Language of document :

Rikors ippreżentat fid-19 ta' Novembru 2012 - Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

(Kawża C-525/12)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: E. Manhaeve u G. Wilms, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Talbiet

tikkonstata li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta' Ottubru 2000, li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma , u b'mod partikolari taħt l-Artikoli 2(38) u 9 tagħha, billi teskludi ċerti servizzi mill-applikazzjoni tad-definizzjoni tal-espressjoni "servizzi ta' l-ilma";

tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li servizzi tal-ilma jinkludu l-estrazzjoni, it-teħid, il-ħażna, it-trattament u d-distribuzzjoni ta' ilma tal-wiċċ jew tal-qiegħ anki meta dawn ikunu marbuta mal-ġenerazzjoni tal-elettriku, man-navigazzjoni u mal-protezzjoni kontra l-għargħar. Barra minn hekk, servizzi tal-ilma jinkludu wkoll il-konsum kaptiv.

L-applikazzjoni tal-espressjoni "servizzi tal-ilma" mill-konvenuta tmur kontra l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2000/60. Il-konvenuta eskludiet servizzi tal-ilma bħal teħid għall-ġenerazzjoni tal-elettriku, servizzi marbuta man-navigazzjoni u mal-protezzjoni kontra l-għargħar mill-kamp ta' applikazzjoni tas-servizzi tal-ilma fis-sens tad-Direttiva 2000/60. Tali interpretazzjoni limitata ma hijiex konformi ma' din id-direttiva, tippreġudika l-effettività tal-Artikolu 9 tagħha u għalhekk tikkomprometti l-kisba tal-għanijiet tad-direttiva msemmija.

Huwa minnu li l-Istati Membri jgawdu minn marġni ta' diskrezzjoni sabiex jeskludu, fuq il-bażi tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2000/60, servizzi tal-ilma mill-irkupru tal-ispejjeż. Meta jagħmlu dan, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw l-effetti soċjali, ambjentali u ekonomiċi tal-irkupru tal-ispejjeż, kif ukoll il-kundizzjonijiet ġeografiċi u klimatiċi. Barra minn hekk, Stat Membru jista' jiddeċiedi, fuq il-bażi tal-Aritkolu 9(4) tad-Direttiva 2000/60, li ma japplikax id-dispożizzjonijiet tat-tieni sentenza tal-Artikolu 9(2) ta' din id-direttiva fir-rigward tal-politika tal-apprezzament tal-ilma u fir-rigward tal-irkupru tal-ispejjeż tas-servizzi tal-ilma. Sabiex dan ikun jista' jsir, huwa meħtieġ li dan ikun bi qbil ma' prattika stabbilita fl-Istat Membru u li ma jiġux kompromessi l-iskopijiet u l-kisba tal-għanijiet ta' din id-direttiva.

Madankollu, l-esklużjoni sħiħa ta' servizzi tal-ilma b'mod daqstant kunsiderevoli, kif imwettqa mill-konvenuta, tmur ferm lil hinn minn dan il-marġni ta' diskrezzjoni.

____________

1 - ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275.