Language of document : ECLI:EU:F:2009:104

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

10 ta’ Settembru 2009

Kawża F-124/07

Joachim Behmer

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Promozzjoni – Proċedura ta’ promozzjoni 2006 – Legalità tal-istruzzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ta’ promozzjoni – Konsultazzjoni tal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal – Proċedura ta’ għoti ta’ punti ta’ mertu fil-Parlament – Eżami komparattiv tal-merti – Diskriminazzjoni kontra r-rappreżentanti tal-persunal”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu J. Behmer jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament li tagħtih żewġ punti ta’ mertu għas-sena 2005 u l-annullament tad-deċiżjoni li ma tippromwovihx għall-grad AD 13 fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni 2006.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ evalwazzjoni – Redazzjoni – Uffiċjali li jeżerċitaw funzjonijiet ta’ rappreżentanza tal-membri tal-persunal

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43; Anness II, is-sitt paragrafu tal-Artikolu 1)

2.      Uffiċjali – Promozzjoni – Deċiżjoni ta’ għoti ta’ punti ta’ mertu – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

3.      Uffiċjali – Promozzjoni – Eżami komparattiv tal-merti – Għoti ta’ punti ta’ mertu biss mid-Direttorat Ġenerali tal-Assenjazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

4.      Uffiċjali – Regolamenti tal-Persunal – Dispożizzjonijiet ġenerali ta’ eżekuzzjoni – Obbligu li jiġu adottati tali dispożizzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 45 u 110(1))

5.      Eċċezzjoni ta’ illegalità – Portata – Atti li l-illegalità tagħhom tista’ tiġi eċċepita – Miżuri li ġew abrogati fil-mument tal-fatti – Esklużjoni

(Artikolu 241 KE)

6.      Uffiċjali – Promozzjoni – Kriterji – Merti – Teħid inkunsiderazzjoni tal-anzjanità – Natura sussidjarja

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

7.      Uffiċjali – Promozzjoni – Proċedura

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

8.      Uffiċjali – Promozzjoni – Eżami komparattiv tal-merti – Metodi – Obbligu li jsir eżami komparattiv tal-uffiċjali kollha li jistgħu jiġu promossi – Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

1.      Għalkemm, skont l-ewwel sentenza tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa previst li l-funzjonijiet ta’ rappreżentanza tal-persunal għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala parti mis-servizzi li uffiċjal huwa obbligat jiżgura, l-eżerċizzju ta’ tali funzjonijiet ma jiġġustifikax madankollu, waħdu, il-vantaġġ supplimentari tan-numru ta’ punti ta’ mertu li jingħataw lil uffiċjal. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-funzjonijiet ta’ rappreżentanza tal-persunal fih innifsu ma huwiex tali li jikkaratterizza diskriminazzjoni jew li jippreżumi l-eżistenza tagħha.

(ara l-punti 50, 51 u 165)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 13 ta’ Diċembru 2007, Diomede Basili vs Il‑Kummissjoni, F‑108/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punt 37

2.      Huwa biss fil-każ fejn l-avviż tal-Kumitat tar-Rapporti jkun stabbilixxa ċirkustanzi speċjali tali li jinxteħed dubju fuq il-validità jew il-fondatezza tal-proposti ta’ għoti ta’ punti ta’ mertu li deċiżjoni ta’ attribuzzjoni tal-punti ta’ mertu li titbiegħed mill-avviż tal-Kumitat tar-Rapporti, mingħajr ma jiġu ppreċiżati l-motivi, għandha tiġi annullata.

(ara l-punt 60)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza 16 ta’ Mejju 2006, Magone vs Il‑Kummissjoni, T‑73/05, ĠabraSP p. I‑A‑2‑107 u II‑A‑2‑485, punt 54

3.      Fil-kuntest tas-sistema ta’ għoti ta’ punti ta’ mertu stabbilita mill-Parlament Ewropew, l-eżami komparattiv tal-merti ta’ uffiċjal bil-għan li jingħataw punti ta’ mertu jista’ jsir biss fi ħdan id-direttorat ġenerali li taħtu jaqa’ l-uffiċjal u, għaldaqstant, kull uffiċjal ta’ direttorat jew ta’ dipartiment eliġibbli għall-promozzjoni jikkompeti mal-uffiċjali kollha l-oħra tad-direttorat jew tad-dipartiment tiegħu għal numru limitat ta’ punti ta’ mertu, peress li l-gradi u l-gruppi ta’ funzjonijiet ikunu kollha mħallta fi ħdan id-direttorat jew id-dipartiment.

(ara l-punt 64)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 8 ta’ Ottubru 2008, Barbin vs Il‑Parlament, F‑44/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punti 43 u 44

4.      Istituzzjoni Komunitarja għandha l-obbligu tistabbilixxi miżuri ta’ implementazzjoni suġġetti, skont l-Artikolu 110(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, għall-parir tal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal u wkoll għall-konsultazzjoni tal-Kumitat tal-Persunal, biss fil-każ ta’ dispożizzjoni imperattiva jew meta d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal ma jkollhomx ċarezza u preċiżjoni tant li ma jkunux jistgħu jiġu applikati mingħajr arbitrarjetà.

Fir-rigward tal-adozzjoni tal-istruzzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ta’ promozzjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jeżiġiz li jiġu adottati dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni fis-sens tal-Artikolu 110(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u lanqas ma huwa stabbilit li dan l-istess Artikolu 45 ma huwiex ċar u preċiż tant li l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni kienet neċessarja sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni arbitrarja tiegħu.

(ara l-punti 91 u 92)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja 31 ta’ Marzu 1965, Rauch vs Il-Kummissjoni, 16/64, Ġabra p. 179, 193 ; 31 ta’ Marzu 1965, Vandevyvere vs Il-Parlament, 23/64, Ġabra p. 205, 215 ; 8 ta’ Lulju 1965, Prakash vs Il-Kummissjoni, 19/63 u 65/63, Ġabra p. 677, 695

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 9 ta’ Lulju 1997, Echauz Brigaldi et vs Il-Kummissjoni, T‑156/95, ĠabraSP p. I‑A‑171 u II‑509, punt 53

5.      Il-portata ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tkun limitata għal dak li huwa indispensabbli għas-soluzzjoni tal-kawża inkwantu, minn naħa, l-att ġenerali li qed titqajjem l-illegalità tiegħu għandu jkun applikabbli direttament jew indirettament għall-każ li jifforma s-suġġett tar-rikors u, min-naħa l-oħra, għandha teżisti rabta ġuridika diretta bejn id-deċiżjoni individwali u l-att ġenerali inkwistjoni.

Issa, rikorrent ma jistax jibbenefika mill-annullament ta’ miżuri li ma kinux iktar applikabbli fil-mument tal-fatti. Għaldaqstant, eċċezzjoni ta’ illegalità intiża kontra miżuri ta’ applikazzjoni abrogati qabel il-preżentata tar-rikors għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

(ara l-punti 95 u 96)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 26 ta’ Ottubru 1993, Reinarz vs Il‑Kummissjoni, T‑6/92 u T‑52/92, Ġabra p. II‑1047, punt 57; 15 ta’ Settembru 1998, De Persio vs Il‑Kummissjoni, T‑23/96, ĠabraSP p. I‑A‑483 u II‑1413, punt 54

6.      L-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jipprevedix, fost il-kriterji indikati bħala determinanti għal promozzjoni, dak tal-anzjanità, peress li tali kriterju huwa biss sekondarju. Għaldaqstant, regolamenti interni tal-Parlament Ewropew li abbażi tagħhom l-eżami komparattiv tal-merti jinkludi l-analiżi tal-kostanza tal-merti ratione temporis tal-uffiċjali mill-aħħar promozzjoni tagħhom għandha tiġi interpretata fil-limiti ddefiniti mill-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal u tar-regoli l-oħra interni fis-seħħ fil-Parlament. Għaldaqstant, l-anzjanità ma tikkostitwixxix il-kriterju prinċipali tal-promozzjoni u huwa biss b’mod sussisdjarju li l-amministrazzjoni tista’ tagħżel li tikkunsidraha sabiex tiddeċiedi bejn il-kandidati. Madankollu din hija kkunsidrata permezz ta’ elementi oħra previsti fil-miżuri ta’ applikazzjoni, li ma jobbligawx lill-amministrazzjoni tikkunsidra l-karriera professjonali kollha ta’ uffiċjal.

(ara l-punti 106, 110, 141 u 142)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza 9 ta’ April 2003, Tejada Fernández vs Il‑Kummissjoni, T‑134/02, ĠabraSP p. I‑A‑125 u II‑609, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata

7.      Fil-kuntest tas-sistema ta’ promozzjoni adottata mill-Awtorità tal-Ħatra, ir-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Kumitat Konsultattiv tal-Promozzjoni jikkostitwixxu biss stadju fil-proċedura ta’ promozzjoni u ma jorbtox lill-amministrazzjoni. Għaldaqstant, fir-rigward ta’ proċedura mitmuma permezz tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ promozzjoni ta’ uffiċjal, il-fatt li, fil-mument tal-għoti tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu, il-Kumitat ma jkollux id-deċiżjoni definittiva ta’ għoti ta’ punti ta’ mertu tal-imsemmi uffiċjal ma huwiex rilevanti jekk fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ promozzjoni tagħha l-imsemmija awtorità jkollha għarfien dwar din id-deċiżjoni definittiva.

(ara l-punti 132 u 133)

8.      La d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal u lanqas il-miżuri interni adottati mill-Parlament Ewropew ma jeżiġu li l-Kumitat Konsultattiv tal-Promozzjoni jagħmel eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali kollha li jistgħu jiġu promossi. Għaldaqstant, dan il-kumitat ma huwiex obbligat jeżamina r-rapporti ta’ evalwazzjoni u n-nota ta’ sinteżi tal-uffiċjali kollha, iżda għandu biss ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu l-imsemmija dokumenti fil-każ li huwa jqis utli li jirreferi għalihom.

Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ obbligu li jimponi fuq il-Kumitat tal-Promozzjoni jagħmel eżami komparattiv tal-uffiċjali kollha, dan tal-aħħar jista’ jibbaża x-xogħol tiegħu biss fuq il-listi ta’ rakkomandazzjoni tal-uffiċjali redatti mid-direttorati ġenerali. Dan ikun iktar u iktar il-każ peress li, billi eżami komparattiv tal-merti jkun twettaq mid-direttorati ġenerali sabiex jistabbilixxu r-rakkomandazzjonjiet tagħhom, il-Kumitat jista’ jibbaża ruħu fuqhom sabiex ikollu idea tal-mertu kkomparat tal-uffiċjali.

(ara l-punti 140 u 146)