Language of document : ECLI:EU:C:2010:578

OPINJONI TAL-AVUKAT ĠENERALI

NJÄÄSKINEN

ippreżentata fl-4 ta’ Ottubru 2010 1(1)

Kawża C‑296/10

Bianca Purrucker

vs

Guillermo Vallés Pérez

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Stuttgart (il‑Ġermanja)]

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Lis alibi pendens – Kunċett ta’ ‘l-ewwel qorti li ħadet il‑pussess’ – Tressiq quddiem qorti ta’ Stat Membru ta’ rikors fuq il-mertu dwar id-dritt ta’ kustodja ta’ wild – Tressiq minn qabel quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor ta’ talba għal miżuri provviżorji dwar id-dritt ta’ kustodja tal-istess wild – Rikonoxximent u infurzar – Res judicata”





I –    Introduzzjoni

1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar‑Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri u li jirrevoka r‑Regolament (KE) Nru 1347/2000 (2), magħruf bħala r-“Regolament Brussell IIa”.

2.        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn B. Purrucker u G. Vallés Pérez fir-rigward tad-dritt ta’ kustodja tal-ulied tewmin tagħhom M. u S. Vallés Purrucker, li xi elementi tagħha huma deskritti fil-punti 41 sa 43 tas‑sentenza mogħtija fil-15 ta’ Lulju 2010 fil-Kawża C‑256/09 (3) (iktar ’il quddiem is‑“sentenza Purrucker I”).

3.        F’din is-sentenza, bi tweġiba għal domanda preliminari magħmula mill‑Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d‑dispożizzjonijiet tal-Artikoli 21 et seq tar-Regolament Nru 2201/2003, dwar ir‑rikonoxximent ta’ deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru ieħor, ma japplikax għal miżuri provviżorji infurzabbli, fil-qasam tad-dritt ta’ kustodja, li jaqgħu taħt l-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament.

4.        Din il-kawża tikkonċerna l-istess partijiet u d-dritt ta’ kustodja tal-istess ulied, iżda l-Qorti tal-Ġustizzja hawnhekk hija mistiedna mill-Amtsgericht Stuttgart (il-Ġermanja) tiddeċiedi dwar il-kriterji għad-determinazzjoni tal-qorti li l-ewwel tressqet kawża quddiemha fis-sens tal-Artikolu 19(2) u (3) tar-Regolament Nru 2201/2003. Madankollu, din il-kwalifika hija essenzjali, peress li jirriżulta tip ta’ ġerarkija bejn il-qrati li jista’ jkollhom ġurisdizzjoni, bil-prijorità li tingħata lil dik li l-ewwel tressqet kawża quddiemha għad-dannu tat-tieni qorti li tressqet kawża quddiemha.

5.        Skont it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tesponi li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux dwar il-kwistjoni li jsiru jafu jekk il-qorti Ġermaniża, li B. Purrucker ressqet kawża quddiemha fil-21 ta’ Settembru 2007, għal kisba ta’ miżuri fuq il-mertu fil-qasam tad-dritt ta’ kustodja ta’ binha M., hijiex “it-tieni qorti li ħadet il-pussess” fis-sens tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2201/2003, meta mqabbla mal-qorti Spanjola li G. Vallés Perez ressaq talba quddiemha għall-miżuri provviżorji biss, fit-28 ta’ Ġunju 2007, għall-kisba ta’ miżuri provviżorji fil-qasam tad-dritt ta’ kustodja, u li minn din il-proċedura fuq il-mertu ġiet ippreżentata fix-xahar ta’ Jannar 2008 talba ta’ G. Vallés Pérez.

6.        Din il-kawża tenfasizza li, anki jekk is-sistema legali tal-lis alibi pendens li tista’ tinqala’ bejn il-qrati ta’ Stati Membri differenti hija ddefinita mill-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2201/2003, dan it-test ma jispeċifikax liema tipi ta’ kunflitt ta’ proċedura jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna, fil-fehma tiegħi għall-ewwel darba, tiddeċiedi fuq il-kunċett ta’ “lis [alibi] pendens” fis-sens tal-Artikolu 19(2) ta’ dan ir-regolament, fil-każ ta’ tressiq ta’ talba għal miżuri provviżorji u ta’ rikors kunfliġġenti fuq il-mertu dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. B’mod partikolari, hemm dubju kif il-kunċetti awtonomi li jinsabu f’dan ir-regolamenti jikkoordinaw mar-regoli proċedurali nazzjonali li jiddistingwu t-tipi differenti ta’ kawżi intiżi għall-għoti ta’ miżuri provviżorji li għandhom natura provviżorja u dawk intiżi għall-kisba ta’ deċiżjoni fuq il-mertu. Barra minn dan, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2201/2003 u dawk tal-Artikoli 20 u 21 tal-istess regolament.

II – Il-kuntest ġuridiku

7.        Qabel id‑dħul fis‑seħħ tar‑Regolament Nru 2001/2003 (4), il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea kien stabbilixxa, b’att tat‑28 ta’ Mejju 1998, abbażi tal‑Artikolu K.3 tat‑Trattat tal‑Unjoni Ewropea, il‑Konvenzjoni dwar il‑ġurisdizzjoni, ir‑rikonoxximent u l‑infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali (5) (iktar ’il quddiem il‑“Konvenzjoni ta’ Brussell II”). Din il‑konvenzjoni ma daħlitx fis‑seħħ. Sa fejn it‑test ta’ din il‑konvenzjoni ispira t‑test tar‑Regolament 2001/2003, ir‑rapport ta’ spjegazzjoni dwar l‑imsemmija konvenzjoni (6), miktub minn A. Borrás (iktar ’il quddiem ir‑“rapport Borrás”), ġie invokat sabiex jgħin fl‑interpretazzjoni ta’ dan ir‑regolament.

8.        Ir‑Regolament Nru 2201/2003 ġie ppreċedut mir‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 1347/2000, tad‑29 ta’ Mejju 2000, dwar il‑ġurisdizzjoni u r‑rikonoxximent u l‑infurzar ta’ sentenzi f’materji matrimonjali u f’materji ta’ responsabbiltà tal‑ġenituri għall‑ulied taż‑żewġ konjuġi (7). Ir‑Regolament Nru 1347/2000 ġie rrevokat bir‑Regolament Nru 2201/2003, li l‑kamp ta’ applikazzjoni tiegħu huwa iktar wiesa’.

9.        Il‑premessi 12 u 16 tar‑Regolament Nru 2201/2003 jistabbilixxu:

“(12) Ir-raġunijiet ta’ l-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l ġenituri stabbiliti fir-Regolament preżenti huma fformati fi ħdan l-aqwa interessi għall-minuri, u partikolarment dwar il-kriterju ta’ l-qrubija. Dan ifisser li l-ġurisdizzjoni għandha toqgħod l-ewwelnett ma’ l-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ l-minuri, ħlief għal ċerti każijiet fejn hemm tibdil fir-residenza ta’ l-minuri jew skond ftehim bejn dawk il-ġenituri li huma d detenturi tar-responsabilità.

[…]

(16)      Dan ir-Regolament m’għandux jimpedixxi lill-qrati ta’ xi Stat Membru milli jieħdu miżuri proviżorji, inkluzi dawk protettivi, f’każijiet urġenti, fir-rigward ta’ persuni jew proprjetà li tinstab f’dak l-Istat.”

10.      L-Artikolu 1(1)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003 jistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan fir-rigward tar-responsabbiltà tal-ġenituri billi jiddikjaraw li “japplika, tkun xi tkun in-natura ta’ l-qorti jew tribunal, fi kwistjonijiet ċivili dwar […] l-attribuzzjoni, l-ezerċizzju, id-delegazzjoni, ir-restrizzjoni jew it-terminazzjoni tar-responsabbilità ta’ l-ġenituri”. L-Artikolu 1(2) jippreċiża li dawn il-materji “partikolarment, jittrattaw fi:

a)      drittijiet ta’ kustodja u drittijiet ta’ aċċess;

b)      kuratura, tutela w istituzzjonijiet simili;

ċ)      in-nomina u l-funzjonijiet ta’ xi persuni jew korp li għandhom l-inkarigu ta’ l-minuri jew ta’ l-proprjetà, ir-rappreżentanza jew l-għajnuna ta’ l-minuri; 

d)      it-tqegħid ta’ l-minuri ma’ familja tar-rispett jew f’ kustodja stituzjonali;

e)      il-miżuri għall-protezzjoni ta’ l-minuri dwar l-amministrazzjoni, il-konservazzjoni u l-ħelsien ta’ l-proprjetà tagħhom.”

11.      Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “Id-Definizzjonijiet”:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

1)      ll-kelma ‛qorti’ għandha tkopri l-awtoritajiet kollha fl-Istati Membri bil ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet li jaqgħu taħt u li huma nkluzi fil-kompetenza ta’ dan ir-Regolament skond l-Artikolu 1;

[…]

4)      il-kelma ‛sentenza’ għandha tfisser divorzju, separazzjoni legali jew annullament taż-żwieġ, kif ukoll sentenza dwar ir-responsabbilità ta’ l ġenituri, iddikjarata minn qorti ta’ Stat Membru, hu x’inhu t-terminu li tista’ tiġi msejjħa bih is-sentenza, inkluzi diġriet, ordni jew deċiżjoni;

[…]

7)      il-kliem ‛responsabbilità ta’ l-ġenituri’ għandhom ifissru d-drittijiet u r‑responsabbilitajiet kollha dwar il-persuna jew il-proprjetà ta' l-minuri li huma moghtija lil persuna jew persuna legali b’sentenza, bl-operazzjoni ta’ l-liġi jew b’xi fteħim li għandu effetti legali. Il-kliem se jinkludu d-drittijiet ta’ kustodja u d-drittijiet ta’ l-aċċess;

[…]

9)      il-kliem ‛drittijiet ta’ kustodja’ għandhom jinkludu drittijiet u responsabbilitajiet dwar il-kura ta’ l-persuna ta’ l-minuri, u partikolarment id-drittijiet li jiddeterminaw il-post ta’ residenza ta’ l-minuri;

[…]”

12.      L-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament, li jirrigwarda “Il-Ġurisdizzjoni ġenerali” fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, jipprovdi:

“Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar minuri li huma abitwalment residenti f’dak l‑Istat Membru fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet il-pussess.”

13.      L-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi “Il-Kontinwità ta’ l-gurisdizzjoni tar-residenza abitwali ta’ qabel ta’ l-minuri” fil-kundizzjonijiet li ġejjin:

“Fejn minuri jiċċaqalqu legalment minn Stat Membru wieħed għall-ieħor u jakkwistaw residenza abitwali ġdida hemmhekk, il-qrati ta’ l-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ qabel se, skond eċċezzjoni għall-Artikolu 8, iż-żomm il-ġurisdizzjoni matul perjodu ta’ tlett xhur wara ċ-ċaqliqa għall-iskop ta’ modifika ta’ sentenza dwar drittijiet ta’ aċċess maħruġa f’dak l-Istat Membru qabel il-minuri ġew imċaqalqin, fejn il-pussessur tad-drittijiet ta’ aċċess skond is-sentenza dwar id-drittijiet ta’ aċċess ikompli jkollu jew ikollha r-residenza abitwali fl-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ qabel, ta’ l-minuri.”

14.      L-Artikolu 10 tal-istess regolament, li jirrigwarda “Il-Ġurisdizzjoni f’każijiet ta’ ħtif ta’ minuri”, jiddisponi: “F’każ ta’ tneħħija jew żamma nġusta ta’ minuri, il-qrati ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta għandhom iżommu l-ġurisdizzjoni sakemm il-minuri jakkwistaw residenza abitwali fi Stat Membru ieħor […]”.

15.      L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprovdi kawżi għall-proroga ta’ ġurisdizzjoni bil-possibbiltà, suġġetta għall-aċċettazzjoni mill-partijiet li jressqu kawża quddiem qorti ta’ Stat Membru li fih il-wild ma jkunx abitwalment residenti, jew minħabba li l-kwistjoni hija marbuta ma’ proċedura għax-xoljiment tar-rabta taż-żwieġ li huwa fis-seħħ, jew minħabba li l-wild għandu rabta stretta ma’ dak l-Istat Membru.

16.      L-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, li jirrigwarda “Il-ġurisdizzjoni ibbażata fuq il-preżenza ta’ l-minuri”, jistabbilixxi:

“1.      Fejn ir-residenza abitwali ta’ l-minuri ma tistax tiġi stabbilita u l-ġurisdizzjoni ma tistax tiġi ddeterminata dwar il-bażi ta’ l-Artikolu 12, il-qrati ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri huma preżenti għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni.

2.      il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll għat- tfal li huma refuġjati jew tfal li huma nternazzjonalment spustati minħabba f’xi nkwiet f’pajjiżhom.”

17.      L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “Il-Ġurisdizzjoni residwa”, jipprovdi li “Fejn ebda qorti ta’ xi Stat Membru għandha l-ġurisdizzjoni skond l-Artikolu 8 sa 13, il-ġurisdizzjoni għandha tkun determinata, f’kull Stat Membru, mil-liġijiet ta’ dak l-Istat.”

18.      L-Artikolu 15 ta’ dan ir-Regolament jistabbilixxi li, taħt ċerti ċirkustanzi, jista’ jkun hemm eċċezzjoni għar-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti minn dan meta qorti ta’ Stat Membru li miegħu wild għandu rabta partikolari hija f’post aħjar sabiex tinstema’ l-kawża.

19.      L-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “Il-Pussess ta’ Qorti”, jiddisponi:

“1.      Qorti għandha tiġi kkunsidrata li hija fil-pussess:

a)      fiż-żmien li d-dokument li istitwixxa l-proċedimenti jew dokument ekwivalenti jiġu ppreżentati l-qorti, dement li l-applikant ma naqasx/sitx sussegwentement milli jieħu/tieħu l-passi neċessarji li kienu dovuti li sabiex issir in-notifika fuq il-konvenut;

jew

b)      jekk id-dokument għandu jiġi notifikat qabel ma jiġi ppreżentat il-qorti, waqt iż-żmien li jiġi riċevut mill-awtorità responsabbli għas-servizz, dement li l-applikant ma jonqosx milli jieħu l-passi li kellu jieħu biex id-dokument jiġi ppreżentat il-qorti.”

20.      L-Artikolu 19(2) u (3) tar-Regolament Nru 2201/2003, li huwa intitolat “Lis [alibi] pendens u azzjonijiet dipendenti”, jipprovdi:

“2.   Fejn il-proċedimenti dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar l-istess minuri [suġġett] u li tinkludi l-istess kawża [bażi ġuridika] se jidħru quddiem qrati fi Stati Membri differenti, it-tieni qorti li ħadet il-pussess għandha b’mozzjoni tagħha stess żżomm il-proċedimenti sakemm il-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti tiġi stabbilita.

3.     Fejn il-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti li ħadet il-pussess tiġi stabbilita, it-tieni qorti bil-pussess għandha iċċedi l-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti.

F’dak il-każ, il-parti li tkun ġabet il-kawza relevanti quddiem il-qorti li ħadet il-ta’ l-pussess wara, tista’ ġġib dik il-kawza quddiem il-qorti li ħadet ita’ l-pussess l-ewwel.”

21.      L-Artikolu 20 tal-istess regolament, dwar “Il-Miżuri provviżorji, inklużi dawk protettivi”, jiddisponi:

“1.   F’każijiet urgenti, id-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament mhux se jħallu l-qrati ta’ Stat Membru milli jieħu dawk il-miżuri provviżorji, inkluzi dawk protettivi fir-rigward ta’ persuni jew assi f’dak l-Istat kif huma disponibbli taħt il-liġi ta’ dak l-Istat Membru, anke jekk, taħt dan ir-Regolament, il-qorti ta’ Stat Membru ieħor għandha l-ġurisdizzjoni nkwantu għas-sustanza ta’ l-kwistjoni.

2.     Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 m’għandhomx jibqgħu japplikaw meta l-qorti ta’ l-Istat Membru li għandha l-ġurisdizzjoni taħt dan ir-Regolament nkwantu għas-sustanza ta’ l-kwistjoni, ħadet il-miżuri li dehrilha xierqa.”

22.      Skont it-termini tal-Artikolu 21(1), tar-Regolament Nru 2201/2003:

“Sentenza mogħtija fi Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra mingħajr il-bżonn ta’ ebda proċedura speċjali.”

23.      L-Artikolu 24 ta’ dan l-istess regolament jippreċiża:

“Il-ġurisdizzjoni ta’ l-qorti ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini ma tistax tiġi riveduta. Il-prova ta’ l-politika pubblika imsemmija fl-Artikoli 22(a) u 23(a) ma tistax ssir fuq ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni imsemmija fl-Artikolu 3 sa 14.”

III – Il-kawża prinċipali

A –    Il-fatti

24.      Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, mill-fatti msemmija fis-sentenza Purrucker I, iċċitata iktar ’il fuq, u mill-proċess tal-kawża kkomunikat lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju li, f’nofs is-sena 2005, B. Purrucker, ċittadina Ġermaniża, marret tgħix fi Spanja ma’ G. Vallés Pérez, ċittadin Spanjol mitwieled il-Ġermanja. Fil-31 ta’ Mejju 2006, mir-relazzjoni tagħhom twieldu tewmin, M., tifel, u S., tifla, li twieldu qabel iż-żmien. G. Vallés Pérez irrikonoxxa lill-ulied. Minħabba li l‑ġenituri jgħixu flimkien, huma għandhom, skont il-liġi Spanjola, dritt ta’ kustodja konġunta. L-ulied għandhom ċittadinanza Ġermaniża u Spanjola.

25.      Billi r-relazzjoni bejn B. Purrucker u G. Vallés Pérez iddeterjorat, B. Purrucker xtaqet tirritorna lejn il-Ġermanja ma’ wliedha, filwaqt li G. Vallés Pérez inizjalment oppona. Fit-30 ta’ Jannar 2007, il-partijiet laħqu ftehim quddiem nutar Spanjol li kellu jiġi approvat minn qorti sabiex ikun infurzabbli, li permezz tiegħu B. Purrucker għandha tmur tgħix il-Ġermanja flimkien mal-ulied (8).

26.      Minħabba problemi ta’ saħħa, il-wild S. ma setgħetx tħalli l-isptar fil-jum tat-tluq. B. Purrucker għalhekk telqet lejn il Ġermanja ma’ binha, M. fit-2 ta’ Frar 2007.

27.      Hemm tliet proċeduri pendenti bejn il‑partijiet fil‑kawża prinċipali:

–        l‑ewwel waħda, fi Spanja, għandha bħala suġġett l‑għoti ta’ miżuri provviżorji, mibdija minn G. Vallés Pérez. Jidher li, taħt ċerti kundizzjonijiet, din il-proċedura tista’ titqies li hija proċedura fuq il-mertu li s‑suġġett tagħha huwa l‑għoti tad‑dritt ta’ kustodja tal-ulied M. u S.;

–        it‑tieni waħda, fil‑Ġermanja, mibdija minn G. Vallés Pérez, li għandha bħala suġġett l‑infurzar tas‑sentenza tal‑Juzgado de Primera Instancia n.°4 de San Lorenzo de El Escorial (Spanja) (iktar ’il quddiem il-“Juzgado de Primera Instancia”), li tistabbilixxi miżuri provviżorji; din hija l-proċedura li fil-kuntest tagħha ngħatat is-sentenza Purrucker I, iċċitata iktar ’il fuq, u

–        it‑tielet waħda, fil‑Ġermanja, mibdija minn B. Purrucker, li għandha bħala suġġett l‑għoti tad‑dritt ta’ kustodja fuq l‑istess ulied; din hija l-proċedura li wasslet għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

B –    It-tliet proċeduri pendenti

1.      Il-proċeduri mibdija fi Spanja minn G. Vallés Pérez għall-għoti ta’ miżuri provviżorji dwar il-kustodja (u eventwalment għal deċiżjoni fuq il-mertu)

28.      G. Vallés Pérez beda, matul ix-xahar ta’ Ġunju 2007, proċedura għall-finijiet tal‑għoti ta’ miżuri provviżorji u, b’mod partikolari, tad‑dritt ta’ kustodja tal-ulied, M. u S., quddiem il‑Juzgado de Primera Instancia.

29.      Permezz ta’ sentenza tat-8 ta’ Novembru 2007, il‑Juzgado de Primera Instancia kkunsidrat li għandha ġurisdizzjoni (9) u adottat miżuri urġenti u provviżorji (10), f’dak li jirrigwarda d-dritt ta’ kustodja tal-ulied. Din is-sentenza kienet is-suġġett ta’ sentenza emendatorja tat-28 ta’ Novembru 2007, fejn il-punt 1 tad-dispożittiv ġie emendat peress illi dan jagħti lill-missier id-“dritt ta’ kustodja” u mhux iktar “id-dritt ta’ kustodja konġunta”.

30.      Bid-digriet tat-28 ta’ Ottubru 2008, il-Juzgado de Primera Instancia ħa pożizzjoni fir-rigward tal-kwistjoni “ta’ l-ewwel qorti li ħadet il‑pussess” fis-sens tal-Artikolu 19(3) tar-Regolament Nru 2201/2003. Hija nnotat li kienet diġà tat deċiżjoni dwar il-kwistjoni ta’ ġurisdizzjoni fis-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2007 u fakkret id-diversi punti ta’ fatt ta’ rbit iċċitati f’din id-deċiżjoni. Hija indikat li fit-28 ta’ Ġunju 2007, hija laqgħat it-talba għall-għoti ta’ miżuri provviżorji ta’ kustodja fir-rigward tal-ulied M. u S. Billi l-omm kienet ressqet kawża quddiem il-qorti Ġermaniża biss fix-xahar ta’ Settembru 2007, il-Juzgado de Primera Instancia kkunsidrat li kienet “l-ewwel qorti li ħadet il‑pussess”, fis-sens tal-Artikolu 19(2) u (3) tar-Regolament Nru 2201/2003, u ddikjarat li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-kawża skont l-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-regolament.

31.      Permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Jannar 2010, l-Audiencia Provincial de Madrid, sección 24a (Spanja), wara l-appell ta’ B. Purrucker, ikkonfermat id-digriet tat-28 ta’ Ottubru 2008. Il-qorti tal-appell qieset li, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 2201/2003, li l-ewwel talba kienet it-talba għal miżuri provviżorji mressqa skont id-dritt Spanjol quddiem il-Juzgado de Primera Instancia, qabel it-talba mressqa quddiem il-qoti Ġermaniża. Min-naħa l-oħra, l-Audiencia Provincial de Madrid tikkunsidra li l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003, invokat mill-appellanti, jekk applikabbli f’dan il-każ, ma jistabbilixxi l-ebda regola fil-qasam tal-ġurisdizzjoni u jikkonċerna biss l-adozzjoni ta’ miżuri kawtelatorji biss f’każ ta’ urġenza, filwaqt li l-ġurisdizzjoni, li kienet is-suġġett tal-kawża, għandu jkun determinat skont ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament.

2.      Il-proċedura mibdija fil-Ġermanja minn G. Vallés Pérez għall-infurzar tas-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2007 mogħtija mill-qorti Spanjola

32.      Din hija l‑proċedura li wasslet għas-sentenza Purrucker I, iċċitata iktar ’il fuq. G. Vallés Pérez fil‑bidu eżiġa, fost l‑oħrajn, l‑għoti lura ta’ ibnu M. u ppreżenta, bħala miżura kawtelatorja, rikors intiż li tiġi ddikjarata l‑infurzabbiltà tas‑sentenza mogħtija fit-8 ta’ Novembru 2007 mill‑Juzgado de Primera Instancia. Wara, huwa talab l-ewwel nett l‑infurzar ta’ din is-sentenza. Konsegwentement, l‑Amtsgericht Stuttgart, permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Lulju 2008, u l‑Oberlandesgericht Stuttgart (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Settembru 2008 meħuda b’rikors, infurzaw is-sentenza tal-qorti Spanjola.

33.      Wara rikors imressaq minn B. Purrucker, il‑Bundesgerichtshof għamel domanda preliminari lill-Qorti tal‑Ġustizzja. Bis-sentenza Purrucker I, iċċitata iktar ’il fuq, hija rrispondiet li d‑dispożizzjonijiet tal‑Artikoli 21 et seq tar‑Regolament Nru 2201/2003, dwar ir-rikonoxximent ta’ sentenzi mogħtija fi Stat Membru ieħor, ma japplikawx għal miżuri provviżorji fil‑qasam tad‑dritt ta’ kustodja, li jaqgħu taħt l‑Artikolu 20 tal‑imsemmi regolament.

3.      Il-proċedura mibdija fil-Ġermanja minn B. Purrucker għall-għoti tad-dritt ta’ kustodja

34.      Fil-21 ta’ Settembru 2007, jiġifieri qabel ma ngħatat id-deċiżjoni msemmija iktar ’il fuq tal-Juzgado de Primera Instancia, permezz ta’ rikors fuq il-mertu mressaq quddiem l‑Amtsgericht Albstadt (qorti tal-ewwel istanza ta’ Albstadt, il-Ġermanja), B. Purrucker talbet li tingħata l-kustodja esklużiva tal-ulied M. u S. Din it-talba ġiet innotifikata lill-konvenut fil‑kawża prinċipali fit-22 ta’ Frar 2008 permezz ta’ ittra rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ riċevuta. Madankollu, huwa kien diġà ġie preċedentement informat b’din it-talba, hekk kif ukoll il-qorti Spanjola.

35.      B’mod partikolari jirriżulta mid-deċiżjonijiet tal-25 ta’ Settembru 2007 u tad-9 ta’ Jannar 2008 tal-Amtsgericht Albstadt li, skont din il-qorti, it-talba ta’ B. Purrucker ma kellha l-ebda ċans ta’ suċċess. Fil-fatt, billi l-ġenituri ma kinux miżżewġin u ma kienx jidher li teżisti dikjarazzjoni ta’ kustodja konġunta – l-ftehim notarili tat-30 ta’ Jannar 2007 ma setax jiġi interpretat bħala li jikkostitwixxu tali dikjarazzjoni –, B. Purrucker kellha d-dritt ta’ kustodja esklużiva fuq l-ulied, b’mod li deċiżjoni ta’ għoti tad-dritt ta’ kustodja ma kinitx meħtieġa. L-Amtsgericht Albstadt semmiet ukoll il-proċeduri pendenti fi Spanja.

36.      Permezz ta’ deċiżjoni parzjali tad-19 ta’ Marzu 2008, l-Amtsgericht Albstadt b’mod partikolari ċaħħdet, fuq nuqqas ta’ kompetenza, it-talba f’dak li jirrigwarda l-wild S. Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata fil-5 ta’ Mejju 2008 mill-Oberlandesgericht Stuttgart.

37.      Permezz ta’ deċiżjoni oħra tad-19 ta’ Marzu 2008, l-Amtsgericht Albstadt issospendiet il-proċeduri ta’ dritt ta’ kustodja skont l-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni dwar aspetti ċivili ta’ ħtif internazzjonali ta’ minuri, li ġiet iffirmata fil-25 ta’ Ottubru 1980 fil-kuntest tal-konferenza ta’ Den Haag tad-dritt internazzjonali privat (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980”) (11). Dawn il-proċeduri reġgħu ssokktaw fit-28 ta’ Mejju 2008 fuq talba ta’ B. Purrucker, minħabba li sa dik id-data, G. Vallés Pérez ma kienx talab għar-ritorn fuq il-bażi tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980. Ebda talba oħra ma ġiet ippreżentata sussegwentement.

38.      Minħabba fit-talba għall-infurzar tas-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2007, imressqa minn G. Vallés Pérez, il-proċedura li tirrigwarda d-dritt ta’ kustodja ġiet assenjata lill‑Familiengericht (qorti tal-familja) tal-Amtsgericht Stuttgart, skont l-Artikolu 13 tal-liġi dwar l-infurzar u l‑applikazzjoni ta’ ċerti strumenti legali fil-qasam tad-dritt internazzjonali tal‑familja (Gesetz zur Aus- und Durchführung bestimmter Rechtsinstrumente auf dem Gebiet des internationalen Familienrechts).

39.      Fis-16 ta’ Lulju 2008, B. Purrucker ressqet talba, fuq il-bażi tal-Artikolu 20 tar‑Regolament Nru 2201/2003, quddiem l-Amtsgericht Stuttgart, sabiex tikseb miżura provviżorja li tagħtiha l-kustodja esklużiva ta’ binha M., jew, sussidjarjament, id-dritt esklużiv li tiffissa r-residenza ta’ dan il-wild.

40.      Jirriżulta mill-proċess ikkomunikat lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju, li l-qorti Ġermaniża fix-xhur ta’ Awwissu, ta’ Settembru u ta’ Ottubru 2008, l-Amtsgericht Stuttgart ppruvat diversi drabi, iżda mingħajr suċċess, tagħmel kuntatt mal-qorti Spanjola li diġà kienet adottat miżuri provviżorji f’din il-kawża, sabiex issir taf jekk kienx hemm proċedura fuq il-mertu pendenti fi Spanja.

41.      Fit-28 ta’ Ottubru 2008, l-imħallef tal-Amtsgericht Stuttgart adotta deċiżjoni li fiha ddeskriva l-passi meħuda permezz tal-maġistrat Spanjol ta’ kuntatt u n-nuqqas ta’ risposta minn naħa tal-Juzgado de Primera Instancia. Huwa talab lill-partijiet sabiex jipprovdu u jipprovaw, l-ewwel nett, id‑data tat-talba għal miżuri provviżorji mill-missier fi Spanja, it-tieni nett, in‑notifika tas-sentenza tal-qorti Spanjola, tat-8 ta’ Novembru 2007, kif ukoll, it-tielet nett, it-tressiq tat-talba fuq il‑mertu mill-missier fi Spanja u d-data tan-notifika ta’ din it-talba lill‑omm.

42.      Fit-28 ta’ Ottubru 2008, il-Juzgado de Primera Instancia adotta wkoll is-sentenza li l-kontenut tagħha huwa deskritt fil-punt 30 ta’ din l-opinjoni.

43.      Wara li stiednet lill-partijiet sabiex jieħdu pożizzjoni mill-ġdid, l-Amtsgericht Stuttgart adottat deċiżjoni, fit-8 ta’ Diċembru 2008. Din issemmi d-digriet tal‑Juzgado de Primera Instancia, tat-28 ta’ Ottubru 2008, u tal-appell ippreżentat minn B. Purrucker kontriha. Hija ħasset li ma setgħetx hija stess tiddeċiedi fuq il-kwistjoni “ta’ l-ewwel qorti li ħadet il‑pussess”, għaliex din taffettwa ċ-ċertezza legali billi żewġ qrati ta’ Stati Membri differenti jistgħu jadottaw deċiżjonijiet kunfliġġenti. Il-kwistjoni għandha tiġi deċiża mill-qorti li qalet l-ewwel li għandha ġurisdizzjoni. Għaldaqstant, l‑Amtsgericht Stuttgart iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003 sakemm id-deċiżjoni tal-Juzgado de Primera Instancia ssir res judicata.

44.      B. Purrucker ippreżentat rikors kontra d‑deċiżjoni tal‑Amtsgericht Stuttgart. Fl‑14 ta’ Mejju 2009, l‑Oberlandesgericht Stuttgart annullat id‑deċiżjoni u bagħtet il‑kawża quddiem l‑Amtsgericht Stuttgart sabiex tadotta deċiżjoni ġdida. L‑Oberlandesgericht Stuttgart qieset li qorti setgħet tistħarreġ hija stess il‑ġurisdizzjoni tagħha u li l‑Artikolu 19 tar‑Regolament Nru 2201/2003 ma jagħti lill‑ebda qorti li quddiemha tressqet il‑kawża l‑ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tiddetermina liema kienet l‑ewwel qorti li tressqet quddiemha l‑kawża. L‑Oberlandesgericht Stuttgart irrilevat li t‑talba dwar id‑dritt ta’ kustodja, imressqa fi Spanja matul ix-xahar ta’ Ġunju 2007 minn G. Vallés Pérez, tidħol fil‑kuntest ta’ proċedura intiża għall‑għoti ta’ miżuri provviżorji, filwaqt li t‑talba dwar id‑dritt ta’ kustodja, imressqa fil‑Ġermanja fl‑20 ta’ Settembru 2007 minn B. Purrucker, tikkostitwixxi rikors fuq il-mertu. Dan ir-rikors u l‑proċedura għall‑għoti ta’ miżuri provviżorji għandhom bħala suġġett kontroversji differenti jew talbiet differenti. Fejn xieraq, għandha tiġi ammessa l-eżistenza ta’ kunflitt pożittiv ta’ ġurisdizzjoni bejn żewġ qrati.

45.      Permezz ta’ digriet tat‑8 ta’ Ġunju 2009, l‑Amtsgericht Stuttgart reġgħet talbet lill‑partijiet jindikawlha f’liema stadju kienet tinsab il‑proċedura mibdija fi Spanja u stednithom jieħdu pożizzjoni fuq il‑possibbiltà li jagħmlu domanda preliminari lill‑Qorti tal‑Ġustizzja dwar id‑determinazzjoni tal‑ewwel qorti li quddiemha tressqet il‑kawża, skont l‑Artikolu 104b tar‑Regoli tal‑Proċedura tal‑Qorti tal‑Ġustizzja.

46.      Fil-21 ta’ Jannar 2010, l-Audiencia Provincial de Madrid iddeċidiet l-appell ippreżentat minn B. Purrucker permezz tas-sentenza msemmija fil-punt 31 ta’ din l-opinjoni. Din is-sentenza ġiet ikkomunikata lill‑Amtsgericht Stuttgart permezz ta’ ittra mill-avukat Ġermaniż ta’ G. Vallés Pérez.

IV – Ir-rinviju preliminari

47.      Permezz tad-deċiżjoni tal-31 ta’ Mejju 2010 u ppreżentata fis-16 ta’ Ġunju 2010 (12), l-Amtsgericht Stuttgart iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri u li tagħmel dawn id‑domandi preliminari lill‑Qorti tal‑Ġustizzja:

“1)      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament [Nru 2201/2003] huma applikabbli fil-każ fejn l-ewwel tkun tressqet kawża quddiem qorti ta’ Stat Membru minn waħda mill-partijiet fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri sabiex jinkisbu miżuri provviżorji biss u sussegwentement titressaq kawża quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor mill-parti l-oħra li titlob li tingħata deċiżjoni fuq il-mertu?

2)      Dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw ukoll meta deċiżjoni adottata fir rigward ta’ proċeduri għal miżuri provviżorji separati fi Stat Membru ma tistax tiġi rikonoxxuta fi Stat Membru ieħor fis-sens tal-Artikolu 21 tar Regolament Nru 2201/2003?

3)      Talba għal miżuri provviżorji li titressaq quddiem qorti ta’ Stat Membru għandha tiġi ekwiparata ma’ talba għal deċiżjoni fuq il-mertu fis-sens tal Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003 meta d-dritt proċedurali nazzjonali ta’ dan l-Istat jipprovdi li, sabiex jiġu evitati żvantaġġi tad-dritt proċedurali nazzjonali, għandha titressaq kawża quddiem l-imsemmija qorti, fi żmien determinat, sabiex tingħata deċiżjoni fuq il-mertu?”

48.      Insostenn tat-talba tagħha għal domandi preliminari, il-qorti tar-rinviju tesponi għaliex hija tal-fehma li ma hemm l-ebda dubju raġonevoli dwar il-fatt li iben il-partijiet, M., kellu r-residenza abitwali tiegħu fil-Ġermanja fid-data tal-21 ta’ Settembru 2007, meta ġiet imressqa t-talba għall‑għoti tal-kustodja tiegħu minn B. Purrucker.

49.      Skont din il-qorti, il-Juzgado de Primera Instancia ma kellhiex, fuq il-bażi tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003, ġurisdizzjoni mingħajr interruzzjoni sal-21 ta’ Settembru 2007 billi l-membri tal‑familja qabel kellhom ir-residenza abitwali komuni tagħhom fi Spanja, għaliex la huwa kredibbli u lanqas huwa ppruvat li t-tneħħija ta’ iben il-partijiet, mir-rikorrenti, minn Spanja lejn il-Ġermanja kien illegali.

50.      L-Amtsgericht Stuttgart tfakkar li skont l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 2201/2003, qorti għandha titqies li tkun tressqet kawża quddiemha mid-data li fiha l-att promotur huwa ppreżentat fil-qorti, sakemm ir-rikorrent ma jkunx sussegwentament naqas milli jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex l-att jiġi nnotifikat lill-konvenut.

51.      Huwa jindika li r-rikors tal-20 ta’ Settembru 2007 ġie ppreżentat fil-21 ta’ Settembru 2007, iżda li ġie nnotifikat lill-konvenut biss fit-22 ta’ Frar 2008, għal raġunijiet li B. Purrucker ma hijiex responsabbli għalihom, relatati mal‑ikkontestar, imqajma fil-kuntest tal-proċedura għal għajnuna legali, tal-ġurisdizzjoni internazzjonali ta’ din il-qorti sabiex tadotta miżuri fil-qasam tad-dritt ta’ kustodja fir-rigward ta’ bint il-partijiet, S., li tgħix fi Spanja.

52.      L-Amtsgericht Stuttgart jesponi li l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprovdi li qorti ta’ Stat Membru, li l-ewwel tkun tressqet kawża quddiemha dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ wild, primarjament għandha ġurisdizzjoni għall-kuntrarju ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor li sussegwentement tressqet kawża quddiemha li għandha l-istess suġġett u l-istess bażi ġuridika. Hija tqis li s‑suġġett tal-kawża li wasslet għall-bidu, fix-xahar ta’ Ġunju 2007, ta’ proċedura għal miżuri provviżorji quddiem il-qorti Spanjola hija identika għal dik li wasslet għar-rikors fuq il-mertu li tressqet quddiem il-qorti Ġermaniża fix-xahar ta’ Settembru 2007. Iż-żewġ proċeduri kellhom fil-fatt bħala suġġett talba għall-kisba ta’ miżuri legali fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri dwar l-istess wild. Kull waħda miż-żewġ partijiet jitolbu, f’kull każ, li jingħataw il-kustodja esklużiva. Fiż-żewġ proċeduri, il-partijiet huma identiċi.

53.      Il-qorti tar-rinviju tindika li l-prijorità fiż-żmien ta’ proċedura hija apprezzata taħt l-Artikolu 16 tar‑Regolament Nru 2201/2003. Hija madankollu tinnota li l‑ifformular ta’ din id-dispożizzjoni ma tagħmel ebda distinzjoni bejn rikors fuq il‑mertu u proċeduri ta’ miżuri provviżorji, intiżi għall-għoti ta’ miżuri provviżorji, b’din is-sitwazzjoni tħalli lok għal kunċetti legali differenti dwar il‑qasam ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003.

54.      Jirriżulta mill-approċċ legali adottat mill-Juzgado de Primera Instancia u mill-Audiencia Provincial de Madrid li qorti Spanjola hija kkunsidrata fis-sens tal-Artikoli 16 u 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003, bħala li tressqet kawża quddiemha permezz tal-introduzzjoni ta’ talba għal miżuri provviżorji. Il-proċedura għal miżuri provviżorji, flimkien ma’ rikors fuq il-mertu ppreżentat sussegwentement, jikkostitwixxu unità proċedurali. Madankollu, digriet għal miżuri provviżorji ma jibqax ipso jure kkunsidrat validu jekk rikors fuq il-mertu ma jiġix ippreżentat fit-30 ġurnata min-notifika tad-digriet ta’ miżuri provviżorji.

55.      Permezz ta’ din it-teorija, il-proċedura li għandha x’taqsam mad-dritt ta’ kustodja ta’ iben il-partijiet, M., kienet pendenti quddiem il-qorti Spanjola, fis-sens tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003, mhux biss mix-xahar ta’ Jannar 2008 iżda diġà mit-28 ta’ Ġunju 2007.

56.      Min-naħa l-oħra, skont parti kunsiderevoli tad-duttrina Ġermaniża u skont id-digriet tal-14 ta’ Mejju 2009 tal-Oberlandesgericht Stuttgart, l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003 ma jikkonċernax ir-relazzjoni bejn rikors fuq il-mertu u proċedura għal miżuri provviżorji, peress li dawn il-proċeduri għandhom għanijiet differenti, anki jekk deċiżjoni li tagħti l-kustodja ta’ wild mogħtija bħala miżuri provviżorji għandha effetti identiċi għal deċiżjoni dwar il-mertu ta’ għoti ta’ kustodja. Din it-teżi, fost l-oħrajn, hija wkoll iġġustifikata mill-fatt li l-Artikoli 21 et seq tar-Regolament Nru 2201/2003 ma japplikax għall-miżuri provviżorji, fis-sens tal-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament.

57.      L-Amtsgericht Stuttgart iżżid li l-konferma, li saret res judicata mill-21 ta’ Jannar 2010, mill-Audiencia Provincial de Madrid, tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-Juzgado de Primera Instancia u mill-fatt li din tikkostitwixxi l-ewwel qorti li tressqet kawża quddiemha ma tistax isservi bħala bażi għall-konstatazzjoni prevista taħt l-Artikolu 19(3) tar-Regolament Nru 2201/2003, li tgħid li “il-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti li ħadet il-pussess tiġi stabbilita”. Din id-deċiżjoni ma torbotx lill-qorti Ġermaniża, billi r-Regolament Nru 2201/2203 ma jipprovdix għal effett vinkolanti ta’ dan it-tip. Għall-kuntrarju, din tiffavorixxi “kompetizzjoni” bejn il-qrati dwar il-prijorità tal-ġurisdizzjoni u r-riżultat tagħha jiddependi fuq l-kontinġenzi u l-partikolaritajiet tad-dritt proċedurali nazzjonali. Id-deċiżjoni wkoll mhux probabbli li tiġi rikonoxxuta fis-sens tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 2201/2003, minħabba li ma tikkostitwixxix deċiżjoni fuq il-mertu dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, iżda biss deċiżjoni dwar kwistjoni proċedurali.

58.      Skont il-qorti tar-rinviju, il-projbizzjoni li tipproċedi għall-verifika tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini, skont l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 2201/2003, jista jiġi applikat biss meta tingħata deċiżjoni fuq il-mertu. Dan il-prinċipju jirriżulta mill-fatt li din id-dispożizzjoni tinsab fil-Kapitolu III, Taqsima 1, tar-Regolament Nru 2201/2003 dwar ir-rikonoxximent tas-sentenzi. Madankollu, il-qorti Spanjola għadha ma ħadietx deċiżjoni dwar il-merti.

59.      Barra minn dan, ir-rikonoxximent possibbli taħt l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 2201/2003, tal-miżura provviżorja mogħtija fil-qasam tad-dritt ta’ kustodja mill-Juzgado de Primera Instancia, fit-8 ta’ Novembru 2007, ma testendix għal deċiżjoni ulterjuri fuq il-mertu.

V –    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

60.      Fid-deċiżjoni tar-rinviju, l-Amtsgericht Stuttgart talbet li r-rinviju preliminari jkun suġġett għal proċedura mħaffa skont l-Artikolu 104b tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Lulju 2010, l-Amtsgericht Stuttgart wettqet kjarifika tat-talba tagħha billi ppreċiżat li fin kienet intiża mhux għall-applikazzjoni tal-Artikolu 104b, iżda għall-Artikolu 104a tar-Regoli tal-Proċedura.

61.      Permezz ta’ digriet tal-15 ta’ Lulju 2010, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ t-talba għal proċedura mħaffa.

62.      Fil-kuntest ta’ din il-kawża, B. Purrucker, il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Ċek, il-Gvern Spanjol u l-Gvern Franċiż, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet orali kif ukoll bil-miktub. Il-Gvern tar-Renju Unit ippreżenta biss osservazzjonijiet bil-miktub.

63.      Fis-sitwazzjoni kruċjali deskritta mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri fil-każ fejn ir-rikors inizjali għall-kisba ta’ miżuri provviżorji jkun kunfliġġenti mat-tieni rikors li huwa dak fuq il-mertu u li jirrigwardaw l-istess wild, l-intervenjenti jaqblu lkoll li jikkunsidraw li l-miżuri provviżorji mitluba fuq il-bażi tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003 ma jwasslux għas-sitwazzjoni ta’ lis alibi pendens previsti fl-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2201/2003.

64.      Fir-rigward ta’ miżuri meħuda minn qorti li għandha ġurisdizzjoni iżda li huma barra mill-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 20, f’għajnejja hemm żewġ gruppi bi proposti kunfliġġenti. Minn naħa, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, kif ukoll il-Kummissjoni jiddefendu t-teżi li mhux possibbli li jkun hemm lis alibi pendens f’dan ix-xenarju partikolari, billi t-talba għal miżuri provviżorji ma għandhiex l-istess suġġett bħala talba għal deċiżjoni fuq il-mertu, anki jekk kemm waħda u l-oħra jista’ jkollhom l-istess suġġett, bħall-għoti ta’ kustodja ta’ wild. Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Franċiża jikkunsidraw li r-Regolament Nru 2201/2003 ma jagħmilx distinzjoni fuq il-bażi tan-natura proċedurali tat-talba u li għalhekk konsegwentement, proċedura għal miżuri provviżorji tista’ tkun sors ta’ lis alibi pendens bħal proċeduri fuq il-mertu.

VI – Analiżi

A –    Osservazzjonijiet preliminari

1.      Fuq ir-rabta bejn ir-res judicata u l-lis alibi pendens

65.      Fil-fehma tiegħi, l-ewwel nett għandu tiġi ċċarata r-relazzjoni eżistenti bejn ċerti elementi importanti minn fost dawk li huma rilevanti għar-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti għad-domandi preliminari.

66.      L-għan prinċipali tad-dispożizzjonijiet dwar il-lis alibi pendens huwa li jipprevjeni li deċiżjonijiet kunfliġġenti jew inkonsistenti, fl-effetti tagħhom (13), jingħataw mill-qrati ta’ diversi Stati Membri (14). Minn dan jirriżulta rabta stretta bejn il-kunċetti ta’ lis alibi pendens u r-res judicata (15).

67.      Fil-kuntest tar-relazzjonijiet bejn sistemi legali differenti, il-lis alibi pendens internazzjonali li tirriżulta minn proċedura pendenti barra mit-territorju nazzjonali, kif ukoll ir-res judicata għal deċiżjoni mogħtija minn qorti barranija huma relatati mal-kwistjoni tar-rikonoxximent tas-sentenzi. Billi deċiżjoni ta’ oriġini barranija ma jistax ikollha l-awtorità ta’ res judicata fi ħdan sistema legali sakemm din mhux rikonoxxuta, proċedura mibdija barra mill-pajjiż lanqas ma hija kapaċi li toħloq lis alibi pendens jekk din ma twassalx għal deċiżjoni suxxettibbli ta’ rikonoxximent fis-sistema legali tat-tieni qorti li tressqet kawża quddiemha (16).

68.      Ir-rabta bejn il-lis alibi pendens u r-res judicata tirriżulta wkoll mill-fatt li deċiżjoni li tkun saret res judicata fir-rigward tal-kwistjoni li qed tiddeċiedi dwarha timpedixxi li l-istess kwistjoni terġa’ tiġi deċiża mill-ġdid fi proċedura oħra, jew bejn l-istess partijiet, jew b’mod iktar wiesa’ (17). Dan l-effett, li huwa kkunsidrat bħala d-dimensjoni negattiva tar-res judicata, huwa marbut mal-prinċipju ne bis in idem, li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt rikonoxxut b’mod universali.

69.      L-aspett pożittiv tar-res judicata, minn naħa, tirriżulta mill-għan prinċipali tal-qrati li huwa li jiddeċiedu dwar kwistjonijiet bejn partijiet bil-għan li jagħtu soluzzjoni awtoritarja lill-kontenzjuż dwar il-fatt ġuridiku inkwistjoni. Dan ifisser li deċiżjoni li tkun saret res judicata għandha titqies bħala vinkolanti fil-proċeduri l-oħra amministrattivi jew ġudizzjarji.

70.      L-aspetti negattivi u pożittivi tar-res judicata ta’ deċiżjoni għandhom jiġu analizzati minn perspettiva kemm suġġettiva kif ukoll oġġettiva. L-effett suġġettiv ta’ deċiżjoni tista’ tkun limitata biss għar-relazzjoni bejn il-partijiet. Dan japplika speċjalment għal sentenzi ċivili li għandhom is-sempliċi natura ta’ dikjarazzjoni, b’mod li huma biss jikkonfermaw id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li diġà jeżistu, fuq il-bażi ta’ rapport ġuridiku li jgħaqqad lil dawn, u li jislet il-konsegwenzi. Għall-kuntrarju, is-sentenzi ta’ natura kostituttiva jistgħu jkunu ta’ portata iktar suġġettiva sa fejn dawn joħolqu relazzjonijiet legali ġodda jew jimmodifikaw relazzjonijiet ġuridiċi diġà eżistenti.

71.      Id-deċiżjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri normalment għandhom natura kostituttiva billi jagħtu jew jimmodifikaw drittijiet dwar din. Minn dan isegwi li dawn id-deċiżjonijiet jistgħu jkunu res judicata extra partes, u mhux biss bejn il-partijiet. Pereżempju, deċiżjoni li tagħti d-dritt ta’ kustodja ta’ wild eslużivament lill-omm torbot l-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji f’dak illi jirrigwarda r-rappreżentazzjoni legali tal-wild.

72.      Minn naħa l-oħra, id-deċiżjonijiet mogħtija f’dan il-qasam normalment ma għandhomx l-effett negattiv tar-res judicata. Fi kliem ieħor, l-assenjazzjoni jew il-mod tal-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri jistgħu normalment ikunu riveduti minn qorti li għandha l-ġurisdizzjoni fi proċedura ġdida, mingħajr ma deċiżjoni li tkun saret kisbet is-saħħa ta’ liġi ma tkun tista’ tipprevjeni dan. Hekk kif l-Avukat Ġenerali Sharpston qalet fil-kawża Purrucker I, iċċitata iktar ’il fuq (18), id-deċiżjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri ma jistgħux ikun għajr iktar jew inqas “konkreti”. L-interess tal-wild, li huwa l-linja gwida prinċipali f’dan il-qasam, jeħtieġ li d-deċiżjonijiet dwar dan jistgħu jiġu emendati fejn meħtieġ.

73.      Il-lis alibi pendens hija ġġustifikata mill-effett pożittiv tar-res judicata tad-deċiżjoni li għandha tingħata mill-ewwel qorti li tressqet il-kawża quddiemha. Sa fejn din id-deċiżjoni tkun rikonoxxuta fis-sistema legali tat-tieni qorti li tressqet il-kawża quddiemha, din timpedixxi l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tmur kontra jew li hija inkompatibbli ma’ din tal-aħħar jekk din jekk din ma tagħtix deċiżjoni qabel l-ewwel qorti. Min-naħa l-oħra, fil-każ fejn it-tieni qorti li tressqet il-kawża quddiemha jirnexxilha tiddeċiedi qabel l-ewwel qorti li tressqet il-kawża quddiemha, l-obbligu li tirrikonoxxi d-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar tkun bla skop. Skont il-prinċipju ġenerali tal-perpetuatio fori, ir-regola ta’ lis alibi pendens li tgħid li l-prijorità kronoloġika hija prevista favur l-ewwel qorti li quddiemha tressqet kawża hija l-iktar soluzzjoni kompatibbli mar-regola tar-res judicata dwar is-sentenzi barranin kli jistgħu jiġu rikonoxxuti. Din is-soluzzjoni tieħu inkunsiderazzjoni li l-effetti proċedurali li jirriżultaw mit-tressiq ta’ kawża quddiem qorti tibda mill-mument meta jsir it-tressiq u jkompli sat-tmiem tal-proċeduri mibdija quddiem din il-qorti.

74.      Bħar-res judicata, il-lis alibi pendens għandha wkoll tiġi analizzata kemm f’perspettiva suġġettiva kif ukoll f’perspettiva oġġettiva. Minkejja d-differenzi terminoloġiċi eżistenti bejn il-verżjonijiet lingwistiċi tar-Regolament Nru 2201/2003, l-ifformular tal-Artikolu 19(2) ta’ dan jidher li jeħtieġ sabiex ikun hemm il-lis alibi pendens bejn żewġ rikorsi, li jkun hemm flimkien:

–        identità suġġettiva (l-istess wild),

–        u identità oġġettiva [“l-istess minuri (suggete) u li tinkludi l-istess kawża (bażi ġuridika)”) (19).

75.      Fir-rigward tal-aspett suġġettiva tagħha, il-lis alibi pendens, bħar-res judicata, hija normalment ristretta għar-rikorsi li jinvolvu l-istess partijiet. Madankollu, kuntrarjament għal numru ta’ dispożizzjonijiet oħra li magħhom jistgħu jiġu mqabbla (20), l-ifformular tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003 ma jeħtieġx li l-partijiet ikunu identiċi fil-kuntest ta’ proċeduri li jirrigwardaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri, iżda jeżiġi biss li dawn tal-aħħar jirrigwardaw l-istess wild. Minħabba dak li indikajt dwar l-awtorità wiesgħa tar-res judicata ta’ sentenzi kostituttivi, kategorija li normalment minnha jirriżultaw deċiżjonijiet fi kwistjonijiet tar-responsabbiltà tal-ġenituri, dan jidhirli loġiku biżżejjed. Għalhekk, deċiżjoni insegwitu għal proċedura mibdija bejn il-ġenituri ta’ wild quddiem qorti ta’ Stat Membru A li tagħti d-dritt ta’ kustodja esklużiva lill-missier tkun inkompatibbli ma’ deċiżjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru B li tagħti d-dritt ta’ kustodja lin-nanna materna tal-wild insegwitu għal proċedura bejn din tal-aħħar u ż-żewġ ġenituri. Billi jidher li l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003 jidher li jeħtieġ biss li l-kawża tirrigwarda l-istess wild, fir-rigward tal-element suġġettiv tal-lis alibi pendens f’din il-kwistjoni, jiena tal-fehma li ż-żewġ proċeduri simultanji jaqgħu taħt ir-regola stabbilita f’dan l-artikolu.

76.      Fir-rigward tal-element oġġettiv tal-identità, il-portata tal-lis alibi pendens għandha tiġi ddefinita fuq il-bażi tal-istess kunsiderazzjonijiet tal-portata oġġettiva tar-res judicata, jiġifieri, fir-rigward tal-bżonn li jiġu evitati deċiżjonijiet kunfliġġenti.

77.      Fil-kamp tar-responsabbiltà tal-ġenituri, il-kriterju deċiżiv għandu jkun l-effett materjali ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni. Jekk id-deċiżjonijiet li jistgħu jirriżultaw minn rikorsi miġjuba quddiem qrati differenti ma jistgħux jiġu segwiti mill-partijiet jew implementati fl-istess ħin b’mod vinkolanti, hemm identiċità oġġettiva bejn dawn iż-żewġ rikorsi u, għalhekk, lis alibi pendens.

78.      Fil-prinċipju, lis alibi pendens għandha twassal qorti sabiex tikkonstata l-inammissibbiltà ta’ rikors jew il-bżonn li tissospendi l-proċeduri, u dan ex officio. Madankollu, qorti ma jistax ikollha l-obbligu li hija stess issir taf bl-eżistenza ta’ proċedura oħra, jew skont il-każ ta’ sentenza oħra, li tkun tkopri l-istess suġġett bħat-talba li tressqet quddiemha. Il-mod normali ta’ kif tiġi evokata lis alibi pendens jew res judicata hija eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-konvenut. Fl-eżami ta’ tali eċċezzjoni, il-qorti għandha neċessarjament teżamina l-ġurisdizzjoni taż-żewġ qrati li jkunu involuti. Hija għandha mill-bidu għallinqas tidentifika jekk ikun hemm element ta’ ġurisdizzjoni potenzjali li fuq il-bażi tagħha l-ewwel qorti li tressqet kawża quddiemha tista’ tadotta deċiżjoni li tista’ tkun rikonoxxuta. Il-metodu l-iktar ovvju għaliha huwa t-tqabbil tal-atti promoturi jew tad-dokumenti l-oħra dwar iż-żewġ istanzi involuti. Tista’ wkoll titlob lill-partijiet għall-informazzjoni rilevanti kollha, jew li tikkuntattja l-qorti barranija rilevanti, jew direttament jew permezz tal-awtorità ċentrali tal-Istat Membru ta’ dik il-qorti.

2.      Fuq il-kunflitti ta’ proċedura jew ta’ sentenzi

79.      Jidhirli li huwa neċessarju li ssir distinzjoni ċara bejn it-tliet xenarji li jistgħu jinqalgħu meta niġu għall-kunflitti ta’ proċedura jew ta’ sentenzi, u dan billi nsegwu ordni kronoloġiku.

80.      L-ewwel nett, eċċezzjoni ta’ lis alibi pendens internazzjonali tista’ titressaq meta jkun hemm kunflitt bejn diversi proċeduri pendenti quddiem il-qrati ta’ Stati Membri differenti. Din il-kawża taqa’ f’dan ix-xenarju, minħabba li l-qorti hija msejħa sabiex tiddeterminaw jekk fil-mument fejn il-qorti Ġermaniża tressqet il-kawża quddiemha, diġà kien hemm proċedura pendenti quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor, jiġifieri fi Spanja, quddiem il-Juzgado de Primera Instancia. Jiena nenfasizza li l-lis alibi pendens jispiċċa meta waħda mill-proċeduri tkun tlestiet, u dan għal kwalunkwe raġuni. Fil-fatt, dan jista’ jseħħ mhux biss jekk waħda miż-żewġ qrati “kunfliġġenti” ddeċidiet, iżda wkoll jekk l-istanza pendenti quddiem waħda minnhom tkun intemmet għal kwalunkwe raġuni: rinunzja, irtirar, skadenza minħabba f’nuqqas ta’ diliġenza, mewt ta’ parti fil-każ li l-interess ġuridiku mhux trasferibbli, etc.

81.      It-tieni nett, kunflitt jista’ jeżisti bejn proċedura fi Stat Membru u deċiżjoni diġà mogħtija fi Stat Membru ieħor. F’dan il-każ, ir-res judicata għandha twassal sabiex il-qorti li quddiemha hemm istanza pendenti tiddikjaraha inammissibbli minħabba li bla skop jekk id-deċiżjoni barranija hija suxxettibbli li tiġi rikonoxxuta.

82.      It-tielet nett, kunflitt jista’ jopponi deċiżjonijiet meħuda fi Stati Membri differenti, insegwitu, pereżempju, ta’ ġurisdizzjonijiet kunfliġġenti. Anki jekk regoli komuni għar-rikonoxximent u għall-infurzar ser jiżguraw li l-effetti ta’ waħda jipprevalu fuq l-oħra, fir-rispett id-drittijiet miksuba minn parti fi Stat Membru, id-deċiżjonijiet mogħtija jibqgħu jeżistu t-tnejn li huma. Huwa f’dan l-istadju tal-kwistjoni li tkun teżisti bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali li ġiet magħmula domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża C‑256/09 magħrufa bħala Purrucker I.

83.      Fl-opinjoni tiegħi, l-iskop tar-regoli ta’ lis alibi pendens internazzjonali huwa doppju. Hekk kif diġà ndikajt qabel, dawn huma prinċipalment intiżi sabiex ikun evitat kunflitt pożittiv ta’ deċiżjonijiet. Fil-fatt, meta l-partijiet jippreżentaw quddiem qrati ta’ Stati Membri oħra differenti rikorsi li jkollhom l-istess suġġett, l-istess bażi ġuridika u li jirrigwardaw l-istess wild, din is-sitwazzjoni tista’ twassal għal deċiżjonijiet li mhumiex faċilment rikonċiljati, jew li huma dijametrikament opposti, u għalhekk joħolqu inċertezza legali bejn il-partijiet. Is-soluzzjoni tinsab fl-obbligu tal-aħħar qorti li tkun tressqet il-kawża quddiemha li tirrifjuta favur dik preċedentement kienet tressqet il-kawża quddiemha, u dan qabel ma tingħata kwalunkwe deċiżjoni b’mod parallel.

84.      Dawn ir-regoli jfittxu wkoll li jevitaw li l-partijiet jieħdu benefiċċju abbużiv ta’ sistemi legali multipli billi jagħmlu “forum shopping” li jkun jikkonsisti li f’parti tippreżenta rikors quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor meta din tħoss li l-qorti li inizjalment tressqet il-kawża quddiemha tista’ tieħu deċiżjoni li tmur kontra t-talbiet tagħha. Jiena nosserva li r-riskju ta’ “forum shopping” huwa limitat taħt ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni fir-rigward tar-responsabbiltà tal-ġenituri li huma ffissati fir-Regolament Nru 2201/2003 (21), billi l-fattur ewlieni ta’ konnessjoni, jiġifieri l-post tar-residenza abitwali tal-wild, jagħmilha diffiċli li jkun hemm xi manuvri frawdolenti, ħlief permezz ta’ xi tneħħija suċċessiva li tkun għal perijodu twil biżżejjed sabiex ir-residenza abitwali tkun miksuba.

85.      Taħt il-Gwida prattika għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003 (22) u l-proposta tagħha li wasslet għall-adozzjoni ta’ dan ir-regolament (23), il-Kummissjoni sabet li l-kawżi fejn verament ikun hemm lis alibi pendens huma rari fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, sa fejn il-minuri normalment għandu r-residenza abitwali tiegħu fi Stat Membru wieħed li fih il-qrati għandhom ġurisdizzjoni taħt ir-regola ġenerali ta’ ġurisdizzjoni stabbilita mill-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament. Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, wieħed ma jridx jinsa, li xi kultant il-post tar-residenza abitwali tal-wild huwa diffiċli li jiġi ddeterminat (24) jew li dan jinsab barra mit-territorju tal-Unjoni (25), li jista’ jwassal sabiex il-qrati ta’ numru ta’ Stati Membri jirrikonoxxu li għandhom ġurisdizzjoni fl-istess ħin.

86.      Il-qorti tar-rinviju ġustament tosserva li biż-żamma tal-element ta’ ġurisdizzjoni marbut mar-residenza abitwali ta’ wild, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppermetta li diversi qrati jkollhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar fatti identiċi iżda li jirrigwarda wlied differenti. Jiena nenfasizza li sabiex ikun hemm lis alibi pendens fis-sens tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003, għandu jkun hemm minuri wieħed u li l-istess wieħed ikun ikkonċernat minn rikors kunfliġġenti, mingħajr ma jkun ikkunsidrat il-fattur tal-aħwa f’dan ir-rigward (26). F’dan il-każ, it-trattament legali taż-żewġt itfal ikkonċernati, anki jekk dawn huma tewmin, għandu jkun kkunsidrat separatament peress li s-sitwazzjoni individwali tagħhom hija differenti, b’mod partikolari minħabba li jgħixu separatament. Għalhekk, il-qrati Ġermaniżi ddikjaraw li internazzjonalment huma ma kellhomx ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu fuq it-talba għall-kustodja esklużiva mressqa minn B. Purrucker (27) f’dak illi jirrigwarda lill-wild S., billi jafu li r-residenza ta’ dan il-wild tinsab fi Spanja sa mit-twelid tiegħu, filwaqt li żammew il-ġurisdizzjoni tagħhom fir-rigward tal-wild M.

B –    Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003

87.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003, rigward il-lis alibi pendens fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, huma applikabbli meta qorti ta’ Stat Membru li l-ewwel tressqet kawża quddiemha minn waħda mill-partijiet fil-proċeduri għall-għoti ta’ miżuri li huma biss ta’ natura provviżorja, filwaqt li qorti ta’ Stat Membru ieħor li sussegwentement tressqet quddiemha talba mill-parti l-oħra bl-istess suġġett hija mitluba tieħu deċiżjoni fuq il-mertu.

88.      Jiena l-ewwel nett nippreċiża li jidhirli li huwa xieraq li din il-kwistjoni tiġi eżaminata flimkien maż-żewġ domandi preliminari l-oħra magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, dawn huma magħquda ma’ din permezz ta’ rabta kawżali stretta minn liema jirriżulta li r-risposta li jidhirli li għandha tingħata għall-ewwel domanda twassal sabiex ma jkunx hemm lok li tingħata risposta għad-domandi segwenti.

1.      Fuq il-portata tal-interpretazzjoni mitluba

89.      Fl-opinjoni tiegħi, l-approċċ adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkun newtrali, oġġettiv u ddistakkat kemm mill-kontinġenzi fattwali kif ukoll ġuridiċi, li huma partikolari għall-kawża prinċipali. Id-data f’din il-kawża, kemm dik speċifika jew traġika, ma jistgħux jinfluwenzaw b’mod determinanti s-soluzzjoni li għandha tingħata. B’mod partikolari, il-fatt li l-qorti tal-ewwel istanza Spanjola eventwalment ma kellhiex ġurisdizzjoni fir-rigward tal-kriterji stabbiliti fir-Regolament Nru 2201/2003 ma għandhiex tkun ta’ impatt b’tali mod li tippreġudika l-prinċipji fundamentali stabbiliti minn dan ir-regolament, bħall-fiduċja reċiproka (28) li fuqhom huwa bbażat r-rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet mogħtija fi Stati Membri oħra (29).

90.      Barra minn dan, huwa meħtieġ li r-risposti mogħtija lill-qorti tar-rinviju jippermettu li jkopru r-rikorsi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-“responsabbiltà tal-ġenituri” fit-tifsira tar-Regolament Nru 2201/2003. Jiena nfakkar li l-Artikolu 2(7) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi r-responsabbiltà tal-ġenituri bħala “d-drittijiet u r responsabbilitajiet kollha dwar il-persuna jew il-proprjetà ta' l-minuri li huma moghtija lil persuna jew persuna legali b’sentenza, bl-operazzjoni ta’ l-liġi jew b’xi fteħim li għandu effetti legali. Il-kliem se jinkludu d-drittijiet ta’ kustodja u d-drittijiet ta’ l-aċċess”.

91.      L-Artikolu 1(1)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprovdi li dan ir-regolament “japplika, tkun xi tkun in-natura ta’ l-qorti jew tribunal, fi kwistjonijiet ċivili (30) dwar […] l-attribuzzjoni, l-ezerċizzju, id-delegazzjoni, ir-restrizzjoni jew it-terminazzjoni tar-responsabbilità ta’ l-ġenituri”. L-Artikolu 1(2) jippreċiża li dawn il-materji “partikolarment, jittrattaw fi:

a)      drittijiet ta’ kustodja u drittijiet ta’ aċċess;

b)      kuratura, tutela w istituzzjonijiet simili;

ċ)      in-nomina u l-funzjonijiet ta’ xi persuni jew korp li għandhom l-inkarigu ta’ l-minuri jew ta’ l-proprjetà, ir-rappreżentanza jew l-għajnuna ta’ l-minuri; 

d)      it-tqegħid ta’ l-minuri ma’ familja tar-rispett jew f’ kustodja stituzjonali;

e)      il-miżuri għall-protezzjoni ta’ l-minuri dwar l-amministrazzjoni, il-konservazzjoni u l-ħelsien ta’ l-proprjetà tagħhom.”

92.      Fil-fehma tiegħi, jista biss ikun hemm riskju ta’ kunflitt ta’ proċeduri, u għalhekk lis alibi pendens, bejn ir-rikorsi li jirriżultaw taħt l-istess intestatura tar-responsabbiltà tal-ġenituri, u mhux bejn tnejn jew iktar ta’ dawn il-ħames intestaturi (31). Madankollu, f’xi sistemi legali, l-istess miżura tista’ tinkludi ex lege aspetti diversi tar-responsabbiltà tal-ġenituri li huma ċċitati minn dan l-artikolu (32).

93.      Jirriżulta b’mod ċar minn dawn id-dispożizzjonijiet li l-proċeduri taħt ir-“responsabbiltà tal-ġenituri” fis-sens tar-Regolament Nru 2201/2003 jistgħu kemm jikkonċernaw partijiet kif ukoll jirrigwardaw talbiet differenti ħafna mill-istanza li tressqet quddiem il-qorti a quo f’dan il-każ, jiġifieri l-kustodja ta’ wild mitluba mill-ġenituri tiegħu. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, jiena nosserva, li d-detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri jista’ jkun persuna oħra għajr il-missier u l-omm jew saħansitra persuna ġuridika, it-tieni nett, li l-kunċett ta’ “materji ċivili” ġie ddefinit b’mod estensiv mill-Qorti tal-Ġustizzja (33), it-tielet nett, li l-lista ta’ oqsma identifikati bħala li jaqgħu fi ħdan ir-“responsabbiltà tal-ġenituri” mhux eżawrjenti u, ir-raba’ nett, li l-miżuri ta’ protezzjoni involuti jistgħu jkopru kemm il-persuna kif ukoll il-proprjetà ta’ wild (34). Id-diversità kbira ta’ istanzi suxxettibbli li jiġu koperti mill-interpretazzjoni tal-Artikoli 19 u 21 ta’ dan ir-regolament ma għandhomx jiġu injorati meta l-Qorti tal-Ġustizzja tkun qed tiddeċiedi dwar id-domandi preliminari magħmula.

94.      Din il-varjetà ta’ rikorsi involuti wkoll taffettwa kif tinftiehem il-lis alibi pendens fir-rigward tar-responsabbiltà tal-ġenituri, hekk kif previst mill-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003, għax minn dan isegwi li ħafna tipi ta’ kunflitti ta’ proċedura huwa possibbli f’dan il-qasam. Sabiex jingħataw xi eżempji empiriċi ta’ kombinazzjonijiet possibbli, l-ewwel nett ser insemmi proċedura li titressaq quddiem qorti tat-tfal għat-tqegħid ta’ minuri fl-istess ħin ma’ proċedura mibdija quddiem qorti tal-familja għall-għoti lin-nanniet tiegħu ta’ dritt ta’ aċċess; it-tieni nett, rikors għal miżuri provviżorji li jirrigwarda trasferiment provviżorju tad-dritt ta’ kustodja sa kemm jasal ir-riżultat ta’ miżura ta’ investigazzjoni soċjali jew psikoloġika, filwaqt li rikors li jikkonċerna l-istess wild ikollu l-għan li tingħata deċiżjoni finali rigward rigward id-dritt ta’ aċċess mogħti lil ġenitur wieħed. Huwa għalhekk essenzjali li jiġu ddefiniti l-kunċetti tal-“istess minuri [suġġett]” u tal-“istess kawża [bażi ġuridika]” li jidentifikaw id-delimitazzjoni tal-lis alibi pendens fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

2.      Fuq il-linji prinċipali ta’ interpretazzjoni

95.      Ċerti testi li kienu jew kienu għadhom applikabbli bejn l-Istati Membri jistgħu jkunu utli fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003 (35). Dan huwa l-każ, fost strumenti oħrajn (36), tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tas-27 ta’ Settembru 1968 (37) magħrufa bħala “Brussell I”, kif ukoll tar-Regolament Nru 44/2001, li kien maħsub sabiex jissostitwih mill-1 ta’ Marzu 2002 (38). Jeżisti xebh, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ lis alibi pendens (39). Madankollu, ir-responsabbiltà tal-ġenituri kif iddefinita fir-Regolament Nru 2201/2003 tirriżulta mill-istat tal-persuni, suġġett espressament eskluż minn dawn iż-żewġ testi l-oħra. L-approċċ miżmum għall-proprjetà ma tapplikax neċessarjament f’sitwazzjonijiet barra mill-qasam tal-proprjetà, fid-dawl tad-differenzi li jeżistu dwar in-natura u l-effetti tad-deċiżjonijiet meħuda f’dawn iż-żewġ oqsma, kif ukoll dwar linji gwida applikabbli għalihom. Fil-fatt, preċetti speċifiċi għar-Regolament Nru 2201/2003, bħall-prominenza mogħtija għall-aħjar interessi tal-ulied fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri (40), jipprovdu perspettiva unika, fid-dawl ta’ liema l-interpretazzjoni ta’ kunċett bħal-lis alibi pendens jista’ jkollu orjentament differenti minn dak mogħti lil strumenti oħra.

96.      Barra minn dan, jiena nosserva li jekk deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, tas-27 ta’ Settembru 1968 jirrigwardaw il-kunċetti ta’ lis alibi pendens u miżuri provviżorji, dawn sa fejn naf jien jagħmlu hekk biss b’mod separat u mhux flimkien, jiġifieri, mingħajr ma jiddeċiedu fuq il-lis alibi pendens f’każ ta’ deċiżjonijiet li jadottaw miżuri provviżorji. Fil-ġurisprudenza tal-Istati Membri, jidher li ma hemm l-ebda suġġett iktar sinjikattiv, speċjalment minħabba fid-dawl tal-ftit tweġibiet mogħtija matul is-seduta għall-mistoqsija speċifikament magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq dan is-suġġett.

97.      Fl-opinjoni tiegħi, il-kunċett ta’ lis alibi pendens fis-sens tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jkun suġġett għal interpretazzjoni awtonoma (41), jiġifieri, li jirreferi mhux għall-fehmiet ta’ Stat Membru partikolari, iżda minn naħa, l-għanijiet u l-iskema tat-test u, min-naħa l-oħra, il-prinċipji ġenerali li jirriżultaw mis-sistemi kollha tad-dritt nazzjonali (42). Naħseb li għandu jsir l-istess għall-kunċetti kollha awtonomi li jinsabu fir-Regolament Nru 2201/2003.

98.      Ikun possibbli li jiġi kkunsidrat li l-kunċetti ta’ natura proċedurali bħal dak “ta’ l-ewwel qorti li ħadet il-pussess” għandhom jiddependu fuq ir-regoli nazzjonali. Madankollu, f’dan ir-rigward, ir-Regolament Nru 2201/2003 pprova joħloq sistema komuni sabiex jintgħelbu l-partikolaritajiet nazzjonali. B’hekk, l-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament jagħmel uniformi, billi jiddefinixxi l-karatteristiċi tiegħu kemm ta’ proċedura kif ukoll fiż-żmien, il-kunċett ta’ tressiq ta’ kawża quddiem qorti. Fil-fatt, dan jipprovdi meta u taħt liema kundizzjonijiet dan iseħħ, irrispettivament minn liema regoli huma applikabbli fuq livell nazzjonali fl-Istati Membri. Jidhirli li l-leġiżlatur telaq mill-ġurisprudenza li tirrigwarda l-Konvenzjoni ta’ Brussell tas-27 ta’ Settembru 1968 (43) billi stabbilixxa regola tad-dritt tal-Unjoni li tidentifika l-punt tat-tluq tat-tressiq tal-kawża, b’referenza għad-data li fiha l-att promotur huwa, jew ippreżentat quddiem il-qorti jew ikun wasal għand l-awtorità responsabbli għan-notifika (44). L-għażla bejn dawn iż-żewġ alternattivi tiddependi fuq il-proċeduri għalt-tressiq ta’ kawża previsti mid-drit nazzjonali.

99.      L-interpretazzjoni tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2201/2003 għandha, l-ewwel nett (45), issir fid-dawl tal-ifformular ta’ din id-dispożizzjoni u ta’ dawk madwarha. Għalhekk jiena nosserva li ma nara l-ebda differenza fir-rigward tal-lis alibi pendens msemmija f’dan l-Artikolu 19, bejn it-tressiq ta’ kawżi fuq il-mertu u t-tressiq ta’ kawżi għall-għoti ta’ miżuri provviżorji. Bl-istess mod, l-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament ma jagħmel ebda distinzjoni ta’ din in-natura.

100.  Il-kunċett ta’ miżuri provviżorji ma jeżistix bħala tali fir-Regolament Nru 2201/2003, li japplika biss għall-miżuri meħuda b’“urġenza” (46). Min-naħa l-oħra, issir referenza speċifika għall-ġurisdizzjoni sabiex tingħata deċiżjoni “fuq il-mertu” fl-Artikolu 15 li jikkonċerna r-rinviju għal qorti f’pożizzjoni aħjar u fl-Artikolu 20 li jirreferi għall-miżuri provviżorji jew kawtelatorji meħuda f’każ ta’ urġenza.

101. Il-kunċett ta’ miżuri provviżorji, li jistgħu jittieħdu jew fil-kuntest tal-Artikolu 20 meta l-kundizzjonijiet minnu imposti jkunu sodisfatti, jew f’każ kuntrarju barra mill-kamp ta’ dan l-artikolu, mhumiex definiti b’mod ċar, li jista’ joħloq xi problemi ta’ interpretazzjoni minħabba d-diversità misjuba fis-sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri (47). Jiena nqis ukoll li l-Artikolu 2(4) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi “sentenza” fis-sens ta’ dan ir-regolament u jinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu mhux biss “deċiżjonijiet” iżda ukoll “diġrieti” bħal dawk li jistgħu jingħataw mill-Imħallef għal miżuri provviżorji meta jkun qed jiddeċiedi f’każ ta’ urġenza.

102.  It-tieni nett, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19 tistrieħ fuq il-pożizzjoni tagħha fl-istruttura ġenerali tar-Regolament Nru 2201/2003. Bħal dak li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’din il-perspettiva fuq l-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament (48), jiena nikkunsidra li l-Artikolu 19 ma jiffissax regola ta’ ġurisdizzjoni fuq il-mertu, iżda dan jistabbilixxi regola ta’ artikulazzjoni, jew “regola ta’ applikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (49), fil-każ ta’ tressiq ta’ kawżi multipli u kunflitt ta’ proċeduri. F’dan ir-rigward, huwa sinjifikattiv li wieħed jinnota l-pożizzjoni ta’ dan l-Artikolu 19 meta mqabbla mad-dispożizzjonijiet ta’ madwarha. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet preċedenti għalih jistabbilixxu regoli ta’ ġurisdizzjoni, filwaqt li d-dispożizzjonijiet sussegwenti, jiġifieri l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003, jiddeskrivi miżuri meħuda taħt urġenza. Jekk miżuri provviżorji jew kawtelatorji msemmija fl-Artikolu 20 jistgħu jkunu affettwati minn dan l-Artikolu 19, huma kellhom jissemmew qabel dan. Għalhekk nistgħu niddeduċu, hekk kif jagħmlu l-intervenjenti kollha, li ma hemm possibbiltà ta’ lis alibi pendens meta proċedura hija mibdija għall-miżuri ta’ urġenza minn qorti li kieku ma kienx ikollha ġurisdizzjoni.

103. It-tielet nett, l-interpretazzjoni għandha tirrifletti l-loġika inerenti fl-Artikolu 19 u r-Regolament Nru 2201/2003 kollu kemm hu. Ovvjament, ir-regoli armonizzati ta’ ġurisdizzjoni jobbligaw lill-qrati nazzjonali, inkella s-sistema mqiegħda fis-seħħ ma taħdimx. Jiena nfakkar li taħt il-premessa 12 tar-Regolament Nru 2201/2003, li hija riflessa fl-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, wieħed mill-prinċipji ewlenin ta’ dan ir-regolament huwa li “[i]r-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti b’dan ir-regolament fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri huma mfassla fl-aħjar interessi tal-ulied u b’mod partikolari tal-kriterju ta’ qrubija” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Prinċipju ieħor essenzjali huwa dak tal-prijorità kronoloġika (50) imposta mill-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2201/2003, li tinkorpora r-regola “prior temporis”, li hija klassika fil-qasam tal-lis alibi pendens (51). Jiena tal-fehma li l-evalwazzjoni tal-ġurisdizzjoni tagħha hija tal-ewwel qorti li tressqet kawża quddiemha (52) u li d-deċiżjoni meħuda minn din torbot lit-tieni qorti li tkun tressqet il-kawża quddiemha, kuntrarjament għal dak li tgħid il-qorti tar-rinviju, kriterju diskutibbli li ttieħed ukoll mill-Oberlandesgericht Stuttgart. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jidhirli li sejra f’din l-istess direzzjoni (53).

3.      3. Fuq il-kategoriji differenti ta’ miżuri provviżorji

104. Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula dwar kif jaħdmu r-regoli ta’ lis alibi pendens previsti mir-Regolament Nru 2201/2003 fil-każ ta’ tressiq ta’ kawża quddiem għal miżuri provviżorji u ta’ tressiq ta’ kawża kunfliġġenti fuq il-mertu dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, is-sentenza Purrucker I, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll il-konklużjonijiet magħmula f’din il-kawża mill-Avukat Ġenerali Sharpston jipprovdu numru ta’ risposti utli, iżda biss fir-rigward ta’ miżuri provviżorji, b’mod partikolari fis-sens tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003, bla ħsara għall-interpretazzjoni f’dan il-każ tal-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament.

105. B’mod partikolari, jidher ukoll minn din is-sentenza li għandha ssir differenza bejn, minn naħa, id-deċiżjonijiet dwar miżuri provviżorji jew kawtelatorji bl-applikazzjoni tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003 u, min-naħa l-oħra, il-miżuri provviżorji meħuda barra minn dan il-qafas. Għalhekk, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-miżuri provviżorji meħuda fuq il-bażi tal-Artikolu 20, għalhekk ibbażati fuq il-kriterji stabbiliti fih, u min-naħa l-oħra, l-miżuri provviżorji l-oħra, li jistgħu jiġu meħuda minn qorti li tikkunsidra lilha nnifisha bħala li għandha ġurisdizzjoni fuq il-mertu taħt l-Artikoli 8 sa 14 tar-Regolament Nru 2201/2003.

–       Il-miżuri provviżorji meħuda bl-applikazzjoni tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003

106. Minħabba fl-istruttura ġenerali tar-Regolament Nru 2201/2003, jidher evidenti li lis alibi pendens huwa impossibbli fil-każ ta’ proċeduri kunfliġġenti relatati, minn naħa, għall-għoti ta’ miżuri provviżorji jew kawtelatorji minħabba f’urġenza minn qorti, mingħajr ġurisdizzjoni, tal-Istat Membru fejn jinsab il-minuri u, min-naħa l-oħra, għall-kisba ta’ deċiżjoni minn qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu. Fil-fehma tiegħi, il-lis alibi pendens prevista taħt l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003 tista’ tirrigwarda biss rikorsi għal deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu mill-qrati ta’ Stati Membri differenti li jibbażaw il-ġurisdizzjoni tagħhom fuq l-Artikoli 8 sa 14 ta’ dan ir-regolament. Il-partijiet kollha li ssottomettew osservazzjonijiet fuq dan il-punt jidhirli li jaqblu.

107. Il-bażi ġuridika essenzjali (54) ta’ din is-soluzzjoni tinsab fin-nuqqas ta’ effett extraterritorjali tal-miżuri bbażati fuq l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003 (55). Fil-fatt, il-miżuri provviżorji li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 20 ma għandhom l-ebda effett vinkolanti fl-Istati Membri l-oħra, iżda biss fuq it-territorju tal-Istat Membru tal-qorti li tkun ħadithom. Għaldaqstant, ma jistax ikun hemm lis alibi pendens fis-sens tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2201/2003, li jimplika li proċedura msemmija fl-Artikolu 20 tar-Regolament li l-ewwel ma tinbeda tista’ tipprevjeni l-progress tal-proċedura quddiem il-qorti ta’ Stat Membru ieħor li għandu ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedi fuq il-mertu.

108. Matul is-seduta, il-Kummissjoni kkunsidrat li distinzjoni bejn il-miżuri provviżorji msemmija fl-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003 u l-miżuri provviżorji meħuda minn qorti li għandha ġurisdizzjoni fuq il-mertu ma hijiex prattika bħala kriterju ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 19(2) ta’ dan ir-regolament, minħabba t-tieni qorti li tressqet il-kawża quddiemha ma tistax tkun jaf jekk il-miżuri provviżorji meħuda mill-ewwel qorti li tressqet kawża quddiemha kinux fuq il-mertu jew le fir-rigward tal-elementi ta’ ġurisdizzjoni previsti fl-Artikoli 8 et seq ta’ dan ir-regolament. Jiena ma naqbilx ma’ dan.

109. Jiena nfakkar li l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003 jippermetti lill-qorti li tieħu miżuri provviżorji jew kawtelatorji, skont il-liġi nazzjonali tagħha, dwar wild fit-territorju tagħha, anki jekk qorti ta’ Stat Membru ieħor għandha ġurisdizzjoni fuq il-mertu. Il-miżura tista’ tittieħed minn qorti jew awtorità kompetenti fl-oqsma kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, kif iffissat bl-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament. L-imsemmi Artikolu 20 ma huwiex regola ta’ ġurisdizzjoni, u l-miżuri provviżorji meħuda f’dan il-kuntest jieqfu milli jkollhom effetti minn meta il-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu, li hija għalhekk temporanjament ssostitwita għal raġunijiet ta’ żmien u distanza, hija kapaċi tieħu l-miżuri li hija tikkunsidra xierqa (56).

110. Kif diġà osservajt, l-applikazzjoni tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003 huwa normalment iġġenerat minn eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà minħabba fil-lis alibi pendens mressqa minn parti quddiem it-tieni qorti li tressqet il-kawża quddiemha. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li hemm każijiet fejn l-eżistenza ta’ proċedura relatata mar-responsabbiltà tal-ġenituri li kienet għadha pendenti fi Stat Membru ieħor tkun miġjuba għall-attenzjoni ta’ qorti, mhux mill-partijiet infushom, iżda fuq il-bażi ta’ informazzjoni mibgħuta mill-awtorità ċentrali.

111. Għall-qorti ta’ Stat Membru (B) li tressqet sussegwentement il-kawża quddiemha, l-identifikazzjoni ta’ proċedura għall-għoti ta’ miżuri provviżorji minn qorti ta’ Stat Membru (A) taħt l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003 huwa possibbli minħabba l-preżenza ta’ żewġ elementi: l-ewwel nett, il-preżenza tal-wild jew tal-proprjetà tiegħu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru (A) u, it-tieni nett, il-konstatazzjoni li l-wild ma kienx abitwalment residenti f’dan l-Istat (A) meta tkun tressqet kawża quddiem qorti tagħha. Jiena nenfasizza li l-miżuri provviżorji dwar il-persuna ta’ wild li ma jkunx preżenti fl-Istat Membru ta’ fejn hija l-qorti li tieħu dawn il-miżuri ma jaqgħux taħt l-imsemmi Artikolu 20 (57).

112. Fil-każ fejn ir-residenza abitwali tal-wild tinsab fl-Istat Membru (B) tat-tieni qorti li tressqet il-kawża quddiemha (jew fi Stat Membru terz) u fejn il-wild huwa preżenti fl-Istat Membru (A) tal-ewwel qorti li tressqet kawża quddiemha għal miżuri provviżorji, it-tieni qorti li tressqet il-kawża quddiemha tista’ tassumi li din hija proċedura msemmija fl-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003, sakemm il-parti li titlob il-lis alibi pendens tista’ tipprovdi evidenza li l-kawża li tressqet quddiem l-ewwel qorti fl-Istat Membru (A) kienet taqa’ taħt wieħed mill-elementi ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti fl-Artikoli 9 sa 12 tar-Regolament Nru 2201/2003 (58).

113. Fir-rigward tal-ulied li r-residenza abitwali tagħhom ma tistax tiġi stabbilita b’mod ċar, il-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tagħhom il-wild huwa attwalment preżenti għandhom ġurisdizzjoni minħabba f’dan, taħt l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2201/2003 u, għaldaqstant, l-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament ma japplikax għal miżuri provviżorji jew kawtelatorji meħuda minn dawn il-qrati. L-istess kunsiderazzjoni tapplika għat-tfal li normalment għandhom ir-residenza abitwali tagħhom barra mill-Unjoni, li jkunu f’sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament, dwar ġurisdizzjoni residwa. Jekk tali wild huwa preżenti fit-territorju ta’ Stat Membru, il-qrati nazzjonali għandhom ġurisdizzjoni sa fejn dan jirriżulta mil-liġijiet ta’ dak l-Istat. Huwa possibbli li jkun jista’ jinħoloq kunflitt pożittiv ta’ ġurisdizzjoni bejn il-qrati fi Stati Membri differenti.

–       Il-miżuri provviżorji meħuda minn qorti li għandha ġurisdizzjoni fuq il-mertu tal-Artikoli 8 sa 14 tar-Regolament Nru 2201/2003

114. L-approċċ għandu jkun differenti, jiġifieri li jista’ jkun hemm il-lis alibi pendens, fir-rigward ta’ miżuri provviżorji meħuda mhux f’każ ta’ urġenza, fuq il-bażi tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003, iżda minn qorti li tikkunsidra li għandha ġurisdizzjoni fuq il-mertu, taħt l-Artikoli 8 sa 14 tal-istess regolament. Din tidhirli li hija l-iktar problema delikata mqajma mill-Amstgericht Stuttgart.

115. Jiena ninnota li l-ewwel domanda preliminari tikkonċerna biss il-każijiet fejn rikorsi għal miżuri provviżorji huma mitluba, b’mod “iżolat” skont it-termini użati mill-qorti tar-rinviju, kuntrarjament għar-rikorsi li jfittxu li jinkisbu mhux biss miżuri provviżorji iżda wkoll, prinċipalment, jew sussidjarjament, il-miżuri finali fuq il-mertu. Jiena tal-fehma li din il-premessa tista’ tirreferi għal tliet każijiet. Minn naħa, miżuri provviżorji jistgħu jkunu mitluba waqt l-istennija tar-riżultat ta’ investigazzjonijiet (investigazzjoni soċjali, rapport ta’ espert mediku-psikologu, inventarju ta’ proprjetà ….) jew fit-twettiq ta’ avveniment (medjazzjoni tal-familja, kura ta’ disintossifikazzjoni ta’ wieħed mill-ġenituri, tmiem ta’ perijodu fl-isptar jew ta’ piena ta’ priġunerija …). Min-naħa l-oħra, miżuri jistgħu jiġu mitluba għal perijodu ta’ żmien determinat minn qabel jew b’limitu ta’ żmien (pereżempju, it-tqegħid ta’ wild fi familja tar-rispett għal perijodu ta’ sena, tutela sakemm il-wild ma jibqax minuri). Fl-aħħar nett, miżuri provviżorji jistgħu jiġu mitluba fl-istennija ta’ att proċedurali sussegwenti tar-rikorrent mingħajr ma att promotur ġdid huwa meħtieġ skont il-liġi nazzjonali applikabbli (kif jidher li huwa l-każ tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Spanjol ikkonċernat f’din il-kawża).

116. Minħabba fl-ifformular tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003 u ta’ dawk tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament, b’mod partikolari, ma hemm ebda distinzjoni bejn id-deċiżjonijiet li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni fuq il-mertu tagħti b’mod provviżorju, jiġifieri għal terminu determinat, u dawk li hija tagħti b’mod finali, iktar preċiżament, għal perjodu indeterminat, iżda li jista’ jiġi tterminat jekk element ġdid jiġġustifika li jiġu emendati l-miżuri li kienu organizzaw l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri.

117. Fid-dawl tal-iskop tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003 u kuntrarjament għal dak li jiġri fil-kuntest tal-Artikolu 20 (59), huwa loġiku li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni fuq il-mertu li tkun adottat miżura provviżorja dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ wild ma tkunx sodisfatta li tkun biss ħadet dan il-pass preliminari u li tkun trid li tkun hija nfisha li mbagħad tieħu deċiżjoni finali jew “sħiħa”, waqt li tkun kuxjenti mill-fatt li huwa fl-aħjar interess tal-wild li s-sitwazzjoni tiegħu tkun solvuta b’mod kemm jista’ jkun l-iktar stabbli u dan mill-istess qorti, jiġifieri dik li tkun ħadet miżuri provviżorji sabiex tevita varjazzjonijiet fl-approċċ. Għalhekk, għandu jiġi evitat, permezz tar-regola ta’ lis alibi pendens, li qorti ta’ Stat Membru ieħor tista’ tiddeċiedi fuq il-mertu meta qorti ta’ Stat Membru li għandha ġurisdizzjoni fuq il-mertu li tkun tressqet kawża quddiemha preċedentement tkun ħadet miżuri provviżorji.

118. Fir-rigward tal-kunċett ta’ unità proċedurali hemm żewġ teoriji opposti: minn naħa, dik tal-Gvern Ċek, tal-Gvern Spanjol u tal-Gvern Franċiż, li jqisu li l-lis alibi pendens isseħħ minħabba fl-unità maħluqa mill-miżuri provviżorji u mill-mertu, u min-naħa l-oħra, l-argument tar-rikorrenti, tal-Gvern Ġermaniż u tal-Kummissjoni, li d-deċiżjoni li tordna miżuri provviżorji tikkostitwixxi entità separata mid-deċiżjoni fuq il-mertu, li ladarba tittieħed tagħlaq il-proċedura. Insostenn ta’ din it-tieni teorija, li tiddevja mill-ġurisprudenza adottata fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, tas-27 ta’ Settembru 1968, huwa invokat l-interess taċ-ċertezza legali u ta’ ħeffa, kif ukoll tar-rieda li tiġi pprivileġġjata l-qorti li hija ġeografikament eqreb lejn tal-wild.

119. Hekk kif ġie osservat mill-qorti tar-rinviju, jekk wieħed isegwi l-ewwel kunċett legali li “l-proċedura għal miżuri provviżorji, flimkien ma’ rikors fuq il-mertu ippreżentat sussegwentement, jiffurmaw unità proċedurali waħda”, “il-proċedura dwar id-dritt ta’ kustodja li tirrigwarda iben il-partijiet, [M.], [hija] pendenti quddiem il-qorti Spanjola, fis-sens tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003, mhux biss minn Jannar 2008 iżda diġà mit-28 ta’ Ġunju 2007”.

120. F’ċerti Stati Membri, ikun artifiċjali li wieħed jipprova li jaqsam id-deċiżjonijiet meħuda provviżorjament, qabel ma tingħata deċiżjoni minn qorti li għandha ġurisdizzjoni fuq il-mertu, minn dawk meħuda fl-aħħar, għaliex huma jikkostitwixxu l-istess kawża waħdanija, u dan sakemm kull aspett tal-kawża li din il-qorti għandha tiddeċiedi dwarhom ma jkunx ġie kompletament deċiż u għalhekk li l-ġurisdizzjoni tagħha ma tkunx ġiet eżawrita.

121. Madankollu, l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003 ma jagħmilx distinzjoni bejn tipi ta’ deċiżjonijiet. Huwa japplika meta żewġ qrati jkollhom ġurisdizzjoni fuq il-mertu fl-istess ħin, bl-applikazzjoni tal-Artikoli 8 sa 14 tal-istess regolament, irrispettivament mill-għan tat-talba (miżuri provviżorji jew deċiżjoni finali) u jkun xi jkun it-tul tal-effetti tad-deċiżjoni mitluba (terminu definit jew indefinit) lil kull waħda minnhom. L-importanti huwa r-riskju li jeżisti, jiġifieri li jista’ jkun hemm bħala segwitu għaż-żewġ proċeduri mibdija, deċiżjonijiet li huwa impossibbli li jiġu implimentati fl-istess ħin (60).

122. L-element ewlieni hija d-definizzjoni ta’ “proċedimenti dwar l-istess minuri [suġġett] u li tinkludi l-istess kawża [bażi ġuridika]”, fis-sens tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003, sakemm din id-data hija evalwata fil-jum li fih kull qorti titressaq kawża quddiemha skont l-Artikolu 16 tal-istess regolament, irrispettivament mill-iżvilupp sussegwenti tal-proċedura. F’dan ir-rigward, jiena nfakkar li approssimazzjoni utli tista’ ssir mad-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ekwivalenti tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar l-lis alibi pendens u li eventwali partikolarijiet ta’ regoli tal-proċedura ċivili applikabbli fl-Istati Membri kkonċernati, hawnhekk huma mingħajr rilevanza (61).

4.      Dwar l-implimentazzjoni prattika tar-regoli stabbiliti mir-Regolament Nru 2201/2003 fil-każ ta’ lis alibi pendens

123. Minħabba fid-diffikultajiet li nqalgħu f’din il-kawża mill-qorti tar-rinviju sabiex tikseb l-informazzjoni meħtieġa sabiex tkun tista’ tevalwa jekk hemm jew jekk ma hemmx proċeduri kunfliġġenti pendenti fi Spanja, għandi l-ħsieb li nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra l-possibbiltà li tistabbilixxi regola li tippermetti li jiġi rrimedjat sa fejn huwa possibbli l-problemi relatati mal-iskambju ta’ informazzjoni proċedurali u normattivi bejn il-qrati tal-Istati Membri.

124. Bl-applikazzjoni tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2201/2003, peress li hija konxja mill-eżistenza ta’ proċedura oħra fuq il-mertu, li tidher li hija pendenti, quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor (62), it-tieni qorti li tressqet il-kawża quddiemha għandha tinforma ruħha dwar is-sitwazzjoni ta’ din il-kawża, kif ukoll dwar il-portata, jiġifieri x’inhuma s-suġġett u l-bażi ġuridika tagħha. Il-passi li l-persuna kkonċernata għandha tieħu, fl-opinjoni tiegħi għandhom ikunu: li tfittex li tikkomunika mal-ewwel qorti li tressqet kawża quddiemha, mal-awtorità ċentrali tal-Istat Membru kkonċernat, u possibilment mal-maġistrat nazzjonali ta’ kuntatt permezz tan-NĠE. Hija għandha wkoll tkun kapaċi tistrieħ fuq il-kooperazzjoni attiva tal-partijiet u partikolarment it-tneħħija tal-lis alibi pendens, sabiex tkun fornuta b’informazzjoni utli sabiex tistabbilixxi li l-ewwel qorti li tressqet kawża quddiemha tista’ tagħti deċiżjoni inkonsistenti ma’ dik li t-tieni qorti li tressqet l-kawża quddiemha hija mitluba li tieħu.

125. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tgħid li l-qrati nazzjonali, kif ukoll l-awtoritajiet ċentrali għandhom jikkoperaw billi jipprovdu l-informazzjoni kollha rilevanti dwar il-proċeduri pendenti quddiemhom lill-qrati ta’ Stati Membri oħra li jitolbuhom f’dan is-sens, u dan fi żmien raġonevoli. Fil-fatt, sabiex ma jkunx hemm riskju ta’ nuqqas ta’ ġustizzja, it-tieni qorti li tressqet kawża quddiemha għandha ex officio tissospendi l‑proċeduri, iżda ma għandhiex għalfejn tistenna eċċessivament għall-informazzjoni meħtieġa sabiex tiddetermina jekk hemm jew jekk ma hemmx lis alibi pendens. Għalkemm l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2201/2003 ma jipprovdix terminu għar-risposta tal-ewwel qorti li tressqet kawża quddiemha, jidher li huwa neċessarju li jiġi ffissat perijodu limitu, fid-dawl tal-aħjar interessi tal-wild li deċiżjoni tittieħed malajr.

126. Insegwitu għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja matul is-seduta, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja invokat il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem sabiex tipproponi li jagħżlu terminu ta’ sitt xhur. Fil-fehma tiegħi, ir-regola stabbilita fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2201/2003, li tipprovdi għall-kontinwità tal-ġurisdizzjoni tar-residenza abitwali ta’ qabel tal-wild għal perijodu ta’ tliet xhur, tista’ tintuża, b’analoġija, bħala punt ta’ referenza għall-iffissar ta’ terminu xieraq (63). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li jekk l-informazzjoni mitluba ma tingħatax f’terminu ta’ tliet xhur minn meta tirċievi t-talba mill-qorti jew mill-awtorità ċentrali kkonċernata, sakemm ma jkunx hemm ostakolu ta’ forza maġġuri, it-tieni qorti li tressqet kawża quddiemha tista’ tkun awtorizzata tiddeduċi minn dan is-silenzju li ma hemm l-ebda rikors pendenti fl-istess ħin fl-Istat Membru l-ieħor, fis-sens tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003 (64).

127. Hekk kif diġà semmejt, il-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti li tressqet il-kawża quddiemha għandha tiġi stabbilita minnha, mingħajr ma jkun possibbli verifika min-naħa tat-tieni qorti li tressqet il-kawża quddiemha (65), kuntrarjament għal dak li jidher li qed titlob l-Oberlandesgericht Stuttgart fid-deċiżjoni tagħha tal-14 ta’ Mejju 2009. It-tieni qorti li tressqet kawża quddiemha ma tistax tivverifika l-adegwatezza tal-fatti mal-pożizzjoni meħuda dwar il-ġurisdizzjoni, għaliex din id-deċiżjoni hija valida fit-territorju ta’ Stati Membri oħra, anki jekk il-qorti li għandha ġurisdizzjoni fuq il-mertu tkun iddeċidiet biss b’mod provviżorju. Jiena naqbel mal-pożizzjoni tal-Gvern Ċek li tgħid li qorti l-iktar li tista’ huwa li tagħmel verifika formali, jiġifieri li tidentifika l-bażi ġuridika li fuqha l-qorti l-oħra bbażat sabiex tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni (66). Dan jirriżulta minn wieħed mill-prinċipji bażiċi tas-sistema introdotta bir-Regolament Nru 2201/2003, jiġifieri dik ta’ fiduċja reċiproka bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri. Dan il-prinċipju huwa identifikat bħala l-pedament tal-ħolqien ta’ żona ġuridika reali, hekk kif huwa enfasizzat mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 2201/2003 (67).

C –    Fuq it-tieni u t-tielet domanda

128. Skont it-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003 dwar il-lis alibi pendens kinux ukoll maħsuba sabiex japplikaw meta deċiżjoni meħuda fil-kuntest ta’ proċeduri għal miżuri provviżorji waħidhom fi Stat Membru ma huwiex suġġett għal rikonoxximent fi Stat Membru ieħor fis-sens tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 2201/2003. Hija tispjega, fil-qosor, li l-fatt li deċiżjoni għal miżuri provviżorji tista’ tkun rikonoxxuta taħt dan l-Artikolu, tista’ tkun legalment rilevanti għall-ewwel domanda magħmula.

129. Fil-fatt, fis-sentenza Purrucker I, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja espliċitament iddeċidiet f’dan is-sens: “[i]d‑dispożizzjonijiet tal‑Artikoli 21 et seq tar‑Regolament Nru 2201/2003, tas‑27 ta’ Novembru 2003, dwar il‑ġurisdizzjoni u r‑rikonoxximent u l‑infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal‑ġenituri, u li jirrevoka r‑Regolament (KE) Nru 1347/2000, ma japplikawx għal miżuri provviżorji, fil‑qasam tad‑dritt tal‑kustodja, li jaqgħu taħt l‑Artikolu 20 tal‑imsemmi regolament” (68).

130. Fl-opinjoni tiegħi, huwa meħtieġ, hekk kif jiena indikajt fir-risposta għall-ewwel domanda, li ssir distinzjoni bejn miżuri provviżorji taħt l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003, li ma jistgħux jiġu rrikonoxxuti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hawn fuq imsemmija, u l-miżuri provviżorji meħuda mill-qorti li għandha ġurisdizzjoni fuq il-mertu taħt l-Artikoli 8 et seq ta’ dan ir-regolament, li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 21 et seq tal-istess regolamenti u li għalhekk jistgħu jiġu rikonoxxuti u infurzati bħad-deċiżjonijiet kollha l-oħra meħuda minn qorti li għandha ġurisdizzjoni fuq il-mertu, u dan indipendentement mit-tip ta’ talba. Fil-fatt, ma huwiex rilevanti jekk il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq il-mertu hijiex mitluba tagħti miżuri provviżorji jew jekk hija tagħti deċiżjoni finali. L-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003 huwa intiż li japplika biss fir-rigward ta’ din it-tieni kategorija ta’ miżuri, b’mod konformi ma’ dak li indikajt hawn fuq (69).

131. Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk “[t]alba għal miżuri provviżorji li titressaq quddiem qorti ta’ Stat Membru għandha tiġi ekwiparata ma’ talba għal deċiżjoni fuq il-mertu fis-sens tal‑Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003 meta d-dritt proċedurali nazzjonali ta’ dan l-Istat jipprovdi li, sabiex jiġu evitati żvantaġġi tad-dritt proċedurali nazzjonali, għandha titressaq kawża quddiem l-imsemmija qorti, fi żmien determinat, sabiex tingħata deċiżjoni fuq il-mertu”. Id-deċiżjoni tar-rinviju tippreċiża li hija “ntiża sabiex tistabbilixxi jekk, skont il-każ, huwa ġġustifikat li tagħmel trattament identiku ta’ żewġ proċeduri permezz ta’ raġunament analogu”.

132. Fl-opinjoni tiegħi, ir-risposta għal din id-domanda wkoll hija irrilevanti, minħabba li r-risposta li jiena nipproponi li tingħata għall-ewwel domanda, fejn jirriżulta li r-regoli proċedurali speċifiċi fis-seħħ fi Stat Membru, f’dan il-każ fi Spanja kif oppost għas-sistema fil-Ġermanja (70), huma irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ lis alibi pendens fis-sens tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003.

VII – Konklużjoni

133. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Amtsgericht Stuttgart kif ġej:

“Il-miżuri provviżjorji jew kawtelatorji dwar wild preżenti fit-territorju ta’ Stat Membru meħuda minn qorti f’dan l-Istat li huma msemmija fl-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri u li jirrevoka r‑Regolament (KE) Nru 1347/2000, ma għandhomx effetti legali vinkolanti barra mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u għalhekk ma humiex suxxettibbli li jkunu rikonoxxuti fi Stat Membru ieħor fis-sens tal-Artikolu 21 ta’ dan ir-regolament, lanqas ma joħolqu lis alibi pendens fis-sens tal-Artikolu 19(2) tal-istess regolament, li jorbot lill-qrati tal-Istati Membri l-oħra li tressqet kawża quddiemhom li tirrigwarda r-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward tal-istess wild.

Min-naħa l-oħra, proċedura pendenti quddiem qorti li tibbaża l-ġurisdizzjoni tagħha fuq kwalunkwe wieħed mill-Artikoli 8 sa 14 ta’ dan l-istess regolament, li l-ewwel tressqet kawża quddiemha dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ wild, hekk kif iddefinit mill-Artikoli 1(1) u (2), u 2(7) tal-imsemmi regolament, irrispettivament mill-klassifikazzjoni tal-proċedura skont ir-regoli nazzjonali fis-seħħ fl-Istati Membri kkonċernati u irrispettivament minn jekk il-miżura hija mitluba fuq bażi provviżorja, kemm jekk għal perjodu definit jew indefinit, timpedixxi qorti ta’ Stat Membru milli tiddeċiedi dwar kawża li għandha l-istess suġġett u l-istess bażi ġuridika fir-rigward tal-istess wild, sakemm l-ewwel qorti li tkun tressqet il-kawża quddiemha tkun stabbilixxiet il-ġurisdizzjoni tagħha jew li l-proċedura quddiemha tkun ntemmet għal kwalunkwe raġuni, inkluż negliġenza minn parti biex ittemm miżura proċedurali li hija meħtieġa sabiex l-ewwel qorti li tressqet il-kawża quddiemha tkun tista’ tiddeċiedi fuq il-mertu b’mod konformi mal-liġi tal-Istat Membru ta’ din l-aħħar qorti.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243.


3 – Sentenza tal-15 ta’ Lulju 2010, Purrucker (C‑256/09, Ġabra p. I-0000).


4 – Jiena nfakkar li deskrizzjoni dettaljata tal-istrumenti legali li kienu l-prekursuri tar-Regolament Nru 2201/2003 jinsabu fil-punti 30 sa 48 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston ippreżentati fil-Kawża C‑256/09, magħruf bħala “Purrucker I”, iċċitata iktar ’il fuq.


5–      ĠU C 221, p. 1.


6 – ĠU 1998, C 221, p. 27.


7 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil Malti, Kapitolu 19, Vol. 9, p. 209.


8 – Ara l-klawżoli 2 u 3 ta’ dan il-ftehim iċċitata fil-punt 28 tas-sentenza Purrucker I, iċċitata iktar ’il fuq.


9 – Ara l-motivazzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni ċċitata fil-punt 36 tas-sentenza Purrucker I, iċċitata iktar ’il fuq.


10 – Ara s-siltiet ta’ din id-deċiżjoni ċċitati fil-punt 37 tas-sentenza Purrucker I, iċċitata iktar ’il fuq.


11 – L-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea huma partijiet kontraenti għal din il-konvenzjoni, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 1983.


12 – Jiġifieri f’data preċedenti għal dik tal-għoti tas-sentenza fil-kawża Purrucker I, iċċitata iktar ’il fuq, iżda sussegwenti għall-konklużjonijiet li l-Avukat Ġenerali Sharpston ppreżentat fl-20 ta’ Mejju 2010, f’din il-kawża.


13 – Ara, b’analoġija, li tiddeċiedi fuq il-kunċett ta’ “inkonsistenti” fis-sens tal-Artikolu 27(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, tas-27 ta’ Settembru 1968, fil-kawża Italian Leather (sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2002, C‑80/00, Ġabra. p. I‑4995), l-Avukat Ġenerali Léger enfasizza li jekk “il-kawżi dwar miżuri provviżorji taħt il-liġijiet nazzjonali jvarjaw, mingħajr ma għaldaqstant id-deċiżjonijiet mogħtija taħt dawn il-kundizzjonijiet proċedurali jipproduċu effetti li ma humiex kompatibbli ma’ xulxin, ma jistax jintlaqa’ li d-deċiżjoni barranija tkun ikkunsidrata bħala inkonsistenti ma’ dik mogħtija fl-Istat mitlub”. Dwar ir-rabta funzjonali eżistenti bejn dan l-artikolu u l-Artikolu 21 tal-istess konvenzjoni, li jirrigwarda l-lis alibi pendens, ara s-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 1998, Drouot assurances (C‑351/96, Ġabra p. I‑3075, punt 16 ), u tad-9 ta’ Diċembru 2003, Gasser (C‑116/02, Ġabra Ġabra p. I‑14693, punt 41).


14 – Il-fatt li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni ġew standardizzati ma jeskludix li l-partijiet li għandhom interessi kunfliġġenti jistgħu validament iressqu kawża quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti.


15 – Hekk kif l-Avukat Ġenerali Kokott indika, ir-res judicata tfittex ukoll li tevita l-koeżistenza tad-deċiżjonijiet kunfliġġenti [punti 37 et seq tal-konklużjonijiet fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu (sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010, C‑526/08, Ġabra p. I-6151)].


16 – Fil-fatt, ikun eċċessiv għal qorti li tissospendi l-proċeduri sakemm tingħata deċiżjoni minn qorti barranija li mbagħad mhux ser tkun rikonoxxuta fuq il-livell nazzjonali. Inkella, ir-rikorrenti tkun qed tiġi miċħuda milli ssir ġustizzja, billi tkun ostakolata milli tikseb titolu infurzabbli fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.


17 – L-awtorità tar-res judicata ma għandhiex tiġi konfuża mas-saħħa eżekuttiva ta’ res judicata, b’dan l-aħħar kunċett jikkorrispondi għall-istat ta’ deċiżjoni li ma hijiex jew ma għadhiex suġġetta għal appell.


18 – Ara l-punti 119 u 121 tal-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-Kawża C‑256/09.


19 – It-terminu jvarja skont il-verżjoni: “desselben Anspruchs” bil-Ġermaniż, “the same cause of action” bl-Ingliż, “samaa asiaa” bil-Finlandiż jew “samma sak” bl-Isvediż. Skont il-ġurisprudenza (ara sentenzi tat-8 ta’ Diċembru 1987, Gubisch Maschinenfabrik, 144/86, Ġabra p. 4861, punt 14, u tas-6 ta’ Diċembru 1994, Tatry, C‑406/92, Ġabra p. I‑5439, punt 38), il-portata oġġettiva hija mfissra bi tqabbil ma’ żewġ fatturi differenti, jiġifieri s-suġġett u l-bażi ġuridika ta’ rikors. Konsegwentement, il-verżjonijiet lingwistiċi li jagħmlu distinzjoni ċara bejn dawn iż-żewġ kunċetti għandhom jiġu kkunsidrati bħala li għandhom valur ta’ referenza.


20 – Qabbel, fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali: l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, tas-27 ta’ Settembru 1968 u l-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 107); fi kwistjonijiet matrimonjali u ta’ responsabbiltà tal-ġenituri: l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1347/2000 ; fi kwistjonijiet matrimonjali: l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 2201/2003. Fir-rigward tar-Regolament Nru 1347/2000, b’mod partikolari ara l-paġna 17 tal-proposta tal-Kummissjoni li wasslet għall-adozzjoni tagħha (dokument COM (1999) 220 finali), li jenfasizza d-differenza bejn il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament, u li jingħaraf ukoll mal-qari tal-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2201/2003. Barra minn dan, dan id-dokument jindika wkoll li l-kunċett ta’ lis alibi pendens huwa bejn wieħed u ieħor definit b’mod wiesa’ fid-dritt tal-Istati Membri, b’ċerti sistemi legali ma jagħmlux distinzjoni bejn il-kelma “minuri [suġġett]” u “kawża [bażi ġuridika]”, hekk kif jirriżulta wkoll mir-rapport Borrás, op.cit. (punt 52).


21 – Dan huwa differenti għal strument bħall-Konvenzjoni ta’ Brussell, tas-27 ta’ Settembru 1968, billi n-numru kbir ta’ kriterji ta’ ġurisdizzjoni kunfliġġenti previsti fih huma mistennija li joħolqu possibbiltajiet multipli ta’ lis alibi pendens.


22 – “Gwida prattika għall-applikazzjoni tar-Regolament il-ġdid Brussell II”, abbozzata mis-servizzi tal-Kummissjoni b’konsultazzjoni man-netwerk ġudizzjarju Ewropew fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (iktar ’il quddiem il-“NĠE"), aġġornata fl-1 ta’ Ġunju 2005, p. 22. Dokument disponibbli fuq is-sit internet tal-Kummissjoni (http://ec.europa.eu/justice_home).


23 – Dokument COM (2002) 222 finali, p. 11.


24 – Dan kien il-każ fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-2 ta’ April 2009, A (C‑523/07, Ġabra p. I‑2805), billi l-familja inkwistjoni kienet “telqet mill-Isvezja sabiex tgħaddi l-vaganzi fil-Finlandja. Hija baqgħet fit-territorju Finlandiż, billi toqgħod f’karavans, f’diversi kampijiet, mingħajr mat-tfal kienu jmorru l-iskola” (punt 14). Jiena nfakkar li l-kriterji għall-identifikazzjoni tar-residenza abitwali ġew iffissati f’din is-sentenza kif ġej: “[m]inbarra l-preżenza fiżika tal-minuri fi Stat Membru, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fatturi oħra li huma suxxettibbli li jindikaw li din il-preżenza fl-ebda mod ma hija waħda ta’ natura temporanja jew okkażjonali u li r-residenza tal-minuri tindika ċertu integrazzjoni f’ambjent soċjali u ta’ familja. B’mod partikolari għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni t-tul, r-regolarità, il-kundizzjonijiet u r-raġunijiet wara r-residenza fuq it-territorju ta’ Stat Membru u tat-trasferiment tal-familja f’dan l-Istat, iċ-ċittadinanza tal-minuri, il-post u l-kundizzjonijiet ta’ tagħlim, il-konoxxenzi lingwistiċi kif ukoll ir-rapporti familjari u soċjali tal-minuri ma’ dan l-Istat” (punti 30 et seq). Ara wkoll il-punti 38 sa 52 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott f’din il-kawża.


25 – F’każ bħal dan, l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 2201/2003, iwassal sabiex “il-ġurisdizzjoni għandha tkun determinata, f’kull Stat Membru, mil-liġijiet ta’ dak l-Istat”.


26 – Jiena madankollu nosserva li fid-dritt ta’ ċerti Stati Membri, l-aħwa jiffurmaw entità li hija protetta kemm jista’ jkun possibbli fl-unità tagħha, bil-leġiżlatur iħeġġeġ lill-qorti sabiex tevita d-diviżjoni tal-aħwa u, jekk dan ma jseħħx, sabiex tiżgura ż-żamma ta’ rabtiet bejn il-membri tagħha (ara, pereżempju, l-Artikolu 371‑5 tal-Kodiċi Ċivili Franċiż).


27 – Permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Settembru 2007, l-Amtsgericht Albstadt ħasset li din it-talba kienet superfluwa minħabba li taħt il-liġi Ġermaniża, l-omm diġà kellha dritt ta’ kustodja esklużiv. Għandu jiġi nnutat li, wara s-sentenza Zaunegger vs Il‑Ġermanja, tat-3 Diċembru 2009, mogħtija mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (Rikors Nru 22028/04), il-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Ġermaniża) reċentement iddikjarat b’mod kuntrarju għall-Artikolu 6(2) tal-Kostituzzjoni, l-impossibbiltà, li tirriżulta mill-Artikoli 1626a u 1672 tal-Kodiċi Ċivili Ġermaniż (BGB), għall-missier ta’ wild barra miż-żwieġ li jikseb dritt ta’ kustodja fuq dan il-wild fil-każ ta’ rifjut mill-omm (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2010, 1 BvR 420/09).


28 – Dwar dan il-prinċipju li huwa ġeneralment meqjus bħala “kolonna”, ara b’mod partikolari l-punti 30 et seq tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz Jarabo Colomer fil-kawża Turner (sentenza tas-27 ta’ April 2004, C 159/02, Ġabra p. I 3565) dwar il-Konvenzjoni ta’ Brussell tas-27 ta’ Settembru 1968.


29 – Il-verifika tal-konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003 dwar il-kriterji ta’ ġurisdizzjoni hija f’idejn il-qrati nazzjonali li għandhom ir-responsabbiltà li jisimgħu appelli, fejn, fil-każ ta’ dubju dwar l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, huma meħtieġha li jagħmlu domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Bħala l-aħħar rimedju, huwa wkoll possibbli li tinbeda proċedura ta’ ksur kontra l-Istat Membru kkonċernat.


30 – Jiena nfakkar li l-kunċett ta “materji ċivili” huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li jkopri wkoll miżuri li jirrigwardaw id-dritt pubbliku skont id-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru (sentenza tas-27 ta’ Novembru 2007, C, C‑435/06, Ġabra p. I‑10141, punti 46 sa 53). Għalhekk, il-proċeduri, l-awtoritajiet jew id-deċiżjonijiet amministrattivi ta’ ċerti Stati Membri jistgħu jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003 (f’dan is-sens, ara wkoll “Gwida prattika għall-applikazzjoni tar-Regolament il-ġdid Brussell II”, op. cit., p. 8).


31 – Pereżempju, li jkun hemm flimkien proċeduri bħal talba għal tutela u rikors għat-tqegħid ma tistax twassal għal-lis alibi pendens, għaliex il-kwistjonijiet involuti huma distinti u dawn il-proċeduri ma għandhomx b’mod hekk ċar l-istess bażi ġuridika u l-istess suġġett. Huwa iktar diffiċli li jiġi ddeterminat jekk jista’ jkun hemm lis alibi pendens bejn rikors dwar il-kustodja u rikors dwar id-dritt ta’ aċċess.


32 – Pereżempju, id-dritt ta’ kustodja, minbarra li jirriżulta mill-awtorità tal-ġenituri, dan jista’ awtomatikament isegwi l-għoti ta’ tutela jew it-tqegħid ta’ wild f’istitut.


33 – Jirriżulta mis-sentenza A, iċċitata iktar ’il fuq, li “deċiżjoni unika li tordna t-teħid immedjat taħt kura u t-tqegħid ta’ minuri barra mill-familja oriġinali tiegħu [tirriżulta mill-kunċett ta’ ‘materji ċivili’ fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2201/2003], meta dik id-deċiżjoni tkun adottata fil-kuntest tar-regoli tad-dritt pubbliku dwar il-protezzjoni tat-tfulija”.


34 – Jiena nippreċiża li l-premessi disa’ u ħdax tar-Regolament Nru 2201/2003 jindikaw li l-miżuri relatati mal-proprjetà ta’ wild iżda li ma jirriżultawx fil-protezzjoni ta’ dan ma humiex koperti minn dan ir-regolament, iżda mir-Regolament Nru 44/2001, hekk kif huma wkoll irregolati minnha l-obbligi ta’ manteniment.


35 – F’dan ir-rigward, ara s-sentenza Purrucker I (punti 84 et seq).


36 – Il-premessa 3 tar-Regolament Nru 2201/2003 tfakkar li dan issostitwixxa r-Regolament Nru 1347/2000, li l-biċċa l-kbira minnu kien meħud mill-Konvenzjoni ta’ Brussell II, li għandha l-istess suġġett, hekk kif ġie ċċarat mir-rapport Borrás.


37 – Il-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u l-infurzar ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata diversi drabi (ara sentenza Purrucker I, punt 12).


38 – Fuq ir-rabta li għandha ssir bejn iż-żewġ testi fil-qasam tal-ġurisprudenza, ara b’mod partikolari l-punti 28 et seq tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott ippreżentati fil-kawża Allianz (li qabel kienet Riunione Adriatica di Sicurta) (sentenza tal-10 ta’ Frar 2009, C‑185/07, Ġabra p. I‑663).


39 – Ara l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, tas-27 ta’ Settembru 1968, l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1347/2000 u l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001.


40 – Ara l-premessa 12 tar-Regolament Nru 2201/2003.


41 – B’analoġija, ara s-sentenza Gubisch Maschinenfabrik, iċċitata iktar ’il fuq (punti 6 et seq), fejn huwa indikat li “l-kunċetti użati fl-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 sabiex tiġi ddeterminata sitwazzjoni ta’ lis alibi pendens għandha tiġi kkunsidrata bħala awtonoma” [traduzzjoni mhux uffiċjali], kif ukoll il-punt 2 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mancini f’din il-kawża. Ara, ukoll, is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2005, Gruber (C‑464/01, Ġabra p. I‑439, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dwar l-għażla bejn definizzjoni awtonoma jew strateġija nazzjonali, ara, s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1976, Industrie Tessili Italiana Como (12/76, Ġabra p. 1473, punti 10 u 11).


42 – Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 1976, LTU (29/76, Ġabra p. 1541, punt 3).


43 – Sentenza tas-7 ta’ Ġunju 1984, Zelger (129/83, Ġabra p. 2397, punt 16), fejn huwa ppreċiżat li “l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li għandha tiġi kkunsidrata bħala ‘l-ewwel qorti li tressqet kawża quddiemha’, il-qorti li quddiemha jkunu ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet għall-konklużjoni ta’ lis alibi pendens definittiva, b’dawn il-kundizzjonijiet għandhom jiġu evalwati skont il-liġi nazzjonali ta’ kull qorti kkonċernata” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mancini huma fl-istess direzzjoni, minħabba fid-diversi sistemi legali applikati għal-lis alibi pendens fl-Istati Membri.


44 – Fuq ir-rabta bejn in-notifika tal-att promotur u l-lis alibi pendens, ara l-punt 68 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Weiss und Partner (sentenza tat-8 ta’ Mejju 2008, C‑14/07, Ġabra p. I‑3367).


45 – B’analoġija, fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni ekwivalenti li tinsab fil-Konvenzjoni ta’ Brussell tas-27 ta’ Settembru 1968, jiġifieri l-Artikolu 21 tiegħu, ara s-sentenza Gasser, iċċitata iktar ’il fuq (punt 70), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li hemm il-ħtieġa li tiġi żgurata “kemm l-ittra kif ukoll l-ispirtu u l-iskop ta’ din il-konvenzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali],. Dan għandu jiġi mqabbel mal-punti 62 sa 64 tas-sentenza Purrucker I, iċċitata iktar ’il fuq.


46 – Fuq dan il-kunċett, ara, b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Marzu 1992, Reichert u Kockler (C‑261/90, Ġabra p. I‑2149, punt 34), dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, tas-27 ta’ Settembru 1968.


47 – F’dan ir-rigward, ara l-analiżi ta’ dritt komparattiv fis-sit tan-NĠE (http://ec.europa.eu/civiljustice/interim_measures/interim_measures_gen_fr.htm): “Eżami komparattiv tal-leġiżlazzjoni nazzjonali twassal sabiex nuqqas kważi ġenerali ta’ definizzjoni ta’ miżuri provviżorji u kawtelatorji, kif ukoll li jkun hemm eteroġeneità kunsiderevoli tas-sistemi legali”.


48 – Ara s-sentenza Purrucker I (punti 60 u 61), fejn huwa indikat li “[l]‑Artikolu 20 tar‑Regolament Nru 2201/2003 huwa l‑aħħar artikolu tal‑Kapitolu II, dwar il‑ġurisdizzjoni, ta’ dan ir‑regolament. Huwa ma jagħmilx parti mill‑artikoli li jirrigwardaw b’mod speċifiku l‑ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal‑ġenituri, li jikkostitwixxu t‑Taqsima 2 ta’ dan il‑kapitolu, iżda jagħmel parti mit‑Taqsima 3 ta’ dan ir‑regolament, intitolat, ‘Id‑Disposizzjonijiet komuni’. Mill‑pożizzjoni ta’ din id‑dispożizzjoni fl‑istruttura tar‑Regolament Nru 2201/2003 jirriżulta li l‑Artikolu 20 ma jistax jitqies li huwa dispożizzjoni li tattribwixxi l‑ġurisdizzjoni dwar il‑mertu, fis‑sens ta’ dan ir‑regolament”.


49 – It-terminu jirriżulta, b’analoġija, mir-rapport Borrás op. cit. (punt 55).


50 – B’analoġija, dwar id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tas-27 Settembru 1968 dwar l-lis alibi pendens, ara s-sentenza Gasser, iċċitata iktar ’il fuq (punt 47) fejn huwa ppreċiżat li “r-regola proċedurali li tinsab fl-Artikolu 21 ta’ din il-konvenzjoni […] hija bbażata biss u b’mod ċar fuq l-ordni kronoloġika li fiha l-qrati inkwistjoni tressqu kawża quddiemhom”.


51 – Għandhu jiġi mqabbel: proposta tal-Kummissjoni tal-1999 li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 1347/2000 (dokument COM (1999) 220 finali, p. 17) u r-rapport Borrás, op. cit. (punti 52 u 53).


52 – Ara, wkoll il-“Gwida prattika għall-applikazzjoni l-ġdida Regolament Brussell II”, op. cit. (p. 22), fejn huwa ppreċiżat li “l-Artikolu 19(2) jipprovdi li l-ewwel qorti li tressqet kawża quddiemha għandha, fil-prinċipju, ġurisdizzjoni. It-tieni qorti li tressqet il-kawża quddiemha għandha tissospendi l-proċeduri u tistenna lill-qorti l-oħra tieħu deċiżjoni dwar il-ġurisdizzjoni tagħha. Jekk l-ewwel qorti li tressqet kawża quddiemha tqis lilha nnifisha bħala li għandha ġurisdizzjoni, il-qorti l-oħra għandha tirrifjuta l-ġurisdizzjoni fil-kawża. It-tieni qorti li tressqet il-kawża quddiemha għandha tkompli l-proċeduri quddiemha biss jekk l-ewwel qorti tikkonkludi li hija ma għandhiex ġurisdizzjoni jew jekk dik il-qorti tiddeċiedi li tirrinvija l-kawża skont l-Artikolu 15” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


53 – B'analoġija, dwar il-Konvenzjoni ta’ Brussell tas-27 ta’ Settembru 1968, ara s-sentenza Gasser, iċċitata iktar ’il fuq (punt 48). Ara wkoll, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 1991, Overseas Union Insurance et (C‑351/89, Ġabra p. I‑3317, punt 26), fejn huwa ppreċiżat li, “bla ħsara għall-ipoteżi fejn it-tieni qorti li tressqet il-kawża quddiemha jkollha ġurisdizzjoni esklużiva prevista mill-konvenzjoni, u b’mod partikolari mill-Artikolu 16 tagħha, l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li meta l-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti li tressqet il-kawża quddiemha hija kkontestata, sakemm hija ma tirrifjutax il-kawża, it-tieni qorti li tressqet il-kawża quddiemha tista’ biss tissospendi l-proċeduri, mingħajr ma tkun tista’ teżamina hija stess il-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti li tressqet kawża quddiemha” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. F’din l-aħħar kawża, l-Avukat Ġenerali Van Gerven kien enfasizza li “[d]eċiżjoni mod ieħor tikkostitwixxi interferenza ċara mit-tieni qorti fil-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti” (punt 15 tal-konklużjonijiet tiegħu).


54 – Argumenti oħra fl-istess direzzjoni, jiġifieri li l-miżuri bbażati fuq l-Artikolu 20 għandhom, barra dan l-effett limitat fir-rigward fil-portata territorjali tagħhom, effetti limitati minn naħa, fir-rigward tal-portata materjali tagħhom, il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jipprovdi li l-miżuri adottati f’sitwazzjoni ta’ emerġenza ma jaffettwax il-ġurisdizzjoni fuq il-mertu li jista’ jkollhom qrati ta’ Stati Membri oħra u ma jorbotx lil dawn tal-aħħar, u min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-portata temporali tagħhom, il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jeħtieġ li l-miżuri invokati jieqfu milli jkollhom effett meta l-qorti li għandha ġurisdizzjoni fuq il-mertu tieħu deċiżjoni u li għalhekk ma hemmx iktar il-bżonn li din tinbidel b’mod temporanju. Iż-żewġ kategoriji ta’ proċeduri ma jistgħux jidħlu f’kunflitt dirett, billi dik imsemmija fl-Artikolu 20 hija suġġetta għal dik fuq il-mertu, sabiex jiġi evitat riskju ta’ ksur tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni. Dwar dan l-aħħar punt, ara s-sentenza Purrucker I, iċċitata iktar ’il fuq (punti 86 u 91).


55 – Li għandu jitqabbel mas-sentenza Purrucker I, iċċitata iktar ’il fuq (punti 84 et seq), u mal-punti 172 sa 175 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston f’din il-kawża. Din l-analiżi tikkonċerna r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet, iżda fl-opinjoni tiegħi japplika wkoll fir-rigward ta’ lis alibi pendens. Fil-fatt, huwa meħtieġ li wieħed jibqa’ konsistenti mas-sistema legali eżistenti, jiġifieri li għandha tiġi segwita l-loġika ta’ din is-sentenza.


56 – Ara l-“Gwida prattika għall-applikazzjoni tar-Regolament il-ġdid Brussell II” op. cit. (p. 11).


57 – Hawnhekk jiena neskludi l-kwistjoni ta’ miżuri urġenti meħuda fir-rigward tal-proprjetà ta’ wild li huma preżenti fuq it-territorju nazzjonali.


58 – Dwar it-teħid flimkien tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2201/2003 u tal-Artikolu 19 tal-istess regolament, ara l-punti 63 sa 66 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Rinau (sentenza tal-11 ta’ Lulju 2008, C‑195/08 PPU, Ġabra p. I‑5271).


59 – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Purrucker I iċċitata iktar ’il fuq (punt 131).


60 – Pereżempju, f’dak li jikkonċerna ġenituri li jgħixu separatament, ir-residenza ta’ wild li tkun ġiet ġuridikament iddeterminata li għandha tkun f’dar l-omm ma tistax tiġi stabbilita minn qorti oħra f’dar il-missier mingħajr dawn id-deċiżjonijiet ma jkunu inkonsistenti fil-prattika, anki jekk waħda minnhom ittieħdet biss bħala miżura provviżorja.


61 – B’analoġija, ara s-sentenza Tatry, iċċitata iktar ’il fuq (punti 39 et seq), fejn huwa ppreċiżat li “[f]is-sens tal-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni, il-‘bażi ġuridika’ tinkludi l-fatti u r-regola ġuridika invokata bħala bażi għat-talba. […] Fir-rigward tas-‘suġġett’ fis-sens tal-istess Artikolu 21, huwa jikkonsisti fl-għan tat-talba” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ara, ukoll, il-punt 19 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tesauro f’din il-kawża. Is-sentenza Gubisch Maschinenfabrik, iċċitata iktar ’il fuq (punti 14 et seq), iżżid li “anki jekk il-verżjoni Ġermaniża tal-Artikolu 21 ma tagħmilx distinzjoni espressa bejn il-kunċetti ta ‘suġġett’ u ‘bażi ġuridika’, din għandha tiftiehem fl-istess sens bħall-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra li jagħmlu din id-distinzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fis-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2003, Gantner Electronic (C‑111/01, Ġabra p. I‑4207), il-Qorti tippreċiża li “sabiex tevalwa jekk żewġ talbiet magħmula bejn l-istess partijiet quddiem qrati ta’ Stati kontraenti differenti jkollhom l-istess suġġett, għandhom jiġu kkunsidrati biss it-talbiet tar-rikorrenti rispettivi, u jiġu esklużi d-difiżi mqajma mill-konvenut” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


62 – Jiena nippreċiża li jekk waħda mill-qrati kkonċernati mill-kunflitt ta’ proċeduri tkun tinsab fi Stat terz, tali sitwazzjoni ma taqax taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2201/2003, iżda taħt regoli oħra ta’ lis alibi pendens internazzjonali.


63 – Jiena nfakkar li terminu iqsar huwa ffissat fl-Artikolu 15(5) ta’ dan ir-regolament li jipprovdi għal perijodu ta’ sitt ġimgħat mid-data li fija titressaq kawża quddiema sabiex il-qrati jiddikjaraw lilhom infushom li għandhom ġurisdizzjoni, fil-każ ta’ rinviju tal-kawża lil qorti ta’ Stat Membru ieħor li jkun f’pożizzjoni aħjar sabiex jieħu deċiżjoni dwarha.


64 – Il-kwistjoni indirizzata hawnhekk hija differenti minn dik imqajma fis-sentenza Gasser, iċċitata iktar ’il fuq, li tgħid li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell [tas-27 ta’ Settembru 1968] għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jistax ikun idderogat mid-dispożizzjonijiet tagħha, li b’mod ġenerali, it-tul tal-proċeduri quddiem il-qrati tal-Istat kontraenti li fih tinsab l-ewwel qorti li tressqet kawża quddiemha huwa eċċessivament twil” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (punt 73). Fil-fatt, minn naħa, l-approċċ li jiena nipproponi ma huwiex wieħed ġenerali, iżda wieħed każ b’każ, min-naħa loħra, dan bl-ebda mod ma jolqot il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, għaliex huwa biss fin-nuqqas ta’ risposta tal-ewwel qorti li tressqet kawża quddiemha, li t-tieni qorti li tressqet il-kawża quddiemha tkun tista’ tiddeċiedi, u fl-aħħar nett, huwa jfittex li jiżgura ċ-ċertezza legali għall-partijiet billi dawn jiġu ffissati f’terminu qasir dwar l-eżistenza jew le ta’ lis alibi pendens.


65 – L-Avukat Ġenerali Kokott ukoll iddeċieda f’dan is-sens, fir-rigward tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, billi ppreċiża li “[l]-qorti li sussegwentement għall-ewwel qorti, titressaq il-kawża quddiemha ma tistax tkompli bil-proċeduri quddiemha peress, ngħidu aħna, tikkunsidra li l-ewwel qorti li quddiemha tkun tressqet il-kawża ma għandhiex ġurisdizzjoni” [punt 31 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Hadadi (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, C‑168/08, Ġabra p. I‑6871)]. Fl-opinjoni tiegħi, l-obbligu li tissospendi l-proċeduri ex officio, iżda mhux li tirrifjuta l-ġurisdizzjoni tagħha stess ab initio, hija meħtieġa fiċ-ċirkustanzi kollha.


66 – Għandu jiġi mqabbel mal-punt 75 tas-sentenza Purrucker I, iċċitata iktar ’il fuq. Fil-fatt, il-qorti li hija mitluba tirrifjuta l-ġurisdizzjoni tagħha ma għandhiex twettaq verifika tal-ġurisdizzjoni, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 2201/2003, billi ma għandhiex ġurisdizzjoni fir-rigward tad-deċiżjoni li għandha tittieħed mill-qorti fi Stat Membru ieħor jekk din tkun saret u ġiet ippreżentata għall-infurzar.


67 – Ara s-sentenza Purrucker I, iċċitata iktar ’il fuq (punti 71 et seq). F'dan ir-rigward, jiena nixtieq nikkummenta dwar l-obbligu għall-qrati tal-Istati Membri li espliċitament jiġġustifikaw il-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħhom fuq il-mertu, b’referenza għal wieħed mill-kriterji ta’ ġurisdizzjoni taħt l-Artikoli 8 sa 14 ta’ dan ir-regolament, li huma stabbiliti fil-punt 76 ta’ din is-sentenza. Jiena nosserva li fil-prattika dan rarament ikunu magħmul exofficio mill-qorti għaliex ma jkunx hemm eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni mqajma mill-partijiet jew minħabba li l-fattur estraneju inkwistjoni ma kienx preżenti fil-mument fejn kien tressqet il-kawża quddiemha.


68 – Dispożittiv tas-sentenza, iċċitata iktar ’il fuq. Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu tippreċiża li “[i]l‑fatt li l‑miżuri li jaqgħu taħt l‑Artikolu 20 tar‑Regolament Nru 2201/2003 ma jibbenefikawx mis‑sistema ta’ rikonoxximent u ta’ infurzar stabbiliti mill‑imsemmi regolament ma jwaqqafx, kif irrilevat l‑Avukat Ġenerali fil‑punt 176 tal‑konklużjonijiet tiegħi, madankollu r‑rikonoxximent u l‑infurzar kollu ta’ dawn il‑miżuri. Fil‑fatt, jistgħu jintużaw strumenti internazzjonali oħra u leġiżlazzjonijiet nazzjonali oħra, fl‑osservanza tal‑imsemmi regolament.” (punt 92).


69 – F’dan l-istess sens, ara l-punt 169 tal-konklużjonijiet li l-Avukat Ġenerali Sharpston ippreżentat fil-kawża Purrucker I, iċċitata iktar ’il fuq: “[i]l-fatt minnu nnifsu li din taġixxi biss abbażi tal-Artikolu 20 jfisser li l-ġurisdizzjoni tagħha ma tistax tiġi stabbilita għall-iskopijiet tal-Artikolu 19, biex b’hekk il-proċedimenti quddiemha ma jagħtux bidu għar-regoli dwar il-lis[alibi] pendens”.


70 – Skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, skont id-dritt Ġermaniż, il-miżuri provviżorji huma permessi biss jekk tkun ġiet ippreżentata fil-kawża prinċipali, filwaqt li jidher li fid-dritt Spanjol, talba waħiedha għal miżuri provviżorji hija permessa.