Language of document :

Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Ġunju 2017 – Korwin-Mikke vs Il-Parlament

(Kawża T-352/17)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Janusz Korwin-Mikke (Jozefow, il-Polonja) (rappreżentanti: M. Cherchi, A. Daoût u M. Dekleermaker, avukati)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

u għaldaqstant,

tannulla d-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tat-3 ta’ April 2017;

tannulla d-deċiżjoni preċedenti tal-President tal-Parlament tal-14 ta’ Marzu 2017;

tordna kumpens għad-dannu finanzjarju u morali kkawżat mid-deċiżjonijiet ikkontestati jew talloka lir-rikorrent is-somma ta’ EUR 19 180;

fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tal-prinċipju ġenerali ta’ libertà ta’ espressjoni, moqri flimkien mal-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u mal-Artikolu 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, biċ-ċirkustanza partikolari li d-dikjarazzjonijiet koperti mid-deċiżjonijiet ikkontestati kienu maħruġa minn membru tal-Parlamentari Ewropew matul it-twettiq ta’ dmirijietu u fi ħdan il-bini tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll ksur tal-Artikolu 166 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew, tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, tal-prinċipju ta’ motivazzjoni tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, tal-Artikolu 296 TFUE, ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ eċċess ta’ poter.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, tal-prinċipju ta’ motivazzjoni tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, tal-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità, ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ eċċess ta’ poter.

____________