Language of document : ECLI:EU:C:2018:173

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

8 ta’ Marzu 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Artikolu 25 – Eżistenza ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni – Ftehim verbali mingħajr konferma bil-miktub – Klawżola inkluża fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ imsemmija fil-fatturi – Punt 1(b) tal-Artikolu 7 – Kuntratt ta’ konċessjoni kummerċjali bejn kumpanniji stabbiliti f’żewġ Stati Membri differenti li jikkonċerna s-suq ta’ Stat Membru ieħor – It-tieni inċiż tal-Artikolu 7(1)(b) – Determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni – Post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligazzjoni karatteristika ta’ tali kuntratt”

Fil-Kawża C-64/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal da Relação do Porto (il-Qorti tal-Appell ta’ Porto, il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Novembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Frar 2017, fil-proċedura

Saey Home & Garden NV/SA

vs

Lusavouga-Máquinas e Acessórios Industriais SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, C. Toader (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, M. Figueiredo u P. Lacerda, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin kif ukoll minn P. Costa de Oliveira u M. Heller, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1), tal-Artikolu 7(1) u tal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Saey Home & Garden NV/SA, stabbilita fil-Belġju, u Lusavouga-Máquinas e Acessórios Industriais SA (iktar ’il quddiem “Lusavouga”), stabbilita fil-Portugall, dwar talba għad-danni marbuta mal-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ konċessjoni kummerċjali, konkluż bejn dawn iż-żewġ kumpanniji, u li jikkonċerna s-suq Spanjol.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprovdi:

“Soġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

4        L-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor:

1) a)      fi kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettiq tal-obbligazzjoni in kwistjoni;;

b)      għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni u sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettiq tal-obbligi f’dak il-każ għandu jkun:

—      fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, il-post fl-Istat Membru fejn, skont il-kuntratt, l-oġġetti ġew ikkonsenjati jew suppost li kienu kkonsenjati,

—      fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, il-post fl-Istat Membru fejn, skont il-kuntratt, l-oġġetti ġew ikkonsenjati jew suppost li kienu kkonsenjati;

c)      jekk il-punt (b) ma japplikax, japplika l-punt (a);

[…]

5)      fir-rigward ta’ tilwima li tirriżulta mill-attività ta’ fergħa, aġenzija jew stabbiliment ieħor, fil-qrati tal-post fejn il-fergħa, l-aġenzija jew stabbiliment ieħor ikunu jinsabu;

[…]”

5        Skont l-Artikolu 25, li jinsab fit-Taqsima 7, intitolata “Proroga tal-ġurisdizzjoni”, tal-Kapitoli II tal-imsemmi regolament:

“1.      Jekk il-partijiet, irrispettivament mid-domiċilju tagħhom, ikunu qablu li qorti jew qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom ġurisdizzjoni sabiex isolvu xi tilwimiet li jkunu qamu jew li jistgħu iqumu inkonnessjoni ma’ relazzjoni legali partikolari, dik il-qorti jew dawk il-qrati għandhom ikollhom ġurisdizzjoni, sakemm il-ftehim ma jkunx null u bla effett legali fil-validità sostantiva tiegħu skont il-liġi ta’ dak l-Istat Membru. Ġurisdizzjoni bħal din għandha tkun esklużiva sakemm il-partijiet ma jiftiehmux mod ieħor. Il-ftehim li jagħti ġurisdizzjoni għandu jkun jew:

a)      bil-kitba jew ikkonfermat bil-kitba;

b)      f’għamla li taqbel mal-prattiki li l-partijiet ikunu stabbilixxew bejniethom;

c)      f’negozju jew kummerċ internazzjonali, f’għamla li taqbel mal-użanza li dwarha l-partijiet huma jew li kellhom ikunu konxji u li f’dak in-negozju jew kummerċ tkun magħrufa sewwa, u regolarment osservata minn, partijiet għal kuntratti tat-tip involut f’dak in-negozju jew kummerċ partikolari kkonċernat.

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

6        Mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li Lusavouga għandha s-sede tagħha f’Cacia, Aveiro (il-Portugall) u li l-edifiċji tagħha jinsabu fil-Portugall. L-attività tagħha tikkonsisti fl-importazzjoni, l-esportazzjoni u l-kummerċ bl-ingrossa ta’ magni, għodda u tagħmir ieħor. In-netwerk kummerċjali tagħha jkopri b’mod partikolari t-territorju Spanjol, li fih hija ma għandha l-ebda sussidjarja jew stabbiliment.

7        Saey Home & Garden hija kumpannija li għandha s-sede tagħha f’Courtrai (il-Belġju), u li hija involuta fil-manifattura u l-bejgħ, b’mod partikolari, ta’ tagħmir u oġġetti tat-tisjir tal-marka “Barbecook”. Lanqas din il-kumpannija ma għandha sussidjarja jew stabbiliment fit-territorju Spanjol.

8        Fl-aħħar tas-sena 2013 jew fil-bidu tas-sena 2014, il-partijiet fil-kawża prinċipali kkonkludew kuntratt ta’ konċessjoni kummerċjali, li s-suġġett tiegħu kien il-promozzjoni u d-distribuzzjoni b’mod esklużiv (bl-eċċezzjoni ta’ klijent), fi Spanja, lil bejjiegħa bl-ingrossa u konsumaturi finali, ta’ prodotti mmanifatturati taħt il-marka ċċitata iktar ’il fuq.

9        Għalkemm ma kienet ġiet redatta l-ebda kitba li tikkonstata l-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, il-qorti tar-rinviju xorta tqis bħala stabbilita l-eżistenza tal-imsemmi kuntratt. Fil-kuntest ta’ dan il-kuntratt, Lusavouga, mix-xahar ta’ Jannar sax-xahar ta’ Lulju 2014, daħħlet xi ordnijiet fuq dawn il-prodotti permezz ta’ Saey Home & Garden u kkummerċjalizzathom fi Spanja.

10      Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Lulju 2014, Saey Home & Garden informat lil Lusavouga li hija kienet iddeċidiet li tittermina s-sħubija ta’ bejniethom.

11      Fid-19 ta’ Ġunju 2015, Lusavouga ħarrket lil Saey Home & Garden quddiem it-Tribunal de Comarca de Aveiro (il-Qorti tad-Distrett ta’ Aveiro, il-Portugall) bil-ħsieb li din tal-aħħar tiġi kkundannata tħallasha, b’mod partikolari, is-somma ta’ EUR 24 000 korrispondenti, minn naħa, għas-somma ta’ EUR 10 000 bħala kumpens għad-danni naxxenti mill-aġit ta’ Saey Home & Garden kif ukoll mit-terminazzjoni prematura u ħesrem tal-kuntratt ta’ konċessjoni kummerċjali u, min-naħa l-oħra, is-somma ta’ EUR 14 000 bħala kumpens għat-telf tal-klijentela.

12      Saey Home & Garden qajmet eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati Portugiżi sabiex jieħdu konjizzjoni tal-kawża prinċipali, billi sostniet, minn naħa, li l-prodotti kkonċernati ġew mgħobbija fil-Belġju u li Lusavouga kienet responsabbli għat-trasport u, min-naħa l-oħra, li l-punt 20 tal-kundizzjonijiet ġenerali li kien suġġett għalihom il-bejgħ ta’ dawn il-prodotti kien jinkludi klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li tispeċifika li l-vertenzi kellhom jiġu deċiżi mill-qrati ta’ Kortrijk (Courtrai, il-Belġju).

13      Il-Qorti Ġenerali ta’ Comarca de Aveiro (il-Qorti tad-Distrett ta’ Aveiro) ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni u qieset li l-qrati Portugiżi kellhom ġurisdizzjoni internazzjonali abbażi tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012.

14      Saey Home & Garden appellat din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, it-Tribunal da Relação do Porto (il-Qorti tal-Appell ta’ Porto, il-Portugall), filwaqt li sostniet, b’mod partikolari, li peress li l-kuntratt ta’ konċessjoni kummerċjali inwkistjoni fil-kawża prinċipali jimplika l-eżekuzzjoni ta’ provvista ta’ servizzi fi Spanja, dan l-aħħar imsemmi Stat Membru kien għaldaqstant il-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligazzjonijiet kuntrattwali. Barra minn hekk, skont Saey Home & Garden, it-terminazzjoni abbużiva ta’ kuntratt taqa’ taħt “kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt” fis-sens tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012, fatt li jeskludi l-ġurisdizzjoni tal-qrati Portugiżi.

15      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-kwistjoni li għandha tiġi deċiża hija dik dwar liema mill-qrati Portugiżi, Belġjani jew Spanjoli għandhom il-ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex jieħdu konjizzjoni tal-kawża prinċipali. Barra minn hekk, f’każ li l-qrati Portugiżi ma jkollhomx ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tal-kawża prinċipali, l-imsemmija qorti tar-rinviju tqis li hija għandha tiddetermina liema mill-qrati Belġjani jew Spanjoli għandhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ din il-kawża.

16      Peress li qieset li s-soluzzjoni tal-vertenza fil-kawża prinċipali tiddependi mill-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1215/2012, it-Tribunal da Relação do Porto (il-Qorti tal-Appell ta’ Porto) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-azzjoni għandha tiġi ppreżentata quddiem il-qrati Belġjani, konformement mar-regola bażika tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, inkwantu huwa l-Belġju l-pajjiż fejn ir-rikorrenti għandha s-sede tagħha u fejn effettivament hija ddomiċiljata?

2)      L-azzjoni għandha tiġi ppreżentata quddiem il-qrati Portugiżi, konformement mal-Artikolu 7(1)(a) u (c) tar-Regolament Nru 1215/2012 [fid-dawl tal-Artikolu 5(1) tal-istess regolament], inkunsiderazzjoni tas-suġġett ta’ kuntratt ta’ liċenzja kummerċjali u peress li kien fil-Portugall li l-obbligi reċiproċi ta’ dan il-kuntratt kellhom jiġu osservati?

3)      L-azzjoni għandha tiġi ppreżentata quddiem il-qrati Spanjoli, konformement mal-Artikolu 7(1)(a) u (c) tar-Regolament Nru 1215/2012 [fid-dawl tal-Artikolu 5(1) tal-istess regolament], inkunsiderazzjoni tas-suġġett ta’ kuntratt ta’ liċenzja kummerċjali u peress li kien fi Spanja li l-obbligi reċiproċi ta’ dan il-kuntratt kellhom jiġu osservati?

4)      L-azzjoni għandha tiġi ppreżentata quddiem il-qrati Portugiżi, konformement mal-Artikolu 7(1)(a) u l-ewwel inċiż tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 [fid-dawl tal-Artikolu 5(1) tal-istess regolament], inkunsiderazzjoni tas-suġġett ta’ kuntratt qafas ta’ liċenzja kummerċjali, li, fir-relazzjoni bejn il-konvenuta u r-rikorrenti, jinqasam f’multitudni ta’ kuntratti ta’ xiri u bejgħ u l-beni kollha mibjugħa għandhom ikunu ġew ikkunsinnati fil-Portugall, bħal ma kien sar f’kunsinna mwettqa fil-21 ta’ Jannar 2014?

5)      L-azzjoni għandha tiġi ppreżentata quddiem il-qrati Belġjani, konformement mal-Artikolu 7(1)(a) u l-ewwel inċiż tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 [fid-dawl tal-Artikolu 5(1) tal-istess regolament], inkunsiderazzjoni tas-suġġett ta’ kuntratt qafas ta’ liċenzja kummerċjali, li, fir-relazzjoni bejn il-konvenuta u r-rikorrenti, jinqasam f’multitudni ta’ kuntratti ta’ xiri u bejgħ u l-beni kollha mibjugħa kienu ġew ikkunsinnati mir-rikorrenti lill-konvenuta fil-Belġju?

6)      L-azzjoni għandha tiġi ppreżentata quddiem il-qrati Spanjoli, konformement mal-Artikolu 7(1)(a) u l-ewwel inċiż tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 [fid-dawl tal-Artikolu 5(1) tal-istess regolament], inkunsiderazzjoni tas-suġġett ta’ kuntratt qafas ta’ liċenzja kummerċjali, li, fir-relazzjoni bejn il-konvenuta u r-rikorrenti, jinqasam f’multitudni ta’ kuntratti ta’ xiri u bejgħ, fejn il-beni kollha kienu intiżi li jiġu kkunsinnati lejn Spanja u kienu jirrigwardaw tranżazzjonijiet imwettqa fi Spanja?

7)      L-azzjoni għandha tiġi ppreżentata quddiem il-qrati Portugiżi, konformement mal-Artikolu 7(1)(a) u t-tieni inċiż tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 [fid-dawl tal-Artikolu 5(1) tal-istess regolament], inkunsiderazzjoni tas-suġġett ta’ kuntratt qafas ta’ liċenzja kummerċjali, li, fir-relazzjoni bejn il-konvenuta u r-rikorrenti, tirriżulta fi provvista ta’ servizzi mill-konvenuta lir-rikorrenti, fejn b’hekk il-konvenuta tiffavorixxi tranżazzjonijiet li indirettament jinteressaw lir-rikorrenti?

8)      L-azzjoni għandha tiġi ppreżentata quddiem il-qrati Spanjoli, konformement mal-Artikolu 7(1)(a) u t-tieni inċiż tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 [fid-dawl tal-Artikolu 5(1) tal-istess regolament], inkunsiderazzjoni tas-suġġett ta’ kuntratt qafas ta’ liċenzja kummerċjali, li, fir-relazzjoni bejn il-konvenuta u r-rikorrenti, tirriżulta fi provvista ta’ servizzi mill-konvenuta lir-rikorrenti, fejn b’hekk il-konvenuta tiffavorixxi tranżazzjonijiet li indirettament jinteressaw lir-rikorrenti permezz ta’ attività eżerċitata fi Spanja?

9)      L-azzjoni għandha tiġi ppreżentata quddiem il-qrati Portugiżi, konformement mal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1215/2012 [fid-dawl tal-Artikolu 5(1) tal-istess regolament], inkunsiderazzjoni tas-suġġett ta’ kuntratt ta’ liċenzja kummerċjali u l-fatt li t-tilwima bejn il-konvenuta u r-rikorrenti għandha tiġi pparagunata ma’ tilwima bejn mandatarju (jiġifieri “konċessjonarju”) u aġent li jinsab fil-Portugall?

10)      L-azzjoni għandha tiġi ppreżentata quddiem il-qrati Spanjoli, konformement mal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1215/2012 [fid-dawl tal-Artikolu 5(1) tal-istess regolament], inkunsiderazzjoni tas-suġġett ta’ kuntratt ta’ liċenzja kummerċjali u l-fatt li t-tilwima bejn il-konvenuta u r-rikorrenti għandha tiġi pparagunata ma’ tilwima bejn mandatarju (jiġifieri “konċessjonarju”) u aġent li għandu jitqies li kien jinsab fi Spanja, inkwantu huwa f’dan il-pajjiż li l-aġent għandu jwettaq l-obbligu kuntrattwali tiegħu?

11)      L-azzjoni għandha tiġi ppreżentata quddiem il-qrati Belġjani, b’mod speċifiku f’qorti ta’ Kortrijk, konformement mal-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 [fid-dawl tal-Artikolu 5(1) tal-istess regolament], ladarba fil-punt 20 tal-kundizzjonijiet ġenerali li għalihom kien suġġett il-bejgħ kollu mir-rikorrenti lejn il-konvenuta, huma kienu ftehmu dwar ġurisdizzjoni, bil-miktub u b’validità sħiħa quddiem il-liġi Belġjana, li bih “any dispute of any nature whatsoever shall be the exclusive jurisdiction of the courts of Kortrijk”?

12)      Taħt id-dispożizzjonijiet tat-taqsimiet 2 sa 7 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012 [fid-dawl tal-Artikolu 5(1) tal-istess regolament], l-azzjoni għandha tiġi ppreżentata quddiem il-qrati Portugiżi ġaladarba l-elementi prinċipali ta’ rabta tar-relazzjoni kuntrattwali stabbilita bejn il-konvenuta u r-rikorrenti jinsabu fit-territorju u fl-ordinament ġuridiku tal-Portugall?

13)      Taħt id-dispożizzjonijiet tat-taqsimiet 2 sa 7 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012 [fid-dawl tal-Artikolu 5(1) tal-istess regolament], l-azzjoni għandha tiġi ppreżentata quddiem il-qrati Spanjoli ġaladarba l-elementi prinċipali ta’ rabta tar-relazzjoni kuntrattwali stabbilita bejn il-konvenuta u r-rikorrenti jinsabu fit-territorju u fl-ordinament ġuridiku ta’ Spanja?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

17      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-Gvern Portugiż u l-Kummissjoni Ewropea jesprimu dubji dwar l-ammissibbiltà ta’ din id-domanda għal deċiżjoni preliminari, b’mod partikolari minħabba l-fatt li din tinkludi ċerti difetti, bħal b’mod partikolari, preżentazzjoni mhux ċara tal-fatti tal-kawża prinċipali, l-assenza ta’ teħid ta’ pożizzjoni mill-qorti tar-rinviju fuq il-kunsiderazzjonijiet li wassluha sabiex tressaq din it-talba kif ukoll ripetizzjoni ta’ ċerti domandi magħmula.

18      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ma huwiex possibbli li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrifjuta li tagħti deċiżjoni fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, ħlief fil-każijiet partikolari fejn ma jkunux ġew osservati r-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut tad-domanda preliminari inklużi fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jew fejn ikun jidher manifestament li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tal-Unjoni, mitluba mill-qorti nazzjonali, ma jkollhom l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew inkella fejn il-problema tkun ta’ natura ipotetika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C-72/15, EU:C:2017:236, punti 50 u 155 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

19      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li l-ħtieġa li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li dik il-qorti tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula minnha jew li, minn tal-inqas, tispjega s-sitwazzjonijiet fattwali li fuqhom ikunu bbażati dawn id-domandi. Id-deċiżjoni tar-rinviju għandha barra minn dan tindika r-raġunijiet preċiżi li wasslu lill-qorti nazzjonali sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u sabiex tikkunsidra neċessarju li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2017, Online Games et C-685/15, EU:C:2017:452, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20      F’dan il-każ, l-interpretazzjoni mitluba ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1215/2012 tippreżenta rabta reali u diretta mas-suġġett tal-kawża prinċipali, liema rabta ġiet spjegata biżżejjed, u r-risposti li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi għad-domandi magħmula jippermettu lill-qorti tar-rinviju li telimina d-dubju tagħha u li ssolvi din il-kawża.

21      Minn dan isegwi li t-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi ddikjarata ammissibbli.

 Fuq il-mertu

22      Il-ġurisdizzjoni ta’ qorti jew ta’ qrati ta’ Stat Membru, maqbula mill-partijiet kontraenti fi klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni, hija, skont il-kliem tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, bħala prinċipju esklużiva. Għaldaqstant, jeħtieġ li fl-ewwel lok tingħata risposta għall-ħdax-il domanda, li tirrigwarda l-eżistenza ta’ ġurisdizzjoni skont tali klawżola.

 Fuq il-ħdax-il domanda

23      Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni inserita fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ, li jissemmew f’fatturi maħruġa minn waħda mill-partijiet kontraenti, tissodisfa r-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni.

24      Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1215/2012, ġaladarba dawn jeskludu kemm il-ġurisdizzjoni ddeterminata mill-prinċipju ġenerali tal-forum tal-konvenut sanċit fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament kif ukoll il-ġurisdizzjonijiet speċjali previsti fl-Artikoli 7 sa 9 ta’ dan tal-aħħar, għandhom jingħataw interpretazzjoni stretta fir-rigward tal-kundizzjonijiet stabbilit fihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2017, Leventis u Vafeias, C-436/16, EU:C:2017:497, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      B’mod iktar partikolari, il-qorti adita hija obbligata teżamina, in limine litis, jekk il-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni kinitx suġġetta għall-kunsens tal-partijiet, liema kunsens għandu jiġi mmanifestat b’mod ċar u preċiż, billi f’dan ir-rigward, ir-rekwiżiti rikjesti mill-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandhom il-funzjoni li jiżguraw li l-kunsens ikun ġie effettivament stabbilit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2017, Leventis u Vafeias, C-436/16, EU:C:2017:497, punt 34 u l-ġurisprudeza ċċitata).

26      L-Artikolu 25(1)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprovdi li l-ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni jista’ jiġi konkluż bil-miktub jew verbalment b’konferma bil-miktub.

27      Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li, meta klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni tiġi stabbilita f’kundizzjonijiet ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali klawżola tkun legali fil-każ li, fit-test stess tal-kuntratt iffirmat miż-żewġ partijiet, ikun hemm riferiment espress għall-kundizzjonijiet ġenerali li jkunu jinkludu l-imsemmija klawżola (sentenza tas-7 ta’ Lulju 2016, Hőszig, C-222/15, EU:C:2016:525, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      F’dan il-każ, mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kuntratt ta’ konċessjoni kummerċjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie konkluż verbalment, mingħajr ma ġie kkonfermat ulterjorment bil-miktub, u li l-kundizzjonijiet ġenerali li jinkludu l-klawżola kkonċernata li tattribwixxi ġurisdizzjoni kienu jissemmew biss fil-fatturi maħruġa mill-konvenuta fil-kawża prinċipali.

29      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, u tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 25(1)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

30      Barra minn hekk, huwa paċifiku, skont il-qorti tar-rinviju, li s-suġġett tal-vertenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkonċerna kuntratt ta’ konċessjoni kummerċjali li inkonnessjoni miegħu qiegħed jintalab ir-riżarċiment tad-danni naxxenti, kif ukoll kumpens għat-telf tal-klijentela minħabba l-inosservanza tar-rekwiżit ta’ kważi-esklużività marbut miegħu. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi vverifikat, liema verifika għandha ssir ukoll mill-qorti tar-rinviju, li l-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonċerna din ir-relazzjoni legali. Fil-fatt, klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni inserita f’kuntratt, bħala prinċipju, tista’ tipproduċi l-effetti tagħha biss inkonnessjoni mar-relazzjonijiet bejn il-partijiet li jkunu taw il-kunsens tagħhom għall-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt (sentenza tas-7 ta’ Frar 2013, Refcomp, C-543/10, EU:C:2013:62, punt 29).

31      Jeħtieġ li jiżdied li, lil hinn miż-żewġ possibbiltajiet previsti fl-Artikolu 25(1)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012, dan l-Artikolu 25(1) jipprovdi, fil-punti b) u c), klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni tista’ wkoll tiġi konkluża, rispettivament, f’għamla li taqbel mal-użanza li dwarha l-partijiet huma jew li kellhom ikunu konxji. Fejn xieraq, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni ġietx konkluża bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali taħt waħda minn dawn il-forom.

32      Minn dan isegwi li l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li, b’riżerva għal verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, stabbilita f’kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ imsemmija f’fatturi maħruġa minn waħda mill-partijiet kontraenti, ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni.

 Fuq it-tieni sat-tmien domanda

33      Permezz ta’ dawn id-domandi, li jeħtieġ li jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, bil-għan li tiddetermina liema qorti għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ kawża għad-danni marbuta mat-terminazzjoni ta’ kuntratt ta’ konċessjoni kummerċjali, konkluż bejn żewġ kumpanniji stabbiliti u li joperaw fi Stat Membru differenti, għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti fis-suq nazzjonali ta’ Stat Membru ieħor, li fit-territorju tiegħu l-ebda minn dawn il-kumpanniji ma għandha sussidjarja jew stabbiliment.

34      Preliminarjament, għandu jiġi speċifikat li l-kriterji ta’ rabta mal-qorti li għandha ġurisdizzjoni previsti fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 japplikaw biss sa fejn il-qorti nazzjonali, adita b’kawża bejn il-partijiet li stabbilixxew bejniethom relazzjonijiet kummerċjali għal żmien twil, tasal għall-konklużjoni li dawn ir-relazzjonijiet huma bbażati fuq “kuntratt ta’ bejgħ ta’ merkanzija” jew “kuntratt ta’ provvista ta servizzi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Tali klassifikazzjoni tkun teskludi l-applikazzjoni tar-regola ta’ ġurisdizzjoni prevista fl-imsemmi Artikolu 7(1)(a). Fil-fatt, fid-dawl tal-ġerarkija stabbilita mill-punt (c) ta’ din id-dispożizzjoni bejn il-punti (a) u (b) ta’ dan tal-aħħar, ir-regola ta’ ġurisdizzjoni prevista f’dan il-punt (a) hija intiża li tapplika b’mod alternattiv u b’esklużjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni inklużi fl-imsemmi punt (b) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2016, Granarolo, C‑196/15, EU:C:2016:559, punti 30 u 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35      Fl-ewwel lok, jeħtieġ li l-ewwel u t-tieni inċiż tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 jiġu interpretati sabiex jiġi ddeterminat jekk kuntratt ta’ konċessjoni kummerċjali, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxix “kuntratt ta’ bejgħ ta’ merkanzija” jew “kuntratt ta’ provvista ta servizzi” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

36      Għal dan l-għan, għall-kuntratti ta’ bejgħ ta’ merkanziji u l-kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi, għandha titteħed inkunsiderazzjoni l-obbligazzjoni karatteristika ta’ dawn il-kuntratti bħala kriterju ta’ rabta sabiex tiġi ddeterminata l-qorti li għandha ġurisdizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Frar 2010, Car Trim, C‑381/08, EU:C:2010:90, punti 31 u 32 kif ukoll tal-15 ta’ Ġunju 2017, Kareda, C‑249/16, EU:C:2017:472, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      B’hekk, kuntratt li l-obbligazzjoni karatteristika tiegħu hija l-kunsinna ta’ oġġett huwa kkwalifikat bħala “bejgħ ta’ merkanzija” fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2016, Granarolo, C-196/15, EU:C:2016:559, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Fuq il-punt dwar jekk kuntratt jistax jiġi kklassifikat bħala “kuntratt ta’ provvista ta servizzi”, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012, hemm lok li jitfakkar li l-kunċett ta’ “servizzi” jimplika, tal-inqas, li l-parti li tipprovdihom twettaq attività ddeterminata inkambju għal remunerazzoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2017, Kareda, C‑249/16, EU:C:2017:472, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Fir-rigward tal-kriterju marbut mal-eżistenza ta’ attività, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan jirrikjedi t-twettiq ta’ atti pożittivi, bl-esklużjoni ta’ sempliċi astensjonijiet. Dan il-kriterju jikkorrispondi, fil-każ ta’ kuntratt ta’ konċessjoni, għas-servizz karatteristiku pprovdut mill-konċessjonarju li, billi jiżgura d-distribuzzjoni tal-prodotti tal-konċedent, jipparteċipa fl-iżvilupp tat-tixrid tagħhom. Permezz tal-garanzija ta’ kunsinna li huwa jibbenefika minnha permezz tal-kuntratt ta’ konċessjoni u, jekk ikun il-każ, tal-parteċipazzjoni tiegħu fl-istrateġija kummerċjali tal-konċedent, b’mod partikolari fl-operazzjonijiet promozzjonali, elementi li l-konstatazzjoni tagħhom taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali, il-konċessjonarju huwa f’pożizzjoni li joffri lill-klijenti servizzi u vantaġġi li sempliċi rivenditur ma jistax joffri u, għaldaqstant, li jikseb, fil-konfront tal-prodotti tal-konċedent, parti ikbar mis-suq lokali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Corman-Collins, C-9/12, EU:C:2013:860, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Fir-rigward tal-kriterju tar-remunerazzjoni mogħtija bħala korrispettiv għal attività, għandu jiġi enfasizzat li dan il-kunċett ma għandux jinftiehem fis-sens strett ta’ trasferiment ta’ somma flus. Hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni, minn naħa, il-vantaġġ kompetittiv mogħti lill-konċessjonarju mill-benefiċċju, bis-saħħa tal-kuntratt konkluż bejn il-partijiet, ta’ esklużività jew kważi-esklużività li jbigħ il-prodotti tal-konċedent f’suq partikolari u, min-naħa l-oħra, l-għajnuna possibbli mogħtija lill-konċessjonarju fil-qasam tal-aċċess għal materjali ta’ reklamar, tat-trażmissjoni ta’ għarfien espert permezz ta’ azzjonijiet ta’ formazzjoni, jew anki tal-faċilitajiet ta’ ħlas, fejn dawn il-vantaġġi kollha jistgħu jitqiesu bħala li jikkostitwixxu remunerazzjoni tal-konċessjonarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Corman-Collins, C-9/12, EU:C:2013:860, punti 39 u 40).

41      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni, kuntratt ta’ konċessjoni esklużiva jaqa’, bħala prinċipju, taħt il-kunċett ta’ “kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Corman-Collins, C-9/12, EU:C:2013:860, punti 27, 28 u 41).

42      Fit-tieni lok, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju li f’dan il-każ il-kuntratt ta’ konċessjoni kummerċjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jiġi effettivament ikklassifikat bħala “kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi”, jeħtieġ li jiġu ddeterminati l-post tal-eżekuzzjoni tal-obbligazzjoni karatteristika ta’ tali kuntratt u l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-vertenzi marbuta miegħu.

43      F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kuntratt ta’ konċessjoni kummerċjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa kuntratt ta’ distribuzzjoni esklużiva (bl-eċċezzjoni ta’ klijent) konkluż bejn kumpannija stabbilita fil-Belġju u kumpannija oħra stabbilta fil-Portugall, għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti fis-suq Spanjol, u li l-ebda waħda minn dawn il-kumpanniji ma għandha sussidjarja jew stabbiliment fit-territorju Spanjol.

44      Minn ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, f’każ ta’ pluralità ta’ postijiet ta’ eżekuzzjoni tal-obbligazzjoni karatteristika ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi, għandu jinftiehem b’post ta’ eżekuzzjoni ta’ din tal-aħħar, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012, il-post li jiżgura l-eqreb rabta bejn dan il-kuntratt u l-qorti li għandha ġurisdizzjoni, b’kont meħud tal-fatt li l-eqreb rabta, bħala regola ġenerali, tkun teżisti fil-post tal-provvista karatteristika tas-servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2010, Wood Floor Solutions Andreas Domberger, C-19/09, EU:C:2010:137, punti 33 u 34).

45      Konsegwentement, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni, skont din id-dispożizzjoni, sabiex tieħu konjizzjoni tat-talbiet ibbażati fuq kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi, f’każ ta’ provvista ta’ servizzi f’diversi Stati Membri, hija dik tal-Istat Membru li fih issir il-provvista karatteristika tas-servizzi, li jkun jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-kuntratt kif ukoll, fin-nuqqas ta’ tali dispożizzjonijiet, mill-eżekuzzjoni effettiva ta’ dan il-kuntratt u, f’każ li din id-determinazzjoni ma tkunx possibbli abbażi ta’ dan, allura tkun il-qorti tad-domiċilju tal-fornitur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2010, Wood Floor Solutions Andreas Domberger, C-19/09, EU:C:2010:137, punt 43). Din is-soluzzjoni għandha tapplika wkoll f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

46      Din l-interpretazzjoni, li għandha tapplika wkoll f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tissodisfa l-għanijiet ta’ prevedibbiltà u ta’ prossimità segwiti mil-leġiżlatur tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Frar 2010, Car Trim, C-381/08, EU:C:2010:90, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-11 ta’ Marzu 2010, Wood Floor Solutions Andreas Domberger, C-19/09, EU:C:2010:137, punti 41 u 42).

47      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li tingħata risposta għat-tmien domanda li l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni, skont din id-dispożizzjoni, sabiex tieħu konjizzjoni ta’ kawża għad-danni marbuta mat-terminazzjoni ta’ kuntratt ta’ konċessjoni kummerċjali, konkluż bejn żewġ kumpanniji stabbiliti u li joperaw f’żewġ Stati Membri differenti, għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti fis-suq nazzjonali ta’ Stat Membru ieħor, li fit-territorju tiegħu l-ebda minn dawn il-kumpanniji ma għandha sussidjarja jew stabbiliment, hija dik tal-Istat Membru li fih issir il-provvista karatteristika tas-servizzi, li jkun jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-kuntratt kif ukoll, fin-nuqqas ta’ tali dispożizzjonijiet, mill-eżekuzzjoni effettiva ta’ dan il-kuntratt u, f’każ li din id-determinazzjoni ma tkunx possibbli abbażi ta’ dan, allura tkun il-qorti tad-domiċilju tal-fornitur.

 Fuq id-domandi l-oħra

48      Fid-dawl tar-risposti mogħtija għat-tieni sat-tmien domanda kif ukoll għall-ħdax-il domanda, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq l-ewwel, id-disa’, l-għaxar, it-tnax u t-tlettax-il domanda.

 Fuq l-ispejjeż

49      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li, b’riżerva għal verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, stabbilita f’kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ imsemmija f’fatturi maħruġa minn waħda mill-partijiet kontraenti, ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni.

2)      L-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni, skont din id-dispożizzjoni, sabiex tieħu konjizzjoni ta’ kawża għad-danni marbuta mat-terminazzjoni ta’ kuntratt ta’ konċessjoni kummerċjali, konkluż bejn żewġ kumpanniji stabbiliti u li joperaw f’żewġ Stati Membri differenti, għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti fis-suq nazzjonali ta’ Stat Membru ieħor, li fit-territorju tiegħu l-ebda minn dawn il-kumpanniji ma għandha sussidjarja jew stabbiliment, hija dik tal-Istat Membru li fih issir il-provvista karatteristika tas-servizzi, li jkun jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-kuntratt kif ukoll, fin-nuqqas ta’ tali dispożizzjonijiet, mill-eżekuzzjoni effettiva ta’ dan il-kuntratt u, f’każ li din id-determinazzjoni ma tkunx possibbli abbażi ta’ dan, allura tkun il-qorti tad-domiċilju tal-fornitur.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.