Language of document : ECLI:EU:F:2012:195

SENTENZA TAT‑TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

13 ta’ Diċembru 2012

Kawżi magħquda F‑7/11 u F‑60/11

AX

vs

Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

“Servizz pubbliku — Persunal tal-BĊE — Proċedura dixxiplinarja — Sospensjoni ta’ membru tal-persunal mingħajr tnaqqis tas-salarju bażiku tiegħu — Irtirar ta’ deċiżjoni — Drittijiet tad-difiża — Aċċess għall-fajl — Motivazzjoni — Raġunijiet ta’ deċiżjoni — Allegazzjoni ta’ ksur tal-obbligi professjonali — Nuqqas gravi”

Suġġett: Rikorsi, ippreżentati skont l-Artikolu 36.2 tal-Protokoll dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, anness mat-Trattat UE u mat-Trattat FUE, li permezz tagħhom AX jitlob, fl-ewwel rikors irreġistrat bin-numru F-7/11 u fit-tieni rikors irreġistrat bin-numru F-60/11, prinċipalment, l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) tal-4 ta’ Awwissu 2010 u tat-23 ta’ Novembru 2010, rispettivament, li jissospenduh mill-kariga tiegħu.

Deċiżjoni: Ir-rikorsi fil-Kawżi magħquda F‑7/11 u F‑60/11 huma miċħuda. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mill-BĊE.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali — Interess ġuridiku — Rikors ippreżentat kontra att imħassar — Effetti rispettivi tat-tħassir u tal-irtirar

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Rikorsi tal-uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew — Rikors speċjali — Rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni li tiċħad ir-rikors speċjali — Ammissibbiltà

(Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 36.2; Kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 42)

3.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew — Sistema dixxiplinarja — Sospensjoni ta’ membru tal-persunal — Deċiżjoni tal-amministrazzjoni adottata mingħajr ma nstemgħet minn qabel il-persuna kkonċernata — Assenza ta’ smigħ imputabbli lill-persuna kkonċernata — Legalità

(Kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 43)

4.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew — Sistema dixxiplinarja — Sospensjoni ta’ membru tal-persunal — Obbligu ta’ reintegrazzjoni — Limiti

(Kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 43)

5.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew — Sistema dixxiplinarja — Sospensjoni ta’ membru tal-persunal — Ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza — Assenza

(Kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 43)

6.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew — Sistema dixxiplinarja — Sospensjoni ta’ membru tal-persunal — Dritt ta’ aċċess għall-fajl tal-investigazzjoni dwar l-attivitajiet tal-persuna kkonċernata — Limiti — Ksur ta’ drittijiet fundamentali — Assenza

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 41(2)(b) u 48(1); Kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 43)

7.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew — Sistema dixxiplinarja — Sospensjoni ta’ membru tal-persunal — Rekwiżit ta’ allegazzjonijiet suffiċjentement verosimili ta’ ksur gravi tal-obbligi ta’ dan il-membru tal-persunal — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 43)

8.      Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Responsabbiltà — Teħid inkunsiderazzjoni tar-rekwiżiti ta’ ekwità — Kundanna tal-parti li titlef — Istituzzjoni konvenuta li użat is-servizzi ta’ avukat — Fatt li ma jiġġustifikax li l-istituzzjoni tinżamm responsabbli għall-onorarji dovuti

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 19; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 87(2))

1.      Rikorrent jibqagħlu interess ġuridiku li jaġixxi kontra att imħassar minħabba li, għall-kuntrarju ta’ rtirar, tħassir iħalli fis-seħħ, għad-destinatarji tal-att ikkonċernat, l-effetti prodotti minn dan l-att matul il-perijodu li matulu kien fis-seħħ dan l-att.

(ara l-punt 77)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 12 ta’ Frar 1960, Geitling et vs L-Awtorità Għolja, 16/59, 17/59 u 18/59; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 13 ta’ Diċembru 1995, Exporteurs in Levende Varkens et vs Il-Kummissjoni, T‑481/93 u T‑484/93, punti 46 sa 48

2.      Rikors speċjali, ibbażat fuq l-Artikolu 36.2 tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew u fuq l-Artikolu 42 tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, huwa parti integrali ta’ proċedura kumplessa u huwa biss kundizzjoni meħtieġa qabel ma titressaq kawża quddiem qorti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, talbiet imressqa formalment kontra ċ-ċaħda tar-rikors speċjali għandhom jitqiesu li għandhom l-effett li jressqu quddiem il-qorti l-att li jikkawża preġudizzju li kontrih ġie ppreżentat ir-rikors, ħlief fil-każ li ċ-ċaħda tar-rikors speċjali jkollha portata differenti minn dik tal-att li kontrih ġie ppreżentat dan ir-rikors speċjali.

(ara l-punt 78)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 25 ta’ Ottubru 2006, Staboli vs Il-Kummissjoni, T‑281/04, punt 26

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 18 ta’ Mejju 2006, Corvoisier et vs Il-BĊE, F-13/05, punt 25

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 21 ta’ Settembru 2011, Adjemian et vs Il-Kummissjoni, T‑325/09 P, punt 32

3.      Meta l-amministrazzjoni tkun meħtieġa tisma’ persuna qabel tadotta deċiżjoni, l-amministrazzjoni ma hijiex mistennija tipposponi b’mod indefinit id-data tas-smigħ sakemm il-persuna kkonċernata tkun f’pożizzjoni li tipparteċipa għal dan is-smigħ.

Għaldaqstant, fl-assenza ta’ regola li tobbliga lill-amministrazzjoni tħassar deċiżjoni qabel tibda proċedura ġdida intiża li tissostitwixxi din id-deċiżjoni, membru tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew ma jistax jirrifjuta, bi ksur tad-dmir ta’ lealtà li għandu kull membru tal-persunal fis-servizz tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-amministrazzjoni ta’ din tal-aħħar, li jieħu sehem fis-smigħ organizzat mill-Bank. Issa, il-fatt li tiġi miċħuda stedina għal parteċipazzjoni fis-smigħ jista’ jitqies li huwa ekwivalenti għal ċirkustanza eċċezzjonali li tiġġustifika li deċiżjoni ta’ sospensjoni, taħt l-Artikolu 43 tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, tiġi adottata mingħajr ma tinstema’ l-persuna kkonċernata. F’dan ir-rigward, il-Bank, meta jadotta din id-deċiżjoni, la jkun qiegħed jikser l-Artikolu 43 tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg u lanqas, bħala konsegwenza, id-drittijiet tad-difiża, li jirrikjedu li kull persuna li kontriha tinfetaħ proċedura li tista’ twassal għal att li jikkawżalha preġudizzju għandha tingħata l-possibbiltà li tinstema’ utilment.

(ara l-punti 90 u 91)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 5 ta’ Diċembru 2002, Stevens vs Il-Kumissjoni T/277/01, punt 41; 16 ta’ Marzu 2004, Afari vs BĊE, T‑11/03, punt 192

4.      Sakemm id-deċiżjoni li permezz tagħha membru tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew ġie sospiż mill-kariga tiegħu, fil-kuntest ta’ proċedura dixxiplinarja, ma tkunx ġiet annullata mill-qorti tal-Unjoni, l-amministrazzjoni ma hijiex obbligata tirreintegra lil dan il-membru tal-persunal. Għaldaqstant, sakemm il-membru tal-persunal ikkonċernat ma jistabbilixxix l-eżistenza ta’ abbuż ta’ proċedura, ebda illegalità ma tista’ tiġi invokata fil-konfront tal-amministrazzjoni minħabba l-fatt li tkun aġixxiet b’tali mod li dan l-aġent jibqa’ sospiż mill-kariga tiegħu.

(ara l-punt 92)

5.      Ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza jista’ jiġi kkonstatat biss meta jkun hemm elementi ta’ natura li juru li, sa mill-bidu ta’ proċedura dixxiplinarja, l-amministrazzjoni kienet ddeċidiet li, fi kwalunkwe każ, timponi sanzjoni fuq il-persuna kkonċernata.

Dan ma jkunx il-każ fil-każ ta’ membru tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew li jiġi sospiż mill-kariga tiegħu fil-kuntest ta’ proċedura dixxiplinarja. Fil-fatt, il-possibbiltà mogħtija mill-Artikolu 43 tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew li persuna tiġi sospiża ma hijiex intiża li tissanzjona lil din tal-aħħar iżda li tagħti lill-amministrazzjoni l-possibbiltà li tadotta miżura kawtelatorja sabiex jiġi żgurat li din il-persuna ma tinterferixxix fl-investigazzjoni li tkun għaddejja.

(ara l-punt 93)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 18 ta’ Ottubru 2001, X vs BĊE, T‑333/99, punt 151; 9 ta’ Lulju 2002, Zavvos vs Il-Kummissjoni, T‑21/01, punt 341

6.      Għalkemm l-amministrazzjoni hija obbligata tikkomunika lill-persuna kkonċernata d-dokumenti li fuqhom tibbaża ruħha espliċitament sabiex tadotta deċiżjoni li tikkawża preġudizzju, in-nuqqas ta’ żvelar ta’ dawn id-dokumenti ma jistax iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkonċernata sakemm l-ilmenti fformulati ma jkunux jistgħu jiġu pprovati biss b’riferiment għal dawn id-dokumenti. Fir-rigward ta’ deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew li tissospendi membru tal-persunal mill-kariga tiegħu, l-Artikolu 43 tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, li huwa l-bażi għall-kompetenza ta’ dan tal-aħħar li jadotta miżura ta’ sospensjoni, jissuġġetta l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni biss għall-eżistenza, fil-konfront tal-membru tal-persunal ikkonċernat, ta’ allegazzjonijiet ta’ ksur gravi tal-obbligi professjonali tiegħu li jkollhom natura suffiċjentement verosimili. F’dan ir-rigward, fil-każ ta’ allegazzjonijiet dwar ix-xiri ta’ oġġetti li jkun hemm dubju dwar l-utilità professjonali tagħhom u li ma jkunx jista’ jiġi stabbilit b’mod ċar fejn jinsabu, l-amministrazzjoni ma tistax tiġi kkritikata talli ma kkomunikatx lill-persuna kkonċernata d-dokumenti li jikkonċernaw l-istadju li fihom waslu x-xogħlijiet ta’ investigazzjoni fir-rigward tal-attivitajiet tagħha.

Bl-istess mod, il-Bank ma jiksirx l-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u lanqas ma jikser id-drittijiet tad-difiża ta’ membru tal-persunal, billi jirrifjuta lil dan tal-aħħar l-aċċess għall-fajl tal-investigazzjoni qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ sospensjoni.

Huwa minnu li, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi Artikolu 41(2)(b), membru tal-persunal tal-Bank għandu dritt għal aċċess għall-informazzjoni li jkollu l-Bank u li tkun ta’ natura tali li tippermettilu jifhem il-kontenut tal-allegazzjonijiet ta’ ksur gravi tal-obbligi professjonali tiegħu, u dan bil-għan li dan il-membru tal-persunal ikun jista’ juri, b’mod partikolari, li l-aġir inkwistjoni ma kienx jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu, li dan l-aġir ma huwiex ta’ gravità li tiġġustifika deċiżjoni ta’ sospensjoni, li dan l-aġir ma għandux natura suffiċjentement verosimili jew li dan l-aġir huwa manifestament mingħajr ebda bażi, b’tali mod li jkun jista’ jintwera li s-sospensjoni tal-membru tal-persunal inkwistjoni hija illegali. Tali interpretazzjoni tal-Artikolu 43 tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank hija barra minn hekk koerenti mal-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza rrikonoxxut, fir-rigward ta’ persuni akkużati, fl-Artikolu 48(1) tal-Karta.

Madankollu, skont il-kliem stess tal-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta, id-dritt ta’ kull persuna li jkollha aċċess għall-fajl li jikkonċernaha għandu jiġi applikat b’osservanza tal-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-segretezza professjonali u tan-negozju. Issa, fost l-interessi leġittimi li jistgħu jiġġustifikaw il-kunfidenzjalità, hemm il-ħtieġa li tiġi protetta l-effikaċja tal-investigazzjonijiet. Fil-fatt, l-effikaċja ta’ investigazzjoni tista’ tkun limitata jekk l-aċċess għad-dokumenti kollha relatati magħha jkun jista’ jingħata lill-persuni kkonċernati sakemm din l-investigazzjoni tkun għadha ma ġietx konkluża.

(ara l-punti 100 sa 103 u 105)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, punti 73 sa 75

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 3 ta’ Lulju 2001, E vs Il-Kummissjoni, T‑24/98 u T‑241/99 punt 92; 12 ta’ Settembru 2007, Nikolaou vs Il-Kummissjoni, T‑259/03, punt 242; 8 ta’ Lulju 2008, Franchet et Byk vs Il-Kummissjoni, T‑48/05, punt 255

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 30 ta’ Novembru 2009, Wenig vs Il-Kummissjoni, F-80/08, punt 67

7.      Għalkemm l-Artikolu 43 tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew jissuġġetta l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni biss għall-eżistenza, fil-konfront tal-membru tal-persunal ikkonċernat, ta’ allegazzjonijiet ta’ ksur gravi tal-obbligi professjonali tiegħu, xorta waħda huwa neċessarju, sabiex membru tal-persunal jiġi sospiż, li l-allegazzjonijiet magħmula fil-konfront tiegħu jkunu ta’ natura suffiċjentement verosimili.

Fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu l-Bank skont il-kliem tal-imsemmi Artikolu 43 sabiex jadotta miżura ta’ sospensjoni meta membru tal-persunal ikun is-suġġett ta’ allegazzjonijiet suffiċjentement verosimili ta’ ksur gravi tal-obbligi tiegħu, ma huwiex fil-kompetenza tal-qorti tal-Unjoni li tiddetermina jekk miżuri oħra setgħux ikunu iktar opportuni.

(ara l-punti 137 u 149)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Wenig vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67

8.      Fil-kuntest tat-teħid inkunsiderazzjoni tar-rekwiżiti tal-ekwità skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, il-fatt li jiġi aċċettat li rikorrent ma għandux ibati l-onorarji u l-ispejjeż tal-avukat tal-istituzzjoni konvenuta minħabba li din tal-aħħar setgħet tkun irrappreżentata mis-servizz legali tagħha jkollu l-effett li jnaqqas l-effettività, fil-konfront ta’ din l-istituzzjoni, tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jipprovdi li l-istituzzjonijiet — kelma li għandha tinftiehem fis-sens li tkopri wkoll il-korpi u l-organi tal-Unjoni — għandhom il-possibbiltà li jkunu assistiti minn konsulent jew minn avukat. Fi kwalunkwe każ, tali argument ikkonċerna n-natura indispensabbli tal-ispejjeż sostnuti minn din l-istituzzjoni, kwistjoni li, jekk ikun il-każ, tista’ titqajjem fil-kuntest ta’ proċedura għall-intaxxar tal-ispejjeż, iżda li hija irrilevanti fir-rigward tal-punt jekk parti li titlef għandhiex tiġi kkundannata kompletament jew parzjalment għall-ispejjeż.

(ara l-punt 164)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 27 ta’ Settembru 2011, De Nicola vs BEI, F-55/08 DEP, punt 26