Language of document :

Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Lulju 2019 – Del Valle Ruiz et vs BUR

(Kawża T-512/19)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Antonio Del Valle Ruiz (il-Belt tal-Messiku, il-Messiku) u 36 rikorrent ieħor (rappreżentanti: P. Rubio Escobar u B. Fernández García, avukati)

Konvenut: il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni (SRB/CM01/ARES (2018) 3664981) tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni tal-20 ta’ Mejju 2019 li taqbel li ma titfassalx il-valwazzjoni definittiva prevista mill-Artikolu 20(11) tar-Regolament (UE) 806/2014 fil-kuntest tar-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular u, konsegwentement, tordna lill-BUR sabiex, b’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli, tfassal l-imsemmija valwazzjoni definittiva.

barra minn hekk, skont l-Artikoli 133 u 134 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, tikkundanna lill-konvenut u lill-intervenjenti li intervjenew insostenn tat-talbiet kollha tiegħu jew ta’ parti minnhom għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tal-att, bi ksur tal-Artikoli 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-Karta).

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 20(11) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 1 sa fejn il-konvenut jiddikjara li mhux ser titwettaq il-valwazzjoni definittiva ta’ Banco Popular prevista minn din id-dispożizzjoni.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba hekk kif ikkontemplat fl-Artikolu 41 tal-Karta, peress li l-BUR tbiegħed mill-opinjoni ta’ espert indipendenti, fir-rigward tal-ħtieġa li titwettaq il-valwazzjoni definittiva, mingħajr ma bbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq xi argument xjentifiku-ekonomiku.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tad-drittijiet tad-difiża, bil-ksur konsegwenti tal-Artikolu 2 TFUE, tal-Artikolu 47 tal-Karta u tal-Artikolu 24 tal-Kostituzzjoni Spanjola.

Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur tal-premessa 24 tar-Regolament (UE) 806/2014 u tal-ġurisprudenza “Meroni”, sa fejn, minn naħa, il-konvenut ma ġiex iddelegat il-kompetenza li jiddeċiedi, fid-diskrezzjoni tiegħu, jekk għandhiex jew ma għandiex titwettaq il-valwazzjoni definittiva, u, min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, deċiżjoni bħal dik ikkontestata f’dan ir-rikors kellha tkun taħt is-superviżjoni tal-Kummissjoni Ewropea.

____________

1     Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1).