Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Woli w Warszawie (il-Polonja) fl-24 ta’ Marzu 2020 – A vs O

(Kawża C-143/20)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Rejonowy dla Warszawy-Woli w Warszawie

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: A

Konvenut: O

Domandi preliminari

L-Artikolu 185(3)(i) tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni 1 u l-Artikolu 36(1) flimkien mal-punt 12 tal-Anness III(A) tad-Direttiva 2002/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Novembru 2002 li tikkonċerna l-assigurazzjoni fuq il-ħajja 2 , għandhom jiġu interpretati fis-sens li fil-każ ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja għal poloz marbuta ma’ unitajiet (fond ta’ kapital tal-assigurazzjoni), fejn l-attivi bażi ta’ dan il-fond huma strumenti derivati (jew strumenti finanzjarji strutturati li fihom huma inkorporati strumenti derivati), l-assiguratur tal-persuna assigurata jew id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni (li joffri tali assigurazzjoni, jiddistribwixxi l-prodott ta’ assigurazzjoni, “ibiegħ” l-assigurazzjoni) huwa obbligat li jagħti informazzjoni dwar in-natura, l-ispeċifikazzjoni tat-tip, il-karatteristiċi (bl-Ingliż: indication of the nature, bil-Ġermaniż: Angabe der Art., bil-Franċiż: Indications sur la nature) tal-istrument bażi (l-istrument derivat jew l-istrument finanzjarju strutturat li fih huma inkorporati strumenti derivati), jew is-sempliċi indikazzjoni tat-tip ta’ attivi bażi, mingħajr ma jiġu kkomunikati l-karatteristiċi ta’ dan l-istrument, hija biżżejjed?

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tingħata fis-sens li l-assiguratur jew id-detentur ta’ polza tal-assigurazzjoni (li joffri tali assigurazzjoni, jiddistribwixxi l-prodott ta’ assigurazzjoni, “ibiegħ” l-assigurazzjoni għal poloz marbuta ma’ unitajiet – fond ta’ kapital tal-assigurazzjoni) huwa obbligat li jagħti informazzjoni dwar in-natura, l-ispeċifikazzjoni tat-tip u l-karatteristiċi tal-istrument bażi (l-istrument derivat jew l-istrument finanzjarju strutturat li fih huma inkorporati strumenti derivati), l-Artikolu 185(3)(i) tad-Diretiva 2009/138/KE u l-Artikolu 36(1) flimkien mal-punt 12 tal-Anness III(A) tad-Direttiva 2002/83/KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-informazzjoni kkomunikata lill-konsumatur assigurat dwar in-natura, l-ispeċifikazzjoni tat-tip, il-karatteristiċi tal-istrument bażi (l-istrument derivat jew l-istrument finanzjarju strutturat li fih huma inkorporati strumenti derivati) għandu jkun fiha informazzjoni identika għal dik meħtieġa mill-Artikolu 19(3) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/39/KE tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE 3 u mill-Artikolu 24(4) tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE 4 (iktar ’il quddiem, fil-qosor, id-“Direttiva 2014/65/UE”), bħal informazzjoni kumplessa dwar strumenti derivati u strateġiji ta’ investiment proposti, li għandhom jinkludu gwida xierqa u twissijiet dwar ir-riskju marbut mal-investimenti f’tali strumenti jew relatat mal-istrateġiji ta’ investiment speċifiku, b’mod partikolari informazzjoni dwar il-metodoloġija ta’ valutazzjoni ta’ strument bażi applikata mill-persuna li tassigura jew mill-aġent tal-kalkolu matul il-perijodu ta’ kopertura tal-assigurazzjoni u informazzjoni li tirrigwarda r-riskju marbut mal-istrument derivat u min joħorġu, inklużi bidliet fil-valur tal-istrument derivat matul iż-żmien, il-fatturi individwali li jiddeterminaw dawn il-bidliet u l-livelli tal-impatt tagħhom fuq il-valur?

L-Artikolu 185(4) tad-Direttiva 2009/138/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-każ ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja u s-sopravivenza għal poloz marbuta ma’ unitajiet (fond ta’ kapital tal-assigurazzjoni), fejn l-attiv bażi ta’ dan il-fond huwa strument derivat (jew strument finanzjarju strutturat li fih huma inkorporati strumenti derivati), l-assiguratur jew id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni (li joffri tali assigurazzjoni, jiddistribwixxi l-prodott ta’ assigurazzjoni, “ibiegħ” l-assigurazzjoni) huwa obbligat li jagħti informazzjoni lill-konsumatur assigurat identika għal dik meħtieġa mill-Artikolu 19(3) tad-Direttiva 2004/39/KE u l-Artikolu 24(4) tad-Direttiva 2014/65/UE, bħal informazzjoni kumplessa dwar strumenti derivati u strateġiji ta’ investiment proposti li għandhom jinkludu gwida xierqa u twissijiet dwar ir-riskju marbut mal-investimenti f’tali strumenti jew relatat mal-istrateġiji ta’ investiment speċifiku, b’mod partikolari informazzjoni dwar il-metodoloġija ta’ valutazzjoni tal-istrument bażi applikata mill-persuna li tassigura jew mill-aġent tal-kalkolu matul il-perijodu ta’ kopertura tal-assigurazzjoni u informazzjoni li tirrigwarda r-riskju marbut mal-istrument derivat u min joħorġu, inklużi bidliet fil-valur tal-istrument derivat matul iż-żmien, il-fatturi individwali li jiddeterminaw dawn il-bidliet u l-livelli tal-impatt tagħhom fuq il-valur?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni jew għat-tielet domanda (jew għat-tnejn li huma), in-nuqqas ta’ għoti, lill-konsumatur assigurat, mill-assiguratur jew mid-detentur ta’ polza tal-assigurazzjoni li joffri assigurazzjoni fuq il-ħajja għal poloz marbuta ma’ unitajiet (fond ta’ kapital tal-assigurazzjoni) tal-informazzjoni meħtieġa (indikata fit-tieni u t-tielet domanda) meta tiġi offruta assigurazzjoni lill-konsumatur, jikkostitwixxi prattika kummerċjali żleali fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 , jew in-nuqqas ta’ għoti tal-informazzjoni meħtieġa huwa prattika kummerċjali qarrieqa fis-sens tal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv kemm għat-tieni kif ukoll għat-tielet domanda, in-nuqqas ta’ informazzjoni ċara lill-konsumatur min-naħa tal-assiguratur jew tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni (li joffri tali assigurazzjoni, jiddistribwixxi l-prodott ta’ assigurazzjoni, “ibiegħ” l-assigurazzjoni fuq il-ħajja għal poloz marbuta ma’ unitajiet – fond ta’ kapital tal-assigurazzjoni), fir-rigward tal-fatt li l-assi tal-fond ta’ investiment (fond ta’ kapital tal-assigurazzjoni) huma mqiegħda fi strumenti derivati (jew prodotti strutturati li fihom huma inkorporati strumenti derivati), jikkostitwixxi prattika kummerċjali żleali fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali, jew in-nuqqas ta’ għoti tal-informazzjoni meħtieġa jikkostitwixxi prattika kummerċjali qarrieqa fis-sens tal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv kemm għat-tieni kif ukoll għat-tielet domanda, in-nuqqas ta’ spjegazzjoni ddettaljata lill-konsumatur, min-naħa tal-assiguratur jew tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni li joffri assigurazzjoni fuq il-ħajja għal poloz marbuta ma’ unitajiet (fond ta’ kapital tal-assigurazzjoni), fir-rigward tal-karatteristiċi preċiżi tal-istrument li fih jitqiegħdu l-assi tal-fond ta’ investiment (fond ta’ kapital tal-assigurazzjoni), inkluża l-informazzjoni dwar il-prinċipji operazzjonali ta’ tali strument, f’sitwazzjoni fejn dan huwa strument derivat (jew strument strutturat li fih huwa inkorporat strument derivat), jikkostitwixxi prattika kummerċjali żleali fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali, jew in-nuqqas ta’ għoti tal-informazzjoni meħtieġa jikkostitwixxi prattika kummerċjali qarrieqa fis-sens tal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva?

____________

1 ĠU 2009, L 335, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2014, L 219, p. 66, fil-ĠU 2016, L 262, p. 34, u fil-ĠU 2019, L 316, p. 107.

2 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 6, p. 3.

3 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 263.

4 ĠU 2014, L 173, p. 349, rettifiki fil-ĠU 2016, L 188, p. 28, fil-ĠU 2016, L 273, p. 35, u fil-ĠU 2017, L 64, p. 116.

5 ĠU 2005, L 149, p. 22, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 86.