Language of document : ECLI:EU:T:2019:330

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

14 ta’ Mejju 2019 (*)

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Ittra indirizzata mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet Franċiżi dwar il-protokoll ta’ kumpens lill‑grupp EDF fil-qafas tar-revoka tal-awtorizzazzjoni ta’ amministrazzjoni tal‑impjant nukleari ta’ Fessenheim – Rifjut ta’ aċċess – Eċċezzjoni dwar il‑protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ terz – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal‑għanijiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu – Preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità – Interess pubbliku superjuri”

Fil-Kawża T‑751/17,

Commune de Fessenheim (Franza),

Communauté de communes Pays Rhin-Brisach, stabbilita f’Volgelsheim (Franza),

Conseil départemental du Haut-Rhin, stabbilit f’Colmar (Franza),

Conseil régional Grand Est Alsace Champagne-Ardenne Lorraine, stabbilit fi Strasbourg (Franza),

irrappreżentati minn G. de Rubercy, avocat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Buchet u B. Stromsky, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn E. de Moustier, B. Fodda u J.‑L. Carré, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall‑annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑18 ta’ Ottubru 2017 li tirrifjuta l-aċċess għall-ittra indirizzata lill-awtoritajiet Franċiżi fit‑22 ta’ Marzu 2017 dwar l-abbozz ta’ protokoll ta’ kumpens lill-grupp Électricité de France (EDF) għall-għeluq tal-impjant nukleari ta’ Fessenheim,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President, P. Nihoul (Relatur) u J. Svenningsen, Imħallfin,

Reġistratur: L. Ramette, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal‑24 ta’ Jannar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, il-commune de Fessenheim, il-communauté de communes Pays Rhin-Brisach, il-conseil départemental du Haut-Rhin u l-conseil régional Grand Est Alsace Champagne-Ardenne Lorraine, huma erba’ kollettivitajiet territorjali Franċiżi li fit-territorju tagħhom hemm l-impjant nukleari ta’ Fessenheim (iktar ’il quddiem l-“impjant”), amministrat minn Électricité de France (EDF).

2        Fit‑8 ta’ April 2017, il-Gvern Franċiż adotta d-décret no 2017‑508, portant abrogation de l’autorisation d’exploiter la centrale (id-Digriet Nru 2017‑508 li jirrevoka l-awtorizzazzjoni ta’ amministrazzjoni tal-impjant) (JORF tad‑9 ta’ April 2017, test Nru 3).

3        Fit‑2 ta’ Mejju 2017, ir-rikorrenti, skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331) indirizzaw lill-Kummissjoni Ewropea talba għal aċċess għad-“deċiżjoni” li permezz tagħha hija “approvat, fid-dawl tad-dritt Ewropew tal-għajnuna mill-Istat, l-abbozz ta’ protokoll ta’ kumpens lil EDF minn Franza għall-għeluq tal-impjant”. Skont ir-rikorrenti, din id-“deċiżjoni” kienet ġiet indirizzata mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet Franċiżi permezz ta’ ittra tal‑24 ta’ Marzu 2017.

4        Permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissjoni rrifjutat li tagħti aċċess għall-ittra inkwistjoni, li, fil-verità, kellha d-data tat‑22 ta’ Marzu 2017, għar-raġuni li din kienet tagħmel parti minn fajl amministrattiv miftuħ fil-kuntest tal-eżami tal-għajnuna mill-Istat u li, f’dan ir-rigward, kienet koperta minn preżunzjoni ġenerali li tipprovdi li l-iżvelar ta’ tali dokument bħala prinċipju jimmina l-protezzjoni tal-għanijiet ta’ investigazzjoni, li jikkostitwixxi eċċezzjoni għall-prinċipju tal-aċċess għad-dokumenti skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Hija invokat ukoll l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali, prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

5        Fis‑27 ta’ Ġunju 2017, ir-rikorrenti indirizzaw, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, talba konfermattiva lill-Kummissjoni, li rrikonoxxiet li rċevietha fit‑28 ta’ Ġunju 2017.

6        Permezz ta’ ittra tat‑18 ta’ Lulju 2017, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li hija kellha ttawwal bi ħmistax‑il ġurnata tax-xogħol it-terminu inizjali ta’ eżami ta’ din it-talba, skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, għaliex hija ma kinitx għalqet il-konsultazzjonijiet neċessarji għal dan l-eżami. Hija ppreċiżat, barra minn hekk, li t-terminu l-ġdid kien jiskadi fl‑10 ta’ Awwissu 2017.

7        F’ittra tat‑18 ta’ Awwissu 2017, il-Kummissjoni kkonfermat li t-terminu kien skada fl‑10 ta’ Awwissu 2017, iżda indikat li hija kienet għadha mhux f’pożizzjoni li twieġeb għat-talba konfermattiva.

8        F’ittra tat‑18 ta’ Ottubru 2017, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-abbozz ta’ protokoll ta’ kumpens lil EDF (iktar ’il quddiem l-“abbozz ta’ protokoll ta’ kumpens”) kien is-suġġett ta’ fażi ta’ qabel in-notifika mill-awtoritajiet Franċiżi u li, fl-ittra tat‑22 ta’ Marzu 2017 li t-talba għal aċċess kienet ibbażata fuqha, hija kienet qieset li, f’dan l-istadju, ma kienx hemm oġġezzjoni, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni Ewropea dwar l-għajnuna mill-Istat, għal dan l-abbozz. Barra minn hekk hija kkonfermat ir-rifjut tat-talba għall-aċċess għal dan id-dokument abbażi tal-ewwel u tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

9        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑17 ta’ Novembru 2017, ir-rikorrenti ppreżentaw ir-rikors odjern.

10      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru fit‑28 ta’ Frar 2018, ir-Repubblika Franċiża talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ April 2018, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ dan l-intervent. Ir-Repubblika Franċiża ppreżentat in-nota tagħha u r-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fit-terminu mogħti.

11      Permezz ta’ digriet tal‑4 ta’ Ottubru 2018, il-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 91(ċ) u l-Artikolu 92 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, ordnat lill-Kummissjoni tipproduċi l-ittra tat‑22 ta’ Marzu 2017. Dan id-dokument intbagħat lill-Qorti Ġenerali fis‑17 ta’ Ottubru 2018 u la ġie nnotifikat lir-rikorrenti u lanqas lir-Repubblika Franċiża, konformement mal-Artikolu 104 tar-Regoli tal-Proċedura.

12      Fis‑17 ta’ Diċembru 2018, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet xi mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet. Il-partijiet wieġbu għalihom fit-terminu li kien ingħatalhom.

13      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal‑24 ta’ Jannar 2019.

14      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tordna lill-Kummissjoni tikkomunika l-ittra tat‑22 ta’ Marzu 2017 f’terminu ta’ ġimgħa sa mis-sentenza li għandha tingħata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

15      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors għal annullament bħala infondat;

–        tiddikjara l-ordni inammissibbli;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

16      Ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Id-dritt

A.      Fuq is-suġġett tat-talba għal aċċess

17      Fir-rikors, ir-rikorrenti jindikaw li r-rikors jirrigwarda r-rifjut tal-Kummissjoni għat-talba għal aċċess li tirrigwarda l-ittra li hija indirizzat lill-awtoritajiet Franċiżi fit‑22 ta’ Marzu 2017 dwar l-abbozz ta’ protokoll ta’ kumpens.

18      Fir-replika, ir-rikorrenti jargumentaw li t-talba għal aċċess tagħhom kienet tirrigwarda mhux biss l-ittra tal-Kummissjoni tat‑22 ta’ Marzu 2017, iżda wkoll l-abbozz ta’ protokoll ta’ kumpens.

19      Sabiex jiġi ddeterminat is-suġġett tat-talba għal aċċess, għandu jsir riferiment għall-ittra indirizzata mir-rikorrenti lill-Kummissjoni fit‑2 ta’ Mejju 2017, li tinkludi t-talba inizjali tagħhom.

20      Issa, skont din l-ittra, it-talba għal aċċess magħmula mir-rikorrenti kienet tirrigwarda biss l-ittra tal-Kummissjoni tat‑22 ta’ Marzu 2017, u mhux l-abbozz ta’ protokoll ta’ kumpens.

21      Is-suġġett tat-talba għal aċċess, limitat b’dan il-mod, huwa kkonfermat bit-talba konfermattiva li r-rikorrenti indirizzaw lill-Kummissjoni fis‑27 ta’ Ġunju 2017.

22      Għaldaqstant għandu jitqies li r-rifjut tal-Kummissjoni kien jirrigwarda talba għall-aċċess għall-ittra tagħha tat‑22 ta’ Marzu 2017, li fiha hija qieset li, f’dak l-istadju, ma kienx hemm oġġezzjoni, fid-dawl tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, għall-abbozz ta’ protokoll ta’ kumpens (iktar ’il quddiem id-“dokument kontenzjuż”).

B.      Fuq it-talba għal ordni

23      Fit-tieni kap tat-talbiet tagħhom, ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali tordna lill-Kummissjoni tibgħatilhom id-dokument kontenzjuż f’terminu ta’ ġimgħa sa mis-sentenza li għandha tingħata.

24      Matul is-seduta, ir-rikorrenti madankollu rrinunzjaw għal dan il-kap tat-talbiet.

25      Għaldaqstant ma hemmx lok li l-Qorti Ġenerali teżamina din it-talba.

C.      Fuq it-talba għal annullament

26      Fl-ewwel kap tat-talbiet tagħhom, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha l-Kummissjoni kkonfermat ir-rifjut tat-talba għall-aċċess għad-dokument kontenzjuż.

27      Insostenn ta’ din it-talba, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9), tar-Regolament Nru 1049/2001 u tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE tas‑16 ta’ Novembru 2006 dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja fi ħdan ċerti impriżi (ĠU 2008, L 348M, p. 906, u rettifika ĠU 2009, L 84M, p. 555), it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u, it-tielet wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 47 tal-istess Karta.

1.      Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tar-Regolament 2015/1589, tar-Regolament Nru 1049/2001 u tad-Direttiva 2006/111

a)      Fuq il-ksur tar-Regolament 2015/1589

28      Fl-ewwel motiv, ir-rikorrenti jallegaw li r-rifjut ta’ aċċess fil-konfront tagħhom huwa kuntrarju għar-Regolament 2015/1589, li, fil-premessa 39 u fl-Artikolu 32 tiegħu, jeżiġi li d-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-eżami dwar l-għajnuna mill-Istat għandhom jiġu ppubblikati, sabiex, jekk ikun il-każ, it-terzi jkunu jistgħu jikkontestaw dawn id-deċiżjonijiet.

29      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, tikkontesta l-fondatezza tal-argument.

30      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li d-dokument kontenzjuż ġie mfassal fil-kuntest ta’ skambji li seħħew matul il-fażi ta’ qabel in-notifika.

31      Issa, tali skambji ma humiex irregolati bir-Regolament 2015/1589. Fil-fatt, bħalma jirriżulta mill-punt 10 tal-Kodiċi tal-Aħjar Prattika għat-tmexxija tal-proċeduri ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat (ĠU 2009, C 136, p. 13, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-aħjar prattika”), il-fażi ta’ qabel in-notifika tikkonsisti fi skambji volontarji u informali bejn il-Kummissjoni u Stat Membru qabel in-notifika, skont l-Artikolu 108(3) TFUE, ta’ miżura li tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u li għaldaqstant għandha tiġi eżaminata skont il-proċedura għal eżami prevista mir-Regolament 2015/1589. Huwa biss wara din in-notifika li japplikaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2015/1589, li jiddeterminaw il-modalitajiet tal-eżami tal-miżura fid-dawl tar-regoli tat-Trattat FUE, u b’mod partikolari tal-Artikoli 4, 9 u 15 ta’ dan ir-regolament, li jippreċiżaw id-deċiżjonijiet li jistgħu jittieħdu mill-Kummissjoni wara l-proċedura.

32      Barra minn hekk, anki jekk wieħed jassumi li r-Regolament 2015/1589 japplika għall-iskambji li jseħħu fil-kuntest ta’ fażi ta’ qabel in-notifika, id-dokument kontenzjuż ma huwiex kopert mill-premessa 39 u mill-Artikolu 32 ta’ dan ir-regolament, invokati mir-rikorrenti, għaliex dawn id-dispożizzjonijiet jirrigwardaw id-deċiżjonijiet li huma adottati mill-Kummissjoni wara l-proċedura għal eżami u li għandhom jiġu magħmula pubbliċi bil-mod kif hemm deskritt.

33      Issa, bħalma jirriżulta mill-punt 16 tal-Kodiċi tal-aħjar prattika, il-fażi ta’ qabel in-notifika ma twassalx għal tali deċiżjoni, iżda għal opinjoni li, bħad-dokument kontenzjuż, hija nieqsa minn karattru vinkolanti u tesprimi biss l-opinjoni li seta’ jkollha l-Kummissjoni, abbażi tal-informazzjoni rċevuta, fir-rigward tal-każ li ntbagħat lilha, bl-għarfien li, bħalma hija indikat fis-seduta, din l-istituzzjoni tibqa’ libera li tbiddel din l-opinjoni skont informazzjoni li tista’ taslilha sussegwentement.

34      Għal dawn ir-raġunijiet, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-ksur tar-Regolament 2015/1589 għandu jiġi miċħud bħala infondat.

b)      Fuq il-ksur tar-Regolament Nru 1049/2001

1)      F’dak li jirrigwarda l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-għanijiet ta’ investigazzjoni (it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001)

35      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrifjutat l-aċċess għad-dokument kontenzjuż abbażi tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, billi argumentat li kienet teżisti, għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, preżunzjoni ġenerali li tipprovdi li l-iżvelar tad-dokumenti tal-fajl amministrattiv relatat ma’ proċedura għall-eżami tal-għajnuna mill-Istat kien jimmina, bħala prinċipju, il-protezzjoni tal-għanijiet ta’ investigazzjoni fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq.

36      Ir-rikorrenti jargumentaw li l-Kummissjoni ma kinitx awtorizzata tapplika l-eċċezzjoni msemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u jfasslu, insostenn tal-pożizzjoni tagħhom, tliet argumenti li ser jiġu eżaminati iktar ’il quddiem.

i)      Fuq l-allegata assenza ta’ rilevanza tal-argument tal-Kummissjoni li jipprovdi li l-iżvelar tad-dokument kontenzjuż huwa ta’ natura li jikkomprometti r-rieda tal-Istati Membri li jikkoperaw magħha

37      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni ma setgħetx tirrifjuta l-aċċess għad-dokument kontenzjuż għar-raġuni li l-iżvelar tiegħu jkun ta’ natura li jikkomprometti r-rieda tal-Istati Membri li jikkoperaw magħha.

38      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, tikkontesta l-fondatezza tal-argument.

39      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-rifjut li jingħata aċċess għad-dokument kontenzjuż ġie ġġustifikat, prinċipalment, bil-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità applikabbli, skont il-Kummissjoni, għad-dokumenti li jaqgħu taħt proċedura għall-eżami tal-għajnuna mill-Istat.

40      Skont il-ġurisprudenza, l-applikazzjoni ta’ din il-preżunzjoni għad-dokumenti relatati mal-proċedura għall-eżami tal-għajnuna mill-Istat tirriżulta mill-ħtieġa li jkun hemm koordinazzjoni tajba bejn, minn naħa, ir-Regolament Nru 1049/2001 u, min-naħa l-oħra, ir-Regolament 2015/1589 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C‑139/07 P, EU:C:2010:376, punti 58 u 61).

41      B’mod ġenerali, l-ewwel wieħed minn dawn ir-regolamenti, jiġifieri r-Regolament Nru 1049/2001, jipprevedi li l-pubbliku għandu jkollu aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, b’mod li għandu jkun l-iktar wiesa’ possibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C‑139/07 P, EU:C:2010:376, punt 51).

42      Fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, hemm eċċezzjonijiet għal dan id-dritt, skont liema istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar tiegħu jkun ta’ ħsara, b’mod partikolari, għall-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika ddeterminata jew dik tal-għanijiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu, sakemm interess pubbliku superjuri ma jiġġustifikax l-iżvelar tad-dokument kopert.

43      Skont il-ġurisprudenza, sabiex jiġi ġġustifikat ir-rifjut tal-aċċess għal dokument li ntalab l-iżvelar tiegħu, l-istituzzjoni għandha mhux biss tipprova li dan id-dokument jirrigwarda attività msemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, iżda wkoll tipprovdi spjegazzjonijiet fir-rigward ta’ kif l-aċċess għall-imsemmi dokument jista’ konkretament u effettivament jagħmel ħsara lill-interess protett minn eċċezzjoni prevista f’dan l-artikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C‑139/07 P, EU:C:2010:376, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Għad-dokumenti dwar proċedura għall-eżami tal-għajnuna mill-Istat, skont il-ġurisprudenza madankollu l-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha fuq preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità, peress li kunsiderazzjonijiet ta’ ordni ġenerali simili jistgħu japplikaw għal talbiet għal żvelar li jirrigwardaw dokumenti tal-istess natura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C‑139/07 P, EU:C:2010:376, punti 54 u 55).

45      Skont il-ġurisprudenza, din il-preżunzjoni hija intiża li żżomm ambjent ta’ fiduċja bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2018, Chambre de commerce et d’industrie métropolitaine Bretagne-Ouest (port de Brest) vs Il‑Kummissjoni, T‑39/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:560, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tali ambjent ta’ fiduċja huwa neċessarju, minn naħa, sabiex tiġi żgurata l-komunikazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kummissjoni tad-dokumenti kollha utli għall-investigazzjoni u, min-naħa l-oħra, sabiex din l-istituzzjoni u dan l-Istat Membru jkunu jistgħu jeżaminaw il-miżuri nazzjonali kollha inkwistjoni, peress li l-evalwazzjoni finali għandha tkun totalment ċara u fondata sew.

46      Sabiex jiġi protett dan l-ambjent ta’ fiduċja, ir-Regolament 2015/1589 jirriżerva lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru kkonċernat l-aċċess għall-fajl dwar l-eżami, mingħajr ma jagħti l-ebda dritt ta’ aċċess lit-terzi li jkunu akkwistaw, fil-kuntest tal-proċedura, l-istatus ta’ partijiet interessati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C‑139/07 P, EU:C:2010:376, punti 56 u 58).

47      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, li kieku l-partijiet interessati kienu f’pożizzjoni li jiksbu l-aċċess għad-dokumenti tal-fajl amministrattiv abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, is-sistema ta’ verifika tal-għajnuna tal-Istat kienet tiġi kkontestata (ara s-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C‑139/07 P, EU:C:2010:376, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Konsegwentement, skont il-ġurisprudenza, is-sempliċi fatt li d-dokumenti li huwa mitlub l-iżvelar tagħhom jagħmlu parti mill-fajl amministrattiv relatat ma’ proċedura għall-eżami ta’ għajnuna mill-Istat huwa biżżejjed sabiex tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni tal-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità fil-konfront tagħhom (sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, Sea Handling vs Il‑Kummissjoni, C‑271/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:557, punt 41).

49      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li l-applikazzjoni ta’ din il-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità ma tistax tkun limitata għall-proċedura wara n-notifika mill-Istat Membru kkonċernat ta’ miżura li tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, iżda li, bl-istess għan, jiġifieri li tinżamm il-fiduċja tal-Istat Membru kkonċernat, din għandha tapplika wkoll għad-dokumenti skambjati fil-qafas ta’ fażi ta’ qabel in-notifika.

50      Fil-fatt, l-iskambji tal-fażi ta’ qabel in-notifika jistgħu jiġu segwiti b’eżami preliminari, jew anki bi proċedura ta’ investigazzjoni formali. Issa, minkejja li d-dokumenti skambjati matul il-fażi ta’ qabel in-notifika setgħu jiġu kkomunikati, il-preżunzjoni ta’ kunfidenzjalità applikabbli għad-dokumenti relatati mal-proċedura għall-eżami rregolata bir-Regolament 2015/1589 titlef l-effikaċità tagħha, għaliex id-dokumenti li din tirrigwarda setgħu ġew żvelati qabel. Għaldaqstant, l-applikazzjoni tal-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità għad-dokumenti skambjati fil-qafas ta’ fażi ta’ qabel in-notifika tidher neċessarja sabiex jinżamm l-effett utli ta’ din il-preżunzjoni sa fejn din tapplika għall-proċedura wara n-notifika.

51      Barra minn hekk, mill-punti 10 u 17 tal-Kodiċi tal-aħjar prattika jirriżulta li, bħall-proċedura għall-eżami prevista mir-Regolament 2015/1589, l-iskambji tal-fażi ta’ qabel in-notifika għandhom iseħħu, bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat, f’ambjent ta’ fiduċja.

52      Issa, jekk il-Kummissjoni kellha l-obbligu li tagħti l-aċċess għal informazzjoni sensittiva pprovduta fil-kuntest tal-iskambji fil-fażi ta’ qabel in-notifika, l-Istati Membri jistgħu jaħsbuha darbtejn qabel jipprovduha, minkejja li din ir-rieda ta’ koperazzjoni hija essenzjali għas-suċċess tal-imsemmija skambji, li, skont il-punt 10 tal-Kodiċi tal-aħjar prattika, huma intiżi li jtejbu l-kwalità tan-notifika u li jippermettu b’dan il-mod li jiġu mfassla, fl-aħjar kundizzjonijiet, soluzzjonijiet li jippermettu li jinstab rimedju għas-sitwazzjonijiet li jistgħu jkunu ta’ problema fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni Ewropea dwar l-għajnuna mill-Istat.

53      Ir-rikorrenti jenfasizzaw madankollu li l-Kummissjoni għandha setgħat ta’ investigazzjoni sostanzjali li jippermettulha tikseb l-informazzjoni li hija għandha bżonn mingħajr ma jkollha tistrieħ fuq il-koperazzjoni tal-Istati Membri.

54      Filwaqt li huwa minnu li, fil-kuntest tar-Regolament 2015/1589, il-Kummissjoni għandha setgħat ta’ investigazzjoni sostanzjali, dan ma huwiex il-każ fil-qafas tal-iskambji fil-fażi ta’ qabel in-notifika, li jseħħu fuq l-inizjattiva tal-Istati Membri u li s-suċċess tagħhom jiddependi essenzjalment mir-relazzjoni ta’ fiduċja stabbilita mill-Kummissjoni magħhom.

55      L-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-assenza ta’ rilevanza tal-argument tal-Kummissjoni li jipprovdi li l-iżvelar tad-dokument kontenzjuż huwa ta’ natura li jikkomprometti r-rieda tal-Istati Membri li jikkoperaw magħha, għandu għaldaqstant jiġi miċħud bħala infondat.

ii)    Fuq l-inapplikabbiltà, f’dan il-każ, tal-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità

56      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti donnhom jindikaw, fir-replika, li, anki jekk kellha tiġi ddikjarata applikabbli għad-dokumenti skambjati fil-qafas tal-fażi ta’ qabel in-notifika, il-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità ma tapplikax, f’dan il-każ, għal raġunijiet marbuta mal-partikolaritajiet tal-kawża li l-Qorti Ġenerali hija adita biha.

57      Għaldaqstant, fil-punt 14 tar-replika, ir-rikorrenti jistipulaw dan li ġej:

“[Il-Kummissjoni] tinvoka l-kunċett vag u inapplikabbli f’dan il-każ ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità.”

58      Barra minn hekk, fil-punt 19, ir-rikorrenti jagħmlu l-kunsiderazzjoni li ġejja:

“Għaldaqstant il-Kummissjoni Ewropea ma tistax targumenta li d-dokumenti huma koperti minn preżunzjoni ta’ kunfidenzjalità, iktar u iktar peress li l-ammont ta’ kumpens mogħti mill-Istat Franċiż lil EDF għall-għeluq tal-impjant u l-modalitajiet ta’ kif għandu jiġi rregolat ma jistgħux jitqiesu bħala kunfidenzjali peress li dawn għandhom jiġu kkomunikati fis-swieq finanzjarji.”

59      F’dan ir-rigward, għandu jitqies, bħalma tissuġġerixxi l-Kummissjoni, li l-argument huwa inammissibbli.

60      Qabelxejn, dan ġie invokat għall-ewwel darba fir-replika u għandu għaldaqstant karattru ġdid li, fin-nuqqas ta’ xi punt invokat mill-partijiet sabiex tiġi ġġustifikata t-tardività ta’ dan l-argument, jobbliga lill-Qorti Ġenerali twarrbu skont l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

61      Sussegwentement, ir-rikorrenti ma jispjegawx b’mod validu r-raġuni li għaliha jqisu li l-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità tad-dokumenti relatati ma’ proċedura għall-eżami tal-għajnuna mill-Istat ma tapplikax f’dan il-każ.

62      Għaldaqstant, fil-punt 14 tar-replika, ir-rikorrenti sempliċement jagħmlu affermazzjoni mingħajr ma jipprovdu ebda bażi fattwali jew legali għaliha.

63      Bl-istess mod, fil-punt 19 ta’ dan id-dokument, ir-rikorrenti donnhom, permezz tal-użu tal-kelma “għaldaqstant”, jistabbilixxu relazzjoni kawżali bejn, minn naħa, l-inapplikabbiltà allegata tal-preżunzjoni u, min-naħa l-oħra, l-ispjegazzjonijiet preċedenti, mingħajr madankollu din ir-relazzjoni ma tkun ovvja, għaliex dawn l-ispjegazzjonijiet ma jirrigwardawx il-protezzjoni tal-għanijiet ta’ investigazzjoni, li l-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità hija marbuta magħha, iżda pjuttost l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali, li hija eżaminata iktar ’il quddiem u ma hijiex ikkonċernata b’din il-preżunzjoni.

64      Barra minn hekk, f’dan l-istess punt 19, permezz tal-użu tal-espressjoni “iktar u iktar peress li”, ir-rikorrenti jissuġġerixxu li l-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità ma tapplikax għall-ammont tal-kumpens maħsub għal EDF, li, fi kwalunkwe każ, għandu jsir pubbliku.

65      Issa, bħalma jirriżulta mill-punti 17 sa 22 iktar ’il fuq, it-talba għal aċċess ma kinitx tirrigwarda l-abbozz ta’ protokoll ta’ kumpens, iżda l-opinjoni mogħtija mill-Kummissjoni, wara l-iskambji li seħħew mar-Repubblika Franċiża matul il-fażi ta’ qabel in-notifika, f’dak li jirrigwarda l-għeluq tal-impjant.

66      Minn dawn id-diversi punti, jidher li l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-inapplikabbiltà, f’dan il-każ, tal-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità huwa nieqes minn elementi xierqa sabiex ikollu kontenut verosimili u li dan għandu jiġi miċħud, għal din ir-raġuni wkoll, bħala inammissibbli, skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, sa fejn dan ma jippermettix lill-parti l-oħra tipprepara d-difiża tagħha jew lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha.

iii) Fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni

67      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li ma spjegatx, fid-deċiżjoni kkontestata, b’liema mod l-iżvelar tad-dokument kontenzjuż jista’ jagħmel ħsara lill-għanijiet tal-investigazzjoni dwar il-kumpens lil EDF.

68      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, tikkontesta dan l-argument.

69      Bħalma tfakkar fil-punt 43 iktar ’il fuq, skont ġurisprudenza stabbilita sew, meta istituzzjoni tibbaża ruħha fuq eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess previst mill-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, hija għandha bħala prinċipju tipprovdi spjegazzjonijiet fir-rigward ta’ kif l-aċċess għall-imsemmi dokument jista’ konkretament u effettivament jikkawża ħsara lill-interess protett mill-imsemmija eċċezzjoni (ara s-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C‑139/07 P, EU:C:2010:376, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70      Dan l-obbligu huwa l-konsegwenza tal-fatt li l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 jidderogaw mill-prinċipju ta’ dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, stipulat fl-Artikolu 1 tal-istess regolament, konformement mal-Artikolu 15(3) TFUE. Dan l-aċċess, bħalma tindika l-premessa 4 ta’ dan ir-regolament, għandu jkun l-iktar wiesa’ possibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C‑139/07 P, EU:C:2010:376, punt 51).

71      Madankollu huwa differenti meta, bħal f’dan il-każ, l-istituzzjoni jkollha l-possibbiltà li tibbaża ruħha fuq preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità bħal dik li tirrigwarda d-dokumenti relatati ma’ proċedura għall-eżami ta’ għajnuna mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C‑139/07 P, EU:C:2010:376, punti 53 u 54 u l-ġurisprudenza ċċitata) jew fuq estensjoni, bħal f’dan il-każ, ta’ din il-preżunzjoni.

72      F’dan il-każ, huwa biżżejjed li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita dwar it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, il-motivazzjoni tkun turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni awtriċi tal-att, b’mod li, minn naħa, il-partijiet interessati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u jiddefendu d-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, il-qorti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. Madankollu, ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti. Fil-fatt, il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tissodisfax dawn ir-rekwiżiti għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2010, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, T‑494/08 sa T‑500/08 u T‑509/08, EU:T:2010:511, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      F’dan il-każ, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet b’mod ċar, l-ewwel nett, li l-abbozz ta’ protokoll ta’ kumpens kien is-suġġett tal-fażi ta’ qabel in-notifika u li hija kienet wettqet investigazzjoni abbażi ta’ skambji mal-awtoritajiet Franċiżi skont il-Kodiċi tal-aħjar prattika, it-tieni nett, li, fl-istat tal-fajl, is-servizzi tagħha kienu qiesu li ma kienx hemm oġġezzjoni sabiex wieħed jopponi għall-abbozz ta’ protokoll fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni fuq l-għajnuna mill-Istat u li, f’dan l-istadju, dan la kien għadu ġie ffirmat u lanqas innotifikat formalment, it-tielet nett, li kienet teżisti preżunzjoni ġenerali li tipprovdi li l-iżvelar tad-dokumenti ta’ fajl amministrattiv relatat ma’ proċedura għall-eżami tal-għajnuna mill-Istat huwa ta’ ħsara għall-protezzjoni tal-għanijiet ta’ investigazzjoni u, ir-raba’ nett, li skont ir-regoli ta’ proċedura fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, il-partijiet interessati minbarra l-Istat Membru kkonċernat ma kellhomx id-dritt li jikkonsultaw id-dokumenti tal-fajl amministrattiv u li, li kieku tali aċċess kellu jingħata, is-sistema ta’ kontroll tkun imminata.

74      Il-Kummissjoni żiedet li, peress li l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri kienet tinkludi elementi sensittivi dwar l-impriżi inkwistjoni, dawn l-Istati, fil-każ ta’ żvelar tad-dokumenti tal-fajl amministrattiv, setgħu jiġu skoraġġuti milli jikkoperaw mal-Kummissjoni.

75      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni spjegat li, meta d-dokumenti kienu koperti minn preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità, hija ma kinitx obbligata teżamina individwalment id-dokumenti mitluba kollha.

76      Din il-motivazzjoni hija preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lir-rikorrenti jifhmu r-raġunijiet li għalihom huma ġew irrifjutati l-aċċess għad-dokument kontenzjuż u lill-qorti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq dan ir-rifjut.

77      L-argument ibbażat fuq l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni fid-dawl tal-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 għandu għaldaqstant jiġi miċħud bħala infondat.

78      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-rifjut li d-dokument kontenzjuż jiġi kkomunikat għandu jitqies bħala li seta’ jiġi legalment fondat fuq il-protezzjoni tal-għanijiet ta’ investigazzjoni konformement mat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u li l-argumenti mqajma mir-rikorrenti dwar din id-dispożizzjoni għandhom jiġu miċħuda bħala li huma infondati jew inammissibbli.

2)      F’dak li jirrigwarda, minn naħa, l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali u, min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri

79      Ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li għamlet applikazzjoni żbaljata tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

80      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, peress li r-rifjut li jingħata aċċess jista’ jiġi bbażat fuq l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jkopri l-protezzjoni tal-għanijiet ta’ investigazzjoni (ara l-punt 78 iktar ’il fuq), l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali għandhom jitqiesu bħala ineffettivi.

81      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jargumentaw li, jekk wieħed jassumi li l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tkun tista’ tiġi invokata f’dan il-każ, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta ma rrikonoxxietx l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li jipprevali fuq din l-eċċezzjoni u jimponi l-iżvelar tad-dokument kontenzjuż.

82      Matul is-seduta, ir-rikorrenti, mistoqsija mill-Qorti Ġenerali, indikaw li, fir-rigward ta’ dak li kien jikkonċernahom, l-interess pubbliku superjuri kien invokat fil-qafas tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali, iżda ma kienx invokat għal dak li kien jirrigwarda l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-għanijiet ta’ investigazzjoni.

83      Sa fejn din hija ppreżentata mir-rikorrenti bħala li hija marbuta b’mod esklużiv mal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali, li ma għandhiex tiġi eżaminata f’din il-kawża, bħalma huwa indikat fil-punt 80 iktar ’il fuq, għandu jitqies, għal identiċità ta’ motivi, li l-eżistenza eventwali ta’ interess pubbliku superjuri lanqas ma għandha tiġi eżaminata, peress li l-Qorti Ġenerali hija marbuta fuq dan il-punt mill-mistoqsijiet magħmula mill-partijiet.

84      Għal dawn ir-raġunijiet, l-argumenti relatati mal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali u mal-eżistenza eventwali ta’ interess pubbliku superjuri għandhom jiġu miċħuda, fil-forma li dan l-argument tal-aħħar ġie ppreżentat mir-rikorrenti, bħala li huma ineffettivi.

c)      Fuq il-ksur tad-Direttiva 2006/111

85      Fl-ewwel motiv, ir-rikorrenti jargumentaw li r-rifjut ta’ aċċess għad-dokument kontenzjuż huwa kuntrarju għad-Direttiva 2006/111, b’mod partikolari għall-Artikolu 3(f) tagħha.

86      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, tikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-argument.

87      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2006/111 timponi fuq l-Istati Membri ċertu numru ta’ obbligi sabiex tiżgura t-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn dawn l-Istati u l-impriżi pubbliċi.

88      Għal dan l-għan, l-Istati Membri għandhom, skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2006/111, juru b’mod ċar fil-kontijiet tagħhom li fondi pubbliċi saru disponibbli b’mod dirett mill-awtoritajiet pubbliċi lill-impriżi pubbliċi kkonċernati, li fondi pubbliċi saru disponibbli mill-awtoritajiet pubbliċi permezz ta’ impriżi pubbliċi jew ta’ istituzzjonijiet finanzjarji, kif ukoll l-użu effettiv ta’ dawn ir-riżorsi pubbliċi. Barra minn hekk, huma għandhom jiżguraw li l-kontijiet separati jirriflettu b’mod korrett l-istruttura finanzjarja u organizzattiva ta’ kull impriża li hija meħtieġa li żżomm kontijiet separati, billi juru b’mod ċar id-dħul u l-ispejjeż relatati mad-diversi attivitajiet u d-dettall dwar il-metodu li bih huma assenjati jew allokati dħul u spejjeż bejn id-diversi attivitajiet.

89      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2006/111, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiggarantixxu li, fl-impriżi pubbliċi suġġetti għall-obbligu li jżommu kontijiet separati, l-ewwel nett, il-kontijiet interni li jikkorrispondu mad-diversi attivitajiet ikunu separati, it-tieni nett, id-dħul kollu u l-ispejjeż ikunu assenjati jew allokati kif suppost abbażi ta’ prinċipji ta’ kontabbiltà ta’ kosti applikati b’mod konsistenti u oġġettivament ġustifikabbli u, it-tielet nett, il-prinċipji ta’ kontabbiltà ta’ kosti li fuqhom il-kontijiet separati jinżammu jkunu ddefiniti b’mod ċar.

90      Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2006/111, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex id-data dwar ir-relazzjonijiet finanzjarji bejniethom stess u l-impriżi pubbliċi tinżamm fid-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, bħala prinċipju għal ħames snin sa mit-tmiem tas-sena finanzjarja li matulha r-riżorsi pubbliċi jkunu saru disponibbli lill-impriżi pubbliċi kkonċernati.

91      Bħalma tindika l-Kummissjoni, id-Direttiva 2006/111, li hija indirizzata lill-Istati Membri, ma tinkludi ebda dispożizzjoni li tawtorizza jew li tobbliga lil din l-istituzzjoni tikkomunika lil terzi informazzjoni li hija saret taf biha skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

92      L-istess japplika għall-Artikolu 3(f) tad-Direttiva 2006/111, imsemmija mir-rikorrenti, skont liema r-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-impriżi pubbliċi li għandha tiġi żgurata t-trasparenza tagħhom huma b’mod partikolari l-kumpens għal piżijiet finanzjarji imposti mill-awtoritajiet pubbliċi.

93      Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tindika biss li d-data dwar il-kumpens għal piżijiet finanzjarji għandha tiġi inkluża fil-kontijiet ippreżentati minn dawn l-impriżi bil-mod previst fl-Artikoli 1 u 4 tad-Direttiva 2006/111, li ġie diskuss fil-punti 88 u 89 iktar ’il fuq, u miżmuma fid-dispożizzjoni tal-Kummissjoni bil-mod deskritt fl-Artikolu 6, li ġie diskuss fil-punt 90 iktar ’il fuq.

94      B’dan il-mod, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, id-Direttiva 2006/111 ma tinkludi ebda dispożizzjoni li tobbliga jew li tawtorizza lill-Kummissjoni tikkomunika lir-rikorrenti d-dokument kontenzjuż.

95      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-argument ibbażat fuq il-ksur tad-Direttiva 2006/111 għandu jiġi miċħud bħala infondat.

2.      Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali

96      Ir-rikorrenti jargumentaw li, billi rrifjutat l-aċċess għad-dokument kontenzjuż, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li hija ta’ valur superjuri, minn naħa, għar-Regolament Nru 1049/2001 u, min-naħa l-oħra, għad-deċiżjonijiet meħuda mill-korpi tal-Unjoni.

97      L-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jipprevedi:

“Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru, għandu d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, […] ikun xi jkun il-mezz tagħhom.”

98      Fl-ewwel lok, fir-rigward tar-Regolament Nru 1049/2001, ir-rikorrenti jindikaw fil-punt 51 tar-rikors li “[h]uwa ovvju li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ koerenza bejn l-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u r-regolament inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali għandha twarrab ir-regolament b’eċċezzjoni ta’ illegalità”.

99      Għandu jiġi eżaminat jekk, permezz ta’ din l-affermazzjoni, ir-rikorrenti jqajmux b’mod ammissibbli eċċezzjoni ta’ illegalità kontra r-Regolament Nru 1049/2001.

100    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 277 TFUE, “[m]inkejja l-iskadenza tal-perijodu stabbilit fis-sitt subparagrafu ta’ l-Artikolu 263 kwalunkwe parti tista’, fi proċedimenti li fihom ikun hemm involut att ta’ applikazzjoni ġenerali adottat minn istituzzjoni […] tinvoka l-eċċezzjonijiet tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 263 sabiex tinvoka l-inapplikabbiltà ta’ dak l-att quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea.”

101    Madankollu, ma huwiex biżżejjed li jiddaħħal il-kliem “eċċezzjoni ta’ illegalità” f’punt tar-rikors sabiex il-Qorti Ġenerali jkollha tqis li tqajmet eċċezzjoni skont din id-dispożizzjoni.

102    Fil-fatt, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess Statut, u tal-Artikolu 76(d) u (e) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża, il-motivi u argumenti invokati kif ukoll sunt tal-imsemmija motivi u t-talbiet tar-rikorrenti. Dawn il-punti għandhom ikunu ċari u preċiżi biżżejjed sabiex jippermettu lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi fuq ir-rikors, skont il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra. Sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa neċessarju, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom huwa bbażat jirriżultaw, għall-inqas fil-qosor iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess (ara d-digriet tas‑6 ta’ Novembru 2018, Chioreanu vs ERCEA, T‑717/17, EU:T:2018:765, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

103    F’dan il-każ, la s-suġġett tal-kawża, deskritt fil-punt 1 tar-rikors, u lanqas it-talbiet tagħha ma jsemmu talba bbażata fuq l-Artikolu 277 TFUE.

104    Barra minn hekk, kemm fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom kif ukoll fis-seduta, ir-rikorrenti ma għamlu ebda kunsiderazzjoni li biha jiġġustifikaw, skont il-każ, l-allegazzjoni ġenerali tagħhom, imsemmija fil-punt 98 iktar ’il fuq, li tipprovdi li r-Regolament Nru 1049/2001 ma għandux jiġi applikat għal ksur tal-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

105    F’dawn il-kundizzjonijiet, ma jistax jitqies li l-Qorti Ġenerali kienet validament adita b’talba inċidentali dwar l-evalwazzjoni tal-legalità tar-Regolament Nru 1049/2001 fid-dawl tal-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

106    Fit-tieni lok, indipendentement minn kwalunkwe evalwazzjoni dwar il-legalità tar-Regolament Nru 1049/2001, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għar-raġuni li, billi rrifjutatilhom l-aċċess għad-dokument kontenzjuż, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

107    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 52(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, id-drittijiet irrikonoxxuti minnha li huma s-suġġett ta’ dispożizzjonijiet fit-trattati għandhom jiġu eżerċitati taħt il-kundizzjonijiet u fil-limiti ddefiniti minnhom.

108    Skont l-Artikolu 15(3) TFUE, id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet huwa ggarantit bla ħsara għall-prinċipji u għall-kundizzjonijiet li huma stabbiliti permezz ta’ regolamenti mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea konformement mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

109    Skont din id-dispożizzjoni, ir-Regolament Nru 1049/2001, adottat abbażi tal-Artikolu 255 KE, li ppreċeda l-Artikolu 15(3) TFUE, stabbilixxa l-prinċipji ġenerali u l-limiti fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti fil-pussess tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, T‑210/15, EU:T:2017:224, punt 113).

110    Huwa għaldaqstant fil-konfront tar-Regolament Nru 1049/2001 li l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi evalwata.

111    Issa, mit-tweġiba mogħtija għall-ewwel motiv jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet legalment tirrifjuta lir-rikorrenti l-aċċess għad-dokument kontenzjuż billi tibbaża ruħha fuq it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jirrigwarda l-protezzjoni tal-għanijiet ta’ investigazzjoni.

112    Peress li ġie deċiż iktar ’il fuq li l-Kummissjoni għamlet applikazzjoni tajba ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jitqies li, meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

113    Konsegwentement, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala, f’dak li jirrigwarda l-ewwel parti, inammissibbli u, f’dak li jirrigwarda t-tieni parti, infondat.

3.      Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali

114    Ir-rikorrenti jqisu li, billi rrifjutat li tagħti aċċess għad-dokument kontenzjuż, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, dwar id-dritt għal rimedju effettiv.

115    Il-motiv huwa kkontestat mill-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Franċiża.

116    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jqisu li, minħabba r-rifjut li d-dokument kontenzjuż jiġi kkomunikat lilhom, huma jinsabu fl-impossibbiltà li jippreżentaw rikors għal annullament quddiem il-qorti tal-Unjoni kontra d-deċiżjoni li tkun inkluża fid-dokument kontenzjuż.

117    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed jiġi kkonstatat, bħalma argumentaw il-Kummissjoni u r-Repubblika Franċiża, li d-dokument kontenzjuż ma jinkludix deċiżjoni li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

118    Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, jikkostitwixxu atti jew deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament biss il-miżuri li joħolqu effetti ġuridiċi vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti, billi jbiddlu b’mod sostanzjali l-pożizzjoni legali tagħha (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs Ferriere Nord, C‑516/06 P, EU:C:2007:763, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

119    Issa, bħalma jirriżulta mill-punt 16 tal-Kodiċi tal-aħjar prattika, l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni wara proċedura fil-fażi ta’ qabel in-notifika ma tikkostitwixxix pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni, iżda opinjoni mhux vinkolanti fuq il-konformità tal-abbozz ta’ notifika u tal-kompatibbiltà, prima facie, tal-abbozz maħsub mad-dritt tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

120    Għaldaqstant, billi rrifjutat l-aċċess għad-dokument kontenzjuż, il-Kummissjoni ma setgħetx tostakola d-dritt tar-rikorrenti li jippreżentaw rikors għal annullament quddiem il-qorti tal-Unjoni.

121    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jallegaw li, minħabba d-deċiżjoni kkontestata, huma preklużi milli jieħdu nota tal-protokoll ta’ kumpens li huma għandhom bżonn sabiex juru, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), li d-digriet li jirrevoka l-awtorizzazzjoni ta’ amministrazzjoni tal-impjant huwa illegali għar-raġuni li dan tal-aħħar ma huwiex konformi mar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

122    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-talba għal aċċess magħmula mir-rikorrenti kienet tirrigwarda d-dokument kontenzjuż, u mhux l-abbozz ta’ protokoll ta’ kumpens. Konsegwentement, anki jekk il-Kummissjoni kienet issodisfat it-talba għal aċċess tagħhom, ir-rikorrenti ma kinux jiksbu d-dokument allegatament neċessarju għar-rikors tagħhom.

123    Barra minn hekk, bħalma osservat il-Kummissjoni, l-għan tar-Regolament Nru 1049/2001 huwa li jirregola l-kwistjonijiet dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, u mhux dawk dwar il-provi li għandhom jinġiebu mill-partijiet fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja, kemm jekk din tkun kawża quddiem il-qorti tal-Unjoni kif ukoll jekk tkun quddiem il-qrati nazzjonali.

124    Fil-proċeduri nazzjonali, hija l-qorti nazzjonali adita li, skont il-ġurisprudenza, għandha tarbitra l-mekkaniżmi tal-produzzjoni tal-provi u tad-dokumenti xierqa, skont id-dritt applikabbli, sabiex tiġi riżolta l-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2013, Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, T‑380/08, EU:T:2013:480, punt 82).

125    Għalhekk hemm lok li t-tielet motiv u, għaldaqstant, ir-rikors fl-intier tiegħu, jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

126    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

127    Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

128    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li jkunu intervjenew fil-proċeduri għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

129    Għalhekk ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-commune de Fessenheim, il-communauté de communes Pays Rhin-Brisach, il-conseil départemental du Haut-Rhin u l-conseil régional Grand Est Alsace Champagne-Ardenne Lorraine għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Pelikánová

Nihoul

Svenningsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ Mejju 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.