moderazzjoni ta’ klawżoli li probabbilment huma nulli u r-rinunzja għall-azzjoni li titlob id-dikjarazzjoni ta’ nullità u l-ineffettività tagħhom għandhom jitqiesu li huma kuntrarji għall-effett dissważiv fir-rigward tal-bejjiegħ jew fornitur offerenti (Artikolu 7 tad-Direttiva u s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016 Gutiérrez Naranjo et 2 )?

Klawżola kuntrattwali li probabbilment hija nulla minħabba li hija inġusta skont l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 93/13, tista’ torbot lill-konsumatur ikkonċernat bl-imsemmija klawżola permezz tal-proċedura fejn l-entità tiftiehem mal-klijent, wara l-konklużjoni tal-kuntratt li jinkludi l-imsemmija klawżola, li l-bejjiegħ jew fornitur ma japplikax il-klawżola inġusta inkambju għal provvista oħra mill-konsumatur? Permezz ta’ dan, tkun qiegħda tingħata effettività lill-klawżola nulla permezz tal-ftehim mal-konsumatur sabiex din tiġi ssostitwita b’oħra iktar favorevoli għalih. Ftehim ta’ dan it-tip jista’ jkun kuntrarju għall-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13?

Fil-każ ta’ aġir mill-entità bankarja li jkun skont dak deskritt fid-deskrizzjoni tal-fatti, dan ikun jaqa’ taħt il-projbizzjoni ta’ aġir żleali u ta’ prattika kummerċjali żleali fir-rigward tal-konsumaturi prevista fl-erbatax-il premessa u fl-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 2005/29 3 ?

____________

1     Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

2     Sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et (C-154/15, C-307/15 u C-308/15, EU:C:2016:980).

3     Direttiva 2005/29/KE tal-parlament ewropew u tal-kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22, u r-Rettifika ĠU, L 114, p. 86).