Language of document : ECLI:EU:C:2010:91

Kawża C-386/08

Firma Brita GmbH

vs

Hauptzollamt Hamburg-Hafen

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Hamburg)

“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Iżrael — Kamp ta’ applikazzjoni territorjali — Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-PLO — Rifjut li tiġi applikata s-sistema tariffarja preferenzjali favur prodotti li joriġinaw mill-Iżrael għall-prodotti li joriġinaw mix-Xatt tal-Punent — Dubji fir-rigward tal-oriġini tal-prodotti — Esportatur approvat — Verifika a posteriori tad-dikjarazzjonijiet fuq il-fattura mill-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni — Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-liġi tat-trattati — Prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati”

Sommarju tas-sentenza

1.        Ftehim internazzjonali — Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Iżrael — Sistema tariffarja preferenzjali favur prodotti li joriġinaw mill-Iżrael

(Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Iżrael, Artikolu 83; Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-PLO, Protokoll Nru 3, Artikolu 16(4))

2.        Ftehim internazzjonali — Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Iżrael — Sistema tariffarja preferenzjali favur prodotti li joriġinaw mill-Iżrael

(Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Iżrael, Protokoll Nru 4, Artikoli 32(6) u 39)

1.        L-awtoritajiet doganali tal-Istat Membru ta’ importazzjoni jistgħu jirrifjutaw li jagħtu l-benefiċċju ta’ trattament preferenzjali stabbilit permezz tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il‑Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti ’l waħda, u l-Istat ta’ Iżrael, mill-parti l-oħra, meta l-prodotti kkonċernati joriġinaw mix-Xatt tal-Punent.

Fil-fatt, l-Artikolu 16(4) tal-Protokoll Nru 3 anness mal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranju dwar kummerċ u kooperazzjoni bejn il‑Komunità Ewropea minn naħa waħda, u l-Organizzazzjoni għall‑Liberazzjoni tal-Palestina (PLO) għall-benefiċċju tal-Awtorità Palestinjana tax-Xatt tal-Punent u l-medda ta’ Gaża, minn naħa l-oħra, jimplika li huma biss l-awtoritajiet doganali tax-Xatt tal-Punent u tal-medda ta’ Gaża li huma awtorizzati joħorġu ċertifikat tal-moviment EUR 1 jekk il‑prodotti kkonċernati jkunu jistgħu jiġu kkunsidrati bħala prodotti li joriġinaw mix-Xatt tal-Punent u mill-medda ta’ Gaża. Għaldaqstant, li l‑Artikolu 83 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Iżrael jiġi interpretat b’mod li l-awtoritajiet Iżraeljani għandhom kompetenzi doganali fir-rigward tal‑prodotti li joriġinaw mix-Xatt tal-Punent ifisser li l-awtoritajiet doganali Palestinjani ma jkunux jistgħu jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom li madankollu ngħatatilhom permezz tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi protokoll. Tali interpretazzjoni, li għandha l-effett li toħloq obbligu għal parti terza mingħajr il-kunsens tagħha, tmur kontra l-prinċipju tad-dritt internazzjonali “pacta tertiis nec nocent nec prosunt”, kif stabbilit fl‑Artikolu 34 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-liġi tat-trattati.

Barra minn hekk, l-awtoritajiet doganali tal-Istat Membru ta’ importazzjoni ma jistgħux jgħaddu għal klassifikazzjonijiet konkorrenti filwaqt li jħallu miftuħa l-kwistjoni dwar liema mill-ftehim inkwistjoni, jiġifieri l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Iżrael jew il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-PLO, japplika fil-każ inkwistjoni u jekk il-prova tal-oriġini għandhiex tinħareġ mill-awtoritajiet Iżraeljani jew mill-awtoritajiet Palestinjani.

(ara l-punti 50, 52, 58 u d-dispożittiv 1)

2.        Fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 32 tal-Protokoll Nru 4 anness mal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il‑Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti ’l waħda, u l-Istat ta’ Iżrael, mill-parti l-oħra, l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni mhumiex marbuta bil-prova tal-oriġini prodotta u bir-risposta tal‑awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni meta l-imsemmija risposta ma jkunx fiha informazzjoni suffiċjenti skont l-Artikolu 32(6) ta’ dan il-protokoll sabiex tiġi ddeterminata l-oriġini reali tal-prodotti.

Barra minn hekk, l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni ma għandhomx l-obbligu li jressqu quddiem il-Kumitat ta’ Kooperazzjoni Doganali stabbilit bl-Artikolu 39 tal-imsemmi protokoll kwistjoni dwar l‑interpretazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-imsemmi ftehim.

(ara l-punt 73 u d-dispożittiv 2)